Kemm Hi Prezzjuża l-Verità Għalik?
“Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.”—Ġwann 8:32.
1. Il-mod kif Pilatu uża l-kelma “verità” milli jidher għala kien differenti mill-mod kif użaha Ġesù?
“IL-VERITÀ x’inhi?” Meta Pilatu staqsa din il-mistoqsija, milli jidher hu kien interessat biss fil-verità in ġenerali. Mill-banda l-oħra, Ġesù kien għadu kif qal: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” (Ġwann 18:37, 38) Kuntrarju għal Pilatu, Ġesù kien qed jirreferi għall-verità mingħand Alla.
L-Attitudni tad-Dinja Lejn il-Verità
2. Liema kliem taʼ Ġesù juri l-valur tal-verità?
2 Pawlu qal: “Mhux kulħadd għandu l-fidi.” (2 Tessalonikin 3:2) L-istess jistaʼ jingħad għall-verità. Anki meta jingħataw iċ-ċans li jsiru jafu l-verità bbażata fuq il-Bibbja, ħafna nies jinjorawha apposta. Iżda, kemm hija prezzjuża din! Ġesù qal: “Tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.”—Ġwann 8:32.
3. Taʼ liema twissija rigward tagħlim qarrieq għandna nagħtu kas?
3 L-appostlu Pawlu qal li l-verità ma kinitx tinstab fil-filosofiji u t-tradizzjonijiet tal-bnedmin. (Kolossin 2:8) Tabilħaqq, dan it-twemmin huwa qarrieq. Pawlu wissa lill-Kristjani f’Efesu li jekk huma jemmnu f’dan it-twemmin, ikunu bħal trabi spiritwali “mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.” (Efesin 4:14) Illum, “il-qerq tal-bnedmin” jitwassal permezz tal-propaganda taʼ dawk li jopponu l-verità divina. Skond The New Encyclopædia Britannica l-kelma “propaganda” ġiet definita bħala “l-isforz sistematiku biex tikkontrolla t-twemmin, l-attitudnijiet, jew l-azzjonijiet taʼ nies oħrajn.” Din il-propaganda tuża l-makakkerija biex tgħawweġ il-verità f’qerq u tippreżenta l-gideb bħala verità. Biex insibu l-verità minkejja dawn il-pressjonijiet qarrieqa, aħna rridu nfittxu bir-reqqa fl-Iskrittura.
Il-Kristjani u d-Dinja
4. Għal min hi disponibbli l-verità, u x’obbligu għandu min jirċiviha?
4 Waqt li rrefera għal dawk li kienu saru dixxipli tiegħu, Ġesù Kristu talab lil Jehovah: “Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità.” (Ġwann 17:17) Dawn kellhom jitqaddsu, jew jitwarrbu apparti, għall-iskop li jaqdu lil Jehovah u jagħmlu magħruf lil ismu u s-Saltna tiegħu. (Mattew 6:9, 10; 24:14) Għalkemm ma tinsabx għand kulħadd, il-verità taʼ Jehovah hija disponibbli bħala għotja b’xejn għal dawk kollha li jfittxuha, hi x’inhi n-nazzjonalità, ir-razza, jew l-isfond kulturali tagħhom. L-appostlu Pietru qal: “Tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.”—Atti 10:34, 35.
5. Spiss, il-Kristjani għala jiġu persegwitati?
5 Il-Kristjani jagħtu l-verità tal-Bibbja lill-oħrajn imma m’humiex milqugħin kullimkien. Ġesù wissa: “Mbagħad jagħtukom f’idejn min iħabbatkom u joqtolkom; u l-ġnus kollha jsiru jobogħdukom minħabba f’ismi.” (Mattew 24:9) Waqt li kkummenta dwar dan il-vers, John R. Cotter, membru tal-kleru Irlandiż, kiteb fl-1817: “L-isforzi tagħhom [tal-Kristjani] biex jirriformaw il-ħajjiet tal-bnedmin bl-ippridkar, minflok ma jġagħlu lin-nies iħossuhom grati, fir-realtà, iġagħluhom jobogħdu u jippersegwitaw lid-dixxipli talli jikxfu l-vizzji tagħhom.” Dawn il-persekuturi ‘ma jilqgħux il-verità sabiex isalvaw.’ Għal din ir-raġuni, “Alla qed jibagħtilhom kontriehom qawwa qarrieqa biex jemmnu l-gideb, ħalli b’hekk dawk kollha li ma jemmnux il-verità, imma jogħġobhom il-ħażen, ikunu kkundannati.”—2 Tessalonikin 2:10-12.
6. Kristjan liema xewqat m’għandux jikkultiva?
6 L-appostlu Ġwanni jwissi lill-Kristjani li qed jgħixu f’din id-dinja ostili: “Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. . . . Kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda taʼ l-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan m’huwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja.” (1 Ġwann 2:15, 16) Meta jgħid “kull ma fiha,” Ġwanni ma jħalli xejn barra. Minħabba f’hekk aħna ma nissograwx nikkultivaw xewqa għal kwalunkwe ħaġa li għandha x’toffri din id-dinja u li tistaʼ tbegħedna mill-verità. Dan il-parir taʼ Ġwanni se jkollu influwenza qawwija fuq il-ħajja tagħna jekk nagħtu kasu. Kif?
7. L-għarfien tal-verità kif iqanqal lil dixxipli ġodda?
7 Matul is-sena 2001, ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja kull xahar ikkonduċew iktar minn erbaʼ miljun u nofs studji tal-Bibbja fid-djar, u b’hekk għallmu lil individwi u gruppi taʼ nies il-ħtiġijiet divini għall-ħajja. Bħala riżultat, tgħammdu 263,431 persuna. Id-dawl tal-verità sar prezzjuż għal dawn id-dixxipli ġodda. Huma warrbu s-sħubija ħażina u t-triqat immorali li huma tant komuni f’din id-dinja u li jġibu diżunur lil Alla. Minn mindu tgħammdu, huma komplew jaġixxu fi qbil mal-livelli li Jehovah jistabbilixxi għall-Kristjani kollha. (Efesin 5:5) Hija l-verità daqstant prezzjuża għalik?
Jehovah Jieħu Ħsiebna
8. Jehovah kif iwieġeb għad-dedikazzjoni tagħna, u għala huwa għaqli li ‘nfittxu l-ewwel is-Saltna’?
8 Minkejja l-imperfezzjonijiet tagħna, Jehovah jaċċetta d-dedikazzjoni tagħna għax hu ħanin u umli. Għalhekk, qisu bħal jitbaxxa lejna u jiġbidna lejh. B’dan il-mod hu jgħallimna nerfgħu ’l fuq il-miri u x-xewqat tagħna. (Salm 113:6-8) Fl-istess ħin, Jehovah jippermettilna li jkollna relazzjoni persunali miegħu, u jwegħedna li jieħu ħsiebna jekk aħna nibqgħu ‘nfittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tiegħu.’ Jekk nagħmlu dan u nipproteġu lilna nfusna spiritwalment, hu jwegħedna: “Dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha se jiġu miżjudin lilkom.”—Mattew 6:33, NW.
9. Min hu l-ilsir leali u diskret, u Jehovah kif jieħu ħsiebna permezz taʼ dan l-ilsir?
9 Ġesù Kristu għażel lit-12-il appostlu tiegħu u qiegħed il-pedament għall-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin li bdiet tissejjaħ l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Apokalissi 21:9, 14) Iktar tard din ġiet deskritta bħala “l-Knisja taʼ Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verità.” (1 Timotju 3:15) Ġesù identifika l-membri taʼ din il-kongregazzjoni bħala l-ilsir leali u diskret u bħala “l-prokuratur leali, il-wieħed diskret.” Ġesù qal li dan il-qaddej leali kellu jkun responsabbli biex jagħti lill-Kristjani “l-kejl tagħhom taʼ provvisti taʼ ikel fiż-żmien xieraq.” (Mattew 24:3, 45-47; Luqa 12:42, NW) Mingħajr ikel aħna niddgħajfu u mmutu bil-ġuħ. Bl-istess mod, jekk ma niħdux mill-ikel spiritwali, niddgħajfu u mmutu spiritwalment. Għalhekk, il-fatt li jeżisti l-ilsir leali u diskret huwa jerġaʼ prova oħra taʼ kemm Jehovah jieħu ħsiebna. Jalla dejjem napprezzaw il-provvedimenti spiritwali prezzjużi li jingħatawlna permezz taʼ dan l-ilsir.—Mattew 5:3.
10. Għala huwa vitali li nkunu preżenti regolarment għal-laqgħat?
10 L-ikel spiritwali rridu niħduh permezz taʼ studju persunali. Dan jinvolvi wkoll li nassoċjaw maʼ Kristjani oħrajn u nattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Għadek tiftakar eżatt x’kilt sitt xhur, jew anki sitt ġimgħat, ilu? Probabbli li le. Xorta waħda, dak li kilt ipprovdielek in-nutriment li kellek bżonn biex isostnik. U x’aktarx li minn dak in-nhar ’l hawn erġajt kilt l-istess platt taʼ ikel. Dan jgħodd ukoll għall-ikel spiritwali provdut fil-laqgħat Kristjani tagħna. Forsi ma niftakrux kull dettall taʼ dak li smajna fil-laqgħat. U informazzjoni simili x’aktarx li ġiet provduta iktar minn darba. Xorta waħda, dan huwa ikel spiritwali, vitali għall-benesseri tagħna. Il-laqgħat tagħna dejjem isostnuna tajjeb spiritwalment fiż-żmien xieraq.
11. Liema obbligi għandna meta nattendu għal-laqgħat Kristjani?
11 Il-fatt li nattendu għal-laqgħat Kristjani jpoġġi wkoll responsabbiltà fuqna. Il-Kristjani jiġu mħeġġin biex ‘jagħmlu l-qalb lil xulxin,’ u jħajru lil sħabhom, il-membri tal-kongregazzjoni, “għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.” Il-preparazzjoni, l-attendenza, u l-parteċipazzjoni tagħna fil-laqgħat Kristjani kollha jsaħħu l-fidi persunali tagħna u jinkuraġġixxu lill-oħrajn. (Lhud 10:23-25) Bħal tfal żgħar li mhux dejjem jogħġobhom kollox x’ħin jiġu biex jieklu, xi wħud forsi jkollhom bżonn inkuraġġiment kontinwu biex jieħdu nutriment spiritwali. (Efesin 4:13) Huwa att taʼ mħabba li tipprovdi dan l-inkuraġġiment meta jkun meħtieġ sabiex dawn l-uħud jistgħu jiżviluppaw fi Kristjani maturi, li dwarhom l-appostlu Pawlu kiteb: “L-ikel sħiħ hu tal-kbar, taʼ dawk li biż-żmien huma mdorrija jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin.”—Lhud 5:14.
Nieħdu Ħsieb Tagħna Nfusna Spiritwalment
12. Min għandu r-responsabbiltà aħħarija biex aħna nibqgħu fil-verità? Spjega.
12 Is-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ jew il-ġenituri tagħna jistgħu jinkuraġġuna fit-triq tal-verità. Ukoll, l-anzjani tal-kongregazzjoni jistgħu jindokrawna bħala parti mill-merħla taħt il-ħarsien tagħhom. (Atti 20:28) Iżda fuq min taqaʼ r-responsabbiltà aħħarija jekk irridu nipperseveraw fil-mod taʼ ħajja tagħna bbażat fuq il-verità? Tabilħaqq, ir-responsabbiltà tinsab fuq kull wieħed u waħda minna. U dan japplika kemm f’ċirkustanzi normali u kemm fi żminijiet diffiċli. Ikkunsidra l-istorja li ġejja.
13, 14. Bħalma turina esperjenza li kien involut fiha ħaruf, kif nistgħu niksbu l-għajnuna spiritwali li għandna bżonn?
13 Fl-Iskozja xi ħrief kienu qed jirgħu f’għalqa x’ħin wieħed minnhom, li kien tbiegħed u telaʼ maʼ għolja, waqaʼ għal isfel u ġie fuq xifer. Ma weġġax, imma kien beżgħan u ma setax jitlaʼ lura. Għalhekk, infexx f’għajta bekkejja. Ommu semgħetu, u hi wkoll bdiet tgħajjat sakemm ġie r-ragħaj u tellaʼ l-ħaruf minn fejn kien waqaʼ.
14 Innota kif imxew l-affarijiet. Il-ħaruf għajjat għall-għajnuna, in-nagħġa ngħaqdet miegħu u dan ġibed l-attenzjoni tar-ragħaj li malajr ħa azzjoni biex isalvah. Jekk annimal żgħir u ommu jistgħu jindunaw bil-periklu u malajr jgħajtu għall-għajnuna, m’għandniex aħna nagħmlu l-istess meta nitfixklu spiritwalment jew meta bla mistenni niffaċċjaw perikli mid-dinja taʼ Satana? (Ġakbu 5:14, 15; 1 Pietru 5:8) Iva għandna naġixxu, speċjalment jekk m’għandniex esperjenza għax għadna żgħar jew għax għadna relattivament ġodda fil-verità.
Insegwu Direzzjoni Divina u Jkollna l-Ferħ
15. Kif ħassitha waħda mara meta bdiet tassoċja mal-kongregazzjoni Kristjana?
15 Ikkunsidra l-valur li nifhmu l-Bibbja u l-paċi tal-moħħ li dan iġib lil dawk li jaqdu lil Alla tal-verità. Mara taʼ 70 sena li kienet attendiet il-Knisja Anglikana ħajjitha kollha aċċettat li jkollha studju persunali tal-Bibbja maʼ waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Ma damitx ma tgħallmet li isem Alla hu Jehovah, u bdiet tissieħeb f’li tgħid “Amen” għat-talb pubbliku li jingħad mill-qalb fis-Sala tas-Saltna lokali. Imqanqla minn emozzjoni kbira qalet: “Minflok ma tpinġu lil Alla bħala li huwa superjuri ferm għalina sempliċi bnedmin, intom donnkom iġġibuh preċiż fostna bħal ħabib għażiż. Hija xi ħaġa li qatt ma esperjenzajtha qabel.” X’aktarx li din il-persuna għażiża li wriet interess fil-Bibbja qatt ma se tinsa l-ewwel impressjoni li ħadet tal-verità. Jalla aħna bl-istess mod qatt ma ninsew kemm kienet prezzjuża għalina l-verità għall-ewwel li aċċettajnieha.
16. (a) X’jistaʼ jiġri jekk il-qligħ tal-flus nagħmluh il-mira ewlenija tagħna? (b) Kif nistgħu nsibu kuntentizza vera?
16 Ħafna jemmnu li jekk ikollhom iktar flus ikunu iktar kuntenti. Madankollu, jekk nagħmlu l-qligħ tal-flus il-mira ewlenija f’ħajjitna, għandu mnejn ‘ninfnew b’niket kbir.’ (1 Timotju 6:10) Aħseb ftit dwar kemm nies jixtru biljetti tal-lotterija, jonfqu flus f’xi casino, jew jinvestu bl-addoċċ f’xi ishma bit-tama li jsiru sinjuri mil-lum għal għada. Verament ftit jaraw il-fortuna li jkunu ħolmu dwarha. U spiss anki dawk li jsiru sinjuri jsibu li l-ġid li kisbu f’daqqa ma jagħmilhomx kuntenti. Minflok, kuntentizza dejjiema tiġi meta wieħed jagħmel ir-rieda taʼ Jehovah, jaħdem mal-kongregazzjoni Kristjana bil-gwida taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah u bl-għajnuna taʼ l-anġli tiegħu. (Salm 1:1-3; 84:5 6 [84:4, 5, NW]; 89:16 [89:15, NW]) Meta nagħmlu dan, nistgħu ngawdu barkiet mhux mistennija. Hija l-verità prezzjuża biżżejjed għalik biex iġġib dawn il-barkiet fil-ħajja tiegħek?
17. Il-fatt li Pietru qagħad għand Xmun, konzatur, x’jirrivela dwar l-attitudni taʼ l-appostlu?
17 Ikkunsidra esperjenza taʼ l-appostlu Pietru. Fis-sena 36 E.K., hu għamel vjaġġ missjunarju lejn il-Witja taʼ Saron. Waqaf Lidda, fejn fejjaq lil Enea li kien paralitiku, u mbagħad irħielha lejn il-port taʼ Ġoppa. Hemmhekk hu rxoxta lil Tabita. Atti 9:43 jgħidilna: “Pietru baqaʼ ftit jiem sewwa f’Ġaffa għand wieħed konzatur jismu Xmun.” Din ir-referenza qasira tirrivela l-attitudni bla preġudizzji li kellu Pietru hekk kif wettaq il-ministeru tiegħu man-nies taʼ din il-belt. Kif? Frederic W. Farrar, studjuż tal-Bibbja, jikteb: “L-ebda bniedem li kien isegwi l-Liġi Orali [Mosajka] b’mod strett u fanatiku ma kien se jaċċetta li joqgħod fid-dar taʼ konzatur. Il-kuntatt taʼ kuljum mal-ġlud u l-iġsma mejta taʼ diversi annimali li kienet titlob din is-sengħa, u l-materjali li tirrikjedi, kien jagħmilha mniġġsa u diżgustanti f’għajnejn dawk kollha li kienu jsegwu l-liġi b’mod riġidu.” Anki jekk id-dar taʼ Xmun li kellu ħdejn il-baħar ma kinitx tmiss mal-konzerija tiegħu, hu kellu ‘sengħa li kienu jħarsu lejha bi stmerrija, u b’hekk kienet tbaxxi lil kulmin kien jaħdem fiha,’ jgħid Farrar.—Atti 10:6.
18, 19. (a) Pietru għala tħawwad minħabba viżjoni li kellu? (b) X’barka mhix mistennija rċieva Pietru?
18 Pietru bla preġudizzji aċċetta l-ospitalità taʼ Xmun, u hemmhekk Pietru rċieva direzzjoni divina mhix mistennija. Ra viżjoni li permezz tagħha ġie kmandat jiekol ħlejjaq mhux safjin skond il-liġi Lhudija. Pietru pprotesta li hu qatt ma kien kiel “ikel profan u mniġġes.” Imma tliet darbiet intqallu: “Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes.” Nistgħu nifhmu għala “Pietru, kollu mħawwad, kien qiegħed jaħseb bejnu u bejn ruħu x’setgħet tfisser dik id-dehra li kellu.”—Atti 10:5-17; 11:7-10.
19 Pietru ma kienx jaf li l-ġurnata taʼ qabel f’Ċesarija, 50 kilometru ’l bogħod, Ġentil jismu Kornelju wkoll kellu viżjoni. L-anġlu taʼ Jehovah kien ta istruzzjoni lil Kornelju biex jibgħat xi qaddejja ħalli jsibu lil Pietru fid-dar taʼ Xmun il-konzatur. Kornelju bagħat lill-qaddejja tiegħu għand Xmun, u Pietru mar lura magħhom f’Ċesarija. Hemmhekk hu ppriedka lil Kornelju, lil qrabatu, u lil ħbiebu. B’riżultat taʼ dan, huma saru l-ewwel Ġentili mhux ċirkonċiżi li saru jemmnu u li rċivew l-ispirtu qaddis bħala werrieta tas-Saltna. Avolja l-irġiel ma kinux ċirkonċiżi, dawk kollha li semgħu l-kliem taʼ Pietru tgħammdu. Dan fetaħ it-triq għan-nies tal-ġnus, li kienu meqjusin bħala mhux safjin f’għajnejn il-Lhud, sabiex isiru membri tal-kongregazzjoni Kristjana. (Atti 10:1-48; 11:18) Xi privileġġ straordinarju għal Pietru! Dan kollu għaliex il-verità kienet prezzjuża għalih u wasslitu biex jobdi d-direzzjoni mingħand Jehovah u jaġixxi bil-fidi.
20. Liema għajnuna divina ningħataw meta npoġġu l-verità l-ewwel f’ħajjitna?
20 Pawlu jwiddeb: “Waqt li nagħmlu s-sewwa [“nitkellmu l-verità,” “NW”] fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu.” (Efesin 4:15) Iva, il-verità se ġġibilna hena bla tarf issa, jekk inpoġġuha l-ewwel f’ħajjitna u nħallu lil Jehovah permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu jidderieġi l-passi tagħna. Ukoll żomm f’moħħok l-appoġġ taʼ l-anġli qaddisa fl-attività tagħna taʼ l-ippridkar. (Apokalissi 14:6, 7; 22:6) Kemm aħna privileġġati li għandna dan l-appoġġ fix-xogħol li Jehovah inkarigana biex nagħmlu! U jekk inżommu l-integrità nkunu nistgħu nfaħħru lil Jehovah, dak Alla tal-verità, għall-eternità kollha. Jistaʼ jkun hemm xi ħaġa iżjed prezzjuża minn hekk?—Ġwann 17:3.
X’Tgħallimna?
• Ħafna għala ma jaċċettawx il-verità?
• Il-Kristjani kif għandhom iħarsu lejn l-affarijiet fid-dinja taʼ Satana?
• X’għandha tkun l-attitudni tagħna lejn il-laqgħat, u għala?
• X’responsabbiltà għandna biex nieħdu ħsieb tagħna nfusna spiritwalment?
[Mappa/Stampa f’paġna 18]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-BAĦAR IL-KBIR
Ċesarija
IL-WITJA TAʼ SARON
Ġoppa
Lidda
Ġerusalemm
[Stampa]
Pietru obda d-direzzjoni divina u ħasad barkiet mhux mistennijin
[Sors]
Mappa: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Stampa f’paġna 13]
Ġesù ta xiehda għall-verità
[Stampa f’paġna 15]
Bħall-ikel materjali, l-ikel spiritwali huwa vitali għall-benesseri tagħna