Li Tqerr Dnubietek—Bil-Mod t’Alla jew tal-Bniedem?
FOST il-Kattoliċi, il-qrar inbidel b’mod drammatiku matul is-sekli. Fis-snin bikrin tal-Knisja Kattolika, il-qrar u l-penitenza kienu meħtieġa biss fil-każ taʼ dnubiet serji. Dwar dan, il-ktieb Religion in the Medieval West igħid: “Sa tard fis-sitt seklu s-sistema taʼ penitenza kienet ħarxa ħafna: is-sagrament setaʼ jiġi amministrat biss darba f’għomrok, il-qrar kien pubbliku, il-penitenza kienet twila u severa.”
Kemm kienet ħarxa penitenza bħal din? Fl-1052 penitent wieħed kien meħtieġ jimxi ħafi t-triq kollha minn Bruges fil-Belġju sa Ġerusalemm! “Fl-1700 kont għadek tistaʼ tara Kattoliċi għar-rkobbtejhom sa għonqhom fl-ilma bis-silġ ħdejn bjar u nixxigħat qaddisa, waqt li jgħidu t-talb taʼ penitenza tagħhom,” igħid il-ktieb Christianity in the West 1400-1700. Ladarba f’dak iż-żmien l-assoluzzjoni kienet miżmuma sakemm titlesta l-penitenza, ħafna ħallew il-qrara tagħhom sal-punt tal-mewt tagħhom.
Meta beda l-qrar kif nafuh illum? Religion in the Medieval West jistqarr: “Forma ġdida taʼ penitenza ġiet introdotta fi Franza fl-aħhar tas-sitt seklu minn patrijiet Ċeltiċi. . . . Dan kien il-qrar bis-smigħ, fejn il-penitent stqarr dnubietu privatament lil qassis, u kien adattar taʼ kif il-patrijiet kienu jagħtu pariri spiritwali.” Skond l-iktar mod monastiku qadim, il-patrijiet kienu jqerru dnubiethom lil xulxin biex jieħdu għajnuna spiritwali sabiex jegħlbu d-djufijiet tagħhom. Fil-qrar bis-smigħ iktar ġdid, madankollu, il-knisja kisbet għall-qassis il-“poter jew awtorità li jaħfer id-dnubiet” li hu bil-wisq akbar.—New Catholic Encyclopedia.
Veru li Ġesù ta lil xi wħud mis-segwaċi tiegħu qawwa bħal din? X’qal biex wassal lil xi wħud għal din il-konklużjoni?
“L-Imfietaħ tas-Saltna”
F’okkażjoni minnhom, Ġesù Kristu qal lill-appostlu Pietru: “Jien nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.” (Mattew 16:19, The Jerusalem Bible) Ġesù x’ried ifisser bl-“imfietaħ tas-saltna”? Aħna nistgħu nifhmu dan aħjar jekk inħarsu lejn okkażjoni oħra meta Ġesù uża l-kelma “muftieħ.”
Ġesù darba qal lill-mexxejja reliġjużi Lhud li kienu mgħallmin fil-Liġi Mosajka: “Ħażin għalikom intom il-għorrief tal-liġi! Intom ħtaftu l-muftieħ tal-għerf! Biex imbgħad intom stess ma dħaltux u żammejtu lura lil min ried jidħol.” (Luqa 11:52, JB) ‘Żammejtu lura lil min ried jidħol’ fejn? Ġesù jgħidilna f’Mattew 23:13: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tagħlqu s-saltna tas-smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha, u lanqas tħallu lill-ħaddieħor li jkun irid jidħol.” (JB) Il-kleru Lhudi għalaq il-bieb f’wiċċ ħafna, biex ingħidu hekk, billi serqilhom l-opportunità li jkunu maʼ Ġesù Kristu fis-sema. Il-“muftieħ” li dawk il-mexxejja reliġjużi kienu “ħatfu” ma kellu xejn x’jaqsam mal-maħfra tad-dnubiet. Kien il-muftieħ għal għarfien provdut minn Alla.
Bl-istess mod, “l-imfietaħ tas-saltna” li ngħataw lil Pietru ma jirrappreżentawx il-poter li tinforma lis-sema dwar id-dnubiet taʼ min għandhom jinħafru jew jinżammu. Minflok, huma jirrappreżentaw il-privileġġ kbir li kellu Pietru taʼ li jiftaħ it-triq lejn is-sema billi jferrex għarfien provdut minn Alla permezz tal-ministeru tiegħu. Hu għamel dan l-ewwel għal-Lhud u proseliti Lhud, imbagħad għas-Samaritani, u fl-aħħar għall-Ġentili.—Atti 2:1-41; 8:14-17; 10:1-48.
“Kulma Torbtu fuq l-Art”
Iktar tard, dak li Ġesù qal lil Pietru kien ripetut lil dixxipli oħra. “Tassew ingħidilkom,” qal Ġesù, “kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema; kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.” (Mattew 18:18, JB) Liema awtorità Kristu hawn kien qed jagħti lid-dixxipli? Il-kuntest juri li hu kien qed jitkellem dwar li jissetiljaw il-problemi bejn sħab fit-twemmin u li jżommu l-kongregazzjoni nadifa minn midinbin li ma jridux jindmu.—Mattew 18:15-17.
Fi kwistjonijiet li jinvolvu ksur serju tal-liġi t’Alla, rġiel responsabbli fil-kongregazzjoni kellhom jiġġudikaw il-kwistjonijiet u jiddeċiedu jekk wieħed li dineb għandux ikun “marbut” (magħdud bħala ħati) jew “maħlul” (maħfur). Kien ifisser dan li s-sema kien se jsegwi d-deċiżjonijiet tal-bnedmin? Le. Kif jindika l-istudjuż tal-Bibbja Robert Young, kwalunkwe deċiżjoni magħmula mid-dixxipli kellha ssegwi d-deċiżjoni tas-sema, mhux tkun qabilha. Hu jgħid li vers 18 għandu litteralment jinqara: Dak li torbtu fuq l-art “se jkun dak li ġie marbut (diġà)” fis-sema.
Tabilħaqq, m’huwiex raġonevoli li taħseb li kwalunkwe bniedem imperfett jistaʼ jagħmel deċiżjonijiet li kienu se jorbtu lil dawk fil-qrati tas-sema. Huwa bil-wisq iktar raġonevoli li tgħid li Kristu ħatar rappreżentanti li kienu se jsegwu d-direzzjonijiet tiegħu sabiex iżommu l-kongregazzjoni tiegħu nadifa. Huma kellhom jagħmlu dan billi jagħmlu deċiżjoni bbażata fuq prinċipji li diġà mniżżlin fis-sema. Ġesù innifsu kellu jiggwidahom f’li jagħmlu dan.—Mattew 18:20.
Hemm xi bniedem kapaċi li “jirrappreżenta lil Kristu bħala l-imħallef patern” sal-punt li jiddeċiedi l-futur etern taʼ sieħbu fil-qima? (New Catholic Encyclopedia) Il-konfessuri kważi dejjem jagħtu l-assoluzzjoni, saħansitra għalkemm “jidher li hemm twemmin mhux imlissen [fost it-teoloġi Kattoliċi] li huwa rari li xi ħadd huwa verament iddispjaċut għad-dnubiet tiegħu.” (The New Encylopaedia Britannica) Tabilħaqq, kemm ilu li int smajt li xi qassis ma tax l-assoluzzjoni jew ħall lil xi midneb? Jistaʼ jkun, li dan sar minħabba li l-qassis individwalment ma jaħsibx li hu għandu l-abbiltà li jiġġudika jekk midneb nidimx jew le. Imma jekk inhu hekk, hu għala jsostni li għandu l-qawwa li jagħti l-assoluzzjoni?
Immaġina qorti tal-liġi fejn hemm imħallef li jagħder u li soltu tiegħu li jeħles lill-kriminali, saħansitra dawk li jiksru l-liġi ripetutament, għaliex huma għaddew minn ritwal fejn jammettu ħtijiethom u jgħidu li kien iddispjaċihom. Waqt li dan jistaʼ jissodisfa l-ħatjin, idea mqarrqa bħal din taʼ wiri taʼ ħniena kienet iġġib fix-xejn ir-rispett lejn il-ġustizzja. Jistaʼ jkun li l-qrar kif inhu prattikat mill-Knisja Kattolika attwalment iħarrax lin-nies fil-korsa tad-dnub?—Ekkleżjasti 8:11.
“Il-qrar ma jipproduċi l-ebda inklinazzjoni biex tipprova tevita d-dnub fil-futur,” tgħid Ramona, li titkellem mill-esperjenza tagħha tal-qrar bħala Kattolika minn mindu kellha sebaʼ snin. Hija żżid: “Il-qrar iġagħlek taħseb li Alla dejjem jaħfer u li jkun xi jkun dak li ġismek imperfett iwasslek biex tagħmel hu se jaħfirlek. Ma jiżżviluppax fik xewqa profonda biex tagħmel it-tajjeb.”a
Imma xi ngħidu għall-kliem taʼ Ġesù fi Ġwann 20:22, 23? Hemmhekk huwa qal lid-dixxipli tiegħu: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura; u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.” (JB) Ġesù hawnhekk ma jagħtix b’mod speċifiku awtorità lid-dixxipli tiegħu biex jaħfru d-dnubiet?
Jekk jittieħed waħdu, dan il-passaġġ tal-Bibbja jistaʼ jidher li jgħid hekk. Madankollu, meta dawn il-kelmiet jiġu kkunsidrati flimkien mar-rakkont f’Mattew 18:15-18 u kull ħaġa oħra li l-Bibbja tgħallem dwar il-qrar u l-maħfra, x’irridu nikkonkludu? Li fi Ġwann 20:22, 23, Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu awtorità biex ikeċċu mill-kongregazzjoni uħud li jibqgħu jagħmlu dnubiet gravi mingħajr ma jindmu. Fl-istess ħin, Kristu ta lis-segwaċi tiegħu awtorità li jestendu l-ħniena u jaħfru lil midinbin li nidmu. Ġesù ċertament ma kienx qed igħid li d-dixxipli tiegħu għandhom iqerru kull dnub lil xi qassis.
Uħud responsabbli fil-kongregazzjoni kienu b’hekk awtorizzati li jiddeċiedu kif jittrattaw maʼ dawk li qed jikkommettu dnubiet gravi. Deċiżjonijiet bħal dawn kellhom isiru taħt il-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla u fi qbil mad-direzzjonijiet t’Alla mogħtijin permezz taʼ Ġesù Kristu u l-Iskrittura Mqaddsa. (Qabbel Atti 5:1-5; 1 Korintin 5:1-5, 11-13.) Dawk l-irġiel responsabbli kellhom b’hekk jobdu d-direzzjoni mis-sema, mhux jimponu d-deċiżjonijiet tagħhom lis-sema.
“Stqarru Wieħed lill-Ieħor in-Nuqqasijiet Tagħkom”
Mela, allura, meta huwa xieraq għall-Kristjani li jistqarru dnubiethom lil xulxin? Fil-każ taʼ dnub serju (mhux kull nuqqas żgħir), individwu għandu jistqarr lill-indokraturi responsabbli tal-kongregazzjoni. Saħansitra jekk dnub m’huwiex gravi imma l-kuxjenza tal-midneb tinkwetah ħafna, huwa taʼ valur kbir li wieħed jistqarr u jfittex għajnuna spiritwali.
F’dan ir-rigward il-kittieb tal-Bibbja Ġakbu jgħid: “Hemm xi ħadd marid [spiritwalment] fostkom? Ħalli jsejjaħ lill-presbiteri tal-knisja, u ħalli dawn jitolbu għalih u jidilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej. It-talba tal-fidi ssalva lill-marid u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu. Stqarru wieħed lill-ieħor in-nuqqasijiet tagħkom u itolbu għal xulxin.”—Ġakbu 5:14-16, JB.
F’dawn il-kelmiet, m’hemm l-ebda suġġeriment taʼ xi qrar formali, ritwalistiku u li jinstemaʼ. Minflok, meta Kristjan huwa tant imtaqqal bid-dnub li hu jħossu li ma jistax jitlob, hu għandu jsejjaħ l-anzjani maħturin, jew indokraturi, tal-kongregazzjoni, u huma se jitolbu miegħu. Biex igħinuh jirkupra spiritwalment, huma se japplikaw ukoll iż-żejt tal-Kelma t’Alla.—Salm 141:5; qabbel Luqa 5:31, 32; Rivelazzjoni 3:18.
Taʼ min jinnota t-twissija taʼ Ġwanni l-Għammied “ipproduċu frott li jixraq lill-indiema.” (Mattew 3:8; qabbel Atti 26:20.) Midneb li verament jindem, jabbanduna l-korsa midinba tiegħu. Bħas-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem, il-midneb li dineb u jistqarr in-nuqqas tiegħu lil Alla se jirċievi maħfra. David kiteb: “Dnubi sa fl-aħhar qerrejt miegħek, u l-iżball tiegħi m’għattejtx. Jiena għedt: ‘Nagħmel qrara dwar in-nuqqasijiet tiegħi lil Jehovah.’ U int innifsek ħfirt l-iżball taʼ dnubieti.”—Salm 32:5.
Atti taʼ penitenza ma jistgħux jaqilgħu maħfra bħal din. Alla biss jistaʼ jagħtiha. Hu jqis il-ħtiġijiet taʼ ġustiżzja perfetta, imma l-maħfra mingħandu tesprimi l-imħabba tiegħu għall-umanità. Il-maħfra tiegħu hija wkoll turija tal-qalb tajba mhix mistħoqqa li hija msejsa fuq is-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù Kristu u estiża biss lil midinbin li nidmu u li daru minn dak li hu ħażin f’għajnejn Alla. (Salm 51:7; Isaija 1:18; Ġwann 3:16; Rumani 3:23-26) Dawk biss li jaqilgħu l-maħfra mingħand Alla Jehovah se jaqilgħu l-ħajja taʼ dejjem. U biex nirċievu maħfra bħal din, irridu nqerru bil-mod t’Alla, u mhux tal-bniedem.
[Nota taʼ taħt]
a B’kuntrast ara Mark 3:29; Ebrej 6:4-6; 10:26. F’dawn l-iskritturi, il-kittieba tal-Bibbja juru li Alla b’mod definit ma jaħfirx id-dnubiet kollha.