LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 9/15 pp. 12-16
  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipproklama bil-Qlubija s-Saltna taʼ Jehovah!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sħabu Fit-​Twemmin Mibnijin
  • Ħa Sseħħ ir-​Rieda taʼ Jehovah
  • Attakkat mill-​Marmalja Imma mhux Skuraġġit
  • Qlubija Quddiem Mexxejja
  • Perikli fil-​Baħar
  • Ibqaʼ Pproklama s-​Saltna taʼ Jehovah!
  • “Nappella għal Quddiem Ċesari!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Agħmel Kuraġġ—Ġeħova Se Jgħinek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • “Nixtieq Immur Quddiem Ċesari!”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • “Agħmel Kuraġġ!”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 9/15 pp. 12-16

Ipproklama bil-​Qlubija s-​Saltna taʼ Jehovah!

“Kien b’qalb tajba jilqaʼ lil dawk kollha li ġew għandu, billi jippridkalhom is-​saltna t’Alla.”−ATTI 28:30, 31.

1, 2. X’evidenza taʼ appoġġ divin kellu l-​appostlu Pawlu, u x’eżempju ta?

JEHOVAH dejjem jappoġġja lix-​xandara tas-​Saltna. Kemm kien minnu dan dwar l-​appostlu Pawlu! B’appoġġ divin, hu deher quddiem mexxejja, issaporta attakki tal-​marmalja, u xandar bil-​qlubija s-​Saltna taʼ Jehovah.

2 Saħansitra bħala priġunier f’Ruma, Pawlu “kien b’qalb tajba jilqaʼ lil dawk kollha li ġew għandu, billi jippridkalhom is-​saltna t’Alla.” (Atti 28:30, 31) X’eżempju mill-​aħjar għax-​Xhieda taʼ Jehovah illum! Aħna nistgħu nitgħallmu wisq mill-​ministeru taʼ Pawlu kif ġie rrapportat minn Luqa fl-​aħħar kapitli tal-​ktieb Bibliku taʼ Atti.—20:l-28:31.

Sħabu Fit-​Twemmin Mibnijin

3. X’ġara fi Troas, u liema xebh jistaʼ jinstab fi żmienna?

3 Wara li kkalmat ir-​rewwixta f’Efesu, Pawlu ssokta fit-​tielet mawra missjunarja tiegħu. (20:l-12) Meta kien wasal biex ibaħħar lejn is-​Sirja, madankollu, hu sar jaf li xi Lhud kienu kkomplottaw kontra tiegħu. Peress li setgħu ppjanaw li jirkbu l-​istess vapur u joqtlu lil Pawlu, hu għadda mill-​Maċedonja. Fi Troas, hu qattaʼ ġimgħa jibni lil sħabu fit-​twemmin bħalma jagħmlu issa indokraturi li jivvjaġġaw fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Fil-​lejla taʼ qabel ma telaq, Pawlu tawwal id-​diskors tiegħu sa nofs il-​lejl. Ewtikus, bil-​qiegħda f’ħoġor taʼ tieqa, milli jidher kien għajjien mit-​taħbit tal-​jum. Marret għajnu bih u waqaʼ mit-​tielet sular u miet, imma Pawlu ġabu lura għall-​ħajja. X’ferħ żgur li kkaġuna dan! Aħseb, mela, dwar il-​ferħ li se jirriżulta meta ħafna miljuni jiġu rxoxtati fid-​dinja ġdida li ġejja.—Ġwann 5:28, 29.

4. Rigward il-​ministeru, Pawlu x’għallimhom lill-​anzjani taʼ Efesu?

4 Fi triqtu lejn Ġerusalemm, f’Miletus Pawlu ltaqaʼ mal-​anzjani taʼ Efesu. (20:13-21) Hu fakkarhom li kien għallimhom “minn dar għal dar” u li ta “xiehda bis-​sħiħ kemm lil Lhud u kemm lil Griegi dwar l-​indiema lejn Alla u l-​fidi fil-​Mulej tagħna Ġesù.” Dawk li fl-​aħħar mill-​aħħar saru anzjani kienu nidmu, u kienu jipposjedu l-​fidi. L-​appostlu kien qed iħarriġhom ukoll biex ixandru s-​Saltna bil-​qlubija lil nies li ma kinux jemmnu f’ministeru minn dar għal dar bħal dak li jwettqu x-​Xhieda taʼ Jehovah illum.

5. (a) Pawlu kif kien eżemplari rigward direzzjoni mill-​ispirtu qaddis? (b) L-​anzjani għala kellhom bżonn parir biex ‘joqogħdu attenti għall-​merħla kollha’?

5 Pawlu kien eżemplari f’li jaċċetta direzzjoni mill-​ispirtu qaddis t’Alla. (20:22-30) “Marbut fl-​ispirtu,” jew billi ħassu obbligat li jsegwi l-​gwida tiegħu, l-​appostlu kien se jmur lejn Ġerusalemm, għalkemm ktajjen u tribulazzjonijiet kienu jistennewh hemmhekk. Hu kien igħożż il-​ħajja, imma li jżomm l-​integrità lejn Alla kienet l-​iktar ħaġa importanti għalih, kif għandha tkun għalina. Pawlu ħeġġeġ lill-​anzjani biex ‘joqogħdu attenti għall-​merħla kollha li fostha l-​ispirtu qaddis kien ħatarhom bħala indokraturi.’ “Wara t-​tluq” tiegħu (milli jidher bil-​mewt), “ilpup li jaħqru mhux se jittrattaw lill-​merħla bil-​ħlewwa.” Irġiel bħal dawn kienu se jqumu minn fost l-​anzjani nfushom, u dixxipli b’inqas dehen kienu se jaċċettaw it-​tagħlim imgħawweġ tagħhom.—2 Tessalonkin 2:6.

6. (a) Pawlu għala setaʼ bil-​fiduċja jerħi lill-​anzjani f’idejn Alla? (b) Pawlu kif segwa l-​prinċipju taʼ Atti 20:35?

6 L-​anzjani riedu jibqgħu attenti spiritwalment biex igħassu kontra l-​apostasija. (20:3l-38) L-​appostlu kien għallimhom l-​Iskrittura Ebrajka u t-​tagħlim taʼ Ġesù, li għandu qawwa li tqaddes u li setgħet tgħinhom biex jirċievu s-​Saltna tas-​sema, “il-​wirt fost l-​imqaddsin kollha.” Billi ħadem iebes biex jipprovdi għalih innifsu u għal sħabu, Pawlu nkuraġġixxa wkoll lill-​anzjani biex jaħdmu iebes. (Atti 18:l-3; 1 Tessalonkin 2:9) Jekk aħna nsegwu korsa simili u ngħinu lil oħrajn biex jaqilgħu ħajja eterna, se napprezzaw il-​kliem taʼ Ġesù: “Hemm iktar ferħ f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi.” Is-​sens taʼ din l-​istqarrija jinsab fil-​Vanġeli imma huwa kkwotat biss minn Pawlu, li forsi rċevieha bil-​fomm jew b’ispirazzjoni. Aħna nistgħu ngawdu wisq ferħ jekk nissagrifikaw lilna nfusna bħal Pawlu. Iva, hu tant kien ta minnu nnifsu li t-​tluq tiegħu sewwed qalb l-​anzjani taʼ Efesu bil-​kbir!

Ħa Sseħħ ir-​Rieda taʼ Jehovah

7. Pawlu kif ta eżempju f’li jissottometti lilu nnifsu għar-​rieda t’Alla?

7 Hekk kif it-​tielet vjaġġ missjunarju taʼ Pawlu qorob lejn it-​tmiem tiegħu (ċ. 56 E.K.), hu tana eżempju mill-​aħjar f’li ssottometta lilu nnifsu għar-​rieda t’Alla. (21:l-14) F’Ċesarija hu u sħabu qagħdu għand Filippu, li kellu erbaʼ bniet verġni li kienu ‘jipprofetizzaw,’ billi jbassru ġrajjiet bl-​ispirtu qaddis. Hemm il-​profeta Kristjan Agabus rabat idejh u saqajh stess maʼ ħżiem Pawlu u ġie mqanqal bl-​ispirtu biex igħid li l-​Lhud kienu se jorbtu lill-​propjetarju tiegħu f’Ġerusalemm u jagħtuh f’idejn Ġentili. “Jien lest mhux biss li nkun marbut imma wkoll li mmut f’Ġerusalemm għall-​isem tal-​Mulej Ġesù,” qal Pawlu. Id-​dixxipli ċedew billi qalu: “Ħa ssir ir-​rieda taʼ Jehovah.”

8. Jekk xi drabi nsibuha iebsa biex naċċettaw parir tajjeb, x’nistgħu niftakru?

8 Pawlu qal lill-​anzjani f’Ġerusalemm x’għamel Alla fost il-​Ġentili permezz tal-​ministeru tiegħu. (21:15-26) Jekk xi darba nsibuha iebsa biex naċċettaw parir tajjeb, nistgħu niftakru kif Pawlu aċċettah. Biex jagħti prova li ma kienx qed igħallem lil Lhud f’artijiet Ġentili “apostasija minn Mosè,” hu obda l-​parir tal-​anzjani f’li jiġi mnaddaf b’mod ċerimonjali u jħallas l-​ispejjes għalih innifsu u għal erbaʼ rġiel oħra. Għalkemm il-​mewt taʼ Ġesù neħħiet il-​Liġi min-​nofs, Pawlu ma għamel ebda deni billi wettaq il-​fatturi tagħha rigward wegħdiet.—Rumani 7:12-14.

Attakkat mill-​Marmalja Imma mhux Skuraġġit

9. Rigward vjolenza tal-​marmalja, liema xebh hemm bejn l-​esperjenzi taʼ Pawlu u dawk tax-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

9 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah taʼ spiss żammew l-​integrità lejn Alla quddiem vjolenza mill-​marmalja. (Per eżempju, ara n-​1975 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 180-190.) Lhud mill-​Asja Minuri bl-​istess mod xewxu lill-​marmalja biex tattakka lil Pawlu. (21:27-40) Billi raw lil Trofimus taʼ Efesu miegħu, huma akkużaw b’mod falz lill-​appostlu li kien niġġes it-​tempju billi daħħal Griegi ġo fih. Pawlu kien għoddu nqatel meta t-​tribun Ruman Klawdjus Lisjas u l-​irġiel tiegħu kkalmaw ir-​rewwixta! Bħalma ġie mbassar (imma kkawżat mil-​Lhud), Lisjas ordna li Pawlu jintrabat bil-​ktajjen. (Atti 21:11) L-​appostlu kien se jittieħed fil-​kwartieri tas-​suldati li kienu jmissu mal-​bitħa tat-​tempju meta Lisjas sar jaf li Pawlu ma kienx xi xewwiexi imma Lhudi li kien jistaʼ jidħol fl-​inħawi tat-​tempju. Billi ħa permess biex jitkellem, Pawlu indirizza lin-​nies bl-​Ebrajk.

10. Id-​diskors taʼ Pawlu kif intlaqaʼ mil-​Lhud f’Ġerusalemm, u għala ma ġiex imsawwat?

10 Pawlu ta xiehda bil-​qlubija. (22:l-30) Hu identifika lilu nnifsu bħala Lhudi mgħallem minn Gamaljel li kien irrispettat ħafna. L-​appostlu spjega li fi triqtu lejn Damasku biex jippersegwita segwaċi tal-​Mogħdija, hu ntgħamel għama meta ra lil Ġesù Kristu gglorifikat, imma Ananija kien tah lura d-​dawl. Iktar tard il-​Mulej kien qal lil Pawlu: “Mur fi triqtek, għaliex jien se nibgħatek ’il barra lejn ġnus ’il bogħod.” Dawn il-​kelmiet waqgħu bħal xrara nar ġo foresta. Waqt li bdew igħajtu Pawlu ma kienx jixraqlu jgħix, il-​folla tan-​nies bdew iwaddbu ħwejjiġhom taʼ fuq kullimkien u tefgħu t-​trab fl-​ajru bir-​rabja. Għalhekk Lisjas ordna li Pawlu jittieħed fil-​kwartieri tas-​suldati biex jiġi eżaminat bis-​swat biex isir jaf għala l-​Lhud kienu kontrih. Is-​swat (bi frosta magħmula minn strixxi tal-​ġilda b’għoqod jew biċċiet tal-​metall jew għadam imdaħħlin ġo fiha) ġie evitat meta Pawlu staqsa: ‘Huwa skond il-​liġi li ssawwat Ruman mhux ikkundannat?’ Meta sar jaf li Pawlu kien ċittadin Ruman, Lisjas sar beżgħan u ħadu quddiem is-​Sinedriju biex ikun jaf għala kien qed jiġi mixli mil-​Lhud.

11. F’liema rigward Pawlu kien Fariżew?

11 Meta Pawlu beda d-​difiża tiegħu quddiem is-​Sinedriju billi qal li hu kien ‘aġixxa quddiem Alla b’kuxjenza nadifa perfettament,’ il-​Qassis il-​kbir Ananija ordna li jiġi msawwat. (23:1-10) Pawlu qal, “Alla sejjer jolqot lilek, ja ħajt imbajjad.” “Qiegħed int iżżeblaħ lill-​qassis il-​kbir?” staqsew xi wħud. Minħabba vista batuta, Pawlu forsi ma għarfux lil Ananija. Imma billi nnota li l-​kunsill kien iffurmat minn Fariżej u Sadduċej, Pawlu qal: ‘Jien Fariżew li qed niġi ġġudikat fuq it-​tama tal-​irxoxt.’ Dan qasam is-​Sinedriju, għax il-​Fariżej kienu jemmnu fl-​irxoxt u s-​Sadduċej le. Tant qam ġlied li Lisjas kellu jsalva lill-​appostlu.

12. Pawlu kif ħarab komplott kontra ħajtu f’Ġerusalemm?

12 Pawlu mbagħad ħarab minn komplot kontra ħajtu. (23:11-35) Erbgħin Lhudi kienu ħalfu li la jieklu u lanqas jixorbu sakemm ikunu qatluh. In-​neputi taʼ Pawlu rrapporta dan lilu u lil Lisjas. Taħt skorta militari, l-​appostlu ttieħed għand il-​Gvernatur Antonjus Feliċ f’Ċesarija, il-​kapitali amministrattiva Rumana tal-​Ġudea. Wara li wiegħed li jismaʼ lil Pawlu, Feliċ żammu bil-​għassa fil-​palazz Pretorjan taʼ Erodi l-​kbir, il-​kwartieri ġenerali tal-​gvernatur.

Qlubija Quddiem Mexxejja

13. Dwar xiex Pawlu ta xiehda lil Feliċ, u b’liema effett?

13 L-​appostlu malajr iddefenda lilu nnifsu kontra akkużi foloz u ta xiehda bil-​qlubija lil Feliċ. (24:l-27) Quddiem Lhud li xlewh, Pawlu wera li hu ma kienx qajjem marmalja. Hu qal li kien jemmen l-​affarijiet imniżżlin fil-​Liġi u l-​Profeti u kien jittama f’“irxoxt kemm tat-​twajbin u kemm taʼ dawk li m’humiex twajbin.” Pawlu kien mar Ġerusalemm b’“għotjiet taʼ ħniena” (kontribuzzjonijiet għas-​segwaċi taʼ Ġesù li forsi waqgħu fil-​faqar minħabba l-​persekuzzjoni) u kien ġie mnaddaf b’mod ċerimonjali. Għalkemm Feliċ ippospona l-​ġudizzju, Pawlu iktar tard ippriedka lilu u lil martu Drusilla (bint Erodi Agrippa I) dwar Kristu, it-​tjieba, ir-​rażna, u l-​ġudizzju li kien ġej. Imbeżżaʼ minn dan il-​kliem, Feliċ bagħat lil Pawlu ’l barra. Iktar tard, madankollu, hu bagħat għall-​appostlu taʼ spiss, billi kien jittama fil-​vojt għal xi tixħim. Feliċ kien jaf li Pawlu kien innoċenti imma ħallieh marbut, billi kien jittama li jaqlaʼ l-​favur tal-​Lhud. Sentejn wara, Feliċ ġie segwit minn Porċjus Festus.

14. Minn liema provvediment legali Pawlu ħa vantaġġ meta deher quddiem Festus, u liema xebh issib f’dan?

14 Pawlu wkoll għamel difiża qalbiena quddiem Festus. (25:1-12) Li kieku l-​appostlu kien ħaqqu l-​mewt, ma kienx se jipprova jaħrabha, imma l-​ebda bniedem ma setaʼ jagħtih f’idejn il-​Lhud bħala favur. “Nappella lil Ċesri!” qal Pawlu, billi ħa vantaġġ mid-​dritt taʼ ċittadin Ruman li jiġi ġġudikat f’Ruma (f’dak iż-​żmien quddiem Neruni). Billi ngħata l-​appell, Pawlu kien se ‘jagħti xiehda f’Ruma,’ bħalma ġie mbassar. (Atti 23:11) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ukoll jieħdu vantaġġ minn provvedimenti biex ‘jiddefendu u jistabbilixxu legalment l-​aħbar tajba.’—Filippin 1:7.

15. (a) Liema profezija twettqet meta Pawlu deher quddiem is-​Sultan Agrippa u Ċesri? (b) Sawlu kif ‘ta bis-​sieq kontra l-​ingiegeż’?

15 Is-​Sultan Erodi Agrippa II tal-​Ġudea taʼ fuq u oħtu Berniċe (li magħha kellu relazzjoni taʼ inċest) semgħu’ lil Pawlu meta żar lil Festus f’Ċesarija. (25:13-26:23) Billi ta xiehda lil Agrippa u lil Ċesri, Pawlu wettaq il-​profezija li hu kellu jġorr isem il-​Mulej lis-​slaten. (Atti 9:15) Billi qal lil Agrippa x’kien ġara fit-​triq lejn Damasku, Pawlu rrimarka li Ġesù qal: “Li tibqaʼ tagħti bis-​sieq kontra l-​ingiegeż jagħmilha iebsa għalik.” Bħalma barri b’rasu iebsa jweġġaʼ lilu nnifsu jekk jirreżisti l-​ingiegeż taʼ xpruna, Sawlu kien weġġaʼ lilu nnifsu billi ġġieled kontra s-​segwaċi taʼ Ġesù, li kellhom l-​appoġġ t’Alla.

16. Festus u Agrippa kif irreaġixxew għax-​xiehda taʼ Pawlu?

16 Festus u Agrippa kif irreaġixxew? (26:24-32) Billi ma setax jifhem l-​irxoxt u skantat bil-​konvinzjoni taʼ Pawlu, Festus qal: “Tagħlim kbir qed iġennek!” B’mod simili, xi wħud issa jakkużaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah bħala li huma mġienen, għalkemm huma verament bħal Pawlu qed ‘ilissnu qwiel taʼ verità u taʼ moħħ f’loku.’ “Fi żmien qasir se tipperswadi lili nsir Kristjan,” qal Agrippa, li temm il-​laqgħa imma rrikonoxxa li Pawlu setaʼ jinħeles li kieku ma kienx appella lil Ċesri.

Perikli fil-​Baħar

17. Kif tiddeskrivi l-​perikli li ltaqgħu magħhom fil-​baħar matul il-​vjaġġ taʼ Pawlu lejn Ruma?

17 Il-​vjaġġ lejn Ruma espona lil Pawlu għal “perikli fil-​baħar.” (2 Korintin 11:24-27) Fizzjal tal-​armata jismu Ġuljus kien inkarigat mill-​priġunieri li kienu qed ibaħħru minn Ċesarija għal Ruma. (27:l-26) Meta l-​vapur tagħhom waqaf f’Sidon, Pawlu ġie mħolli jżur lil dawk li kienu jemmnu, li rrifreskawh b’mod spiritwali. (Qabbel 3 Ġwann 14.) F’Mira fl-​Asja Minur, Ġuljus ġagħal lill-​priġunieri jitilgħu fuq vapur tal-​qamħ li kien sejjer l-​Italja. Minkejja rjieħ ewlenin qawwija, irnexxielhom jaslu fil-​port taʼ Fair Havens, ħdejn il-​belt taʼ Lasea fi Kreta. Wara li telqu minn hemm fi triqithom lejn Phoenix, riefnu mill-​grigal ħataf il-​vapur. Beżgħanin li jinkaljaw fuq is-​Sirtis (art ramlija) lil hinn mill-​Afrika taʼ fuq, il-​baħrin “baxxew l-​armar,” forsi l-​qlugħ u l-​arbli. Huma kienu gerbbu l-​ħbula mal-​qafas kollu biex il-​vapur ma jinfetaħx mit-​truf. Billi l-​għada kienu għadhom maqbudin fit-​tempesta, il-​vapur tnaqqaslu l-​piż billi l-​merkanzija ntefgħet il-​baħar. It-​tielet jum, huma rmew l-​armar (qlugħ jew apparat żejjed). Hekk kif it-​tama dehret li qed tispiċċa għalkollox, anġlu deher lil Pawlu u qallu biex ma jkunx beżgħan, għax hu kien se jidher quddiem Ċesri. X’serħan ħassew meta l-​appostlu qal li l-​vjaġġaturi kollha kienu se jintefgħu fuq ix-​xtut taʼ ċerta gżira!

18. Fl-​aħħar xi ġralhom Pawlu u sħabu l-​vjaġġaturi?

18 Il-​vjaġġaturi veru li salvaw. (27:27-44) F’nofs il-​lejl tal-​14-il jum, il-​baħrin indunaw li kienu qrib l-​art. L-​iskandaljar ikkonferma dan, u tniżżlu l-​ankri biex jiġi evitat xi diżastru mal-​blat. Bit-​tħeġġiġ taʼ Pawlu, il-​276 raġel kollha kielu xi ħaġa. Imbagħad il-​vapur tħaffef billi l-​qamħ intefaʼ l-​baħar. Mat-​tbexbix, il-​baħrin qatgħu l-​ankri, ħallew l-​imqadef, u għollew il-​qalaʼ taʼ quddiem għar-​riħ. Il-​vapur waqaf fuq sikka, u l-​poppa bdiet titkisser f’biċċiet. Imma kulħadd irnexxielu jasal l-​art.

19. Xi ġralu Pawlu f’Malta, u x’għamel għal oħrajn hemmhekk?

19 Imxarrbin għasra u għajjenin, il-​vittmi tan-​nawfraġju sabu ruħhom f’Malta, fejn in-​nies tal-​gżira wrewhom “qalb tajba umana straordinarja.” (28:1-16) Hekk kif Pawlu poġġa l-​ħatab fuq in-​nar, madankollu, is-​sħana nħasset minn lifgħa rieqda li ntrabtet maʼ idu. (Illum ma hemmx sriep velenużi f’Malta, imma din kienet “ħlejqa velenuża.”) Il-​Maltin ħasbu li Pawlu kien xi qattiel li “ġustizzja vendikattiva” ma kinetx se tħallih igħix, imma meta ma waqax mejjet jew intefaħ bil-​fjammazzjoni, qalu li kien xi alla. Pawlu iktar tard fejjaq lil ħafna, inkluż lil missier Publiju, l-​uffiċċjal ewlieni taʼ Malta. Tliet xhur wara, Pawlu, Luqa, u Aristarkus telqu fuq vapur bl-​arma taʼ “Ulied Żews” (Kastor u Polluċ, allat tewmin li suppost jiffavorixxu lill-​baħħara). Meta niżlu l-​art f’Puteoli, Ġuljus kompla sejjer bl-​iskorta tiegħu. Pawlu rringrazzja lil Alla u għamel kuraġġ meta Kristjani mill-​kapitali Rumana ltaqgħu magħhom fis-​Suq taʼ Appjus u Tliet Taverni matul il-​Mogħdija Appjana. Fl-​aħħar, f’Ruma, Pawlu tħalla joqgħod għalih waħdu, għalkemm imgħasses b’suldat.

Ibqaʼ Pproklama s-​Saltna taʼ Jehovah!

20 F’liema attività żamm ruħu mħabbat Pawlu fil-​kwartieri tiegħu f’Ruma?

20 Fil-​kwartieri tiegħu f’Ruma, Pawlu bil-​qlubija pproklama s-​Saltna taʼ Jehovah. (28:17-31) Hu qal lil irġiel prinċipali Lhud: “Minħabba t-​tama taʼ Iżrael għandi madwari din il-​katina.” Dik it-​tama kienet tinvolvi li wieħed jaċċetta l-​Messija, xi ħaġa li għaliha aħna wkoll irridu nkunu lesti li nsofru. (Filippin 1:29) Għalkemm il-​biċċa l-​kbira minn dawk il-​Lhud ma emmnux, ħafna Ġentili u fdal Lhudi kellhom qalb b’qagħda tajba. (Isaija 6:9, 10) Għal sentejn (ċ 59-61 E.K.) Pawlu laqaʼ lil kulmin mar għandu, billi ‘ppridkalhom is-​saltna t’Alla u għallimhom l-​affarijiet dwar il-​Mulej Ġesù Kristu bl-​ikbar libertà tal-​kelma, mingħajr xkiel.’

21. Sat-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art, liema eżempju waqqaf Pawlu?

21 Neruni milli jidher ippronunzja lil Pawlu innoċenti u lliberah. L-​appostlu mbagħad ġedded ix-​xogħol tiegħu fi sħubija maʼ Timotew u Titus. Madankollu, hu reġaʼ ġie arrestat f’Ruma (ċ 65 E.K.) u wisq probabbli ħa l-​martirju minn taħt idejn Neruni. (2 Timotew 4:6-8) Imma sa l-​aħħar, Pawlu waqqaf eżempju mill-​aħjar bħala proklamatur kuraġġuż tas-​Saltna. Bl-​istess spirtu f’dawn l-​aħħar jiem, jalla dawk kollha li huma ddedikati lil Alla jipproklamaw bil-​qlubija s-​Saltna taʼ Jehovah!

Kif Se Twieġeb?

◻ Liema taħriġ ministerjali ta Pawlu lill-​anzjani taʼ Efesu?

◻ Pawlu kif waqqaf eżempu taʼ sottomissjoni għar-​rieda t’Alla?

◻ Rigward il-​vjolenza tal-​marmalja, liema xebh hemm bejn l-​esperjenzi taʼ Pawlu u dawk tax-​Xhieda taʼ Jehovah illum?

◻ Minn liema provvediment legali ħa vantaġġ Pawlu meta kien quddiem il-​Gvernatur Festus, u dan liema xebh modern għandu?

◻ B’liema attività baqaʼ mħabbat Pawlu fil-​kwartieri tiegħu ġewwa Ruma, billi waqqaf liema eżempju?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja