Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja Punti
Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Atti
IL-KTIEB Bibliku taʼ l-Atti jipprovdi rakkont komplet dwar kif ġiet stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana u t-tkabbir tagħha li seħħ wara. Dan inkiteb minn Luqa, li kien tabib, u jippreżenta rakkont eċċitanti taʼ l-attività Kristjana matul perijodu taʼ madwar 28 sena—mis-sena 33 E.K. sas-sena 61 E.K.
L-ewwel parti mill-ktieb taʼ l-Atti jitkellem primarjament dwar l-attività taʼ l-appostlu Pietru, u l-aħħar parti dwar dik taʼ l-appostlu Pawlu. Luqa juża l-pronom “aħna” biex jindika li hu kien preżenti meta seħħew ċerti ġrajjiet. Jekk nagħtu kas il-messaġġ li hemm fil-ktieb taʼ l-Atti se nżidu l-apprezzament tagħna għall-qawwa li għandha l-Kelma miktuba t’Alla u għall-ispirtu qaddis tiegħu. (Ebr. 4:12) Dan se jqanqalna wkoll biex nagħmlu sagrifiċċji persunali u nkabbru l-fidi tagħna fit-tama tas-Saltna.
PIETRU JUŻA “L-IMFIETAĦ TAS-SALTNA”
Wara li jirċievu l-ispirtu qaddis, l-appostli jagħtu xiehda bil-qlubija. Pietru juża l-ewwel wieħed mill-“imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet” biex jiftaħ il-bieb taʼ l-għarfien u l-opportunità għal-Lhud u l-proseliti li “laqgħu l-kelma tiegħu” biex jidħlu fis-Saltna. (Mt. 16:19; Atti 2:5, 41) Mewġa taʼ persekuzzjoni ġġiegħel lid-dixxipli jixxerrdu, imma dan jirriżulta fi tkabbir tax-xogħol taʼ l-ippridkar.
Malli jisimgħu li fis-Samarija aċċettaw il-kelma t’Alla, l-appostli f’Ġerusalemm jibagħtu lil Pietru u lil Ġwanni għandhom. Billi jagħti l-opportunità lis-Samaritani biex jidħlu fis-Saltna, Pietru jkun qed juża t-tieni muftieħ. (Atti 8:14-17) X’aktarx li fi żmien sena mill-irxoxt taʼ Ġesù sseħħ bidla taʼ l-għaġeb f’Sawlu taʼ Tarsu. Fis-sena 36 E.K., Pietru juża t-tielet muftieħ, u l-ispirtu qaddis li hu għotja b’xejn jitferraʼ fuq in-nies tal-ġnus li m’humiex ċirkonċiżi.—Atti 10:45.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
2:44-47; 4:34, 35—Dawk li kienu jemmnu għala biegħu l-affarijiet li kellhom u qassmu l-flus li daħħlu minnhom? Ħafna minn dawk li bdew jemmnu kienu ġew minn postijiet ’il bogħod u ma kellhomx proviżjonijiet biżżejjed biex idumu iktar Ġerusalemm. Minkejja dan, huma xtaqu jibqgħu iktar hemmhekk sabiex ikomplu jitgħallmu dwar it-twemmin ġdid tagħhom u biex jagħtu xiehda lil oħrajn. Biex jgħinu lil uħud bħal dawn, xi Kristjani biegħu l-proprjetà tagħhom, u l-fondi tqassmu lil dawk fil-bżonn.
4:13—Kienu Pietru u Ġwanni illetterati jew bla skola? Le, ma kinux. Ġew imsejħin “komuni u taʼ ftit skola” għax ma kinux attendew skejjel rabbiniċi għal taħriġ reliġjuż.
5:34-39—Luqa kif kien jaf x’qal Gamaljel f’seduta tas-Sinedriju li ma kinitx miftuħa għall-pubbliku? Hemm minn taʼ l-inqas tliet possibbiltajiet: (1) Pawlu, li qabel kien student taʼ Gamaljel, informa lil Luqa; (2) Luqa kellem lil membru tas-Sinedriju li ma kienx jopponi, bħal per eżempju Nikodemu; (3) Luqa rċieva din l-informazzjoni b’ispirazzjoni divina.
7:59—Kien Stiefnu qed jitlob lil Ġesù? Le, ma kienx. Il-qima—u għalhekk it-talb—għandha tingħata biss lil Alla Ġeħova. (Lq. 4:8; 6:12) F’ċirkustanzi normali, Stiefnu kien jitlob lil Ġeħova f’isem Ġesù. (Ġw. 15:16) Iżda, f’dan il-każ, Stiefnu kellu viżjoni taʼ “Bin il-bniedem fuq il-leminija t’Alla.” (Atti 7:56) Peress li Stiefnu kien jaf tajjeb li Ġesù kien ngħata l-qawwa biex jirxoxta l-mejtin, hu ma talabx direttament lil Ġesù imma kellmu u qallu biex iħarislu l-ispirtu tiegħu.—Ġw. 5:27-29.
Lezzjonijiet Għalina:
1:8. Ix-xogħol taʼ l-ippridkar mad-dinja kollha li qed isir mill-aduraturi taʼ Ġeħova ma jistax jitwettaq mingħajr l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis.
4:36–5:11. Ġużeppi li kien minn Ċipru kienu jsejħulu Barnaba, li jfisser “Bin il-Faraġ.” L-appostli għandhom mnejn tawh l-isem taʼ Barnaba għaliex kien dħuli, qalbu tajba, u jħobb jgħin lil oħrajn. Aħna għandna nkunu bħalu u mhux bħal Ananija u Safira, li użaw il-qerq, l-ipokrisija, u d-diżonestà.
9:23-25. Jekk naħarbu mill-għedewwa tagħna sabiex inkomplu nippridkaw ma jfissirx li aħna beżżiegħa.
9:28-30. Jekk nagħtu xiehda f’ċerti nħawi jew lil xi individwi u jkun hemm xi periklu fiżiku, morali, jew spiritwali, jeħtieġ li nkunu prudenti u selettivi dwar fejn u meta nippridkaw.
9:31. Matul żminijiet relattivament taʼ paċi, għandna nistinkaw biex insaħħu l-fidi tagħna permezz taʼ l-istudju u l-meditazzjoni. Dan se jgħinna nimxu fil-biżaʼ taʼ Ġeħova billi napplikaw dak li nitgħallmu u nkunu żelużi fil-ministeru.
IL-MINISTERU ŻELUŻ TAʼ PAWLU
Fis-sena 44 E.K., Agabu jmur Antjokja, fejn Barnaba u Sawlu kienu ilhom jgħallmu “sena sħiħa.” Agabu jbassar “ġuħ kbir,” li jseħħ sentejn wara. (Atti 11:26-28) “Wara li . . . kienu wettqu bis-sħiħ il-ministeru t’għajnuna f’Ġerusalemm,” Barnaba u Sawlu jerġgħu lura lejn Antjokja. (Atti 12:25) Fis-sena 47 E.K.—madwar 12-il sena wara l-konverżjoni taʼ Sawlu—Barnaba u Sawlu jintbagħtu mill-ispirtu qaddis fuq vjaġġ missjunarju. (Atti 13:1-4) Fis-sena 48 E.K., huma jerġgħu lura lejn Antjokja, ‘fejn jiġu fdati f’idejn il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.’—Atti 14:26.
Madwar disaʼ xhur wara, Pawlu (magħruf ukoll bħala Sawlu) jagħżel lil Sila biex imur miegħu u jibda t-tieni vjaġġ tiegħu. (Atti 15:40) Timotju u Luqa jingħaqdu maʼ Pawlu fil-vjaġġ tiegħu. Luqa jibqaʼ f’Filippi waqt li Pawlu jibqaʼ sejjer Ateni u mbagħad Korintu, fejn jiltaqaʼ m’Akwila u Prixxilla u jqattaʼ sena u nofs hemmhekk. (Atti 18:11) Pawlu jħalli lil Timotju u lil Sila f’Korintu u jieħu miegħu lil Akwila u Prixxilla u jsalpa lejn is-Sirja kmieni fis-sena 52 E.K. (Atti 18:18) Akwila u Prixxilla jivvjaġġaw miegħu sa Efesu u jibqgħu hemm.
Wara li jqattaʼ xi żmien f’Antjokja tas-Sirja, Pawlu jibda t-tielet vjaġġ tiegħu fis-sena 52 E.K. (Atti 18:23) F’Efesu, “il-kelma taʼ Ġeħova [tibqaʼ] tikber u tissaħħaħ.” (Atti 19:20) Pawlu jqattaʼ madwar tliet snin hemmhekk. (Atti 20:31) Sa Pentekoste tas-sena 56 E.K., Pawlu jkun Ġerusalemm. Wara li jiġi arrestat, hu jagħti xiehda bla biżaʼ quddiem l-awtoritajiet. F’Ruma, l-appostlu jinżamm arrestat f’daru għal sentejn (ċ. 59-61 E.K.), u waqt li jkun hemm isib modi kif jippriedka dwar is-Saltna u jgħallem “fuq il-Mulej Ġesù Kristu.”—Atti 28:30, 31.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
14:8-13—In-nies f’Listra għala lil “Barnaba bdew jgħidulu Żews, imma lil Pawlu Erme”? Żews kien il-ħakkiem taʼ l-allat fil-mitoloġija Griega, u ibnu Erme kien magħruf bħala kelliemi tas-sengħa. Ladarba Pawlu kien minn taʼ quddiem biex jitkellem, in-nies taʼ Listra sejħulu Erme u lil Barnaba sejħulu Żews.
16:6, 7—L-ispirtu qaddis għala ma ħalliex lil Pawlu u lil sħabu jippridkaw fid-distrett taʼ l-Asja u l-Bitinja? Għax ftit biss kien hemm ħaddiema. Għaldaqstant, l-ispirtu qaddis idderiġihom lejn inħawi fejn setgħu jagħmlu iktar frott.
18:12-17—Il-Prokonslu Galljon għala ma ndaħalx meta n-nies li kien hemm bdew isawtu lil Sostene? Galljon għandu mnejn ħaseb li r-raġel li x’aktarx li kien mexxa l-attakk mill-folla rrabjata kontra Pawlu kien qed jieħu dak li ħaqqu. Madankollu, dan l-inċident mid-dehra kellu riżultat tajjeb għax wassal biex Sostene jsir Kristjan. Iktar tard, Pawlu jirreferi għal Sostene bħala “ħuna.”—1 Kor. 1:1.
18:18—Pawlu liema wegħda għamel? Xi studjużi jissuġġerixxu li Pawlu kien għamel wegħda taʼ Nażir. (Num. 6:1-21) Madankollu, il-Bibbja ma tgħidx x’kienet il-wegħda taʼ Pawlu. Iktar minn hekk, l-Iskrittura ma ssemmix jekk il-wegħda saritx qabel jew wara li l-appostlu Pawlu sar Kristjan jew jekk hu kienx għadu se jibda jwettaq din il-wegħda jew kienx wasal biex itemmha. Kien x’kien il-każ, ma kienx dnub li jagħmel wegħda bħal din.
Lezzjonijiet Għalina:
12:5-11. Aħna nistgħu nitolbu għal ħutna, u hekk għandna nagħmlu.
12:21-23; 14:14-18. Erodi kien lest jaċċetta l-glorja li għandha tingħata biss lil Alla. Kemm kien differenti dan minn Pawlu u Barnaba li rrifjutaw fil-pront u b’mod deċiż it-tifħir u l-unur li ma kellux jingħata lilhom! M’għandniex nixtiequ l-glorja għal xi ħaġa li nkunu wettaqna fis-servizz taʼ Ġeħova.
14:5-7. Il-prudenza tistaʼ tgħinna nibqgħu attivi fis-servizz.—Mt. 10:23.
14:22. Il-Kristjani jistennew li jkollhom tribulazzjonijiet. Huma ma jipprovawx jeħilsu minnhom billi jagħmlu kompromess mill-fidi tagħhom.—2 Tim. 3:12.
16:1, 2. Żgħażagħ Kristjani għandhom jaħdmu iebes spiritwalment u jfittxu l-għajnuna taʼ Ġeħova biex jibnu reputazzjoni tajba.
16:3. Għandna nagħmlu dak kollu li nistgħu fi qbil mal-prinċipji Skritturali biex ngħinu lil oħrajn jaċċettaw l-aħbar tajba.—1 Kor. 9:19-23.
20:20, 21. L-ippridkar minn dar għal dar hu aspett essenzjali tal-ministeru tagħna.
20:24; 21:13. Huwa iktar importanti li nżommu l-integrità lejn Alla milli nippreservaw ħajjitna.
21:21-26. Għandna nkunu lesti u ħerqanin biex naċċettaw pariri tajbin.
25:8-12. Il-Kristjani llum jistgħu u għandhom jużaw il-provvedimenti legali li huma disponibbli biex ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment l-aħbar tajba.’—Flp. 1:7.
26:24, 25. Aħna għandna niddikjaraw ‘b’moħħ f’loku l-verità’ avolja din hi bluha għal “bniedem fiżiku.”—1 Kor. 2:14.
[Stampa f’paġna 30]
Pietru meta użahom “l-imfietaħ tas-saltna”?
[Stampa f’paġna 31]
Ix-xogħol taʼ l-ippridkar mad-dinja kollha ma setax isir mingħajr l-għajnuna taʼ l-ispirtu qaddis