“Nappella għal Quddiem Ċesari!”
ĊORMA nies irrabjati jaqbdu raġel li ma jistax jiddefendi ruħu u jibdew jagħtuh kemm jifilħu. Jidhrilhom li ħaqqu l-mewt. Sewwa sew meta jidher li kien se jirnexxilhom, jiġu xi suldati u b’diffikultà kbira jaħtfu lill-vittma minn idejn dik il-folla vjolenti. Dan ir-raġel hu l-appostlu Pawlu. Dawk li jattakkawh huma Lhud li joġġezzjonaw bl-aħrax għall-ippridkar taʼ Pawlu u jakkużawh li qed iniġġes it-tempju. Dawk li jeħilsuh huma r-Rumani mmexxijin mill-kmandant tagħhom, Klawdju Lisja. Fil-konfużjoni Pawlu jiġi arrestat fuq suspett li wettaq att kriminali.
L-aħħar sebaʼ kapitli tal-ktieb taʼ l-Atti jenfasizzaw il-każ li beda b’dan l-arrest. Il-fatt li nifhmu l-istorja legali taʼ Pawlu, l-akkużi kontrih, id-difiża tiegħu, u xi ħaġa dwar il-proċedura penali Rumana se jitfaʼ dawl fuq dawn il-kapitli.
Taħt il-Kustodja taʼ Klawdju Lisja
Id-dmirijiet taʼ Klawdju Lisja kienu jinkludu li jżomm l-ordni f’Ġerusalemm. Il-gvernatur Ruman tal-Lhudija, li kien taʼ pożizzjoni ogħla minnu, kien joqgħod Ċesarija. Wieħed jistaʼ jara l-azzjoni li ħa Lisja fil-każ taʼ Pawlu bħala protezzjoni taʼ individwu mill-vjolenza u bħala arrest taʼ xi ħadd li qed jikser il-paċi pubblika. Il-mod kif aġixxew il-Lhud qanqal lil Lisja biex jieħu lill-priġunier tiegħu lejn il-kwartieri tas-suldati fit-Torri taʼ Antonja.—Atti 21:27–22:24.
Lisja kellu jiskopri x’kien għamel Pawlu. Bl-istorbju u t-taħwid li kien hemm ma sar jaf xejn. Għalhekk, bla ma qagħad jaħsibha, Lisja ordna biex “jagħtuh is-swat, ħalli b’hekk jistħarrġu u jsir jaf mingħandu l-għala kienu qegħdin jgħajjtu kontra tiegħu.” (Atti 22:24) Din kienet proċedura normali li biha kienu jiksbu l-evidenza mingħand il-kriminali, l-ilsiera, u n-nies taʼ klassi baxxa. Il-frosta (flagrum) għandha mnejn kienet effettiva għal dan l-għan, imma kienet strument tal-biżaʼ. Xi ftit minn dawn il-frosti kien ikollhom boċċi tal-metall imdendlin b’katini. Oħrajn kellhom strixxi tal-ġild li x’aktarx kien fihom biċċiet jaqtgħu taʼ għadam u metall imdaħħlin fihom. Dawn kienu jikkaġunaw feriti taʼ wġigħ u tbatija kbira, għaliex kienu jtertqu l-laħam fi strixxi.
Kien f’dan il-ħin li Pawlu qalilhom li kellu ċittadinanza Rumana. Ċittadin Ruman ma setax jiġi flaġellat jekk qabel ma jkunx ġie kundannat. B’hekk, l-istqarrija taʼ Pawlu dwar id-drittijiet tiegħu kellha effett immedjat. Jekk uffiċjal jabbuża jew jikkastiga ċittadin Ruman, setaʼ jitlef l-impjieg tiegħu. Mela mhux taʼ b’xejn li minn dak il-mument Pawlu ġie trattat bħala priġunier speċjali, wieħed li tħalla jkollu viżitaturi.—Atti 22:25-29; 23:16, 17.
Lisja, li ma kienx ċert mill-akkużi, ħa lil Pawlu quddiem is-Sinedriju biex ikun jistaʼ jsir jaf għala kien inqalaʼ dak l-istorbju kollu. Imma Pawlu qajjem kontroversja sħiħa meta qal li kien qed jiġi ġudikat fuq il-kwistjoni taʼ l-irxoxt. L-oppożizzjoni tant kienet kbira li Lisja beżaʼ li se jtertqu lil Pawlu, u għal darb’oħra Lisja kellu jaħtfu minn taħt idejn il-Lhud irrabjati.—Atti 22:30–23:10.
Lisja ma riedx ikun il-kaġun tal-mewt taʼ ċittadin Ruman. Malli sar jaf bil-konfoffa biex joqtlu lil Pawlu, hu malajr ġiegħel li l-priġunier jittieħed lejn Ċesarija. Il-proċedura legali kienet tirrikjedi li mal-priġunier jintbagħtu rapporti li jiddeskrivu bir-reqqa l-każ lill-awtoritajiet ġudizzjarji superjuri. Dawn ir-rapporti kienu jinkludu r-riżultati taʼ l-istħarriġ li jkun sar fil-bidu tal-każ, ir-raġunijiet għala tkun ittieħdet ċerta azzjoni, u l-opinjoni taʼ min ikun qed jinvestiga l-każ. Lisja rrapporta li Pawlu kien ‘qed jiġi mixli fuq xi kwistjonijiet tal-liġi [Lhudija], u li ma kien hemm xejn li għalih jistħoqqlu l-mewt jew il-ktajjen.’ Barra minn hekk, hu ordna lil dawk li akkużaw lil Pawlu biex jippreżentaw l-ilmenti tagħhom lill-prokuratur, Feliċ.—Atti 23:29, 30.
Il-Gvernatur Feliċ Ma Jirnexxilux Jaqtaʼ s-Sentenza
Il-ġurisdizzjoni provinċjali kienet ibbażata fuq il-poter u l-awtorità li kellu Feliċ. Hu setaʼ jagħżel li jimxi mad-drawwiet lokali jew inkella jimxi mal-liġi kriminali statutarja—li kienet tapplika għan-nies prominenti u għall-uffiċjali governattivi. Din kienet magħrufa bħala l-ordo, jew il-lista. Hu setaʼ jadotta l-ġurisdizzjoni extra ordinem, li setgħet tiġi użata biex jiġi trattat kwalunkwe tip taʼ akkużi. Gvernatur provinċjali kien mistenni li ‘jikkunsidra mhux dak li jkun sar Ruma, imma dak li suppost isir b’mod ġenerali.’ Għalhekk, ħafna mill-ġudizzju kien jitħalla f’idejh.
Mhux id-dettalji kollha tal-liġi Rumana tal-qedem huma magħrufin, imma l-każ taʼ Pawlu huwa meqjus bħala “rakkont eżemplari tal-proċedura penali provinċjali extra ordinem.” Il-gvernatur, megħjun mill-konsulenti, kien jismaʼ l-akkużi magħmulin minn ċittadini privati. L-akkużat kien jiddaħħal biex jiffaċċja lil min akkużah, u hu setaʼ jiddefendi ruħu, imma huwa d-dmir taʼ dak li jkun fetaħ il-kawża li jġib il-provi tal-ħtija taʼ l-akkużat. Il-maġistrat kien jagħti l-kastig li hu jara li jkun ħaqqu l-ħati. Setaʼ jiddeċiedi mill-ewwel jew inkella jħalli ż-żmien biex jaqtaʼ s-sentenza. F’dan il-każ, l-akkużat kien jinżamm arrestat. “M’hemm l-ebda dubju,” jgħid l-istudjuż Henry Cadbury, “b’poter arbitrarju bħal dan, il-prokuratur kien f’qagħda li jċedi għal ‘influwenza eċċessiva’ u għat-tixħim—biex jeħles, jikkundanna, jew jipposponi.”
Il-Qassis il-Kbir Ħananija, xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud, u Tertullu ressqu l-każ tagħhom quddiem Feliċ bl-akkuża li Pawlu kien ‘bniedem mill-agħar, li qiegħed iqajjem it-tixwix fost il-Lhud.’ Huma sostnew li kien il-perċimes tas-“setta tan-Nazarin” u li pprova jkasbar it-tempju.—Atti 24:1-6.
Dawk li attakkaw lil Pawlu oriġinarjament ħasbu li hu kien daħħal lil Trofimu fil-bitħa li fiha l-Lhud biss setgħu jidħlu.a (Atti 21:28, 29) Kieku kien veru, Trofimu kien ikun il-ħati. Imma l-Lhud setgħu jiħduha mil-lat li Pawlu kien kompliċi għax għenu u ħajru jidħol, u din ukoll kienet tkun meqjusa bħala offiża li ħaqqha l-piena kapitali. U milli jidher Ruma għamlet konċessjoni f’li tirrikonoxxi l-piena tal-mewt għal dan l-att kriminali. Għalhekk, kieku Pawlu ġie arrestat mill-pulizija tat-tempju minflok minn Lisja, il-membri tas-Sinedriju setgħu faċilment għaddewh ġuri u ssentenzjawh għall-mewt mingħajr problemi taʼ xejn.
Il-Lhud irraġunaw li dak li għallem Pawlu ma kienx il-Ġudaiżmu, jew ir-reliġjon legali (religio licita). Pjuttost, it-tagħlim taʼ Pawlu kellu jitqies bħala illegali, saħansitra xewwiexi.
Huma sostnew ukoll li Pawlu kien qed “iqajjem it-tixwix fost il-Lhud kollha mxerrda mad-dinja.” (Atti 24:5) L-imperatur Klawdju kien għadu kif akkuża fil-beraħ lil xi Lhud minn Lixandra li huma “qanqlu pjaga universali madwar id-dinja kollha.” Ix-xebh huwa impressjonanti. “Din kienet preċiż l-akkuża li kellhom jagħmlu kontra Lhudi matul il-Prinċipat taʼ Klawdju jew fl-ewwel snin taʼ Neruni,” jgħid il-kittieb taʼ l-istorja A. N. Sherwin-White. “Il-Lhud kienu qed jipprovaw jipperswadu lill-gvernatur li l-ippridkar taʼ Pawlu ma kien xejn ħlief diżordni ċivili fost il-popolazzjoni Lhudija kollha taʼ l-Imperu. Huma kienu jafu li l-gvernaturi ma kinux lesti li jsibu lil xi ħadd ħati sempliċement fuq akkużi reliġjużi, u għalhekk ipprovaw jagħtu xejra politika lill-akkuża reliġjuża.”
Pawlu ddefenda lilu nnifsu billi spjega ħaġa wara l-oħra. ‘Jien ma kkaġunajt ebda diżordni. Veru li jien nagħmel parti minn dik li huma qed isejħulha “setta,” imma dan jimplika ubbidjenza lejn il-preċetti tal-Lhud. Kienu ċerti Lhud mill-Asja li qalgħu l-istorbju. Jekk għandhom xi lment x’jagħmlu, suppost li qegħdin hawn biex jagħmluh.’ Pawlu bażikament irnexxielu jnaqqas il-gravità taʼ l-akkuża għal tilwima reliġjuża fost il-Lhud, li Ruma ftit li xejn kellha jedd fuq tilwim bħal dan. Filwaqt li qagħad attent li ma jirritax lil Lhud li diġà kienu stinati, Feliċ aġġorna, u b’hekk il-ġuri kellu jieqaf mingħajr ma setgħet tittieħed ebda azzjoni. Pawlu ma ngħatax f’idejn il-Lhud li sostnew li kellhom il-jedd fuqu, lanqas ma ġie ġudikat mil-liġi Rumana, u lanqas ma nħeles. Ħadd ma setaʼ jġiegħel lil Feliċ jgħaddi s-sentenza, u barra mill-fatt li ried jingħoġob mil-Lhud, hu kellu motiv ieħor għala ma qatax is-sentenza. Kien jittama li Pawlu kien se jxaħħmu.—Atti 24:10-19, 26.b
Il-Kriżi taħt Porċjus Festu
Sentejn wara, f’Ġerusalemm il-Lhud reġgħu ġeddu l-akkużi tagħhom mal-wasla taʼ Porċjus Festu, il-gvernatur il-ġdid, u talbuh biex Pawlu jingħata f’idejhom ħalli jagħmlu ħaqq minnu huma. Imma Festu kien determinat u wieġeb: “Ir-Rumani m’humiex imdorrija jibagħtu għall-mewt bniedem akkużat b’xi ħtija, qabel ma jġibu lill-akkużat quddiem dawk li jkunu akkużawh biex ikun jistaʼ jiddefendi ruħu mill-akkuża li tkun saritlu.” Il-kittieb taʼ l-istorja Harry W. Tajra jinnota: “Festu mill-ewwel induna li kienu qed jippjanaw biex joqtlu ċittadin Ruman.” Għalhekk qal lil-Lhud biex jippreżentaw il-każ tagħhom ġewwa Ċesarija.—Atti 25:1-6, 16.
Hemmhekk il-Lhud sostnew li Pawlu “ma għandux jibqaʼ aktar ħaj,” madankollu ma ppreżentaw ebda prova, u Festu rrealizza li Pawlu ma kien għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt. “Kellhom biss xi kwistjonijiet miegħu dwar ir-reliġjon tagħhom u dwar ċertu Ġesù, li hu mejjet, imma Pawlu jgħid li hu ħaj,” spjega Festu lil uffiċjal ieħor.—Atti 25:7, 18, 19, 24, 25.
Kien jidher ċar li Pawlu ma kien ħati taʼ l-ebda akkuża politika, imma inkwantu għall-kwistjoni reliġjuża, il-Lhud x’aktarx li argumentaw li l-qorti tagħhom biss kellha l-jedd tittrattaha. Kien Pawlu se jmur Ġerusalemm biex jiġi ġudikat fuq dawn l-affarijiet? Festu staqsa lil Pawlu jekk kienx se jagħmel dan, imma sinċerament din ma kinitx proposta xierqa. Jekk jerġaʼ jintbagħat Ġerusalemm, fejn dawk li akkużawh kienu se jkunu l-imħallfin, dan kien ifisser li Pawlu kien se jiġi mogħti f’idejn il-Lhud. “Jien ninsab quddiem il-qorti taʼ Ċesari; hawn għandu jsir ħaqq minni,” qal Pawlu. “Jien lil-Lhud ma għamiltilhom xejn ħażin . . . Ħadd ma jistaʼ jerħini f’idejhom. Nappella għal quddiem Ċesari!”—Atti 25:10, 11, 20.
Kliem bħal dan minn fomm Ruman waqqaʼ kull ġurisdizzjoni provinċjali. Id-dritt taʼ l-appell (provocatio) kien “reali, jiġbor kollox fil-qosor, u effettiv.” Għalhekk, wara li kkonsulta mal-konsulenti tiegħu, Festu ddikjara: “Int appellajt għal quddiem Ċesari, u quddiem Ċesari tmur.”—Atti 25:12.
Festu ħa gost li kien ħeles minn Pawlu. Bħalma ammetta maʼ Erodi Agrippa II xi ftit tal-jiem wara, il-każ kien ħawdu. Festu mbagħad kellu jfassal stqarrija dwar il-każ għall-imperatur, però għal Festu, dawn l-akkużi ma kinux ħlief fatturi komplikati tal-liġi Lhudija li ħadd ma setaʼ jifhimhom. Madankollu, Agrippa kien espert fi kwistjonijiet bħal dawn, u għalhekk meta wera kemm kien interessat fil-każ, Festu ħataf l-opportunità u talbu jgħinu jikteb l-ittra. Peress li ma setax jifhem id-diskors li għamel Pawlu ftit wara quddiem Agrippa, Festu qal lil Pawlu: “Int miġnun Pawlu! L-għerf kbir tiegħek qiegħed iġennek!” Imma Agrippa fehmu sew u qallu: “Ftit jonqsok biex tipperswadini u tagħmilni [“Kristjan,” NW].” Kien x’kien li ħassew Festu u Agrippa dwar l-argumenti li ġab Pawlu, it-tnejn qablu li Pawlu kien innoċenti u setaʼ jinħeles kieku ma laħaqx appella lil Ċesari.—Atti 25:13-27; 26:24-32.
It-Tmiem taʼ Vjaġġ Ġudizzjarju
Malli wasal Ruma, Pawlu sejjaħ l-irġiel ewlenin tal-Lhud. Dan m’għamlux biss biex jippridkalhom imma wkoll biex jara x’kienu jafu dwaru. Għandhom mnejn urew l-istess intenzjonijiet li kellhom dawk li akkużawh. Kienet ħaġa komuni li l-awtoritajiet taʼ Ġerusalemm kienu jitolbu l-għajnuna taʼ Lhud li kienu ċittadini Rumani biex jippreżentaw l-akkuża taʼ xi każ, imma Pawlu semaʼ li huma ma kellhom l-ebda informazzjoni dwaru. Waqt li kien qed jistenna biex jgħaddi ġuri, Pawlu ngħata l-permess li jikri dar u jxandar liberament. Il-fatt li ppermettewlu jagħmel dan setaʼ kien sinjal li, f’għajnejn ir-Rumani, Pawlu kien innoċenti.—Atti 28:17-31.
Pawlu dam sentejn oħra miżmum arrestat. Għala? Il-Bibbja ma tagħtiniex dettalji. Wieħed li jappella kontra s-sentenza normalment kien jinżamm sakemm dawk li jakkużawh jidhru biex isostnu l-akkużi tagħhom. Imma forsi l-Lhud taʼ Ġerusalemm, billi indunaw kemm kien bla saħħa l-każ tagħhom, qatt ma dehru. Forsi l-iktar mod effettiv li bih irnexxielhom iżommu kemm jistgħu lil Pawlu maqful kien billi ma jitilgħux jakkużawh. Kienet x’kienet ir-raġuni, milli jidher Pawlu deher quddiem Neruni, ġie dikjarat innoċenti, u fl-aħħar inħeles biex ikompli bl-attivitajiet missjunarji tiegħu—għal madwar ħames snin wara l-arrest tiegħu.—Atti 27:24.
Dawk li huma kontra l-verità ilhom ferm “jagħmlu l-qerq taħt il-libsa tal-liġi” biex ifixklu x-xogħol taʼ l-ippridkar Kristjan. Dan m’għandux jissorprendina. Ġesù qal: “Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Salm 94:20; Ġwann 15:20) Madankollu, Ġesù jagħtina wkoll garanzija li se jkollna l-libertà biex ngħidu l-aħbar tajba lid-dinja kollha. (Mattew 24:14) Għalhekk, sewwa sew bħalma l-appostlu Pawlu żamm sod għall-persekuzzjoni u l-oppożizzjoni, hekk ukoll ix-Xhieda taʼ Jehovah ‘jiddefendu u jwettqu l-Evanġelju.’—Filippin 1:7.
[Noti taʼ taħt]
a Kien hemm ċint elaborat bil-balavostri, għoli tliet kubiti, li kien jifred il-Bitħa tal-Ġentili mill-bitħa taʼ ġewwa. Imqassmin maċ-ċint kollu, kull ċerta distanza kien hemm twissijiet bil-Grieg u oħrajn bil-Latin: “Qis li ma jidħol ebda barrani hawn wara dan il-ħajt u ċ-ċint taʼ madwar is-santwarju. Min jinqabad se jġib il-mewt b’idejh stess talli jkun għamel hekk.”
b M’għandniex xi ngħidu, dan kien kontra l-liġi. Ktieb wieħed jgħid: “Skond il-provvedimenti tal-liġi dwar l-estorsjoni, il-Lex Repetundarum, kulmin għandu pożizzjoni taʼ setgħa jew amministrazzjoni kien projbit milli jitlob jew jaċċetta tixħim biex iżomm jew jeħles lil xi bniedem, biex jiġġudika jew ma jiġġudikax, jew biex jeħles xi priġunier.”