LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 9/1 pp. 8-13
  • Poġġi l-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Poġġi l-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Negħlbu Ostaklu Komuni li Jfixkilna milli Npoġġu l-​Fiduċja Tagħna f’Jehovah
  • Jehovah Għala Jippermetti t-​Tbatija?
  • Xi Jfisser li Nafdaw f’Jehovah
  • Alla Għala Jippermetti s-​Sofferenza?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Kulħadd Se Jkun Ħieles
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Għala hawn daqstant tbatija?
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 9/1 pp. 8-13

Poġġi l-​Fiduċja Tiegħek f’Jehovah

“Inti, Sidi, it-​tama tiegħi; Mulej, inti l-​fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.”​—Salm 71:5.

1. Liema sfida ffaċċja r-​ragħaj żagħżugħ David?

IR-​RAĠEL kien fih iktar minn disaʼ piedi. Mhux taʼ b’xejn li s-​suldati kollha fil-​kamp tal-​battalja taʼ Iżrael kienu jibżgħu minnu! Għal ġimgħat sħaħ, kull fil-​għodu u kull fil-​għaxija, dan l-​iġgant Filisti kien jgħajjar lill-​armata taʼ Iżrael, u jisfidahom biex jibagħtu l-​aqwa suldat li kellhom ħalli jiġġilidlu. Fl-​aħħar, l-​isfida ġiet milqugħa, mhux minn suldat, imma minn daqsxejn taʼ żagħżugħ. Ir-​ragħaj żagħżugħ David lanqas kien jidher ħdejn l-​avversarju tiegħu. Fil-​fatt, l-​armatura u l-​armi taʼ Gulija x’aktarx li kienu itqal minn David! Xorta waħda, dan iż-​żagħżugħ iffaċċja lill-​iġgant u minħabba f’hekk baqaʼ jissemma bħala simbolu taʼ kuraġġ.—1 Samwel 17:​1-51.

2, 3. (a) David għala kien kapaċi jiffaċċja lil Gulija b’tant fiduċja? (b) Liema żewġ passi se niddiskutu sabiex inkunu nistgħu npoġġu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah?

2 David minfejn ġabu dan il-​kuraġġ kollu? Ikkunsidra xi kliem li fil-​fatt inkiteb minn David innifsu fi xjuħitu: “Inti, Sidi, it-​tama tiegħi; Mulej, inti l-​fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.” (Salm 71:5) Iva, bħala żagħżugħ, David kellu fiduċja sħiħa f’Jehovah. Hu kien iffaċċja lil Gulija, u qallu: “Inti ġejt lejja bix-​xabla, bil-​lanza u bil-​vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ l-​armata taʼ Iżrael, li int sfidajt.” (1 Samwel 17:45) Filwaqt li l-​fiduċja taʼ Gulija kienet fis-​saħħa kbira tiegħu u fl-​armi li kellu, il-​fiduċja taʼ David kienet f’Jehovah. Bil-​Mulej Sovran taʼ l-​univers miegħu, David għala kellu jibżaʼ minn sempliċi bniedem, minkejja li dan kien daqshekk kbir u armat sa snienu?

3 Hekk kif taqra dwar David, tixtieq int li l-​fiduċja tiegħek f’Jehovah kienet iktar qawwija milli hi? X’aktarx li lkoll kemm aħna hekk nixtiequ. Għalhekk, ejja neżaminaw żewġ passi li nistgħu nieħdu sabiex inpoġġu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah. L-​ewwel, jeħtieġ li niksbu u nibqgħu nżommu kontroll fuq xi ħaġa komuni li tfixkel din il-​fiduċja. It-​tieni, jeħtieġ li nitgħallmu x’hemm involut biex nafdaw f’Jehovah.

Negħlbu Ostaklu Komuni li Jfixkilna milli Npoġġu l-​Fiduċja Tagħna f’Jehovah

4, 5. Ħafna nies għala jsibuha diffiċli li jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’Alla?

4 Xi jfixkel lin-​nies milli jpoġġu l-​fiduċja tagħhom f’Alla? Taʼ spiss, xi wħud iħossuhom imħawdin dwar għala jiġru affarijiet ħżiena. Ħafna ġew mgħallmin li Alla hu responsabbli għat-​tbatija. Meta tiġri xi traġedja, xi membri tal-​kleru għandhom mnejn jgħidu li Alla “ħa” lill-​vittmi fis-​sema biex ikunu miegħu. Barra minn hekk, ħafna mexxejja reliġjużi jgħallmu li Alla żmien ilu ppredestina kwalunkwe ġrajja—inkluż kull traġedja u kefrija—li ssir f’din id-​dinja. Hu diffiċli li xi ħadd ipoġġi l-​fiduċja tiegħu f’Alla li tant għandu qalbu iebsa. Satana, li jdallam l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, huwa ħerqan biex ixerred kull “tagħlim tax-​xjaten” bħal dan.—1 Timotju 4:1; 2 Korintin 4:4.

5 Satana jrid li n-​nies jitilfu l-​fiduċja tagħhom f’Jehovah. Dan l-​għadu t’Alla ma jridniex insiru nafu x’qiegħed verament jikkaġuna t-​tbatija tal-​bniedem. U jekk diġà nafu r-​raġunijiet Skritturali għat-​tbatija, Satana jixtieqna ninsewhom. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li kultant nirrivedu t-​tliet raġunijiet bażiċi għala hawn it-​tbatija fid-​dinja. Jekk nagħmlu dan, aħna nkunu nistgħu naċċertaw ruħna li Jehovah m’huwiex responsabbli għall-​inkwiet li niffaċċjaw fil-​ħajja.—Filippin 1:​9, 10.

6. L-​1 Pietru 5:8 kif juri x’inhi raġuni waħda għat-​tbatija tal-​bniedem?

6 Raġuni waħda għat-​tbatija tal-​bniedem hi li Satana jrid ikisser l-​integrità tan-​nies leali taʼ Jehovah. Hu pprova jkisser l-​integrità taʼ Ġob. Satana ma rnexxilux dakinhar, imma għadu ma qatax qalbu. Bħala l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja, hu qed ifittex biex “jiblaʼ” lill-​qaddejja leali taʼ Jehovah. (1 Pietru 5:8) Dan jinkludi lil kull wieħed u waħda minna! Satana jrid iġagħalna nieqfu milli naqdu lil Jehovah. Għalhekk, hu jaqlaʼ l-​persekuzzjoni. Għalkemm din it-​tbatija tikkaġuna ħafna wġigħ, għandna raġuni soda għalxiex nissaportu. Jekk nagħmlu dan, inkunu qed nuru li Satana hu giddieb, u b’hekk inferrħu qalb Jehovah. (Ġob 2:4; Proverbji 27:11) Hekk kif Jehovah isaħħaħna biex nissaportu l-​persekuzzjoni, il-​fiduċja tagħna fih tikber iktar.—Salm 9:​10, 11 (9:​9, 10, NW).

7. Galatin 6:7 liema raġuni għat-​tbatija jistaʼ jgħinna nagħrfu?

7 It-​tieni raġuni għat-​tbatija nsibuha f’dan il-​prinċipju: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) Kultant in-​nies jiżirgħu billi jagħmlu għażliet żbaljati u b’konsegwenza taʼ dan jaħsdu ċertu ammont taʼ tbatija. Forsi jkunu jħobbu jsuqu kif ġie ġie, u b’hekk ikollhom xi aċċident. Ħafna jagħżlu li jpejpu s-​sigaretti, u dan iwassalhom għall-​mard tal-​qalb jew kanċer fil-​pulmun. Dawk li jagħżlu li jinvolvu ruħhom f’kondotta sesswali immorali jirriskjaw li jirrovinaw ir-​relazzjonijiet tal-​familja, jitilfu r-​rispett lejhom infushom, ilaqqtu xi mard trasmess sesswalment, u forsi anki xi tqala mhix mixtieqa. In-​nies jistgħu jwaħħlu f’Alla għal tbatija bħal din, imma fil-​fatt huma jkunu qed ibatu minħabba d-​deċiżjonijiet ħżiena li jkunu ħadu huma stess.—Proverbji 19:3.

8. Skond Koħèlet 9:​11, in-​nies għala jbatu?

8 It-​tielet raġuni għat-​tbatija tissemma f’Koħèlet 9:11: “Rajt ukoll taħt ix-​xemx li ma tintrebaħx mill-​ħfief it-​tiġrija, lanqas mill-​felħana t-​taqbida. M’huwiex taʼ l-​għorrief il-​ħobż jew taʼ min jifhem il-​ġid; lanqas taʼ min jinqalaʼ s-​suċċess, iżda f’kollox jidħol iż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi.” Xi drabi, in-​nies sempliċement jinzertaw fil-​post żbaljat u fil-​ħin żbaljat. Minkejja kemm inkunu b’saħħitna jew dgħajfin, it-​tbatija u l-​mewt jistgħu jiġu fuqna f’ħakka t’għajn, meta lanqas biss inkunu qed nistennewhom. Per eżempju, fi żmien Ġesù, waqaʼ torri f’Ġerusalemm u qatel 18-il ruħ. Ġesù wera li Alla ma kienx qed jikkastigahom għad-​dnubiet li kienu għamlu. (Luqa 13:4) Le, Jehovah m’huwiex responsabbli għal tbatijiet bħal dawn.

9. Ħafna nies x’ma jifhmux dwar it-​tbatija?

9 Huwa importanti li nifhmu xi ftit mill-​affarijiet li jikkaġunaw it-​tbatija. Però, dwar dan hemm aspett li ħafna jsibuh diffiċli biex jifhmuh. Dan hu: Alla Jehovah għala jippermetti t-​tbatija?

Jehovah Għala Jippermetti t-​Tbatija?

10, 11. (a) Skond Rumani 8:​19-22, xi ġralu “l-​ħolqien”? (b) Kif nistgħu niddeterminaw min xeħet lill-​ħolqien taħt il-​frugħa? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

10 Silta mill-​ittra li l-​appostlu Pawlu kiteb lir-​Rumani titfaʼ dawl fuq dan is-​suġġett importanti. Hu kiteb: “Il-​ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-​rivelazzjoni taʼ wlied Alla; għax il-​ħolqien jinsab taħt il-​frugħa—mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha—bit-​tama li l-​ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir u jiksbu l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla. Aħna nafu li l-​ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ tal-​ħlas.”—Rumani 8:​19-22.

11 Biex nifhmu sewwa xi jfissru dawn il-​versi, l-​ewwel irridu nikkunsidraw xi punti importanti. Per eżempju, Min xeħet il-​ħolqien taħt il-​frugħa? Bħalma qal l-​appostlu Pawlu, huwa Alla li għamel dan fuq il-​bażi tat-​“tama.” Iva, hu joffri t-​tama li dawk leali maż-​żmien kellhom “ikunu meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir.”a

12. Liema taħwid inħoloq dwar għal min jirreferi l-​“ħolqien kollu,” u din il-​mistoqsija kif tistaʼ titwieġeb?

12 Iżda, x’inhu “l-​ħolqien kollu” li tirreferi għalih din is-​silta? Xi wħud jgħidu li “l-​ħolqien kollu” jirreferi għad-​dinja naturali kollha kemm hi, inkluż l-​annimali u l-​ħxejjex. Imma għandhom l-​annimali t-​tama li jiksbu “l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla”? Le. (2 Pietru 2:12) Mela, “il-​ħolqien kollu,” jistaʼ jirreferi biss għall-​bnedmin. Dan hu l-​ħolqien li hu effettwat mid-​dnub u l-​mewt minħabba l-​irvell f’Għeden u li għandu bżonn tant kbir taʼ tama.—Rumani 5:12.

13. L-​irvell f’Għeden x’għamillu lill-​bniedem?

13 Dan l-​irvell x’għamillu eżattament lill-​bniedem? Pawlu jiddeskrivi r-​riżultati tiegħu b’kelma waħda: frugħa. Skond xogħol wieħed taʼ referenza, din il-​kelma tiddeskrivi “l-​frugħa taʼ xi oġġett li ma jaħdimx bil-​mod kif ġie mfassal biex jaħdem.” Il-​bnedmin kienu mfasslin biex jgħixu għal dejjem, jaħdmu flimkien bħala familja magħquda u perfetta, li kellha tieħu ħsieb l-​art kollha magħmula ġenna. Minflok, huma għandhom eżistenza qasira, mimlija wġigħ, u li taʼ spiss tkun mimlija frustrazzjoni. Bħalma qal Ġob, “il-​bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Verament frugħa!

14, 15. (a) Liema evidenza taʼ ġustizzja nsibu fis-​sentenza li Jehovah għadda fuq il-​bniedem? (b) Pawlu għala qal li l-​ħolqien kien mixħut taħt il-​frugħa imma “mhux minn rajh”?

14 Issa niġu għall-​mistoqsija prinċipali: “L-​imħallef taʼ l-​art kollha” għala ħalla lill-​bniedem ikollu eżistenza taʼ wġigħ u taʼ frustrazzjoni bħal din? (Ġenesi 18:25) Kien ġust hu li jagħmel ħaġa bħal din? Sewwa, ftakar x’għamlu l-​ewwel ġenituri tagħna. Meta rribellaw kontra Alla, huma żammew man-​naħa taʼ Satana, li sfida bil-​kbir lis-​sovranità taʼ Jehovah. Bil-​mod kif aġixxew, huma appoġġaw l-​istqarrija li l-​bniedem ikun aħjar mingħajr Jehovah, billi jaħkem lilu nnifsu taħt il-​gwida taʼ esseri spirtu ribelluż. Meta għadda s-​sentenza fuq ir-​ribelli, Jehovah fil-​fatt tahom dak li riedu huma stess. Ippermetta lill-​bniedem jaħkem lilu nnifsu taħt l-​influwenza taʼ Satana. F’dawn iċ-​ċirkustanzi, liema deċiżjoni setgħet tkun iktar ġusta milli jippermetti lill-​bniedem jinxteħet taħt il-​frugħa fuq il-​bażi tat-​tama?

15 M’għandniex xi ngħidu, il-​ħolqien m’għamilx dan “minn rajh.” Aħna ma nagħżlux li nitwieldu bħala lsiera għad-​dnub u t-​taħsir. Imma Jehovah fil-​ħniena tiegħu ħalla lil Adam u lil Eva jgħixu l-​bqija taʼ ħajjithom u jkollhom it-​tfal. Għalkemm aħna, id-​dixxendenti tagħhom, ninsabu mixħutin taħt il-​frugħa tad-​dnub u l-​mewt, aħna għandna l-​opportunità li nagħmlu dak li Adam u Eva naqsu li jagħmlu. Aħna nistgħu nisimgħu minn Jehovah u nitgħallmu li s-​sovranità tiegħu hija ġusta u perfetta, filwaqt li l-​ħakma tal-​bniedem indipendenti minn Jehovah iġġib biss uġigħ, frustrazzjoni, u frugħa. (Ġeremija 10:23; Apokalissi 4:11) U l-​influwenza taʼ Satana tkompli biss tgħarraq is-​sitwazzjoni. L-​istorja tal-​bniedem turi kemm dawn il-​fatti huma minnhom.—Koħèlet 8:9.

16. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah m’huwiex responsabbli għat-​tbatija li naraw fid-​dinja llum? (b) Jehovah liema tama pprovda b’tant imħabba għan-​nies leali?

16 Jidher ċar li Jehovah kellu raġunijiet validi biex jixħet lill-​bniedem fil-​frugħa. Iżda, ifisser dan li Jehovah hu l-​kaġun tal-​frugħa u t-​tbatija li kull wieħed u waħda minna ninsabu fihom illum? Ejja nqabblu dan maʼ mħallef li jaqtaʼ sentenza ġusta fuq wieħed kriminal. Għandu mnejn li l-​kriminal ibati mhux ħażin waqt li qiegħed il-​ħabs, imma għandu dritt jgħid li kien l-​imħallef li kkaġunalu dik it-​tbatija kollha? Dażgur li le! Barra minn hekk, Jehovah qatt ma jistaʼ jikkaġuna xi ħaġa ħażina. Ġakbu 1:13 jgħid: “Alla ma jistax jiġġarrab għall-​ħażin, u anqas m’hu se jġarrab lil ħadd.” Ejja niftakru li Jehovah qataʼ s-​sentenza fuq il-​bażi tat-​“tama.” Hu bi mħabba kbira għamel l-​arranġamenti meħtieġa għad-​dixxendenti leali taʼ Adam u Eva sabiex dawn ikunu jistgħu jaraw it-​tmiem tal-​frugħa u jitgħaxxqu fil-​“ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.” Għall-​eternità kollha, il-​bnedmin leali qatt ma se jkollhom għalfejn jinkwetaw li l-​ħolqien kollu għad jerġaʼ jsib ruħu fi stat taʼ frugħa mimli wġigħ. Il-​mod ġust li bih Jehovah jittratta s-​sitwazzjoni se jkun stabbilixxa d-​dritt għas-​sovranità tiegħu darba għal dejjem.—Isaija 25:8.

17. Kif għandna niġu effettwati meta nirrivedu r-​raġunijiet għat-​tbatija li hawn fid-​dinja llum?

17 Hekk kif nirrivedu dawn ir-​raġunijiet għat-​tbatija tal-​bniedem, insibu aħna xi raġuni sabiex inwaħħlu f’Jehovah għall-​ħażen li hawn jew sabiex nitilfu l-​fiduċja fih? Għall-​kuntrarju, studju bħal dan jagħtina raġuni biex nidwu dan il-​kliem taʼ Mosè: “Il-​Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-​triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:4) Hekk kif nimmeditaw fuq dawn l-​affarijiet, ejja minn żmien għal żmien nirrivedu kemm aħna personalment nistgħu nwieġbu mistoqsijiet bħal dawn. B’dan il-​mod, meta jiġu l-​provi fuqna, aħna se nkunu nistgħu nirreżistu l-​isforzi li Satana jagħmel biex idaħħlilna xi dubji f’moħħna. Iżda, xi ngħidu dwar it-​tieni pass li ssemma fil-​bidu? X’jinvolvi li nafdaw f’Jehovah?

Xi Jfisser li Nafdaw f’Jehovah

18, 19. Il-​Bibbja b’liema kliem tinkuraġġina biex ikollna fiduċja f’Jehovah, imma liema ideat żbaljati għandhom xi wħud dwar dan?

18 Il-​Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Ittama fil-​Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-​għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:​5, 6) Dan hu kliem sabiħ li jqawwi l-​qalb. Żgur li m’hemm ħadd fl-​univers kollu li hu taʼ min jafdah daqskemm hu l-​maħbub Missierna tas-​sema. Madankollu, huwa iktar faċli taqra dan il-​kliem taʼ Proverbji milli twettqu.

19 Ħafna għandhom ideat żbaljati dwar xi jfisser li tafda f’Jehovah. Xi wħud jaħsbu li din il-​fiduċja hi sempliċement sentiment, tip taʼ emozzjoni taʼ ferħ speċjali li tinħass b’mod naturali fil-​qalb. Oħrajn donnhom jemmnu li l-​fiduċja f’Alla tfisser li għandna nistennew li hu jipproteġina minn kull diffikultà, li jsolvi l-​problemi kollha tagħna, li jdawwar kull sfida li jkollna kuljum skond kif nixtiequ aħna—u fil-​pront! Imma dan m’huwiex ħlief spekulazzjoni bla bażi. Il-​fiduċja hi bil-​wisq iktar minn sempliċi sentiment, u hi realistika. Fil-​każ taʼ nies adulti, il-​fiduċja tfisser li jagħmlu deċiżjonijiet meqjusa u bil-​ħsieb.

20, 21. Il-​fiduċja f’Jehovah x’tinvolvi? Agħti eżempju.

20 Erġaʼ innota x’jgħid Proverbji 3:5. Hawnhekk insibu kuntrast bejn li wieħed jafda f’Jehovah u li wieħed jafda fl-​għaqal tiegħu, u dan jurina li ma nistgħux nagħmluhom it-​tnejn. Ifisser dan li ma nistgħux nużaw l-​abbiltajiet taʼ l-​għaqal tagħna? Le, għax Jehovah, li tana dawn l-​abbiltajiet, jistenna li nużawhom biex naqdu lilu. (Rumani 12:1) Imma fuq liema ħaġa nistrieħu, jew niddependu? Jekk il-​ħsieb tagħna ma jkunx jaqbel maʼ dak taʼ Jehovah, se naċċettaw aħna l-​għerf tiegħu għal dak li hu—ferm superjuri għall-​għerf tagħna? (Isaija 55:​8, 9) Biex nafdaw f’Jehovah irridu nħallu l-​ħsieb tiegħu jiggwida l-​ħsieb tagħna.

21 Biex nagħtu eżempju: Immaġina daqsxejn taʼ tifel bil-​qiegħda fuq is-​seat taʼ wara tal-​karozza, u l-​ġenituri tiegħu bil-​qiegħda fuq quddiem. Missieru qed isuq. Meta jinqalgħu xi problemi waqt is-​sewqan​—forsi ma jkunux jafu eżatt minfejn iridu jgħaddu jew forsi tinqalaʼ xi problema minħabba t-​temp jew il-​kundizzjoni tat-​triq—kif se jaġixxi tifel ubbidjenti u li jafda? Joqgħod jgħajjat mis-​seat taʼ wara u jgħid lil missieru kif għandu jsuq? Jiddubita jekk id-​deċiżjoni li jieħdu l-​ġenituri tiegħu hix tajba jew le, jew jagħmel taʼ rasu meta jgħidulu biex jibqaʼ f’postu u jħalli ċ-​ċinturin tas-​sigurtà maqful? Le, hu naturalment ikollu fiduċja li l-​ġenituri tiegħu se jagħmlu dak li jkun meħtieġ, avolja huma imperfetti. Jehovah hu Missier perfett. M’għandniex aħna nafdawh b’għajnejna magħluqin, speċjalment meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jkunu taʼ sfida kbira għalina?—Isaija 30:21.

22, 23. (a) Għala għandna npoġġu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah meta nħabbtu wiċċna mal-​problemi, u dan kif nistgħu nagħmluh? (b) X’se jiġi diskuss fl-​artiklu li jmiss?

22 Madankollu, Proverbji 3:6 jindika li għandna ‘naħsbu f’Jehovah f’kull ma nagħmlu,’ mhux meta niffaċċjaw xi sitwazzjonijiet diffiċli biss. Għalhekk, id-​deċiżjonijiet li nieħdu kull ġurnata taʼ ħajjitna għandhom jirriflettu l-​fiduċja tagħna f’Jehovah. Meta jinqalgħu l-​problemi, m’għandniex għalfejn niddispraw, nippanikkjaw, jew inwarrbu l-​gwida taʼ Jehovah dwar l-​aħjar mod kif nistgħu nittrattawhom. Dawn il-​provi jeħtieġ li narawhom bħala opportunitajiet biex nappoġġaw is-​sovranità taʼ Jehovah. Barra minn hekk, jgħinuna wkoll noħorġu lil Satana taʼ giddieb, u rrawmu l-​ubbidjenza u kwalitajiet oħra li jogħġbu lil Jehovah.—Lhud 5:​7, 8.

23 Nistgħu nuru l-​fiduċja tagħna f’Jehovah minkejja kwalunkwe ostaklu li jistaʼ jitfaċċa quddiemna. Dan nagħmluh permezz tat-​talb u bil-​mod kif infittxu l-​gwida tal-​Kelma taʼ Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu. Iżda, kif nistgħu nuru speċifikament il-​fiduċja f’Jehovah meta nħabbtu wiċċna mal-​problemi li għandha x’toffri d-​dinja taʼ llum? L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti dan is-​suġġett.

[Noti taʼ taħt]

a Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja f’Rumani 8:20 jużaw il-​kelma “hu” minflok “Alla.” B’hekk, xi wħud kellhom dubju dwar min kien dak li xeħet il-​ħolqien taħt il-​frugħa. Huma qalu li kien Adam jew Satana, imma l-​ebda wieħed minnhom ma setaʼ għamel dan fuq il-​bażi tat-​“tama.” Jehovah biss setaʼ jagħmel dan. Għalhekk, kien hu li xeħet il-​ħolqien taħt il-​frugħa.

Int Kif Twieġeb?

• David kif wera li kellu fiduċja f’Jehovah?

• X’inhuma t-​tliet raġunijiet għala l-​bnedmin qed ibatu llum, u għala nagħmlu tajjeb li nirriveduhom minn żmien għal żmien?

• Jehovah liema sentenza għadda fuq il-​bnedmin, u din għala kienet ġusta?

• Il-​fiduċja f’Jehovah x’tinvolvi?

[Stampi f’paġna 8]

David poġġa l-​fiduċja tiegħu f’Jehovah

[Stampa f’paġna 10]

Ġesù wera li meta ċertu torri ċeda f’Ġerusalemm, Jehovah ma kienx responsabbli

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja