LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 11 pp. 85-92
  • ’Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ’Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu’
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Magħżulin għax-Xogħol’ (Atti 13:1-12)
  • “Xi Ħaġa Inkuraġġanti” (Atti 13:13-43)
  • “Se Mmorru Għand il-Popli l-Oħra” (Atti 13:44-52)
  • Barnaba—“Bin il-Faraġ”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Mudell Ispirat taʼ Xogħol Missjunarju Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • In-Nies taʼ Jehovah Issodati fil-Fidi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “Huma Ppritkaw bil-Kuraġġ bl-Awtorità taʼ Ġeħova”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 11 pp. 85-92

KAPITLU 11

‘Kienu Ferħanin u Rċivew l-Ispirtu Qaddis’

L-eżempju taʼ Pawlu taʼ kif ittratta maʼ nies ostili li ma wiġbux b’mod favorevoli

Ibbażat fuq Atti 13:1-52

1, 2. X’hemm uniku dwar il-vjaġġ li Barnaba u Sawl dalwaqt se jagħmlu, u x-xogħol tagħhom kif se jgħin biex jitwettaq Atti 1:8?

HUWA jum eċċitanti għall-kongregazzjoni t’Antjokja. Mill-profeti u l-għalliema kollha li hemm fiha, intgħażlu mill-ispirtu qaddis Barnaba u Sawl biex jieħdu l-aħbar tajba f’postijiet iktar imbegħdin.a (Atti 13:1, 2) Veru, mhux l-ewwel darba li ntbagħtu rġiel kwalifikati. Però, fil-passat il-missjunarji kienu vvjaġġaw lejn inħawi fejn il-Kristjanità kienet diġà ġiet aċċettata. (Atti 8:14; 11:22) Din id-darba, Barnaba u Sawl—flimkien maʼ Ġwanni Marku, li se jgħinhom—se jintbagħtu f’artijiet fejn il-maġġuranza tan-nies ma semgħux dwar l-aħbar tajba.

2 Xi 14-il sena qabel, Ġesù kien qal lis-segwaċi tiegħu: “Se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.” (Atti 1:8) Il-ħatra taʼ Barnaba u Sawl biex jaqdu bħala missjunarji se tgħin biex jitwettaq il-kliem profetiku taʼ Ġesù.b

‘Magħżulin għax-Xogħol’ (Atti 13:1-12)

3. Fl-ewwel seklu, il-vjaġġi twal għala kienu diffiċli?

3 Illum, grazzi għal invenzjonijiet bħall-karozzi u l-ajruplani, in-nies jistgħu jivvjaġġaw distanzi twal f’siegħa jew f’sagħtejn. Dan ma kienx il-każ fl-ewwel seklu WK. Lura dak iż-żmien, il-mod prinċipali tal-ivvjaġġar fuq l-art kien il-mixi, spiss fuq art imħarbta. Vjaġġ taʼ jum, li forsi kien ikopri 30 kilometru, kien iħalli lil dak li jkun bla saħħa!c B’hekk, filwaqt li Barnaba u Sawl mingħajr dubju kellhom sebaʼ mitt sena biex jibdew l-inkarigu tagħhom, ċertament li rrealizzaw li kien se jinvolvi sforz konsiderevoli u sagrifiċċju persunali.—Mt. 16:24.

FIT-TRIQ

Fid-dinja tal-qedem, l-ivvjaġġar fuq l-art kien iktar bil-mod, iktar strapazzuż, u probabbilment jiswa iktar mit-tbaħħir. Madankollu, l-uniku mod biex dak li jkun imur f’ħafna postijiet kien bil-mixi.

Vjaġġatur setaʼ jimxi madwar 30 kilometru kuljum. Kien ikun espost għall-elementi—ix-xemx, ix-xita, is-sħana, u l-bard—u għall-periklu li jiġi misruq mill-ħallelin. L-appostlu Pawlu nnota li hu kien “fi vjaġġi spiss, f’perikli mix-xmajjar, f’perikli mill-ħallelin.”—2 Kor. 11:26.

Ħafna toroq ċangjati kienu jaqsmu l-Imperu Ruman min-naħa għal oħra. Tul it-toroq prinċipali, il-vjaġġaturi kienu jsibu lukandi fi spazju taʼ jum mixi bogħod minn xulxin. Bejn dawn kien hemm taverni fejn dak li jkun setaʼ jakkwista l-provvisti bażiċi. Kittieba taʼ dak iż-żmien jiddeskrivu l-lukandi u t-taverni bħala li kienu maħmuġin, iffollati, umdużi, u miżgħudin bil-briegħed. Kienu postijiet taʼ fama ħażina, frekwentati mill-agħar nies tas-soċjetà. Sidien il-lukandi spiss kienu jisirqu lill-vjaġġaturi, u fost is-servizzi li kienu joffru kien hemm il-prostituzzjoni.

Il-Kristjani mingħajr dubju kienu jevitaw postijiet bħal dawn kemm jistaʼ jkun. Imma meta kienu jivvjaġġaw f’artijiet fejn ma kellhomx familja jew ħbieb, x’aktarx li ma tantx kien ikollhom għażla oħra.

4. (a) Xi dderieġa l-għażla taʼ Barnaba u Sawl, u sħabhom fit-twemmin kif irreaġixxew għal din il-ħatra? (b) Kif nistgħu nappoġġaw lil dawk li jirċievu inkarigi teokratiċi?

4 Imma l-ispirtu qaddis, għala dderieġa speċifikament biex Barnaba u Sawl jintgħażlu “għal ċertu xogħol”? (Atti 13:2) Il-Bibbja ma tgħidx. Li nafu hu li l-ispirtu qaddis idderieġa l-għażla taʼ dawn l-irġiel. M’hemm ebda indikazzjoni li l-profeti u l-għalliema f’Antjokja ma qablux maʼ din id-deċiżjoni. Minflok, huma appoġġaw bis-sħiħ il-ħatra. Immaġina kif żgur ħassewhom Barnaba u Sawl hekk kif ħuthom spiritwali, mingħajr għira, ‘samu u talbu u poġġew idejhom fuqhom u bagħtuhom.’ (Atti 13:3) Aħna wkoll għandna nappoġġaw lil dawk li jirċievu inkarigi teokratiċi, inkluż lil irġiel maħturin bħala indokraturi tal-kongregazzjoni. Minflok ma ngħiru għal dawk li jirċievu privileġġi bħal dawn, għandna ‘nuruhom konsiderazzjoni kbira bl-imħabba għax-xogħol tagħhom.’—1 Tess. 5:13.

5. Iddeskrivi x’kien hemm involut fl-għoti taʼ xhieda fuq il-Gżira taʼ Ċipru.

5 Wara li mxew sa Selewkja, port viċin Antjokja, Barnaba u Sawl salpaw lejn il-Gżira taʼ Ċipru, vjaġġ taʼ madwar 200 kilometru.d Peress li kien minn Ċipru, Barnaba x’aktarx li kien ħerqan biex iwassal l-aħbar tajba lin-nies t’hemmhekk. Malli waslu Salamina, belt max-xatt tal-Lvant tal-gżira, dawn l-irġiel ma ħlewx ħin. Immedjatament, “bdew ixandru dak li jgħid Alla fis-sinagogi tal-Lhud.”e (Atti 13:5) Barnaba u Sawl ivvjaġġaw minn tarf sa tarf taʼ Ċipru, x’aktarx billi taw xhieda fil-bliet ewlenin tul it-triq. Skont ir-rotta li ħadu, dawn il-missjunarji għandhom mnejn imxew madwar 160 kilometru!

FIS-SINAGOGI TAL-LHUD

Il-kelma “sinagoga” letteralment tfisser “ġbir flimkien.” Kienet tirreferi għal assemblea jew kongregazzjoni taʼ Lhud u eventwalment ħadet it-tifsira tal-post jew tal-bini li fih kienet tinżamm l-assemblea.

Huwa maħsub li s-sinagogi ġew stabbiliti jew matul is-70 sena tal-eżilju tal-Lhud f’Babilonja jew immedjatament wara. Is-sinagogi kienu jintużaw bħala postijiet għall-istruzzjoni, għall-qima, għall-qari tal-Iskrittura, u għat-tħeġġiġ spiritwali. Fl-ewwel seklu WK, kull belt fil-Palestina kellha s-sinagoga tagħha stess. Bliet akbar kellhom iktar minn waħda, u Ġerusalemm kellha ħafna.

Madankollu, wara l-eżilju Babiloniż mhux il-Lhud kollha rritornaw lejn il-Palestina. Ħafna vvjaġġaw f’postijiet oħrajn minħabba raġunijiet taʼ negozju. Sa mill-ħames seklu QK, kien hemm komunitajiet Lhud madwar il-127 provinċja tal-Imperu Persjan. (Est. 1:1; 3:8) Maż-żmien, komunitajiet Lhud żviluppaw ukoll fi bliet madwar il-Mediterran kollu. Dawn il-Lhud imxerrdin saru magħrufin bħala d-Dijaspora, u huma wkoll stabbilew sinagogi kull fejn marru joqogħdu.

Fis-sinagogi, il-Liġi kienet tinqara u tiġi spjegata kull Sabat. Il-qari kien jingħata minn fuq pjattaforma elevata, imdawra bis-siġġijiet fuq tliet naħat. Kull raġel Lhudi devot setaʼ jipparteċipa fil-qari, fl-ippritkar, u fit-tħeġġiġ.

6, 7. (a) Min kien Serġju Pawlu, u Bar-Jesu għala pprova jwaqqfu milli jismaʼ l-aħbar tajba? (b) Sawl kif fixkel l-oppożizzjoni minn Bar-Jesu?

6 Ċipru tal-ewwel seklu kien miżgħud bil-qima falza. Dan sar partikolarment evidenti meta Barnaba u Sawl waslu Pafos, mal-kosta tal-Punent tal-gżira. Hemmhekk iltaqgħu maʼ “Bar-Jesu, li kien saħħar u profeta falz.” U “hu kien mal-prokonslu Serġju Pawlu, raġel intelliġenti.”f Fl-ewwel seklu, ħafna Rumani sofistikati—saħansitra “raġel intelliġenti,” bħal Serġju Pawlu—spiss kienu jmorru għand saħħar jew astrologu biex jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet importanti. Minkejja dan, Serġju Pawlu kien interessat ħafna fil-messaġġ tas-Saltna u “xtaq ħafna jismaʼ x’jgħid Alla.” Dan m’għoġbux lil Bar-Jesu, li kien magħruf ukoll bit-titlu professjonali tiegħu Elima, li jfisser “Saħħar.”—Atti 13:6-8.

7 Bar-Jesu kien jopponi l-messaġġ tas-Saltna. Tabilħaqq, l-uniku mod li setaʼ jipproteġi l-pożizzjoni influwenti tiegħu bħala konsulent taʼ Serġju Pawlu kien billi “jwaqqaf lill-prokonslu milli jismaʼ dak li jgħid Alla.” (Atti 13:8) Imma Sawl ma kienx se joqgħod b’idejh fuq żaqqu u jħalli lil dan is-saħħar ifixkel l-interess taʼ Serġju Pawlu. Għalhekk, x’għamel Sawl? Ir-rakkont jgħid: “Imbagħad ġie l-ispirtu qaddis fuq Sawl, li jismu wkoll Pawlu, u dan ħares lejn Elima [jew Bar-Jesu] u qallu: ‘Ja raġel kollok qerq u ħażen, int bin ix-Xitan, int għadu taʼ kulma hu ġust. Kemm se ddum tgħawweġ it-tagħlim ġust taʼ Ġeħova? Ġeħova se jikkastigak, u int se tagħma u għal xi żmien ma tarax id-dawl tax-xemx.’ F’daqqa waħda beda jara ċpar u dlam, u beda jdur u jipprova jsib lil xi ħadd biex imexxih minn idu.”g X’kien ir-riżultat taʼ din il-ġrajja mirakoluża? “Meta l-prokonslu ra x’ġara, hu sar dixxiplu, għax baqaʼ mistagħġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.”—Atti 13:9-12.

Ħu bil-Bibbja miftuħa jiddefendi l-verità quddiem imħallef fil-qorti.

Bħal Pawlu, aħna niddefendu l-verità bil-kuraġġ meta niffaċċjaw l-oppożizzjoni

8. Illum, kif nistgħu nimitaw il-kuraġġ taʼ Pawlu?

8 Pawlu ma ġiex intimidat minn Bar-Jesu. Bl-istess mod, aħna m’għandniex nibżgħu mill-opponenti li jipprovaw idgħajfu l-fidi taʼ dawk li juru interess fil-messaġġ tas-Saltna. Naturalment, l-espressjonijiet tagħna għandhom ikunu ‘dejjem kollhom ħlewwa, imħawrin bil-melħ.’ (Kol. 4:6) Fl-istess ħin, ma rridux nipperikolaw il-benesseri spiritwali taʼ persuna interessata sempliċement biex nevitaw konflitt. Lanqas m’għandna nħallu l-biża’ jżommna lura milli nesponu r-reliġjon falza, li tkompli “tgħawweġ it-tagħlim ġust taʼ Ġeħova,” bħalma għamel Bar-Jesu. (Atti 13:10) Bħal Pawlu, jalla niddikjaraw il-verità bil-kuraġġ u nipprovaw nilħqu lil dawk li għandhom qalb onesta. U anki jekk l-appoġġ t’Alla ma jkunx ovvju daqs kemm kien fil-każ taʼ Pawlu, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se juża l-ispirtu qaddis tiegħu biex jiġbed lil uħud li jixirqilhom lejn il-verità.—Ġw. 6:44.

“Xi Ħaġa Inkuraġġanti” (Atti 13:13-43)

9. Pawlu u Barnaba kif ħallew eżempju mill-aħjar għal dawk li llum qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni?

9 Evidentement, seħħet bidla meta l-irġiel telqu minn Pafos u baħħru lejn Perga, fuq il-kosta tal-Asja Minuri, madwar 250 kilometru ’l bogħod bil-baħar. F’​Atti 13:13, il-grupp hu identifikat bħala “Pawlu u sħabu.” Dan il-kliem jagħti x’jifhem li issa Pawlu ħa t-tmexxija fl-attivitajiet tal-grupp. Madankollu, m’hemm ebda indikazzjoni li Barnaba beda jgħir għal Pawlu. Għall-kuntrarju, dawn iż-żewġt irġiel komplew jaħdmu flimkien biex iwettqu r-rieda t’Alla. Pawlu u Barnaba ħallew eżempju mill-aħjar għal dawk li llum qed jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjoni. Minflok ma jikkompetu għall-prominenza, il-Kristjani jiftakru fil-kliem taʼ Ġesù: “Intom ilkoll aħwa.” Hu żied jgħid: “Kull min jiftaħar bih innifsu jiġi umiljat, u kull min hu umli se jiġi mfaħħar.”—Mt. 23:8, 12.

10. Iddeskrivi l-vjaġġ minn Perga sa Antjokja tal-Pisidja.

10 Malli waslu Perga, Ġwanni Marku telaq lil Pawlu u lil Barnaba u mar lura lejn Ġerusalemm. Ma nafux ir-raġuni għala telaq ħesrem. Pawlu u Barnaba komplew, billi vvjaġġaw minn Perga sa Antjokja fil-Pisidja, belt fil-provinċja tal-Galazja. Dan ma kienx vjaġġ faċli, ladarba Antjokja tal-Pisidja hi madwar 1,100 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Il-mogħdijiet perikolużi fil-muntanji kienu magħrufin ukoll għall-attakki spissi mill-ħallelin. Biex tkompli tgħaxxaqha, x’aktarx li f’dan iż-żmien Pawlu kellu problemi taʼ saħħa.h

11, 12. Meta tkellem fis-sinagoga f’Antjokja tal-Pisidja, Pawlu kif qanqal l-interess tal-udjenza tiegħu?

11 F’Antjokja tal-Pisidja, Pawlu u Barnaba daħlu fis-sinagoga f’jum is-Sabat. Ir-rakkont jgħid: “Wara l-qari pubbliku mil-Liġi u mill-kitbiet tal-Profeti, il-mexxejja tas-sinagoga qalu lil Pawlu u Barnaba: ‘Aħwa, jekk għandkom xi ħaġa inkuraġġanti x’tgħidu lin-nies, għiduha.’” (Atti 13:15) Pawlu qam bilwieqfa biex jitkellem.

12 Pawlu beda billi indirizza lill-udjenza tiegħu: “Isimgħu Iżraelin u intom ilkoll li tirrispettaw ħafna lil Alla.” (Atti 13:16) Fl-udjenza taʼ Pawlu kien hemm Lhud u proseliti. Pawlu kif qanqal l-interess taʼ dawn is-semmiegħa, li ma kinux jirrikonoxxu l-irwol taʼ Ġesù fl-iskop t’Alla? L-ewwel, Pawlu ġabar fil-qosor l-istorja tal-ġens Lhudi. Hu spjega kif Ġeħova “għamilhom poplu kbir waqt li għexu bħala barranin fl-art tal-Eġittu” u kif wara li nħelsu, Alla “ħa paċenzja bihom fid-deżert” għal 40 sena. Pawlu rrakkonta wkoll kif l-Iżraelin irnexxielhom jieħdu f’idejhom l-Art Imwiegħda u kif Ġeħova “tahom l-art tagħhom bħala wirt.” (Atti 13:17-19) Ġie suġġerit li Pawlu għandu mnejn kien qed jirreferi għal ċerti siltiet Skritturali li ftit qabel kienu nqraw b’leħen għoli bħala parti mill-osservanza tas-Sabat. Jekk inhu hekk, dan jerġaʼ hu eżempju ieħor li juri kif Pawlu kien jaf isir “kollox għal nies taʼ kull xorta.”—1 Kor. 9:22.

13. Kif nistgħu nilħqu l-qalb tas-semmiegħa tagħna?

13 Aħna wkoll għandna nistinkaw biex nagħmlu l-messaġġ tagħna interessanti għal dawk li nippritkawlhom. Pereżempju, il-fatt li nkunu nafu l-isfond reliġjuż taʼ individwu jistaʼ jgħinna nagħżlu suġġetti li se jkunu taʼ interess partikulari għalih. Ukoll, nistgħu nikkwotaw siltiet mill-Bibbja li l-individwu għandu mnejn ikun familjari magħhom. Jistaʼ jkun effettiv li nħeġġu lill-individwu biex jaqra mill-kopja persunali tiegħu tal-Bibbja. Fittex modi biex tilħaq il-qalb tas-semmiegħa tiegħek.

14. (a) Pawlu kif introduċa l-aħbar tajba dwar Ġesù, u liema twissija ta? (b) Il-folla kif irreaġixxiet għad-diskors taʼ Pawlu?

14 Pawlu wara ddiskuta kif il-linja tas-slaten Iżraelin wasslet għal ‘salvatur, li hu Ġesù,’ li Ġwanni l-Għammied kien ħejja t-triq għalih. Imbagħad Pawlu ddeskriva kif Ġesù kien ngħata l-mewt u ġie mqajjem mill-imwiet. (Atti 13:20-37) “Ħuti, kunu afu,” stqarr Pawlu, “li l-maħfra tad-dnubiet teżisti biss permezz tiegħu. Dan hu li qed jiġi ppritkat lilkom . . . Kull min jemmen fih, Alla jqisu innoċenti permezz tiegħu.” L-appostlu mbagħad wissa lis-semmiegħa tiegħu: “Oqogħdu attenti li ma jiġrilkomx bħalma hemm miktub fil-kotba tal-Profeti: ‘Intom li tħobbu tmaqdru se taraw dak li qed nagħmel u tibqgħu mistagħġbin. Imbagħad mhux se tibqgħu teżistu, għax intom qatt mhu se temmnu dak li qed nagħmel fi żmienkom anki jekk xi ħadd jgħidilkom dwaru fid-dettall.’” Ir-reazzjoni tal-udjenza għad-diskors taʼ Pawlu kienet rimarkevoli. “In-nies bdew jitolbuhom bil-ħniena biex jitkellmu dwar dawn l-affarijiet fis-Sabat taʼ wara wkoll,” tgħid il-Bibbja. Minbarra dan, wara li spiċċat l-assemblea tas-sinagoga, “ħafna Lhud u oħrajn li jimxu mat-tagħlim tal-Lhud u li jaqdu lil Alla marru wara Pawlu u Barnaba.”—Atti 13:38-43.

“Se Mmorru Għand il-Popli l-Oħra” (Atti 13:44-52)

15. X’ġara fis-Sabat taʼ wara d-diskors taʼ Pawlu?

15 Fis-Sabat taʼ wara, “kważi l-belt kollha” nġabret biex tismaʼ lil Pawlu. Dan m’għoġobx lil ċerti Lhud, li “bdew jgħiru ħafna u jmieru lil Pawlu, u b’hekk bdew jidgħu.” Hu u Barnaba bil-kuraġġ qalulhom: “Kien hemm bżonn li dak li jgħid Alla jintqal lilkom l-ewwel. Imma intom m’aċċettajtuhx, u b’hekk urejtu li ma jistħoqqilkomx il-ħajja taʼ dejjem. Allura issa se mmorru għand il-popli l-oħra. Għax Ġeħova ta dan il-kmand: ‘Jien inkarigajtek bħala d-dawl tal-popli, biex tipprietka mal-art kollha l-mezz kif in-nies se jiġu salvati.’”—Atti 13:44-47; Is. 49:6.

Pawlu u Barnaba mitfugħin ’il barra minn Antjokja tal-Pisidja minn folla rrabjata.

“Huma ppersegwitaw lil Pawlu u Barnaba . . .  U d-dixxipli baqgħu jkunu ferħanin u jirċievu l-ispirtu qaddis.”​—Atti 13:50-52

16. Il-Lhud kif irreaġixxew għall-kliem iebes tal-missjunarji, u Pawlu u Barnaba kif wieġbu għall-oppożizzjoni?

16 Is-semmiegħa Ġentili ferħu, u “dawk kollha li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli.” (Atti 13:48) Il-kelma taʼ Ġeħova malajr inxterdet mal-pajjiż. Ir-reazzjoni tal-Lhud kienet differenti mhux ħażin. Il-missjunarji bħallikieku qalulhom li għalkemm il-kelma t’Alla kienet intqalet lilhom l-ewwel, huma kienu għażlu li jiċħdu lill-Messija, u b’hekk kienu se jiġu ġudikati minn Alla. Il-Lhud xewxu lill-kbarat tal-belt u lin-nisa rispettabbli, “u huma ppersegwitaw lil Pawlu u Barnaba u tefgħuhom barra l-belt.” Pawlu u Barnaba kif wieġbu? Huma “farfru saqajhom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom, u marru Ikonju.” Kien dan it-tmiem tal-Kristjanità f’Antjokja tal-Pisidja? Dażgur li le! Id-dixxipli li tħallew hemmhekk “baqgħu jkunu ferħanin u jirċievu l-ispirtu qaddis.”—Atti 13:50-52.

17-19. B’liema modi nistgħu nimitaw l-eżempju mill-aħjar li ħallew Pawlu u Barnaba, u l-fatt li nagħmlu dan kif se jikkontribwixxi għall-ferħ tagħna?

17 Il-mod li bih dawn l-uħud leali wieġbu għall-oppożizzjoni jipprovdi lezzjoni taʼ valur għalina. Aħna ma niqfux nippritkaw, anki meta nies prominenti tad-dinja jipprovaw iżommuna milli nipproklamaw il-messaġġ tagħna. Innota, ukoll, li meta n-nies t’Antjokja ċaħdu l-messaġġ tagħhom, Pawlu u Barnaba “farfru saqajhom mit-trab”—ġest li ma indikax rabja imma li ma kinux se jieħdu responsabbiltà għal dak li kien se jiġri lin-nies. Dawn il-missjunarji rrealizzaw li ma setgħux jikkontrollaw kif kienu se jwieġbu oħrajn. Dak li setgħu jikkontrollaw kien jekk kinux se jkomplu jippritkaw. U meta marru Ikonju għamlu preċiż hekk!

18 Xi ngħidu għad-dixxipli li tħallew f’Antjokja? Veru, huma kienu f’territorju ostili. Imma l-ferħ tagħhom ma kienx jiddependi milli n-nies iwieġbu b’mod pożittiv. Ġesù qal: “Ikun iktar ferħan min jismaʼ l-kelma t’Alla u jobdiha!” (Lq. 11:28) U dan hu eżattament dak li kienu deċiżi li jagħmlu d-dixxipli f’Antjokja tal-Pisidja.

19 Bħal Pawlu u Barnaba, jalla dejjem niftakru li r-responsabbiltà tagħna hi li nippritkaw l-aħbar tajba. Huma biss is-semmiegħa tagħna li jistgħu jieħdu d-deċiżjoni li jaċċettaw il-messaġġ jew jiċħduh. Jekk dawk li nippritkawlhom jidhru li ma jridux iwieġbu, nistgħu nitgħallmu lezzjoni mid-dixxipli tal-ewwel seklu. Billi napprezzaw il-verità u nħallu lilna nfusna niġu gwidati mill-ispirtu qaddis, aħna wkoll nistgħu nkunu ferħanin, saħansitra meta niffaċċjaw l-oppożizzjoni.—Gal. 5:18, 22.

BARNABA—“WIEĦED LI JINKURAĠĠIXXI”

Membru prominenti tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm tal-bidu kien Ġużeppi, Levita li twieled Ċipru. L-appostli tawh isem ieħor li ddeskriva l-personalità tiegħu—Barnaba, li jfisser “Wieħed li Jinkuraġġixxi.” (Atti 4:36) Meta Barnaba ra li kien hemm xi bżonn fost sħabu fit-twemmin, hu mill-ewwel għamel xi ħaġa biex jgħin.

Barnaba jagħti żewġ boroż bil-muniti bħala kontribuzzjoni.

F’Pentekoste tas-sena 33 WK tgħammdu 3,000 dixxiplu ġdid. X’aktarx li ħafna minnhom kienu vvjaġġaw lejn Ġerusalemm għall-festa u ma kinux ippjanaw li jibqgħu fil-belt għaż-żmien li damu hemmhekk. Il-kongregazzjoni kellha bżonn ir-riżorsi biex tieħu ħsieb din il-kotra. Għalhekk, Barnaba biegħ biċċa art u b’mod ġeneruż ta l-flus lill-appostli bħala kontribuzzjoni.—Atti 4:32-37.

Bħala indokratur Kristjan matur, Barnaba kien ħerqan biex jgħin lil oħrajn. Kien hu li għen lil Sawl taʼ Tarsu, li kien għadu kif ikkonverta, meta d-dixxipli l-oħrajn kollha beżgħu minnu minħabba r-reputazzjoni tiegħu bħala persekutur. (Atti 9:26, 27) Barnaba wieġeb b’mod umli meta Pawlu ta lilu u lil Pietru parir iebes rigward ir-relazzjoni xierqa bejn il-Kristjani Lhud u Ġentili. (Gal. 2:9, 11-14) Dawn il-ftit eżempji juru li Barnaba verament għex fi qbil mat-tifsir taʼ ismu—“Wieħed li Jinkuraġġixxi.”

a Ara l-kaxxa “Barnaba—‘Wieħed li Jinkuraġġixxi.’”

b Sa dan iż-żmien, diġà kien hemm kongregazzjonijiet f’postijiet imbegħdin bħal Antjokja tas-Sirja—xi 550 kilometru mit-Tramuntana taʼ Ġerusalemm.

c Ara l-kaxxa “Fit-Triq.”

d Fl-ewwel seklu, vapur setaʼ jivvjaġġa madwar 150 kilometru f’jum jekk l-irjieħ kienu jkunu favorevoli. F’kundizzjonijiet mhux favorevoli, vjaġġ bħal dan setaʼ jieħu ħafna iżjed.

e Ara l-kaxxa “Fis-Sinagogi tal-Lhud.”

f Ċipru kien taħt il-ħakma tas-Senat Ruman. L-amministratur prinċipali tal-gżira kien gvernatur lokali f’pożizzjoni taʼ prokonslu.

g Minn dan iż-żmien ’il quddiem, Sawl hu msejjaħ Pawlu. Xi wħud issuġġerew li hu adotta dan l-isem Ruman f’unur Serġju Pawlu. Madankollu, il-fatt li hu żamm l-isem Pawlu anki wara li telaq minn Ċipru jindika li Pawlu, “appostlu tal-ġnus,” iddeċieda li minn dakinhar ’il quddiem juża l-isem Ruman tiegħu. Ukoll, għandu mnejn uża l-isem Pawlu minħabba li l-pronunzja Griega tal-isem Ebrajk tiegħu, Sawl, hu simili ħafna għal kelma Griega li għandha konnotazzjoni ħażina.—Rum. 11:13.

h L-ittra taʼ Pawlu lill-​Galatin inkitbet diversi snin wara. F’din l-ittra, Pawlu kiteb: “Kien għax kont marid fiżikament li xandartilkom l-aħbar tajba l-ewwel darba.”—Gal. 4:13.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja