Insiru Ministri Progressivi u Flessibbli
“Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud.” —1 KORINTIN 9:22.
1, 2. (a) L-appostlu Pawlu b’liema modi kien ministru effettiv? (b) Pawlu kif iddeskriva l-attitudni tiegħu stess lejn l-inkarigu tiegħu?
KIEN iħossu komdu maʼ nies intelletwali sofistikati u maʼ wħud umli li kienu jagħmlu t-tined. Kien jipperswadi uffiċjali Rumani għoljin u raħħala Friġjani. Il-kitbiet tiegħu kienu jimmotivaw lill-Griegi li kellhom moħħhom miftuħ u għal-Lhud konservattivi. Ma stajtx tiddubita l-loġika tiegħu, u l-appell emozzjonali tiegħu kien qawwi. Hu pprova jsib xi ħaġa komuni maʼ kulħadd biex forsi jressaq lil xi wħud lejn Kristu.—Atti 20:21.
2 Ir-raġel kien l-appostlu Pawlu li mingħajr dubju kien ministru effettiv u progressiv. (1 Timotju 1:12) Hu rċieva l-inkarigu mingħand Ġesù biex “iwassal [isem Kristu] quddiem il-ġnus kif ukoll quddiem slaten u wlied Iżrael.” (Atti 9:15) X’kienet l-attitudni tiegħu lejn dan l-inkarigu? Hu ddikjara: “Sirt kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz insalva lil xi wħud. U nagħmel kollox minħabba l-aħbar tajba, biex naqsam dan il-messaġġ m’oħrajn.” (1 Korintin 9:19-23) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju li tana Pawlu u li jistaʼ jgħinna nkunu iktar effettivi fl-ippridkar u t-tagħlim tagħna?
Raġel Mibdul Iffaċċja l-Isfida
3. Pawlu kif kien iħossu dwar il-Kristjani qabel il-konverżjoni tiegħu?
3 Kien Pawlu minn dejjem bniedem li juri sabar fit-tul u konsiderazzjoni, u kien minn dejjem adattat għall-inkarigu li rċieva? Xejn affattu! Il-fanatiċiżmu reliġjuż għamel lil Sawlu (bħalma kien magħruf qabel Pawlu) persekutur vjolenti tas-segwaċi taʼ Kristu. Bħala żagħżugħ, hu approva l-qtil taʼ Stiefnu. Wara, Pawlu kien jiġri bla ħniena wara l-Kristjani. (Atti 7:58; 8:1, 3; 1 Timotju 1:13) Hu kompla “jhedded lid-dixxipli tal-Mulej u kellu xewqa kbira li joqtolhom.” Minħabba li ma kienx kuntent li jfittex lil min jemmen f’Ġerusalemm biss, hu beda jifrex il-kampanja tiegħu taʼ mibegħda saħansitra fit-tramuntana sa Damasku.—Atti 9:1, 2.
4. Liema bidla kellu jagħmel Pawlu biex iwettaq l-inkarigu tiegħu?
4 Il-kaġun tal-mibegħda intensa taʼ Pawlu lejn il-Kristjanità forsi kien il-konvinzjoni li t-twemmin ġdid kien se jikkorrompi l-Ġudaiżmu billi jħalltu maʼ ideat barranin u mhux mixtiqin. Wara kollox, Pawlu kien “Fariżew,” isem li jfisser “wieħed separat.” (Atti 23:6) Immaġina kemm ħassu xxokkjat Pawlu meta sar jaf li Alla kien għażlu biex jippriedka dwar Kristu—minn tant nies—lill-Ġentili! (Atti 22:14, 15; 26:16-18) Il-Fariżej irrifjutaw saħansitra li jieklu maʼ dawk li qisuhom bħala midinbin! (Luqa 7:36-39) Bla dubju kien hemm bżonn taʼ sforz kbir min-naħa tiegħu biex ibiddel il-ħarsa tiegħu u jġibha fi qbil mar-rieda t’Alla li nies taʼ kull xorta jiġu salvati.—Galatin 1:13-17.
5. Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu fil-ministeru tagħna?
5 Forsi aħna jkollna nagħmlu l-istess. Hekk kif niltaqgħu maʼ varjetà dejjem akbar taʼ nies minn diversi lingwi fil-qasam internazzjonali tagħna, irridu nagħmlu sforz ħabrieki biex niċċekkjaw l-attitudni tagħna u nneħħu kwalunkwe preġudizzju. (Efesin 4:22-24) Kemm jekk nirrealizzaw u kemm jekk le, aħna niġu influwenzati mit-trobbija soċjali u edukattiva tagħna. Dan jistaʼ jnaqqax fina opinjonijiet u attitudnijiet li huma preġudikati u li m’humiex flessibbli. Irridu negħlbu dawn is-sentimenti jekk irridu li jkollna suċċess f’li nsibu u ngħinu lil uħud bħal nagħaġ. (Rumani 15:7) Pawlu hekk għamel. Hu aċċetta l-isfida li jkabbar il-ministeru tiegħu. Immotivat mill-imħabba, hu żviluppa s-sengħa tat-tagħlim li hija taʼ min jimitaha. Tabilħaqq, studju tal-ministeru taʼ l-“appostlu tal-ġnus” juri li hu kien attent, flessibbli, u prattiku fl-ippridkar u t-tagħlim.a—Rumani 11:13.
Kif Pawlu Kien Flessibbli f’Ċirkustanzi Differenti
6. Pawlu kif kien attent għall-isfond tas-semmiegħa tiegħu, u b’liema riżultat?
6 Pawlu kien attent għat-twemmin u l-isfond tas-semmiegħa tiegħu. Meta kellem lis-Sultan Agrippa II, Pawlu rrikonoxxa li s-sultan kien “espert fid-drawwiet kollha tal-Lhud kif ukoll fil-kontroversji tagħhom.” Imbagħad, bis-sengħa Pawlu uża l-għarfien tiegħu dwar it-twemmin t’Agrippa u ddiskuta miegħu kwistjonijiet li s-sultan kien jifhem sew. Pawlu tant kien jirraġuna b’mod ċar u konvinċenti li Agrippa qal: “Dalwaqt tipperswadini biex insir Kristjan.”—Atti 26:2, 3, 27, 28.
7. Pawlu kif wera li kien flessibbli meta ppriedka lil folla f’Listra?
7 Pawlu kien ukoll flessibbli. Innota kemm uża tattika differenti meta pprova jipperswadi folla fil-belt taʼ Listra biex ma jqimux lilu u lil Barnaba bħala allat. Intqal li dawn in-nies, li kienu jitkellmu bil-Likaonjan, kienu fost l-inqas edukati u l-iktar superstizzjużi fil-poplu. Skond Atti 14:14-18, Pawlu pponta lejn il-ħolqien u l-għotjiet fin-natura bħala evidenza tas-superjorità taʼ l-Alla l-veru. L-argument kien sempliċi biex issegwih, u mid-dehra ‘żamm lill-folol milli joffru sagrifiċċji’ lil Pawlu u lil Barnaba.
8. Pawlu b’liema modi wera li kien flessibbli minkejja li ġieli kellu sentimenti qawwijin?
8 M’għandniex xi ngħidu, Pawlu ma kienx perfett, u xi drabi, kellu sentimenti qawwijin dwar ċerti affarijiet. Per eżempju, f’okkażjoni minnhom meta ġie attakkat b’mod umiljanti u inġust, hu ħataf lil wieħed Lhudi jismu Ananija. Imma meta Pawlu sar jaf li mingħajr ma induna kien insulta lill-qassis il-kbir, hu mill-ewwel talab skuża. (Atti 23:1-5) F’Ateni, għall-ewwel beda ‘jitbaqbaq meta ra li l-belt kienet mimlija idoli.’ Però, fit-taħdita tiegħu fuq l-Għolja taʼ Marte, Pawlu ma weriex li kien imbaqbaq. Minflok, hu indirizza lil dawk minn Ateni fl-Arjopagu, u rraġuna fuq xi ħaġa li kellhom komuni billi rrefera għall-artal tagħhom “Lil Alla Mhux Magħruf” u kkwota lil wieħed mill-poeti tagħhom.—Atti 17:16-28.
9. Pawlu kif wera li kien kapaċi jittratta m’udjenzi differenti?
9 Pawlu wera li kien kapaċi ħafna jittratta m’udjenzi differenti. Hu kkunsidra l-kultura u l-ambjent li influwenzaw l-irraġunar taʼ l-udjenza tiegħu. Meta kiteb lill-Kristjani f’Ruma, hu kien jaf sewwa li dawn kienu jgħixu fil-belt kapitali taʼ l-akbar qawwa politika f’dak iż-żmien. Punt prinċipali fl-ittra taʼ Pawlu lill-Kristjani f’Ruma kien li l-qawwa li tikkorrompi tad-dnub taʼ Adam tintrebaħ bil-qawwa li tifdi taʼ Kristu. Hu kellem lill-Kristjani Rumani u lil dawk madwarhom b’lingwa li kienet se tmissilhom qalbhom.—Rumani 1:4; 5:14, 15.
10, 11. Pawlu kif adatta t-tixbihat tiegħu għas-semmiegħa tiegħu? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
10 Pawlu x’għamel meta ried jispjega veritajiet profondi mill-Bibbja lis-semmiegħa tiegħu? L-appostlu kien kapaċi juża tixbihat komuni u sempliċi biex jiċċara ideat spiritwali komplikati. Per eżempju, Pawlu kien jaf li n-nies f’Ruma kienu familjari mas-sistema taʼ l-ilsiera fl-Imperu Ruman. Fil-fatt, ħafna min-nies li kien qed jiktbilhom x’aktarx li kienu lsiera. Pawlu għalhekk uża l-jasar bħala tixbiha biex isaħħaħ l-argument qawwi tiegħu dwar l-għażla taʼ dak li jkun li jissottometti ruħu għad-dnub jew għas-sewwa.—Rumani 6:16-20.
11 Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid: “Fost ir-Rumani, sid setaʼ jeħles ilsir bla kundizzjonijiet, jew l-ilsir setaʼ jixtri l-libertà tiegħu billi jħallas lil sidu. Il-libertà setgħet tingħata jekk dak li jkun isir ilsir taʼ xi alla.” Ilsir meħlus setaʼ jkompli jaħdem għal sidu biex jaqlaʼ l-paga. Pawlu milli jidher irrefera għal din il-prattika meta kiteb dwar l-għażla taʼ l-individwu dwar liema sid se jobdi—id-dnub jew is-sewwa. Il-Kristjani f’Ruma kienu nħelsu mid-dnub u issa kienu l-proprjetà t’Alla. Kienu ħielsa biex jaqdu lil Alla, madankollu xorta setgħu jagħżlu li jaqdu lid-dnub—is-sid taʼ qabel—jekk xtaqu. Din it-tixbiha sempliċi imma familjari kienet se tqanqal lil dawk il-Kristjani f’Ruma biex jistaqsu lilhom infushom, ‘Lil liema sid qed naqdi?’b
Nitgħallmu mill-Eżempju taʼ Pawlu
12, 13. (a) Liema sforz hemm bżonn illum sabiex nilħqu l-qalb taʼ l-udjenza mħallta tagħna? (b) X’sibt effettiv meta tippriedka lil uħud li għandhom sfond differenti?
12 Bħal Pawlu, irridu nkunu attenti, flessibbli, u prattiċi sabiex nilħqu l-qalb taʼ l-udjenza mħallta tagħna. Biex ngħinu lis-semmiegħa tagħna jifhmu s-sens taʼ l-aħbar tajba, aħna nixtiequ nagħmlu iktar minn kuntatt superfiċjali, naqsmu messaġġ preparat, jew inħallu xi letteratura Biblika. Aħna nistinkaw biex nagħrfu l-bżonnijiet tagħhom u dak li jkollhom fuq moħħhom, x’jogħġobhom u x’ma jogħġobhomx, dak li jbeżżagħhom, u l-preġudizzji li jkollhom. Għalkemm dan jirrikjedi ħafna ħsieb u sforz, il-pubblikaturi tas-Saltna madwar id-dinja qed jagħmlu dan bil-ħerqa. Per eżempju, l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Ungerija jirrapporta: “L-aħwa juru rispett għad-drawwiet u l-mod taʼ ħajja taʼ wħud minn pajjiżi oħra u ma jistennewhomx li jadottaw drawwiet lokali.” Ix-Xhieda f’pajjiżi oħra jistinkaw biex jagħmlu l-istess.
13 F’pajjiż wieħed fil-Lvant Imbiegħed, il-maġġuranza min-nies huma konċernati dwar is-saħħa, it-taħriġ tat-tfal, u l-edukazzjoni. Il-pubblikaturi tas-Saltna hemmhekk jipprovaw jenfasizzaw dawn is-suġġetti minflok maʼ jiddiskutu kwistjonijiet bħall-kundizzjonijiet dinjin li sejrin għall-agħar jew kwistjonijiet soċjali komplikati. B’mod simili, pubblikaturi f’belt kbira fl-Istati Uniti nnotaw li nies f’ċerti nħawi fit-territorju tagħhom huma konċernati dwar kwistjonijiet bħall-korruzzjoni, iż-żjieda fit-traffiku, u l-kriminalità. Ix-Xhieda b’suċċess jużaw dawn is-suġġetti biex jibdew diskussjonijiet Bibliċi. Għalliema effettivi tal-Bibbja jaċċertaw ruħhom li minkejja s-suġġett li jagħżlu, huma jibqgħu pożittivi u inkuraġġanti, billi jenfasizzaw il-valur prattiku taʼ l-applikar taʼ prinċipji Bibliċi issa u l-prospetti sbieħ li Alla joffri għall-futur.—Isaija 48:17, 18; 52:7.
14. Iddeskrivi modi kif nistgħu nadattaw għall-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi differenti tan-nies.
14 Huwa t’għajnuna wkoll li invarjaw il-metodi tagħna fil-ministeru, ladarba n-nies għandhom sfondi kulturali, edukazzjonali, u reliġjużi differenti ħafna. Il-mod kif inkellmu lil dawk li jemmnu fil-Ħallieq imma mhux fil-Bibbja se jkun differenti minn kif inkellmu lil dawk li ma jemmnux f’Alla. Meta xi ħadd iħoss li l-letteratura reliġjuża kollha hija strument taʼ propaganda, il-preżentazzjoni li nużaw miegħu se tkun differenti mill-waħda li nużaw maʼ xi ħadd li jaċċetta dak li tgħallem il-Bibbja. Hemm bżonn ukoll taʼ flessibilità biex nittrattaw maʼ varjetà kbira taʼ livelli t’edukazzjoni li għandhom in-nies li nitkellmu magħhom. Għalliema tas-sengħa se jużaw irraġunar u tixbihat adattati għas-sitwazzjoni li jiffaċċjaw.—1 Ġwanni 5:20.
Għajnuna għal Ministri Ġodda
15, 16. Għala hemm bżonn li jitħarrġu ministri ġodda?
15 Pawlu ma kienx konċernat biss li jtejjeb il-metodi tat-tagħlim tiegħu. Hu ra l-bżonn li jħarreġ u jipprepara lil dawk iżgħar minnu, bħal Timotju u Titu, sabiex isiru ministri effettivi. (2 Timotju 2:2; 3:10, 14; Titu 1:4) B’mod simili, għad hemm bżonn urġenti li nipprovdu u nirċievu taħriġ illum.
16 Fl-1914, kien hemm bejn wieħed u ieħor 5,000 pubblikatur tas-Saltna madwar id-dinja; illum, kull ġimgħa jitgħammdu 5,000 pubblikatur ġdid! (Isaija 54:2, 3; Atti 11:21) Meta wħud ġodda jibdew jassoċjaw mal-kongregazzjoni Kristjana u jkunu jixtiequ jieħdu sehem fil-ministeru, għandhom bżonn taħriġ u direzzjoni. (Galatin 6:6) Huwa vitali li nużaw il-metodi taʼ l-Imgħallem, Ġesù, meta ngħallmu u nħarrġu lid-dixxipli.c
17, 18. Kif nistgħu ngħinu lil uħud ġodda jiksbu fiduċja fil-ministeru?
17 Ġesù ma qabadx u sab folla u qal lill-appostli tiegħu biex jibdew ikellmuha. L-ewwel enfasizza kemm hu bżonnjuż ix-xogħol taʼ l-ippridkar u inkuraġġixxa l-bżonn li jitolbu b’mod persistenti dwar il-ministeru. Imbagħad għamel tliet provvedimenti bażiċi: sieħeb fix-xogħol, territorju fejn jaħdmu, u messaġġ. (Mattew 9:35-38; 10:5-7; Marku 6:7; Luqa 9:2, 6) Aħna nistgħu nagħmlu l-istess. Kemm jekk qed ngħinu lil uliedna stess, lil student ġdid, jew lil xi ħadd li ilu ma jieħu sehem fl-attività taʼ l-ippridkar, huwa xieraq li nagħmlu sforz biex nipprovdu taħriġ b’dan il-mod.
18 Uħud ġodda għandhom bżonn għajnuna konsiderevoli biex isiru kunfidenti meta jippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna. Tistaʼ tgħinhom jippreparaw u jipprattikaw preżentazzjoni sempliċi imma li tiġbed lin-nies? Fil-ministeru, ħallihom jitgħallmu mill-eżempju tiegħek hekk kif tagħmel l-ewwel ftit bibien. Tistaʼ ssegwi l-eżempju taʼ Gidgħon, li qal lil dawk li kienu qed jiġġieldu fuq in-naħa tiegħu: “Ħarsu lejja u agħmlu bħali.” (Mħallfin 7:17) Imbagħad ħalli lill-istudent ġdid jieħu sehem. Faħħar lil uħud ġodda għall-isforzi tagħhom, u meta jkun xieraq, offri suġġerimenti qosra biex jitjiebu.
19. X’inhi d-determinazzjoni tiegħek hekk kif tistinka biex ‘twettaq il-ministeru tiegħek bis-sħiħ’?
19 Sabiex inwettqu l-ministeru tagħna ‘bis-sħiħ,’ aħna determinati li nsiru iktar flessibbli fil-metodi tagħna, u rridu nħarrġu ministri ġodda biex jagħmlu l-istess. Meta nikkunsidraw l-importanza tal-mira tagħna—li naqsmu l-għarfien t’Alla li jwassal għas-salvazzjoni—aħna konvinti li l-isforzi li hemm bżonn biex insiru “kollox għal nies taʼ kull xorta, biex b’kull mezz [insalvaw] lil xi wħud,” huma vallapena.—2 Timotju 4:5; 1 Korintin 9:22.
[Noti taʼ taħt]
a Għal eżempji taʼ dawn il-kwalitajiet fil-ministeru taʼ Pawlu, ikkunsidra Atti 13:9, 16-42; 17:2-4; 18:1-4; 19:11-20; 20:34; Rumani 10:11-15; 2 Korintin 6:11-13.
b B’mod simili, biex jispjega r-relazzjoni l-ġdida bejn Alla u ‘wliedu’ midlukin bl-ispirtu, Pawlu uża idea legali familjari mal-qarrejja tiegħu fl-Imperu Ruman. (Rumani 8:14-17) “L-adozzjoni kienet drawwa Rumana fundamentali, u kienet marbuta mill-qrib maʼ l-ideat Rumani dwar il-familja,” jgħid il-ktieb St. Paul at Rome (San Pawl f’Ruma).
c Bħalissa, il-programm Pijunieri Jgħinu lil Oħrajn huwa disponibbli fil-kongregazzjonijiet kollha tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-programm juża l-esperjenza u t-taħriġ tal-ministri full-time biex jgħinu lill-pubblikaturi b’inqas esperjenza.
X’Tiftakar?
• B’liema modi nistgħu nimitaw lil Pawlu fil-ministeru tagħna?
• X’aktarx, liema bidliet għandna bżonn nagħmlu fil-mod taʼ ħsieb tagħna?
• Kif nistgħu nżommu l-messaġġ tagħna pożittiv?
• Ministri ġodda x’għandhom bżonn sabiex isiru kunfidenti?
[Kumment f’paġna 29]
L-appostlu Pawlu kien attent, flessibbli, u prattiku fl-ippridkar u t-tagħlim
[Kumment f’paġna 31]
Ġesù għamel tliet provvedimenti bażiċi għad-dixxipli tiegħu: sieħeb fix-xogħol, territorju fejn jaħdmu, u messaġġ
[Stampi f’paġna 28]
Pawlu rnexxa f’li jilħaq udjenzi differenti billi kien flessibbli
[Stampa f’paġna 30]
Ministri effettivi jikkunsidraw l-isfond kulturali tas-semmiegħa tagħhom
[Stampa f’paġna 31]
Ministri progressivi jgħinu lil uħud ġodda jippreparaw għall-ministeru