April—Żmien biex ‘Nitħabtu u Nitqabdu’
1 Iż-żmien tal-Mafkar għall-poplu taʼ Jehovah huwa żmien taʼ riflessjoni. Dan huwa żmien biex wieħed joqgħod jaħseb dwar dak li wettqet il-mewt taʼ Kristu u jimmedita fuq it-tama li tana Alla permezz tad-demm li xerred Ġesù. Jekk taħseb fid-19 t’April tas-sena l-oħra, x’jiġik f’moħħok? Tiftakar l-uċuħ li rajt f’dik il-lejla tar-rebbiegħa? l-atmosfera prezzjuża u spiritwali tal-Mafkar? id-diskussjoni serja mill-Bibbja u t-talb mill-qalb? Forsi int ħadt deċiżjoni soda biex turi iktar bis-sħiħ kemm għandek gratitudni għall-imħabba li wrew lejk Jehovah u Ġesù. Kif teffettwak issa meditazzjoni bħal din?
2 Jidher ċar li l-poplu taʼ Jehovah juri gratitudni mhux biss bil-kliem. (Kol. 3:15, 17) F’April li għadda, b’mod partikulari, aħna għamilna iktar mis-soltu biex nuru l-apprezzament tagħna lejn dak li Jehovah pprovda għas-salvazzjoni tagħna billi ħadna sehem akbar fil-ministeru Kristjan. Kien hemm 130 li qdew bħala pijunieri awżiljarji, u dan in-numru qabeż sew il-quċċata li kellna qabel. L-isforzi tagħhom, flimkien maʼ dak taʼ proklamaturi tas-Saltna oħrajn, wassal għal quċċata ġdida kemm fis-sigħat, fit-tqassim tar-rivisti, kif ukoll fiż-żjajjar lura. Il-ferħ tagħna żdied meta rajna ħafna studji tal-Bibbja ġodda jinbdew. Flimkien maʼ dan rajna quċċata ġdida taʼ wħud li attendew għall-Mafkar!
3 Tabilħaqq, it-tama ċerta tagħna tqanqalna biex naġixxu. Huwa eżatt bħalma kiteb l-appostlu Pawlu: “Hu għal dan l-għan li aħna nitħabtu u nitqabdu, għax it-tama tagħna hi f’Alla l-ħaj, li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha, l-aktar taʼ dawk li jemmnu.”—1 Tim. 4:10.
4 F’dan l-istaġun tal-Mafkar, kif se turi l-fidi tiegħek fil-provvedimenti taʼ Jehovah għall-ħajja? F’April li għadda rajna l-akbar numru taʼ proklamaturi tas-Saltna li qatt kien hawn f’Malta. Nistgħu naqbżu dak in-numru f’April? Hija xi ħaġa li nistgħu nagħmlu. Iżda kull pubblikatur, kemm jekk mgħammed u kemm jekk le, għandu bżonn jagħti sehmu. Ħafna wħud ġodda jistgħu jikkwalifikaw biex jagħtu sehemhom. B’hekk, filwaqt li qed tippjana biex titħabat u titqabad f’April, aħseb dwar xi modi kif tistaʼ tqanqal lil oħrajn, anki lil uħud ġodda u taʼ inqas esperjenza, biex jingħaqdu miegħek.
5 Kif Tgħin lil Xi Wħud Jerġgħu Jibdew l-Attività Tagħhom: Jekk taf b’xi wħud li ilhom xi xahar jew xahrejn ma joħorġu fis-servizz taʼ l-għalqa, forsi tistaʼ tinkuraġġihom u tistidinhom biex jiġu miegħek. Jekk xi wħud fil-kongregazzjoni saru inattivi, l-anzjani se jagħmlu sforz speċjali biex iżuruhom u jinkuraġġuhom jerġgħu jibdew f’April.
6 Ilkoll kemm aħna għandna nibqgħu nitolbu għall-ispirtu taʼ Jehovah biex isaħħaħna fis-servizz tiegħu. (Lq. 11:13) X’irridu nagħmlu sabiex nirċievu dak l-ispirtu? Naqraw il-Kelma ispirata t’Alla. (2 Tim. 3:16, 17) Irridu wkoll ‘nisimgħu x’jgħid l-Ispirtu’ lill-kongregazzjonijiet billi nattendu l-ħames laqgħat kollha tal-ġimgħa. (Apk. 3:6) Issa huwa ż-żmien ideali biex ngħinu lil dawk li m’humiex regulari fis-servizz jew li huma inattivi biex itejbu d-drawwiet taʼ studju tagħhom u jibdew jattendu għal-laqgħat regolarment. (Salm 50:23) Għandna nagħmlu dan filwaqt li nibżgħu ħafna għas-saħħa spiritwali tagħna stess. Madankollu, jirrikjedi xi ħaġa oħra.
7 L-appostlu Pietru spjega li Alla jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu “lil dawk li jobduh.” (Atti 5:32) Din l-ubbidjenza tinkludi li nżommu mal-kmand biex ‘inxandru lill-poplu u nixhdu.’ (Atti 1:8; 10:42) B’hekk, għalkemm huwa veru li għandna bżonn l-ispirtu t’Alla biex isaħħaħna ħalli nippridkaw, huwa minnu wkoll li hekk kif nibdew nuru x-xewqa li rridu nogħġbu ’l Jehovah, hu se jgħinna saħansitra iktar. Jalla qatt ma nittraskuraw l-ewwel ftit passi t’ubbidjenza li għandna nieħdu minn jeddna!
8 Ngħinu liż-Żgħar: Ġenituri, taraw f’uliedkom ix-xewqa li jitkellmu m’oħrajn dwar il-verità? Qed joħorġu magħkom fil-ministeru? Huma t’eżempju fl-imġiba tagħhom? Jekk inhu hekk, għala toqogħdu lura? Tkellmu maʼ wieħed mill-membri tal-Kumitat tas-Servizz tal-Kongregazzjoni, u araw jekk it-tfal tagħkom jikkwalifikawx biex isiru pubblikaturi f’April. (Ara l-ktieb Our Ministry, paġni 99-100.) Aċċetta l-fatt li uliedek jistgħu jagħtu sehem kbir fl-għajta taʼ tifħir lil Jehovah f’dan l-istaġun tal-Mafkar.—Mt. 21:15, 16.
9 Omm Kristjana minn Georgia, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika, dejjem kienet tinkuraġġixxi lit-tifla ż-żgħira tagħha biex titkellem m’oħrajn dwar Jehovah. Is-sena l-oħra, hekk kif din it-tifla kienet fil-ministeru m’ommha, ħalliet il-browxer X’Jirrikjedi maʼ wieħed raġel u fil-qosor spjegatlu x’kien fih mill-werrej. Hu staqsieha: “Kemm għandek żmien?” Hi qaltlu: “Sebaʼ snin.” Ir-raġel kien mistagħġeb meta raha tagħmel preżentazzjoni daqshekk tajba. Fil-fatt hu kien jissieħeb max-Xhieda meta kien iżgħar iżda qatt ma kien ħa l-verità bis-serjetà u għamilha parti minn ħajtu. F’qasir żmien, inbeda studju tal-Bibbja mar-raġel, maʼ martu, u maʼ bintu.
10 Ħafna wħud żgħar huma diġà pubblikaturi, u aħna nieħdu pjaċir bil-kumpanija tagħhom hekk kif huma jaħdmu magħna fil-ministeru. Dawn iż-żgħażagħ jistgħu jqanqlu u jinkuraġġixxu lil dawk taʼ mparhom. Iżda April huwa wkoll żmien xieraq biex kull familja individwali ssaħħaħ l-għaqda li għandha u tibni l-ispiritwalità tagħha billi l-membri kollha jaħdmu flimkien fis-servizz sagru. Il-kapijiet tal-familja għandhom jieħdu t-tmexxija f’idejhom f’dan ir-rigward.—Prov. 24:27.
11 Kif Ngħinu lill-Ġodda: Xi ngħidu għal dawk ġodda li qed tistudja l-Bibbja magħhom? Jistgħu huma jagħtu sehemhom fl-isforz speċjali li se jsir f’April? Forsi huma wrew ix-xewqa li jitkellmu m’oħrajn dwar dak li qed jitgħallmu hekk kif għaddejtu kapitlu 2, paragrafu 22, jew kapitlu 11, paragrafu 14, fil-ktieb Għarfien. Jekk wasaltu fl-aħħar tal-ktieb, kun lest biex titħaddet u titkellem b’mod ċar dwar dan is-suġġett meta tgħaddu kapitlu 18, paragrafu 8, li jgħid: “Probabbilment int ħerqan biex tgħid lil qrabatek, ħbiebek, u oħrajn dak li qiegħed titgħallem. Fil-fatt, għandu mnejn li int diġà kont qiegħed tagħmlu dan, saħansitra bħalma Ġesù qasam l-aħbar tajba m’oħrajn f’ċirkostanzi informali. (Lq. 10:38, 39; Ġw. 4:6-15) Issa għandu mnejn li trid tagħmel iktar.” Huwa dan kif iħossuhom dawk li qed tistudja magħhom?
12 L-istudent tiegħek jemminha l-Kelma t’Alla? Qiegħed japplika l-prinċipji tal-Bibbja? Ġab ħajtu fi qbil mal-livelli divini? Qiegħed jattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni? Irid jaqdi lil Alla Jehovah? Mela għax ma tħeġġux biex jitkellem maʼ l-anzjani sabiex huma jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jikkwalifikax biex isir pubblikatur mhux mgħammed u jaħdem miegħek f’April? (Ara l-ktieb Our Ministry, paġni 97-9.) B’hekk, hu jkun jistaʼ jesperjenza b’mod dirett kif l-organizzazzjoni taʼ Jehovah tgħinu fl-isforzi tiegħu biex jaqdi ’l Alla.
13 Veru, xi studenti jagħmlu progress iktar minn oħrajn. Għalhekk fi qbil mal-gwida li tinsab fil-Ministeru tas-Saltna taʼ Ġunju tas-sena 2000, f’paġna 4, paragrafi 5-6, ħafna qed jistudjaw it-tieni ktieb maʼ nies li wrew interess fil-bidu iżda li kellhom bżonn iktar għajnuna biex isiru attivi magħna. Aħna qatt ma naqtgħu jiesna minn dawn l-uħud taʼ qalb onesta li xi darba għad isiru dixxipli ġenwini taʼ Kristu, “jew fi żmien qasir jew fi żmien twil.” (Atti 26:29, New World Translation) Madankollu, jekk iż-żmien li ilek tistudja maʼ wħud bħal dawn tistaʼ ssejjaħlu “żmien twil,” jistaʼ dan l-istaġun tal-Mafkar ikun opportunità tajba għall-istudent tiegħek biex jibda juri kemm għandu apprezzament profond għall-fidwa taʼ Ġesù?
14 Kif Tgħinhom Jieħdu Sehem: Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna dwar kif ngħinu lil dawk li jikkwalifikaw għall-ministeru billi niflu bir-reqqa kif Ġesù ħarreġ lil ħaddieħor. Hu ma qabadx u sab folla u qal lill-appostli biex jibdew jitkellmu. L-ewwel li għamel kien li enfasizza l-bżonn tax-xogħol tax-xandir, ħeġġiġhom biex jitolbu f’kull aspett taʼ ħajjithom, u mbagħad tahom tliet affarijiet bażiċi: sieħeb, territorju, u messaġġ. (Mt. 9:35-38; 10:5-7; Mk. 6:7; Lq. 9:2, 6) Int tistaʼ tagħmel l-istess. Kemm jekk se tgħin lil uliedek, student ġdid, jew xi ħadd li ilu ma jirrapporta xi attività, ikun xieraq li tagħmel sforz speċjali biex tilħaq il-miri li ġejjin.
15 Enfasizza l-Bżonn: Enfasizza mal-persuna l-importanza tax-xogħol tax-xandir. Kun pożittiv dwaru. Għidlu xi esperjenzi biex turih kif inhi sejra l-kongregazzjoni fil-ministeru. Uri spirtu bħal dak li wera Ġesù f’Mattew 9:36:-38. Ħeġġeġ lil dan il-pubblikatur tal-futur jew lill-wieħed inattiv biex jitlob dwar is-sehem persunali tiegħu fil-ministeru u sabiex ix-xogħol madwar id-dinja jirnexxi.
16 Ħeġġeġ lil Dak li Jkun biex Jaħseb dwar il-Ħafna Opportunitajiet Meta Jistaʼ Jagħti Xiehda: Semmilu l-possibbiltà li jiltaqaʼ mal-grupp tiegħu taʼ l-istudju tal-ktieb biex flimkien jagħtu xiehda minn dar għal dar. Għidlu kif jistaʼ jitkellem mal-qraba u maʼ dawk li jaf jew maʼ sħabu tax-xogħol jew taʼ l-iskola matul il-brejk. Meta wieħed ikun qed jivvjaġġa b’xi trasport pubbliku, malajr jistaʼ jaqbad jitkellem mal-passiġġieri li jkunu miegħu sempliċement billi juri interess persunali fihom. Meta aħna nieħdu l-inizjattiva, dan taʼ spiss jagħtina opportunità biex nagħtu xiehda tajba. Verament hemm ħafna opportunitajiet fejn aħna nistgħu naqsmu t-tama tagħna m’oħrajn “minn jum għal ieħor.”—Salm 96:2, 3.
17 X’aktarx, però, li jkun aħjar li int u l-pubblikatur il-ġdid taħdmu flimkien minn dar għal dar malajr kemm jistaʼ jkun. Jekk int għamilt mira li żżid is-servizz tiegħek matul ix-xahar t’April, staqsi lil min jieħu ħsieb it-territorju biex jara jekk hemmx xi wieħed konvenjenti għalik li tistaʼ taħdem. Jekk inhu hekk, dan se jagħtik l-opportunità biex taħdmu sew. Per eżempju, hekk kif tkun spiċċajt mis-servizz jew tkun sejjer għal-laqgħat jew xi mkien ieħor, tistaʼ ssib lil xi ħadd f’xi dar fejn qabel ma tkun sibt lil ħadd jew fejn sibt l-interess. Jekk ikun il-ħin addattat, agħmel żjara qasira li biha tistaʼ tħalli effett tajjeb. Dan, imbagħad, se jagħtik sodisfazzjon u ferħ fil-ministeru.
18 Lesti Messaġġ li Jolqot lil Oħrajn: Li wieħed ikun irid jaqsam il-messaġġ tas-Saltna hija ħaġa, iżda li jħossu kunfidenti dwar kif jgħaddih lil ħaddieħor, speċjalment jekk għadu ġdid jew ilu ma joħroġ fis-servizz hija ħaġa oħra. Li tgħin lil uħud ġodda u inattivi jippreparaw hi waħda mill-aħjar affarijiet li tistaʼ tagħmel. Il-Laqgħat tas-Servizz u l-laqgħat tal-grupp tas-servizz taʼ l-għalqa jistgħu jipprovdu ideat tajbin, iżda dawn ma jiħdux post il-preparazzjoni li wieħed irid jagħmel personalment.
19 Kif tistaʼ tgħin lil uħud ġodda jippreparaw għas-servizz? Ibda billi turihom kif għandhom jippreżentaw rivista, u agħmilhielhom faċli u fil-qosor! Għidilhom biex jaħsbu dwar xi ġrajjiet fl-aħbarijiet li l-inkwilini fit-territorju jistgħu jkunu qegħdin jaħsbu fuqhom, imbagħad sib xi punt f’waħda mir-rivisti reċenti li jkun qed jitkellem fuq hekk. Ipprattikaw il-preżentazzjoni flimkien, u użawha fil-ministeru malajr kemm jistaʼ jkun.
20 Niżviluppaw il-Potenzjal għal Żjieda fil-Futur: Is-sena l-oħra l-attendenza għall-Mafkar madwar id-dinja qabżet l-14,800,000 ruħ. Ftit iktar minn sitt miljuni minnhom irrapportaw bħala pubblikaturi. Dan ifisser li xi 8.8 miljuni kienu interessati biżżejjed biex jiġu għal dan il-programm speċjali fejn huma qagħdu jisimgħu l-ispjegazzjoni taʼ waħda mill-akbar tagħlimiet tal-Bibbja. Saru jafu lil xi wħud minna personalment, u dan x’aktarx li effettwahom b’mod pożittiv. Bosta minnhom jitkellmu tajjeb ħafna dwarna, jagħtu donazzjonijiet għax-xogħol tagħna madwar id-dinja kollha, u jaqbżu għalina m’oħrajn. Dan il-grupp kbir jipprovdi potenzjal għal żjieda fil-futur. X’nistgħu nagħmlu aħna biex ngħinuhom jagħmlu iktar progress?
21 Il-biċċa l-kbira minn dawk il-ġodda li jattendu għall-Mafkar jagħmlu dan għax jistidinhom xi ħadd minna personalment. Ġeneralment, dan ikun ifisser li għall-inqas jafu lil xi ħadd fl-udjenza. Jekk aħna stidinna lil xi ħadd, għandna r-responsabbiltà li nilqgħuh bil-qalb u ngħinuh jibbenefika sew mill-programm. Ladarba s-sala se tkun mimlija, għinu jsib fejn joqgħod bil-qegħda. Sellfu Bibbja, u stiednu biex ikanta miegħek mill-ktieb taʼ l-għanjiet tiegħek. Wiġiblu kull mistoqsija li jistaʼ jistaqsi. Jekk int tkun dħuli miegħu u turi interess persunali fih dan se jkun mezz ewlieni kif tqanqlu biex ikompli jżid l-interess tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll kemm aħna għandna din ir-responsabbiltà, jiġifieri li meta naraw lil xi ħadd ġdid, nagħtuh merħba mill-qalb u nitkellmu ftit miegħu biex b’hekk insiru nafuh.
22 Il-Mafkar jistaʼ jeffettwa ħafna l-mod kif ikun jaħsibha l-individwu. Il-fatt li hu ġie għal-laqgħa jistaʼ jfisser li ma sabx dak li qed ifittex xi mkien ieħor, u li aħna noffru xi ħaġa li hu jħoss li għandu bżonn jeżaminaha iktar mill-qrib. L-ispjegazzjoni dwar il-provvediment meraviljuż tal-fidwa jistaʼ jkun skoperta taʼ l-għaġeb għal xi ħadd li m’għandux idea taʼ l-imħabba bla limitu taʼ Jehovah. Jistaʼ jinduna mill-ewwel kemm aħna differenti, billi aħna sinċieri, dħulin, nuru l-imħabba u r-rispett. Is-sala tagħna m’għandhiex x’taqsam maʼ dak li forsi ra fi knejjes oħra bħal statwi u ritwali li ma jagħmlux sens. Uħud ġodda żgur se jindunaw li fl-udjenza hemm nies minn kull livell tal-ħajja u li ma jsirx ġbir. Din l-esperjenza tistaʼ tqanqalhom jerġgħu jiġu.
23 Wara l-Mafkar, irid ikun hemm xi ħadd li joqgħod attent li kull wieħed ġdid li attenda jkompli jingħata l-għajnuna. Jekk int stidint li xi wħud ġodda, għandek responsabbiltà speċjali. Qabel ma jitilqu, kun ċert li jkunu jafu dwar il-laqgħat l-oħra li jsiru fis-Sala tas-Saltna. Għidilhom x’inhu t-titlu tat-taħdita pubblika li jmiss. Għarrafhom dwar il-ħin u l-post taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni li jkun l-iktar viċin tagħhom. Iktar tard, agħtihom kopja tal-ktieb Hena fil-Familja, u għidilhom bid-diskussjoni li se jkun hemm fil-ġimgħa tat-30 t’April intitolata “Ipproteġi Lill-Familja Tiegħek Minn Influwenzi Distruttivi.”
24 Ftiehem biex tagħmel żjara kordjali fi djarhom. Kun ċert li għandhom kopja tal-browxer X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien, li se jgħinuhom isiru jafu aħjar it-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Jekk mhux diġà qed jistudjaw, offrilhom studju tal-Bibbja. Stidinhom jaraw il-vidjos tagħna, bħal per eżempju, il-vidjo Our Whole Association of Brothers. Irranġalhom biex jiltaqgħu m’oħrajn fil-kongregazzjoni. Fix-xhur li ġejjin ibqaʼ f’kuntatt maʼ dawn l-uħud ġodda; stidinhom biex jattendu għal-laqgħat meta jkollna ż-żjajjar taʼ l-indokratur tas-circuit, meta jkun hemm assemblea tas-circuit jew jum t’assemblea speċjali. Agħtihom iċ-ċans li juru li huma “disposti sewwa għall-ħajja taʼ dejjem”!—Atti 13:48, NW.
25 Dak li Jistgħu Jagħmlu l-Anzjani: Is-suċċess li jkun hemm mill-isforzi miżjuda fil-ministeru għax-xahar t’April jiddependi, sa ċertu punt, mill-anzjani. Jekk int tikkonduċi l-istudju tal-ktieb, agħmel lista taʼ l-affarijiet li tistaʼ tagħmel biex tgħin lil kulħadd fil-grupp tiegħek taʼ l-istudju jieħu sehem fl-attivitajiet speċjali. Hemm min għadu żgħir, ġdid, irregolari jew inattiv assenjat fil-grupp tiegħek? Ara jekk il-ġenituri, il-pijunieri, jew il-pubblikaturi l-oħra ħadux l-inizjattiva biex jgħinuhom. Agħti kull għajnuna persunali li tistaʼ tagħti int stess. Waħda oħt li kienet ilha sentejn sħaħ mhux regulari fis-servizz għamlet iktar minn 50 siegħa fil-ministeru f’April li għadda. X’kien li ġab din il-bidla fiha? Hi qalet li kienu ż-żjajjar pastorali inkuraġġanti li għamlulha l-anzjani.
26 L-anzjani u l-qaddejja ministerjali għandhom jikkooperaw biex ikunu ċerti li jkollhom biżżejjed territorju, rivisti, u letteratura għax-xahar li ġej. Tistaʼ ssir żjieda fl-arranġamenti tal-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa? Jekk iva, avżaw meta se jkunu dawn l-arranġamenti speċjali. Fuq kollox, fit-talb pubbliku u privat tiegħek, itlob lil Jehovah biex ibierek dan ix-xahar tagħna t’attività miżjuda tas-Saltna.—Rum. 15:30, 31; 2 Tess. 3:1.
27 F’April li għadda f’kongregazzjoni fin-North Carolina, l-anzjani inkuraġġew ħafna ż-żjieda t’attività fil-ministeru. Fil-laqgħat taʼ kull ġimgħa, stiednu lill-pubblikaturi biex iqisu bit-talb jekk jistgħux jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. F’kull opportunità, l-anzjani u l-qaddejja ministerjali kollha tkellmu b’entużjażmu dwar li jagħmlu April l-aħjar xahar li qatt kellhom. Bħala riżultat, 58 fil-mija tal-pubblikaturi, flimkien maʼ l-anzjani u l-qaddejja ministerjali kollha, għamlu x-xogħol taʼ pijunier dak ix-xahar!
28 Il-Ferħ f’li Nagħtu Sehem Sħiħ: X’inhuma l-barkiet li jiġu milli ‘nitħabtu u nitqabdu’ fil-ministeru? (1 Tim. 4:10) Dwar l-attività żeluża tal-kongregazzjoni tagħhom f’April li għadda, l-anzjani li għadna kif semmejna kitbu: “L-aħwa taʼ spiss jitkellmu dwar kemm saru jħossuhom iktar maħbubin u magħqudin bejniethom minn mindu bdew jaħdmu iktar fil-ministeru taʼ l-għalqa.”
29 Ħu żagħżugħ li ma tantx jistaʼ jiċċaqlaq xtaq ħafna li jkollu sehem f’din l-attività speċjali f’April li għadda. Permezz taʼ ppjanar tajjeb u bl-għajnuna t’ommu u t’aħwa spiritwali, hu ħa pjaċir waqt xahar produttiv meta qeda bħala pijunier awżiljarju. Kif ħassu dwar din l-esperjenza? Hu qal: “Għall-ewwel darba f’ħajti, ħassejtni bħal raġel b’saħħtu.”
30 M’hemm l-ebda dubju li Jehovah jbierek b’mod abbundanti lil dawk li jgħożżu l-privileġġ li għandhom li jitkellmu dwar is-saltna tiegħu. (Salm 145:11, 12) Hekk kif infakkru l-mewt taʼ Sidna, aħna nifhmu li l-barkiet li jiġu jekk ikollna devozzjoni lejn Alla se jkunu iktar abbundanti fil-futur. L-appostlu Pawlu b’mod ħerqan xtaq ir-rigal tal-ħajja taʼ dejjem. Madankollu, hu kien jaf li din m’hijiex xi ħaġa li trid toqgħod bil-qegħda tistennieha u tittama għaliha. Hu kiteb: “Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu, li tinsab taħdem fija bil-qawwa kollha tiegħu.” (Kol. 1:29) Jehovah, permezz taʼ Ġesù, saħħaħ lil Pawlu biex iwettaq ministeru li jsalva l-ħajjiet, u Hu jistaʼ jagħmel l-istess għalina llum. Se tkun din l-esperjenza persunali tiegħek f’April?
[Kaxxa f’paġna 3]
Int lil Min Tistaʼ Tinkuraġġixxi biex Ikun Pubblikatur f’April?
Lit-tfal tiegħek?
Lil xi Student tal-Bibbja?
Lil xi ħadd li sar inattiv?