Kapitlu 17
Ir-Ritorn Taʼ Kristu—Kif Jidher?
1. (a) Kristu liema wegħda għamel? (b) Xi ħtieġa hemm għar-ritorn taʼ Kristu?
“NERĠAʼ NIĠI.” (Ġwann 14:3) Ġesù Kristu għamel din il-wegħda lill-appostli tiegħu meta kien magħhom il-lejl taʼ qabel il-mewt tiegħu. Int probabbilment taqbel li qatt daqs illum ma kien hawn bżonn akbar għall-paċi, is-saħħa u l-ħajja li r-ritorn taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna se jġib għall-bnedmin. Imma Kristu kif jirritorna? Min jarah, u b’liema mod?
2. (a) Meta jirritorna, Kristu fejn jeħodhom biex jgħixu lis-segwaċi midlukin tiegħu, inklużi l-appostli tiegħu? (b) Xi kwalità taʼ iġsma għandhom hemmhekk?
2 Fir-ritorn tiegħu, Kristu ma jiġix biex jgħix fuq l-art. Minflok, dawk li għandhom jaħkmu bħala slaten miegħu jittieħdu biex jgħixu miegħu fis-sema. Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Nerġaʼ niġi u se nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn qiegħed jien intom ukoll tistgħu tkunu.” (Ġwann 14:3) Mela, meta Kristu jirritorna, dawk li jittieħdu fis-sema jsiru persuni spirti, u jaraw lil Kristu fil-ġisem spirtu u gglorifikat tiegħu. (1 Korintin 15:44) Imma l-bqija tal-bnedmin, li ma jmorrux fis-sema, jarawh lil Kristu meta jirritorna?
GĦALA MA SETAX JIRRITORNA BĦALA BNIEDEM
3. Liema evidenza Biblika turi li l-bnedmin qatt ma se jerġgħu jaraw lil Kristu?
3 F’dak l-istess lejl Ġesù kompla jgħid lill-appostli tiegħu: “Ftit ieħor u d-dinja ma taranix iktar.” (Ġwann 14:19) Id-“dinja” tirreferi għall-bnedmin. Mela Ġesù hawnhekk qal ċar u tond li n-nies fuq l-art ma kinux se jerġgħu jarawh wara t-tlugħ tiegħu lejn is-sema. L-appostlu Pawlu kiteb: “Saħansitra jekk konna nafu lil Kristu skond il-laħam, ċertament li issa ma nafuhx hekk iktar.”—2 Korintin 5:16.
4. Liema ħaġa turi li Kristu jirritorna bħala persuna spirtu, inviżibbli u setgħan?
4 Madankollu ħafna persuni jemmnu li Kristu se jirritorna fl-istess ġisem uman li fih ġie mogħti l-mewt, u li dawk kollha li jkunu qegħdin jgħixu fuq l-art se jarawh. Il-Bibbja, madankollu, tgħid li Kristu jirritorna fil-glorja maʼ l-anġli kollha, u li “joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu.” (Mattew 25:31) Kieku Ġesù kellu jiġi u jpoġġi bħala raġel fuq xi tron taʼ l-art, kien ikun inqas fil-pożizzjoni mill-anġli. Imma hu jiġi bħala l-iktar wieħed setgħan u glorjuż minn dawn l-ulied spirti t’Alla kollha u għalhekk hu inviżibbli, sewwa sew bħalhom.—Filippin 2:8-11.
5. Kristu għala ma setax jirritorna f’ġisem uman?
5 Mill-banda l-oħra, ’il fuq minn 1,900 sena ilu kien neċessarju għal Ġesù li jbaxxi lilu nnifsu u jsir bniedem. Kellu bżonn jagħti l-ħajja umana u perfetta tiegħu bħala rahan għalina. Ġesù darba spjega dan hekk: “Il-ħobż li se nagħti huwa laħmi għan-nom tal-ħajja tad-dinja.” (Ġwann 6:51) Ġesù b’hekk ta l-ġisem tal-laħam tiegħu f’sagrifiċċju għall-bnedmin. Kemm kellu jdum jiswa dak is-sagrifiċċju? L-appostlu Pawlu jwieġeb: “Aħna ġejna mqaddsin permezz taʼ l-offerta tal-ġisem taʼ Ġesù Kristu darba għal dejjem.” (Ebrej 10:10) Peress li ta laħmu għall-ħajja tad-dinja, Kristu qatt ma setaʼ jieħdu mill-ġdid u jerġaʼ jsir bniedem. Minħabba dik ir-raġuni bażika r-ritorn tiegħu ma jistaʼ qatt ikun fil-ġisem uman li hu ssagrifika darba għal dejjem.
IL-ĠISEM TAL-LAĦAM MA TTEĦIDX FIS-SEMA
6. Ħafna persuni għala jemmnu li Kristu ħa l-ġisem tal-laħam tiegħu fis-sema?
6 Madankollu, ħafna persuni jemmnu li Kristu ħa l-ġisem tal-laħam tiegħu fis-sema. Huma jalludu għall-fatt li meta Kristu ġie mqajjem mill-mewt, il-ġisem tal-laħam tiegħu ma kienx iżjed fil-qabar. (Mark 16:5-7) Ukoll, wara mewtu Ġesù deher lid-dixxipli tiegħu f’ġisem tal-laħam biex jurihom li kien ħaj. Darba Hu saħansitra ġiegħel lill-appostlu Tumas ipoġġi idu fit-toqba taʼ ġenbu biex Tumas jemmen li Hu kien tassew ġie rxoxtat. (Ġwann 20:24-27) Ma jagħtix prova dan li Kristu ġie mqajjem ħaj fl-istess ġisem li fih ġie mogħti l-mewt?
7. Liema ħaġa tagħti prova li Kristu mar fis-sema bħala persuna spirtu?
7 Le, ma jagħtix. Il-Bibbja hija ċara ħafna meta tgħid: “Kristu miet darba għal dejjem rigward id-dnubiet . . . , hu li ġie mogħti l-mewt fil-laħam, imma li ġie mogħti l-ħajja fl-ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Bnedmin b’iġsma tad-demm u l-laħam ma jistgħux jgħixu fis-sema. Dwar l-irxoxt għall-ħajja fis-sema, il-Bibbja tgħid: “Jinżeraʼ ġisem fiżiku, jitqajjem ġisem spiritwali. . . . laħam u demm ma jistgħux jirtu s-saltna t’Alla.” (1 Korintin 15:44-50) Persuni spirti biss b’iġsma spiritwali jistgħu jgħixu fis-sema.
8. X’ġara mill-ġisem uman taʼ Kristu?
8 Sewwa, allura, x’ġara mill-ġisem tal-laħam taʼ Ġesù? Ma sabux id-dixxipli l-qabar tiegħu vojt? Iva, għaliex Alla neħħa l-ġisem taʼ Ġesù. Alla għala għamlu dan? Dan wettaq dak li kien ġie miktub fil-Bibbja. (Salm 16:10; Atti 2:31) B’hekk Jehovah raha ħaġa xierqa li jneħħi l-ġisem taʼ Ġesù, saħansitra bħalma kien għamel qabel bil-ġisem taʼ Mosè. (Dewteronomju 34:5, 6) Ukoll, kieku l-ġisem tħalla fil-qabar, id-dixxipli taʼ Ġesù ma kinux jistgħu jifhmu li hu kien ġie mqajjem mill-mewt, ladarba f’dak iż-żmien ma kinux japprezzaw għalkollox l-affarijiet spiritwali.
9. Kif kien possibbli li Tumas ipoġġi idu ġo ferita fil-ġisem immaterjalizzat taʼ Ġesù rxoxtat?
9 Imma ladarba l-appostlu Tumas setaʼ jpoġġi idu fit-toqba f’ġenb Ġesù, ma jurix dak li Ġesù ġie mqajjem mill-mewt fl-istess ġisem li ġie msammar maz-zokk? Le, għax Ġesù sempliċement immaterjalizza jew libes ġisem tal-laħam, bħalma għamlu l-anġli fl-imgħoddi. Sabiex jikkonvinċi lil Tumas dwar min kien Hu, uża ġisem bit-toqob tal-ġrieħi. Hu deher, jew kien qisu, bniedem għalkollox, kapaċi jiekol u jixrob, bħalma għamlu l-anġli li darba Abraham kien laqaʼ għandu.—Ġenesi 18:8; Ebrej 13:2.
10. Liema ħaġa turi li Ġesù libes iġsma fiżiċi differenti?
10 Fil-waqt li Ġesù deher lil Tumas f’ġisem simili għal dak li fih ġie mogħti l-mewt, Hu wkoll libes iġsma differenti meta deher lis-segwaċi Tiegħu. B’hekk Marija Maddalena għall-ewwel ħasbet li Ġesù kien xi ġardinar. Xi drabi oħrajn, id-dixxipli tiegħu m’għarfuhx mill-ewwel. F’dawn l-okkażjonijiet ma kenitx id-dehra persunali tiegħu li għenet biex jidentifikawh, imma kienet xi kelma jew xi mossa li huma rrikonoxxew.—Ġwann 20:14-16; 21:6, 7; Luqa 24:30, 31.
11, 12. (a) Kristu b’liema manjiera ħalla l-art? (b) Mela b’liema manjiera għandna nistennew ir-ritorn taʼ Kristu?
11 Għal 40 jum wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù deher f’ġisem tal-laħam lid-dixxipli tiegħu. (Atti 1:3) Imbagħad telaq lejn is-sema. Imma xi wħud jistgħu jistaqsu: ‘Iż-żewġ anġli li kien hemm ma qalux lill-appostli li Kristu “se jiġi hekk bl-istess manjiera bħalma lmaħtuh sejjer fis-sema”?’ (Atti 1:11) Iva, hekk qalu. Imma innota li huma qalu “bl-istess manjiera,” mhux fl-istess ġisem. U kif kien il-mod li bih Ġesù telaq? Kien bil-kwiet, mingħajr xi wirja pubblika. L-appostli tiegħu biss kienu jafu dwaru. Id-dinja ma kenitx.
12 Ikkunsidra kif il-Bibbja tiddeskrivi l-mod li bih Ġesù telaq lill-appostli tiegħu meta telaʼ s-sema: “Waqt li kienu qegħdin iħarsu, intrafaʼ ’l fuq u sħaba qabditu minn quddiem għajnejhom.” (Atti 1:9) Mela, meta Ġesù beda tielaʼ s-sema, sħaba ħbietu mill-vista litterali taʼ l-appostli. Hu u sejjer, għalhekk, Ġesù sar inviżibbli għalihom. Ma setgħux jarawh. Imbagħad fil-ġisem spiritwali tiegħu telaʼ lejn is-sema. (1 Pietru 3:18) B’hekk ir-ritorn tiegħu wkoll kellu jkun inviżibbli, f’ġisem spiritwali.
KIF JIDHER MINN KULL GĦAJN
13. Kif għandna nifhmu l-istqarrija li ‘kull għajn se tara’ lil Kristu meta jiġi mas-sħab?
13 Kif, allura, għandna nifhmu l-kliem taʼ Rivelazzjoni 1:7? Hemmhekk l-appostlu Ġwanni jikteb: “Ħares! Hu ġej mas-sħab, u kull għajn se tarah, u dawk li nifduh; u t-tribujiet kollha taʼ l-art se jsawtu lilhom infushom fin-niket minħabba fih.” Hawnhekk il-Bibbja titkellem dwar li wieħed jara, mhux bil-għajnejn fiżiċi, imma fis-sens li jinduna jew jintebaħ. B’hekk, meta xi ħadd jikkomprendi jew jifhem xi kwistjoni, jistaʼ jgħid, ‘Qiegħed naraha.’ Il-Bibbja, fil-fatt, titkellem dwar “l-għajnejn tal-fehma tiegħek.” (Efesin 1:18, King James Version) Mela l-espressjoni “kull għajn se tarah” tfisser li kulħadd f’dak iż-żmien se jifhem jew jirrikonoxxi li Kristu jkun preżenti.
14. (a) “Dawk li nifduh” lil min jirrappreżentaw? (b) Għala se jkun hemm niket kbir meta fl-aħħar kulħadd jirrikonoxxi l-preżenza taʼ Kristu?
14 Dawk li attwalment ‘nifdu’ lil Ġesù m’għadhomx ħajjin fuq l-art. Mela huma jirrappreżentaw lil persuni li, billi jweġġgħu lis-segwaċi taʼ Kristu taʼ żmienna, jimitaw il-kondotta taʼ dawk l-irġiel taʼ l-ewwel seklu. (Mattew 25:40, 45) Dalwaqt jasal iż-żmien għal Kristu biex jagħti l-mewt lil uħud mill-agħar bħal dawn. Huma ġew imwissijin bil-quddiem dwar dan. Meta sseħħ din il-qatla, huma ‘jaraw’ jew jirrikonoxxu x’qiegħed jiġri. U n-niket tagħhom se jkun tabilħaqq kbir!
JIĠI KRISTU LURA FUQ L-ART?
15. Il-kelma “ritorn” taʼ spiss tintuża f’liema sens?
15 Li wieħed jirritorna ma jfissirx dejjem li jmur f’post litterali. B’hekk dwar nies morda jintqal li ‘jirritornaw għas-saħħa.’ U wieħed li kien ħakkiem jistaʼ ‘jirritorna għall-poter.’ Bl-istess mod, Alla qal lil Abraham: “Jien se nirritorna għandek, sena oħra f’dan iż-żmien, u Sara se jkollha tifel.” (Ġenesi 18:14; 21:1) Ir-ritorn taʼ Jehovah kien ifisser, mhux li jirritorna litteralment, imma li jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejn Sara biex jagħmel dak li kien wiegħed.
16. (a) Kristu b’liema mod jirritorna lejn l-art? (b) Kristu meta rritorna, u x’ġara dak in-nhar?
16 Bl-istess mod, ir-ritorn taʼ Kristu ma jfissirx li hu litteralment jiġi lura lejn din l-art. Minflok, ifisser li jieħu s-setgħa tas-Saltna għal fuq din l-art u li jdawwar l-attenzjoni tiegħu lejha. Biex jagħmel dan m’għandux bżonn jitlaq it-tron tiegħu fis-sema u litteralment jinżel fuq l-art. Bħalma rajna fil-kapitlu taʼ qabel, l-evidenza Biblika turi li fis-sena 1914 E.K. wasal iż-żmien t’Alla għal Kristu biex jirritorna u jibda jaħkem. Kien dak in-nhar li nstemgħet l-għajta fis-sema: “Issa seħħew is-salvazzjoni u l-poter u s-saltna t’Alla tagħna u l-awtorità tal-Kristu tiegħu.”—Rivelazzjoni 12:10.
17. Ladarba r-ritorn taʼ Kristu huwa inviżibbli, liema ħaġa ta hu sabiex inkunu nistgħu nafu li kien irritorna?
17 Ladarba r-ritorn taʼ Kristu huwa inviżibbli, hemm xi mod biex nikkonfermaw li tassew seħħ? Iva, hemm. Kristu nnifsu ta “sinjal” viżibbli li permezz tiegħu nistgħu nkunu nafu li hu preżenti b’mod inviżibbli u li t-tmiem tad-dinja huwa fil-qrib. Ejjew neżaminaw dak is-“sinjal.”
[Stampa f’paġna 142]
Kristu ċeda ġismu bħala sagrifiċċju. Qatt ma setaʼ jieħdu lura u jsir bniedem mill-ġdid
[Stampi f’paġna 144, 145]
Marija Maddalena għala lil Ġesù ħasbitu ġardinar wara l-irxoxt tiegħu?
Ġesù rxoxtat talab lil Tumas ipoġġi idu f’liema ġisem tal-laħam?
[Stampa f’paġna 147]
Kristu kellu jirritorna bl-istess mod li bih telaq minn fuq l-art. B’liema mod telaq hu?