In-Nies taʼ Jehovah Issodati fil-Fidi
“Il-kongregazzjonijiet komplew jiġu ssodati fil-fidi u jiżdiedu fin-numru minn jum għal jum.”—ATTI 16:5.
1. Alla kif uża lill-appostlu Pawlu?
ALLA JEHOVAH uża lil Sawlu taʼ Tarsu bħala “reċipjent magħżul.” Bħala l-appostlu Pawlu, hu ‘sofra ħafna affarijiet.’ Imma permezz tax-xogħol tiegħu u dak taʼ oħrajn, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah gawdiet għaqda u żjieda meraviljuża.—Atti 9:15, 16.
2. Għala jkun taʼ benefiċċju li nikkunsidraw Atti 13:1-16:5?
2 Ġentili kienu qed isiru Kristjani f’numri li dejjem jiżdiedu, u laqgħa vitali tal-ġemgħa li tiggverna għenet ħafna biex tavvanza l-unità fost il-poplu t’Alla u biex tagħmilhom sodi fil-fidi. Ikun taʼ benefiċċju kbir li nikkunsidraw dawn l-iżviluppi u oħrajn miktubin f’Atti 13:1-16:5, għax ix-Xhieda taʼ Jehovah issa qed iġarrbu żjieda u barkiet spiritwali simili. (Isaija 60:22) (Fi studju privat tal-artikli fuq l-Atti f’din il-ħarġa, aħna nissuġġerixxu li taqra l-passaġġi mill-ktieb indikati b’tipi grassi.)
Missjunarji Jieħdu Azzjoni
3. Liema xogħol sar minn “profeti u għalliema” f’Antijokija?
3 Irġiel mibgħutin mill-kongregazzjoni f’Antijokija, tas-Sirja, għenu lil dawk li jemmnu biex jissodaw fil-fidi. (13:l-5) F’Antijokija kien hemm il-“profeti u għalliema” Barnabas, Simeon (Niġer), Luċjus taʼ Ċirene, Manaen, u Sawlu taʼ Tarsu. Il-profeti spjegaw il-Kelma t’Alla u ħabbru ġrajjiet, fil-waqt li l-għalliema taw struzzjonijiet fl-Iskrittura u fil-għixien taʼ tjieba. (1 Korintin 13:8; 14:4) Barnabas u Sawlu rċevew kariga speċjali. Billi ħadu magħhom lil Mark, il-kugin taʼ Barnabas, erħewlha lejn Ċipru. (Kolossin 4:10) Huma ppridkaw f’sinagogi f’Salamis, port fuq in-naħa tal-Lvant, imma m’hemmx miktub li l-Lhud wieġbu b’mod tajjeb. Ladarba dawn l-uħud kienu sinjuri materjalment, xi ħtieġa kellhom għall-Messija?
4. X’ġara hekk kif il-missjunarji baqgħu jippridkaw f’Ċipru?
4 Alla bierek xogħol ieħor taʼ xiehda f’Ċipru. (13:6-12) F’Pafos il-missjunarji Itaqgħu mas-saħħar u profeta falz Lhudi Bar-Ġesù (Elimas). Meta pprova jwaqqaf lill-Prokonslu Serġjus Pawlus milli jismaʼ l-kelma t’Alla, Sawlu mtela bl-ispirtu qaddis u qal: ‘O raġel mimli qerq u viljakkerija, inti bin ix-Xitan, inti l-għadu taʼ dak kollu li hu twajjeb, m’intix se tieqaf iċċajpar il-mogħdijiet tajbin taʼ Jehovah?’ F’dak il-waqt, l-id taʼ kastig taʼ Jehovah għamiet lil Elimas għal xi żmien, u Serġjus Pawlus “sar wieħed li jemmen, billi baqaʼ mibluh bit-tagħlim taʼ Jehovah.”
5, 6. (a) Meta Pawlu tkellem fis-sinagoga f’Antijokija taʼ Pisidja, x’qal dwar Ġesù? (b) X’effett kellha t-taħdita taʼ Pawlu?
5 Minn Ċipru, il-ġemgħa baħħret lejn il-belt taʼ Perga fl-Asja Minuri. Pawlu u Barnabas imbagħad marru lejn in-naħa taʼ fuq minn mogħdijiet fil-muntanji, wisq probabbli ‘f’perikli minn xmajjar u minn ħallelin tat-toroq,’ lejn Antijokija, taʼ Pisidja. (2 Korintin 11:25, 26) Hemm Pawlu tkellem fis-sinagoga. (13:13-41) Hu rriveda kif Alla tratta maʼ Iżrael u identifika lil Ġesù, id-dixxendent taʼ David, bħala s-Salvatur. Għalkemm mexxejja Lhud kienu insistew li Ġesù jmut, il-wegħda lil missirijiethom twettqet meta Alla qajmu mill-mewt. (Salm 2:7; 16:10; Isaija 55:3) Pawlu wissa lis-semmiegħa tiegħu biex ma jżebilħux lir-rigal taʼ salvazzjoni t’Alla permezz taʼ Kristu.—Ħabakkuk 1:5, Settwaġinta.
6 Id-diskors taʼ Pawlu qajjem interess bħalma jagħmlu t-taħdidiet pubbliċi mogħtijin mix-Xhieda taʼ Jehovah illum. (13:42-52) Is-Sibt taʼ wara kważi l-belt kollha nġabret biex tismaʼ l-kelma taʼ Jehovah, u dan ġiegħel lil-Lhud jimtlew bil-għira. Ara, f’ġimgħa waħda biss, il-missjunarji kienu milli jidher ikkonvertew iktar Ġentili milli kienu għamlu dawk il-Lhud f’ħajjithom kollha! Peress li l-Lhud b’mod midgħi ikkontradixxew lil Pawlu, kien wasal iż-żmien biex dawl spiritwali jiddi band’oħra, u ntqalilhom: ‘Ladarba qegħdin twarrbu ’l hemm il-kelma t’Alla u ma tiġġudikawx lilkom infuskom bħala li ħaqqkom il-ħajja taʼ dejjem, aħna nduru lejn il-ġnus.’—Isaija 49:6.
7. Pawlu u Barnabas kif irreaġixxew għall-persekuzzjoni?
7 Issa l-Ġentili bdew jifirħu, u dawk kollha li kienu disposti kif jixraq għall-ħajja taʼ dejjem saru jemmnu. Hekk kif il-kelma taʼ Jehovah inġarret mal-pajjiż kollu, madankollu, il-Lhud xewxu lil xi nisa magħrufin (wisq probabbli biex jippressaw lil żwieġhom jew oħrajn) u rġiel prinċipali biex jippersegwitaw lil Pawlu u Barnabas u jitfgħuhom ’il barra mil-limiti tagħhom. Imma dak ma waqqafx lill-missjunarji. Huma sempliċement “farfru t-trab minn saqajhom kontra tagħhom” u marru Ikonjum (Konija tal-lum), belt ewlenija fil-provinċja Rumana taʼ Galatja. (Luqa 9:5; 10:11) Sewwa, xi ngħidu dwar id-dixxipli li baqgħu f’Antijokija taʼ Pisidja? Billi kienu ntgħamlu sodi fil-fidi, huma “komplew ikunu mimlijin bil-ferħ u bl-ispirtu qaddis.” Dan igħinna naraw li l-oppożizzjoni mhux bil-fors tfixkel il-progress spiritwali.
Sodi fil-Fidi Minkejja Persekuzzjoni
8. X’ġara bħala riżultat taʼ għoti taʼ xiehda b’suċċess f’Ikonjum?
8 Pawlu u Barnabas infushom urew li kienu sodi fil-fidi minkejja l-persekuzzjoni. (14:1-7) Bi tweġiba għall-għoti taʼ xiehda tagħhom fis-sinagoga taʼ Ikonjum, ħafna Lhud u Griegi saru jemmnu. Meta Lhud li ma jemmnux qanqlu lill-Ġentili kontra d-dixxipli l-ġodda, iż-żewġ ħaddiema tkellmu bil-qlubija u bl-awtorità t’Alla, u hu wera l-approvazzjoni tiegħu billi għenhom jagħmlu sinjali. Dan qasam il-folla, xi wħud żammew mal-Lhud u oħrajn mal-appostli (uħud mibgħutin). L-appostli ma kinux beżżiegħa, imma meta saru jafu dwar pjan biex iħaġġruhom, huma b’mod għaqli telqu biex jippridkaw f’Lakonija, reġjun tal-Asja Minuri fil-Galatja t’Isfel. Billi nkunu prudenti, aħna wkoll nistgħu taʼ spiss nibqgħu attivi fil-ministeru minkejja l-oppożizzjoni.—Mattew 10:23.
9, 10. (a) L-abitanti taʼ Listra kif irreaġixxew għall-fejqan taʼ raġel zopp? (b) Pawlu u Barnabas kif ireaġġixxew f’Listra?
9 Il-belt taʼ Listra fil-Lakonija mbagħad ħadet xiehda. (14:8-18) Hemm Pawlu fejjaq raġel zopp mit-twelid. Billi ma rrealizzawx li Jehovah kien responsabbli għall-miraklu, il-folol għajtu: “L-allat saru bħall-bnedmin u niżlu għandna!” Peress li dan intqal bl-ilsien Likaoni, Barnabas u Pawlu ma kinux jafu x’kien qed jiġri. Ladarba Pawlu kien il-kelliem ewlieni, in-nies ħarsu lejh bħala Hermes (il-messaġġier elokwenti tal-allat) u ħasbu li Barnabas kien Żews, l-alla Grieg ewlieni.
10 Il-qassis taʼ Żews saħansitra ġab barrin u girlandi sabiex joffri sagrifiċċji lil Pawlu u Barnabas. Wisq probabbli billi tkellmu bil-Grieg li kien jiftiehem minn kulħadd jew bl-użu taʼ xi interpretu, il-viżitaturi malajr spjegaw li huma wkoll kienu bnedmin b’difetti u li kienu qed jiddikjaraw l-aħbar tajba sabiex in-nies iduru ’l bogħod minn “dawn l-affarijiet fiergħa” (allat, jew idoli bla ħajja) lejn Alla l-ħaj. (1 Slaten 16:13; Salm 115:3-9; 146:6) Iva, Alla qabel ħalla lill-ġnus (imma mhux lill-Ebrej) imorru għal triqithom, għalkemm, ma ħalliex lilu nnifsu mingħajr xiehda dwar l-eżistenza u t-tjubija tiegħu f’li ‘tahom xita u staġuni bil-frott, billi mela lil qlubhom għalkollox bl-ikel u b’ferħ tajjeb.’ (Salm 147:8) Minkejja dan ir-raġunar, Barnabas u Pawlu bil-kemm irnexxielhom iżommu lill-folol milli jissagrifikawlhom. Iżda, il-missjunarji ma aċċettawx qima bħala allat, lanqas ma wżaw din l-awtorità biex iwaqqfu l-Kristjanità f’dak il-post. Eżempju mill-aħjar, b’mod speċjali jekk aħna inklinati li nixxenqu għal tifħir f’dak li Jehovah jippermettielna nwettqu fis-servizz tiegħu!
11. X’nistgħu nitgħallmu mill-istqarrija: “Irridu nidħlu ġewwa s-saltna t’Alla minn ħafna tribulazzjonijiet”?
11 F’daqqa waħda, il-persekuzzjoni tfaċċat bil-kruħa tagħha. (14:19-28) Dan kif? Ipperswaduti minn Lhud taʼ Antijokija taʼ Pisidja u taʼ Ikonjum, il-folol ħaġġru lil Pawlu u kaxkruh barra ’l belt, billi ħasbu li kien mejjet. (2 Korintin 11:24, 25) Imma meta d-dixxipli daru miegħu, hu qam u daħal f’Listra bla ħadd ma nduna, forsi għax kien id-dlam. L-għada, hu u Barnabas marru Derbe, fejn għadd mhux ħażin taʼ nies saru dixxipli. Meta reġgħu żaru Listra, Ikonjum, u Antijokija, il-missjunarji saħħew lid-dixxipli billi nkuraġġewhom biex jibqgħu fil-fidi u qalu: “Irridu nidħlu ġewwa s-saltna t’Alla minn ħafna tribulazzjonijiet.” Bħala Kristjani, aħna wkoll nistennew li ngħaddu minn tribulazzjonijiet u m’għandniex nippruvaw naħarbuhom billi nikkompromettu l-fidi tagħna. (2 Timotew 3:12) F’dak iż-żmien, inħatru anzjani fil-kongregazzjonijiet li lilhom inkitbet l-ittra taʼ Pawlu lill-Galatin.
12. Meta tlesta l-ewwel vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu, x’għamlu ż-żewġ missjunarji?
12 Waqt li għaddew minn Pisidja, Pawlu u Barnabas tkellmu l-kelma f’Perga, belt prominenti taʼ Pamfilja. Maż-żmien, huma rritornaw f’Antijokija, fis-Sirja. Peress li l-ewwel vjaġġ taʼ Pawlu kien tlesta, iż-żewġ missjunarji nfurmaw lill-kongregazzjoni dwar “il-ħafna affarijiet li Alla kien għamel permezz tagħhom, u li hu kien fetaħ għall-ġnus il-bieb għall-fidi.” Għaddew xi żmien mad-dixxipli f’Antijokija, u dan bla dubju għen ħafna biex jagħmilhom sodi fil-fidi. Żjajjar taʼ indokraturi li jivvjaġġaw il-lum għandhom effetti spiritwali simili.
Mistoqsija Vitali Mwieġba
13. Biex il-Kristjanità ma tinqasamx f’taqsima Ebrajka u f’waħda mhix Lhudija, x’kien meħtieġ?
13 Sodizza fil-fidi kienet tirrikjedi għaqda fil-ħsieb. (1 Korintin 1:10) Biex il-Kristjanità ma tinqasamx f’taqsima Ebrajka u f’waħda mhix Lhudija, il-ġemgħa li tiggverna kellha bżonn li tiddeċiedi jekk il-Ġentili li kienu deħlin bil-ħeffa ġol-organizzazzjoni t’Alla kellhomx iħarsu l-Liġi taʼ Mosè u jiġu ċirkonċiżi. (15:1-5) Ċerti rġiel mill-Ġudea kienu diġà vvjaġġaw lejn Antijokija tas-Sirja u kienu bdew igħallmu lill-Ġentili li emmnu li jekk ma jiġux ċirkonċiżi, ma setgħux isalvaw. (Eżodu 12:48) Għaldaqstant, Pawlu, Barnabas, u oħrajn intbagħtu għand l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm. Saħansitra hemm, uħud li jemmnu u li xi darba kienu Fariżej moħħhom fuq affarijiet legali insistew li l-Ġentili kellhom jiġu ċirkonċiżi u josservaw il-Liġi.
14. (a) Għalkemm sar disputar fil-konferenza taʼ Ġerusalemm, x’eżempju tajjeb ingħata? (b) X’inhu s-sugu tar-raġunar taʼ Pietru f’dik l-okkażjoni?
14 Inżammet konferenza biex tiġi aċċertata r-rieda t’Alla. (15:6-11) Iva, kien hemm disputar, imma ma kienx hemm ġlied hekk kif irġiel b’konvinzjonijiet qawwija esprimew lilhom infushom—eżempju mill-aħjar għall-anzjani llum! Meta kien il-waqt Pietru qal: ‘Alla għażel li permezz taʼ fommi Ġentili [bħal Kornelju] għandhom jisimgħu l-aħbar tajba u jemmnu. Hu ta xiehda billi tahom l-ispirtu qaddis u ma għamel ebda distinzjoni bejna u bejnhom. [Atti 10:44-47] Mela għala qegħdin iġġarrbu lil Alla billi timponu madmad [obbligu li jżommu l-Liġi] fuq għonqhom li la aħna u lanqas missirijietna tal-qedem ma setgħu jifilħu? Ahna [il-Lhud skond il-laħam] nafdaw li nsalvaw permezz tal-qalb tajba mhix mistħoqqa tal-Mulej Ġesù bl-istess mod bħal dawk in-nies.’ Il-fatt li Alla aċċetta Ġentili mhux ċirkonċiżi wera li ċ-ċirkonċiżjoni u z-żamma tal-Liġi ma kinux meħtieġa għas-salvazzjoni.—Galatin 5:1.
15. Liema punti bażiċi għamel Ġakbu, u x’issuġġerixxa li jiktbulhom lill-Kristjani Ġentili?
15 Il-kongregazzjoni siktet meta kkonkluda Pietru, imma kellu jintqal iżjed. (15:12-21) Barnabas u Pawlu tkellmu dwar is-sinjali li Alla wettaq permezz tagħhom fost il-Ġentili. Imbagħad dak li ppresieda l-laqgħa, Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, qal: ‘Simeon [isem Pietru bl-Ebrajk] irrakkonta kif Alla dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-ġnus biex jieħu minnhom poplu għal ismu.’ Ġakbu indika li l-bini mill-ġdid li kien imbassar tal-“għarix taʼ David” (it-twaqqif mill-gdid tas-saltna fil-linja taʼ David) kien qed jitwettaq bil-ġbir tad-dixxipli (werrieta tas-Saltna) taʼ Ġesù minn fost Lhud kif ukoll Ġentili. (Għamos 9:11, 12 Settwaġinta; Rumani 8:17) Ladarba Alla hekk ippjana, id-dixxipli għandhom jaċċettawh dan. Ġakbu ta l-parir li jiktbu lill-Kristjani Ġentili biex jastjenu minn (1) affarijiet imniġġsin, (2) miż-żina, u (3) mid-demm u dak li jiġi fgat. Dawn il-projbizzjonijiet kienu fil-kitbiet taʼ Mosè li kienu jinqraw fis-sinagogi kull jum taʼ Sibt.—Ġenesi 9:3, 4; 12:15-17; 35:2, 4.
16. L-ittra tal-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu fuq liema tliet punti tagħti gwida sal-ġurnata tal-lum?
16 Il-ġemgħa li tiggverna issa bagħtet ittra lill-Kristjani Ġentili f’Antijokija, is-Sirja, u ċ-Ċiliċja. (15:22-35) L-ispirtu qaddis u l-kittieba tal-ittra irrikjedew astinenza minn affarijiet issagrifikati lill-idoli; mid-demm (ikkunsmat b’mod regulari minn xi nies); minn affarijiet fgati mingħajr ma jinħareġ demmhom (ħafna pagani kienu jqisu laħam bħal dan bħala mill-aqwa ikel); u miż-żina (Grieg por·neiʹa, li tindika relazzjonijiet sesswali illeċiti barra żwieġ Skritturali). B’din l-astinenza, huma kien se jkollhom ir-riżq spiritwalment, saħansitra bħalma għandhom issa x-Xhieda taʼ Jehovah għaliex huma japplikaw “dawn l-affarijiet neċessarji.” Il-kelmiet “Saħħa tajba lilkom!” ammontaw għal li wieħed igħid “Saħħa,” u m’għandniex nikkonkludu li dawn il-ħtiġijiet primarjament kellhom x’jaqsmu maʼ miżuri taʼ saħħa. Meta l-ittra nqrat f’Antijokija, il-kongregazzjoni ferħet bl-inkuraġġiment li kienet tipprovdi. F’dak iż-żmien, il-poplu t’Alla f’Antijokija wkoll intagħmel sod fil-fidi bil-kliem inkuraġġanti taʼ Pawlu, Silas, Barnabas, u oħrajn. Jalla aħna wkoll infittxu modi biex ninkuraġġixxu u nibnu lil sħabna fit-twemmin.
Tibda t-Tieni Mawra Missjunarja
17. (a) Xi problema qamet meta ġiet proposta mawra missjunarja oħra, it-tieni waħda? (b) Pawlu u Barnabas kif aġixxew fit-tilwima tagħhom?
17 Qamet problema meta ġie pproponut vjaġġ missjunarju ieħor, it-tieni wieħed. (15:36-41) Pawlu ssuġġerixxa li hu u Barnabas jerġgħu jżuru lill-kongregazzjonijiet f’Ċipru u fl-Asja Minuri. Barnabas qabel imma ried jieħu miegħu lil Mark il-kuġin tiegħu. Pawlu m’aċċettax għax Mark kien telaqhom f’Pamfilja. Minħabba f’hekk kien hemm “tfaqqiegħa qawwija taʼ rabja.” Imma la Pawlu u lanqas Barnabas ma fittxew vindikazzjoni persunali billi ppruvaw jinvolvu anzjani oħra jew il-ġemgħa li tiggverna fil-kwistjoni privata tagħhom. X’eżempju mill-aħjar!
18. X’irriżulta mis-separazzjoni taʼ Pawlu u Barnabas, u kif nistgħu nibbenefikaw minn dan l-inċident?
18 Din it-tilwima, madankollu, ikkaġunat separazzjoni. Barnabas ħa lil Mark miegħu lejn Ċipru. Pawlu, maʼ Silas bħala sieħbu, “għaddew mis-Sirja u minn Ċiliċja, isaħħu lill-kongregazzjonijiet.” Barnabas setaʼ ġie influwenzat minn rabtiet tal-familja, imma kien imissu għaraf l-appostolat taʼ Pawlu u l-għażla tiegħu bħala “reċipjent magħżul.” (Atti 9:15) U xi ngħidu għalina? Dan l-inċident għandu jimpressjonana dwar il-ħtieġa li nagħrfu awtorità teokratika u li nikkoperaw bis-sħiħ mal-“irsir fidil u għaqli”!—Mattew 24:45-47.
Progress fil-Paċi
19. X’eżempju għandhom żgħażagħ Kristjani taż-żmien preżenti f’Timotew?
19 Din it-tilwima ma tħallietx teffettwa l-paċi tal-kongregazzjoni. Il-poplu t’Alla baqaʼ jiġi ssodat fil-fidi. (16:1-5) Pawlu u Silas marru Derbe u lil hinn lejn Listra. Hemm kien igħix Timotew, l-iben taʼ Ewniċe, Lhudija li kienet temmen, u taʼ żewġha li ma kienx jemmen u li kien Grieg. Timotew kien żagħżugħ, għax saħansitra 12 - 15 sena wara, intqallu: “Tħalli lil ebda raġel qatt imaqdar lil żgħożitek.” (1 Timotew 4:12) Ladarba hu “kien irrapportat tajjeb dwaru mill-aħwa f’Listra u [madwar 18-il mil ’l bogħod] f’Ikonjum,” hu kien magħruf tajjeb għall-ministeru mill-aħjar u l-kwalitajiet taʼ tjieba tiegħu. Żgħażagħ Kristjani llum għandhom ifittxu l-għajnuna taʼ Jehovah biex jibnu reputazzjoni simili. Pawlu għamel iċ-ċirkonċiżjoni lil Timotew għaliex kienu se jmorru fi djar u sinagogi tal-Lhud li kienu jafu dwar missier Timotew li kien Ġentil, u l-appostlu ried li xejn ma jfixkel l-aċċess għal irġiel u nisa Lhud li kellhom bżonn jitgħallmu dwar il-Messija. Mingħajr ma jiksru l-prinċipji tal-Bibbja, ix-Xhieda taʼ Jehovah illum ukoll jagħmlu li jistgħu biex jagħmlu l-aħbar tajba aċċettabbli għal kull xorta taʼ nies.—1 Korintin 9:19-23.
20. L-aċċettar tal-ittra tal-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu x’effett kellu, u kif taħseb li dan għandu jeffettwa lilna?
20 B’Timotew bħala assistent tagħhom, Pawlu u Silas qassmu lid-dixxipli d-digrieti tal-ġemgħa li tiggverna biex josservawhom. U x’kien ir-riżultat? Probabbli billi jirreferi għas-Sirja, iċ-Ċiliċja, u l-Galatja, Luqa kiteb: “Il-kongregazzjonijiet komplew jiġu ssodati fil-fidi u jiżdiedu fin-numru minn jum għal jum.” Iva, l-aċċettar tal-ittra tal-ġemgħa li tiggverna rriżulta f’għaqda u prosperità spiritwali. X’eżempju mill-aħjar għaż-żminijiet kritiċi tagħna, meta n-nies taʼ Jehovah iridu jibqgħu magħqudin u sodi fil-fidi!
Kieku Int Kif Twieġeb
◻ Pawlu u Barnabas kif irreaġixxew għall-persekuzzjoni?
◻ X’nistgħu nitgħallmu mill-istqarrija: “Irridu nidħlu ġewwa s-saltna t’Alla minn ħafna tribulazzjonijiet”?
◻ X’parir nieħdu mit-tliet punti fl-ittra mibgħuta mill-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu?
◻ Fatturi li għamlu lix-Xhieda taʼ Jehovah tal-ewwel seklu sodi fil-fidi kif japplikaw għalina llum?