Inkuraġġixxu lil Xulxin Hekk Kif il-Jum Riesaq fil-Qrib
“Ejjew ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar hekk kif taraw il-jum riesaq fil-qrib.”—EBREJ 10:25.
1, 2. Liema jum riesaq fil-qrib, u x’għandha tkun l-attitudni tal-poplu taʼ Jehovah?
DAWK li llum jieħdu sehem f’li jgħidu, ‘Ejja u ħu mill-ilma tal-ħajja,’ ma jinqatgħux għalihom waħedhom. Hekk kif il-jum il-kbir tar-rebħa taʼ Jehovah jersaq qrib, huma japplikaw il-parir tal-Bibbja: “Ejjew inqisu lil xulxin biex inqanqlu għall-imħabba u xogħlijiet mill-aħjar, billi ma nitilqux il-ġbir tagħna flimkien, bħalma xi wħud għandhom id-drawwa, imma billi ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar hekk kif taraw il-jum riesaq fil-qrib.”−Ebrej 10:24, 25.
2 L-Iskrittura tipprofetizza dwar dak il-“jum” bħala “jum Jehovah.” (2 Pietru 3:10) Peress li Jehovah hu l-Iktar Għoli, Alla omnipotenti, l-ebda jum ma jistaʼ possibilment jisboq il-jum tiegħu. (Atti 2:20) Ifisser l-ivvindikar tas-sovranità tiegħu bħala Alla fuq l-univers kollu. Dak il-jum taʼ importanza li m’hawnx bħalha qed joqrob viċin.
3. Jum Jehovah kif kien qed joqrob għall-Kristjani fl-ewwel seklu, u x’ingħidu għalina llum?
3 L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani fl-ewwel seklu tal-Era Komuni tagħna li jum Jehovah kien qed joqrob. Huma ħarsu ’l quddiem lejn il-miġja taʼ dak il-jum, imma lura f’dak iż-żmien, dak il-jum kien baqagħlu iktar minn 1,900 sena biex jiġi. (2 Tessalonkin 2:l-3) Minkejja dak il-fatt, kellhom jiġu inkuraġġiti għaliex dak il-jum kien ċertament se jiġi, u jekk il-Kristjani kontinwament avvanzaw f’dik il-fidi, huma kienu se jidħlu f’dak il-jum imbierek. (2 Timotew 4:8) Lura f’dak iż-żmien, dak il-jum kien jidher qed joqrob. Inkwantu għalina llum, jum Jehovah tabilħaqq resaq qrib. It-twettieq meraviljuż kollu tal-profezija tal-Bibbja jivverifika dan il-fatt li jqanqal il-ferħ. Dalwaqt, isem Alla tagħna, Jehovah, se jitqaddes għall-eternità kollha.—Luqa 11:2.
Inkuraġġiti bl-Isem Divin
4. Skond Rivelazzjoni 19:6, min għandu jsir Sultan, u ismu kif jintgħaraf?
4 L-isem divin għandu jkun ħaġa taʼ interess għall-familja umana kollha. Today’s English Version tistqarr: “Faħħru lil Alla! Għax il-Mulej, Alla tagħna li Jistaʼ Kollox hu Sultan!” (Rivelazzjoni 19:6) Skond dik it-traduzzjoni tas-seklu 20 tal-Bibbja, hu huwa l-Mulej, Alla li jistaʼ kollox. Dik il-verżjoni, flimkien maʼ ħafna verżjonijiet moderni oħra, ma tagħtix l-isem tal-Esseri divin li jibda jmexxi bħala Sultan. Madankollu, l-isem divin huwa inkluż fl-esklamazzjoni “Hallelujah!” (“Faħħru lil Jah” jew, “Faħħru lil Jehovah” ) li tinsab fir-Revised Standard Version, fin-New International Version, u t-traduzzjoni taʼ Moffatt taʼ Rivelazzjoni 19:6. Matul ħafna mill-Era Komuni tagħna, l-isem divin ġie bażikament moħbi fit-traduzzjonijiet tal-Bibbja. Kif se naraw, madankollu, dak l-isem kien taʼ inkuraġġiment kbir għall-poplu t’Alla, kemm fl-antik kif ukoll fiż-żmien modern.
5, 6. (a) Mosè għala kellu bżonn ikun jaf l-isem taʼ Dak Alla li kien jirrappreżenta? (b) X’kien ċertament l-effett fuq l-Iżraeliti meta Mosè enfasizza l-isem divin?
5 Niftakru li meta Mosè ntbagħat minn Alla l-Iktar Għoli għand in-nies taʼ Iżrael fil-jasar fl-art tal-Eġittu, il-mistoqsija dwar min bagħtu qajmet lilha nfisha fl-imħuħ tal-poplu li ntbagħat għandu Mosè. Mosè antiċipa li l-poplu Lhudi li kien qed isofri kien se jrid ikun jaf l-isem taʼ Dak Alla li lilu kien jirrappreżenta. F’dan ir-rigward naqraw f’Eżodu 3:15: “Alla qal għal darb’oħra lil Mosè: ‘Dan hu li għandek tgħid lil ulied Iżrael, “Jehovah dak Alla taʼ missirijietkom tal-qedem, dak Alla taʼ Abraham, dak Alla taʼ Iżakk u dak Alla taʼ Ġakobb, bagħatni għandkom.”’ Dan hu ismi għal żmien indefinit, u dan hu l-mafkar tiegħi għal ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni.”
6 Meta din l-informazzjoni ġiet enfasizzata lilhom, l-Iżraeliti żgur li ħassewhom inkuraġġiti ħafna. Il-ħelsien tagħhom kien żgurat mill-uniku veru Alla, Jehovah. U kemm ċertament kien taʼ inkuraġġiment li jkollhom il-prospett li jsiru jafu lil Alla meta hu kien se juri t-tifsir tal-isem persunali tiegħu—billi mhux bil-kburija jinqataʼ għalih innifsu!—Eżodu 3:13; 4:29-31.
7. (a) Kif nafu li d-dixxipli taʼ Ġesù kienu familjari mal-isem divin? (b) L-isem t’Alla kif ġie skartat?
7 Id-dixxipli tal-Mulej Ġesù Kristu kienu wkoll inkuraġġiti bil-kbir bl-isem divin, Jehovah, u b’dak li kien ifisser. (Ġwann 17:6, 26) Matul il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art, hu ċertament li ma skartax l-isem divin, u ma kienx il-għan tiegħu li jkollu lil ismu stess, Ġesù, mogħti preċedenza. Kien biss wara l-bidu tal-apostasija mbassra mill-fidi Kristjana vera li l-isem divin ġie skartat, iva, prattikament imħassar għalkollox mill-bdil taʼ konversazzjoni Kristjana. (Atti 20:29, 30) Ladarba l-isem tal-Iben t’Alla kien se jibda jiġi mogħti prominenza akbar, billi jgħatti dak tal-Missier, dawk li jiddikjaraw ruħhom bħala Kristjani kienu se jsibu l-qima tagħhom lejn il-Missier dejjem iżjed nieqsa mill-element persunali, nieqsa mill-irbit familjari, u b’hekk mhix inkuraġġanti ħafna.
8. X’kompla jkun l-effett fuq il-poplu t’Alla mill-addottar tal-isem Xhieda taʼ Jehovah?
8 B’hekk, kienet raġuni għal ferħ li ma jitfissirx meta l-International Bible Students assoċjati mal-Watch Tower Society addottaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah fl-1931. Mhux biss kien iqanqal il-ferħ imma kien mill-iktar inkuraġġanti. Minħabba f’hekk, l-istudenti tal-Bibbja b’isem ġdid setgħu jinkuraġġixxu lil xulxin.—Qabbel Isaija 43:12.
9. Il-veri Kristjani kif iħossuhom dwar Dak il-Wieħed li tiegħu huma xhieda?
9 Għaldaqstant, Kristjani veri llum isibuh xieraq li jidentifikaw lil Dak li tiegħu huma x-Xhieda mbassra, saħansitra bħalma Ġesù Kristu l-Mexxej tagħhom għamel meta kien hawn fuq l-art. (Rivelazzjoni 1:1, 2) Iva, huma jidentifikaw lilu waħdu bħala dak li ismu hu Jehovah.—Salm 83:18.
Mimlijin Bil-Ferħ u Bl-Ispirtu Qaddis
10-12. (a) X’kien se jkun l-effett tal-forza attiva fuq is-segwaċi taʼ Ġesù? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah imnebbħa bil-ferħ kif iridu jistmaw lil xulxin?
10 Ġesù Kristu qal fil-kliem tiegħu qabel telaq lill-appostli tiegħu: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom. U, ħares! jiena magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.”−Mattew 28:19, 20.
11 Innota li Kristjani appena mgħallmin kellhom jiġu mgħammdin f’isem l-ispirtu qaddis. Dan l-ispirtu qaddis ma hux persuna imma l-forza attiva taʼ Alla Jehovah, li Hu jħaddem permezz taʼ Ġesù Kristu. F’Pentekoste, Alla Jehovah, permezz taʼ Ġesù, ferraʼ din il-forza attiva fuq is-segwaċi ddedikati taʼ Ġesù Kristu. (Atti 2:33) Huma mtlew b’dan l-ispirtu qaddis, u waħda mill-espressjonijiet, jew frott, tal-ispirtu qaddis hu l-ferħ. (Galatin 5:22, 23; Efesin 5:18-20) Il-ferħ hu kwalità stimulanti. Id-dixxipli jridu jimtlew bil-ferħ tal-ispirtu qaddis. It-talba mlissna mill-appostlu Pawlu hija wisq xierqa: “Jalla dak Alla li jagħti t-tama jimliekom bil-ferħ kollu u l-paċi bit-twemmin tagħkom, biex tistgħu toktru fit-tama bil-qawwa tal-ispirtu qaddis.”−Rumani 15:13.
12 Mimlijin b’dan l-ispirtu li jqanqal il-ferħ, Xhieda taʼ Jehovah illum, inkluża l-“folla kbira,” jkunu jridu, iva, se jiġu mqanqlin, biex jinkuraġġixxu lil xulxin f’nofs din is-sistema mhix amikevoli taʼ affarijiet. Fi qbil maʼ dan, l-appostlu Pawlu tkellem dwar “tpartit taʼ nkuraġġiment.”—Rivelazzjoni 7:9, 10; Rumani 1:12; 14:17.
Kull Raġuni Biex Niġu Nkuraġġiti
13. X’raġunijiet għandna biex niġu nkuraġġiti u biex ninkuraġġixxu lil xulxin?
13 Billi jsibu ruħhom f’nofs din is-sistema taʼ affarijiet, li l-mexxej u saħansitra l-alla tagħha hu dak li jopponi kwalunkwe ħaġa li hi taʼ tjieba, il-Kristjani jridu jinkuraġġixxu lil xulxin ġewwa l-kongregazzjoni dinjija Kristjana, li hija msawba bl-ispirtu taʼ Alla Jehovah. (Ebrej 10:24, 25; Atti 20:28) Aħna għandna kull raġuni biex niġu nkuraġġiti. Iva, kemm aħna grati li għandna għarfien eżatt dwar Jehovah u dwar Ibnu u dwar il-forza attiva li huma jużaw, jiġifieri, l-ispirtu qaddis! Kemm aħna grati għat-tama li huma jagħtu! Il-qima tagħna hija b’hekk mimlija bil-ferħ. L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani li lilhom indirizza l-ittra tiegħu li huma għandhom jinkuraġġixxu lil xulxin u jibnu lil xulxin fil-fidi tagħhom l-iktar qaddisa. Huma kellhom jagħmlu dan ‘iktar u iktar hekk kif b’mod figurattiv jilmħu l-jum jersaq qrib.’ Barra minn dan, meta l-qawwiet politiċi taʼ din l-art jeqirdu l-Kristjanità tal-isem, flimkien mar-reliġjonijiet foloz l-oħrajn kollha, is-sitwazzjoni se titlob li aħna ninkuraġġixxu lil xulxin saħansitra iżjed.
14. Min għandu jkun qed jinkuraġġixxi lil xulxin, u kif?
14 Fil-waqt li l-anzjani jieħdu l-inizzjattiva f’li jinkuraġġixxu l-merħla fil-kongregazzjonijiet individwali tagħhom, il-Kristjani kollha jinħtieġu li jinkuraġġixxu lil xulxin, bħalma jħeġġiġna Ebrej 10:25. Fil-fatt, din hi ħtieġa Kristjana. Jekk int membru taʼ xi kongregazzjoni, tagħti int dan l-inkuraġġiment? Forsi tistaʼ tgħid, ‘Jien kif nistaʼ? X’nistaʼ nagħmel?’ L-ewwel, bil-preżenza tiegħek biss għal-laqgħat u bl-appoġġ tiegħek għall-arranġament Kristjan, m’humiex l-aħwa kollha nkuraġġiti, saħansitra bħalma int innifsek wisq probabbli tiġi nkuraġġit meta tara oħrajn bil-fedeltà jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni? Huma jistgħu jiġu nkuraġġiti wkoll bl-eżempju tiegħek taʼ sabar lejali. Billi tissokta fil-korsa Kristjana minkejja l-problemi u d-diffikultajiet tal-ħajja, billi qatt ma ċċedi, int tistaʼ tagħti eżempju li jqanqal.
Aġixxi Kontra l-Iskuraġġiment mix-Xitan
15. Ix-Xitan għala għandu “rabja kbira,” u kontra min?
15 Mhux aħna biss nafu li jum Jehovah hu fil-qrib. Satana x-Xitan ukoll jaf. Rivelazzjoni 12:12 igħidilna li issa hu gwaj għall-art “għaliex ix-Xitan niżel għandkom, billi għandu rabja kbira, għax jaf li għandu perijodu qasir taʼ żmien.” Kif jindika Rivelazzjoni 12:17, ir-rabja kbira tiegħu hija diretta kontra dawk “li jħarsu l-kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar Ġesù.” M’hemmx dubju dwar dan—ix-Xitan irid jiskuraġġina! U jaf eżatt kif jipprova jagħmel dan. Hu jaf id-djufijiet u l-problemi tagħna, u hu jaħdem fuq dawn.
16. Satana għala juża l-iskuraġġiment bħala arma?
16 Ix-Xitan għala juża l-iskuraġġiment bħala arma? Għaliex taʼ spiss taħdem. Saħansitra wieħed li jkun issaporta oppożizzjoni diretta u persekuzzjoni jistaʼ jaqaʼ vittma tal-iskuraġġiment. Satana jrid igħajjar lil Alla Jehovah u jipprova juri li jistaʼ jdawwar lin-nies lil hinn milli jaqdu Lilu. (Proverbji 27:11; qabbel Ġob 2:4, 5; Rivelazzjoni 12:10.) Jekk hu jistaʼ jiskuraġġik, hu forsi jġiegħlek tmajna fis-servizz tiegħek lejn Alla; u forsi saħansitra jġiegħlek tieqaf, li ssir inattiv fl-ippridkar tal-aħbar tajba tas-Saltna.—2 Korintin 2:10, 11; Efesin 6:11; 1 Pietru 5:8.
17. L-effetti negattivi tal-iskuraġġiment kif kienu evidenti fi żmien Mosè?
17 L-effetti negattivi tal-iskuraġġiment jistgħu jiġu nnotati fil-każ tal-Iżraeliti fl-Eġittu tal-qedem. Wara li Mosè kellem lil Farawni, dak it-tirann żied bil-kbir it-tagħbijiet tagħhom u l-oppressjoni tiegħu fuqhom. Alla qal lil Mosè biex jiżżgura lill-Iżraeliti li Hu kien tassew se jeħlishom, se jagħmilhom il-poplu Tiegħu, se jipprovdi ħarba għalihom, u se jġibhom fl-art tal-wegħda. Mosè tkellem dwar dan maʼ wlied Iżrael. Imma Eżodu 6:9 igħidlna: “Huma ma semgħux minn Mosè minħabba skuraġġiment u minħabba l-jasar iebes.” Sakemm Jehovah ikkonvinċa lil Mosè u nkuraġġieh, din ir-reazzjoni saħansitra skuraġġiet lil Mosè milli jkellem lil Farawni kif kien ġie kkmandat.—Eżodu 6:10-13.
18. Għala hemm bżonn kbir għall-poplu t’Alla biex jaġixxi kontra l-iskuraġġiment ikkaġunat mix-Xitan?
18 Satana x-Xitan jaf sewwa x’effett negattiv jistaʼ jkollu l-iskuraġġiment fuq qaddej t’Alla. Kif igħid Proverbji 24:10: “Urejt li int skuraġġit f’jum in-niket? Il-qawwa tiegħek se tkun xotta.” Ladarba qed ingħixu tant fil-fond fiż-żmien tat-tmiem, għandna bżonn inkunu setgħana u qawwijin spiritwalment. Huwa diġà iebes għalina li rridu niġġieldu mal-imperfezzjonijiet, id-djufijiet u d-difetti tagħna li jistgħu jżommuna lura; imma b’Satana li jipprova jisfrutta dawn id-difetti, aħna ninħtieġu l-għajnuna.
Striħ b’Mod Sod Fuq is-Sagrifiċċju taʼ Kristu
19. X’se jgħinna naġixxu kontra l-iskuraġġiment, u għala?
19 Għajnuna kbira f’dan ir-rigward hu l-provvediment tal-fidwa li Jehovah għamel possibbli permezz taʼ Ġesù Kristu. Aħna nistgħu nirbħu billi nistrieħu b’mod sod fuq il-fidwa. Huwa perikoluż li ċċekken dan il-provvediment. Iva, aħna se nibqgħu nonqsu, jew nidinbu, dment li għadna imperfetti. Imma m’għandniex niġu skuraġġiti u nċedu, billi nħossu li m’hemmx tama, u b’hekk naqgħu fin-nasba taʼ Satana. Aħna nafu li għandna sagrifiċċju sħiħ għad-dnub. Il-fidwa hija kapaċi tneħħi d-dnubiet. Jekk aħna mill-“folla kbira,” irid ikollna fidi sħiħa u fiduċja sħiħa li nistgħu naħslu lbiesna u nagħmluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.—Rivelazzjoni 7:9, 14.
20. Rivelazzjoni 12:11 kif jindika li l-akbar wieħed li jikkaġuna skuraġġiment, ix-Xitan, jistaʼ jiġi megħlub?
20 F’Rivelazzjoni 12:10 Satana hu deskritt bħala “x-xellej taʼ ħutna . . . li jixlihom lejl u nhar quddiem Alla tagħna.” Kif nistgħu nikkonkwistaw xellej mill-agħar u monstru li jiskuraġġixxi bħal dan? Vers 11 taʼ dak il-kapitlu jipprovdi t-tweġiba: “Huma kkonkwistawh minħabba fid-demm tal-Ħaruf u minħabba fil-kelma tax-xiehda tagħhom, u ma ħabbewx lil erwieħhom saħansitra wiċċ imb’wiċċ mal-mewt.” Mela l-poplu taʼ Jehovah għandu jżomm fiduċja sħiħa fis-sagrifiċċju taʼ fidwa, id-demm tal-Ħaruf. Żomm qawwi l-inkuraġġiment li jiġi mill-għoti taʼ xiehda, billi regolarment taqsam l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla maʼ kulmin tistaʼ.
21. Kif nistgħu bla ma nindunaw nieħdu sehem fix-xogħol tax-Xitan f’li jiskuraġġixxi lil ħutna?
21 Xi drabi, saħansitra bla ma nindunaw, aħna nistgħu nieħdu sehem fix-xogħol tax-Xitan li jiskuraġġixxi lil ħutna. Kif? Billi nibdew nikkritikaw iżżejjed, nistennew iżżejjed jew inkunu tajbin iżżejjed f’għajnejna stess. (Ekkleżjasti 7:16) Ilkoll kemm aħna għandna d-defiċjenzi u d-djufijiet. Ejjew ma nilagħbux bihom kif jagħmel ix-Xitan. Minflok, ejjew nitkellmu b’mod taʼ nkuraġġiment dwar ħutna u dwar il-poplu taʼ Jehovah bħala grupp organizzat. Aħna rridu nibqgħu nagħmlu l-qalb lil xulxin u b’hekk inżommu lura milli naqtgħu qalb xulxin.
Ninkuraġġixxu Hekk Kif il-Jum Joqrob
22, 23. (a) Għala m’għandniex inħallu biss f’idejn l-anzjani biex ikunu sorsi taʼ nkuraġġiment? (b) Indokraturi fil-kongregazzjoni Kristjana kif jistgħu jiġu nkuraġġiti?
22 Għandna nagħmluha d-determinazzjoni soda tagħna li dejjem ninkuraġġixxu lil xulxin hekk kif joqrob il-jum. Inkuraġġixxi oħrajn bl-eżempju lejali tiegħek u bi kliem taʼ faraġ. Imita lil Jehovah u lill-Mulej Ġesù Kristu f’dan ir-rigward. Tħallix biss f’idejn l-anzjani tal-kongregazzjoni li jkunu s-sors taʼ nkuraġġiment. Iva, l-anzjani nfushom għandhom bżonn l-inkuraġġiment. Huma għandhom djufijiet u difetti l-istess bħall-bqija tal-merħla, u huma jridu jlaħħqu mal-istess problemi f’li jipprovdu għall-familji tagħhom f’dinja mħassra. Flimkien maʼ dan, huma għandhom dak li Pawlu ddeskriva bħala l-anzjetà għall-kongregazzjonijiet. (2 Korintin 11:28, 29) Xogħolhom hu iebes—għandhom bżonn tal-inkuraġġiment.
23 Int tistaʼ tinkuraġġixxi ħafna lil dawk f’pożizzjonijiet taʼ indokrar fil-kongregazzjoni Kristjana billi tikkopera magħhom. Imbagħad tkun qed issegwi l-parir taʼ Ebrej 13:17: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostkom u kunu sottomessi, għax huma qed iħarsulkom erwieħkom bħala dawk li se jagħtu kont; biex jistgħu jagħmlu dan bil-ferħ u mhux bit-tnegħid, għax dan ikun taʼ ħsara għalikom.”
24. F’dan iż-żmien taʼ skuraġġiment, x’għandna nkunu qed nagħmlu, u għala?
24 Aħna ngħixu fi żmien taʼ skuraġġiment. In-nies huma tabilħaqq qalbhom maqtugħa bil-biżaʼ u bl-istennija tal-affarijiet li ġejjin fuq l-art abitata, bħalma bassar Ġesù. (Luqa 21:25, 26) B’tant problemi li kapaċi jġibu dipressjoni u skuraġġiment, ejjew ‘ninkuraġġixxu lil xulxin, iktar u iktar hekk kif nilmħu l-jum qed joqrob.’ Segwi l-parir tajjeb tal-appostlu Pawlu fl-1 Tessalonkin 5:11: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin sewwa sew kif fil-fatt qegħdin tagħmlu.”
Kif Se Twieġeb?
◻ Kif għandhom il-Kristjani jinkuraġġixxu lil xulxin, saħansitra iktar minn qabel?
◻ Għarfien tal-isem divin kif kien taʼ nkuraġġiment għall-poplu taʼ Jehovah?
◻ B’liema modi nistgħu aħna individwalment ninkuraġġixxu lil xulin?
◻ Għala għandna nevitaw li nieħdu sehem fix-xogħol tax-Xitan f’li jiskuraġġixxi lil ħutna?
[Stampa f’paġna 13]
L-anzjani huma fuq quddiem f’li jinkuraġġixxu lill-merħla fil-kongregazzjonijiet tagħhom