Kemm Hi Eżatta l-Istorja tal-Bibbja?
“QIEGĦED ingħid il-verità, m’inix qiegħed nigdeb,” stqarr kittieb tal-Bibbja lill-ħabib żagħżugħ tiegħu. (1 Timotew 2:7) Espressjonijiet bħal dawn fl-ittri taʼ Pawlu jippreżentaw sfida lill-kritiċi tal-Bibbja.a Għaddew iktar minn 1,900 sena mindu nkitbu l-ittri taʼ Pawlu. Wara dak iż-żmien kollu, ħadd ma ppropona u ta prova b’suċċess li mqar punt wieħed mill-ittri tiegħu ma kienx eżatt.
Il-kittieb tal-Bibbja Luqa wkoll esprima tħassib dwar l-eżattezza. Huwa kiteb rakkont preċiż dwar il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù li kien segwit mir-rakkont tiegħu li jissejjaħ l-Atti tal-Appostli. “Jien fittixt bir-reqqa l-affarijiet kollha mill-bidu b’eżattezza,” kiteb Luqa.—Luqa 1:3.
Testimonjanzi taʼ Eżattezza
Il-kritiċi tal-Bibbja tal-bidu tas-seklu 19 sfidaw l-eżattezza taʼ Luqa bħala kittieb tal-istorja. Barra minn hekk, huma sostnew li l-istorja fil-ktieb tal-Atti ġiet ivvintata fin-nofs tat-tieni seklu E.K. L-arkeologu Britanniku Sir William Mitchell Ramsay kien wieħed li kien jemmen hekk. Imma wara li nvestiga l-ismijiet u l-postijiet imsemmijin minn Luqa, hu stqarr: “Bil-mod il-mod beda jidwili f’moħħi li f’diversi dettalji r-rakkont wera verità meraviljuża.”
Meta Ramsay kiteb dan, kwistjoni dwar l-eżattezza taʼ Luqa baqgħet mhix issetiljata. Kellha x’taqsam mal-ibliet qrib taʼ xulxin taʼ Ikonjum, Listra, u Derbe. Luqa implika li Ikonjum kienet distinta minn Listra u Derbe, billi ddeskriva lil dawn tal-aħħar bħala “l-ibliet taʼ Likaonja.” (Atti 14:6) Madankollu, kif tidher fuq il-mappa, Listra kienet eqreb lejn Ikonjum minn Derbe. Xi wħud mill-kittieba tal-istorja tal-qedem iddeskrivew lil Ikonjum bħala parti minn Likaonja; b’hekk, il-kritiċi sfidaw lil Luqa għax ma qalx hekk ukoll.
Imbagħad, fl-1910, Ramsay skopra monument fir-rovini taʼ Ikonjum li juri li l-lingwa taʼ dik il-belt kienet il-Friġjan u mhux il-Likaonjan. “Numru taʼ skrizzjonijiet oħrajn minn Ikonjum u l-inħawi tagħha jsostnu l-fatt li razzjalment dik il-belt setgħet tiġi deskritta bħala Friġjana,” igħid Dr. Merrill Unger fil-ktieb tiegħu Archaeology and the New Testament. Tabilħaqq, l-Ikonjum taʼ żmien Pawlu kellha kultura Friġjana u distinta minn “l-ibliet taʼ Likaonja,” fejn in-nies kienu jitkellmu “bl-ilsien Likaonjan.”—Atti 14:6, 11.
Il-kritiċi tal-Bibbja ddubitaw ukoll kif Luqa uża l-kelma “politarki” għall-ħakkiema tal-belt taʼ Tessalonika. (Atti 17:6, nota taʼ taħt) Din l-espressjoni ma kinetx magħrufa fil-letteratura Griega. Imbagħad instabet arkata fil-belt antika li kien fiha l-ismijiet taʼ ħakkiema tal-belt deskritti bħala “politarki”—eżattament il-kelma wżata minn Luqa. “L-eżattezza taʼ Luqa ġiet ivvindikata mill-użu tat-terminu,” jispjega W. E. Vine fl-Expository Dictionary of Old and New Testament Words tiegħu.
Il-Vjaġġ taʼ Luqa bil-Baħar
Esperti navali eżaminaw id-dettalji tan-nawfraġju deskritt f’Atti kapitlu 27. Skond Luqa, il-bastiment kbir li fih hu u Pawlu baħħru nqabad f’riefnu mill-Grigal ħdejn il-gżira żgħira taʼ Kauda, u l-baħrin bdew jibżgħu li se jiġu mkaxkrin lejn ix-xtajtiet kollha ramel u perikolużi ’l barra mill-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika. (Atti 27:14, 17, nota taʼ taħt) Permezz tal-ħila tal-baħħara tas-sengħa, huma rnexxielhom jidderieġu l-bastiment ’l bogħod mill-Afrika fuq korsa lejn il-Punent. Ir-riefnu kompla bla ma batta xejn, u eventwalment il-bastiment inkalja ’l barra mill-gżira taʼ Malta, wara li vvjaġġa distanza taʼ madwar 540 mil. Esperti navali jikkalkulaw li vapur kbir li jivvjaġġa f’riefnu kien jieħu ’l fuq minn 13-il jum biex jiġi mbuttat dak il-bogħod kollu. Il-kalkoli tagħhom jaqblu mar-rakkont taʼ Luqa, li jistqarr li n-nawfraġju seħħ fl-14-il jum. (Atti 27:27, 33, 39, 41) Wara li nvestiga d-dettalji kollha tal-vjaġġ taʼ Luqa bil-baħar, il-baħħar James Smith ikkonkluda: “Huwa rakkont taʼ ġrajjiet reali, miktubin minn xi ħadd li ħa sehem fihom personalment . . . L-ebda bniedem li m’huwiex baħri ma setaʼ jikteb rakkont taʼ vjaġġ fuq il-baħar tant konsistenti fil-partijiet kollha tiegħu, jekk mhux għax kien osservahom attwalment hu.”
Minħabba sejbiet bħal dawn, xi teoloġi huma lesti li jiddefendu l-Iskrittura Griega Kristjana bħala li hi eżatta storikament. Imma xi ngħidu dwar il-kitbiet storiċi iktar bikrin misjubin fl-Iskrittura Ebrajka? Bosta membri tal-kleru jbaxxu rashom għall-filosofija moderna u jiddikjaraw li fiha l-ħrejjef. Madankollu, numru taʼ dettalji tal-istorja bikrija tal-Bibbja ġew ivverifikati wkoll, b’mod li lill-kritiċi ħammrilhom wiċċhom. Ikkunsidra, per eżempju, l-iskoperta tal-Imperu Assirjan li kien xi darba minsi.
[Nota taʼ taħt]
a Ara wkoll Rumani 9:1; 2 Korintin 11:31; Galatin 1:20.