Kulħadd Se Jkun Ħieles
“Jiena għadni persważ li t-tbatijiet taʼ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla. Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas.”—RUMANI 8:18-22.
F’DIN il-parti mill-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Ruma, l-appostlu Pawlu jagħti sommarju li jispikka dwar għala l-ħajjiet tan-nies huma neqsin mil-libertà vera u għala tant spiss ikunu bla skop u mimlijin uġigħ. Hu jispjega wkoll kif nistgħu niksbu libertà vera.
“It-Tbatijiet taʼ Issa”
Pawlu ma jċekkinx it-“tbatijiet taʼ issa” meta jgħid li dawn “ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.” Fi żmien Pawlu, kif ukoll iktar tard, il-Kristjani batew ħafna taħt il-ħakma totalitarja ħarxa eżerċitata mill-awtoritajiet Rumani, li ftit li xejn kien jimpurtahom mid-drittijiet tal-bniedem. Ladarba Ruma bdiet temmen li l-Kristjani kienu għedewwa taʼ l-Istat, hi ssuġġettathom għal repressjoni brutali. L-istorjografu J. M. Roberts jgħid: “Ħafna Kristjani fil-kapitali [Ruma] ċertament li mietu mewta orribbli fl-arena jew ħarquhom ħajjin.” (Shorter History of the World) Dwar dawn il-vittmi tal-persekuzzjoni minn Neruni, rapport ieħor jistqarr: “Lil xi wħud sallbuhom, lil oħrajn ħitulhom fuqhom il-ġlud taʼ l-annimali u ġew ikkaċċjati mill-klieb, lil oħrajn ksewhom biż-żift u tawhom in-nar biex iservu taʼ torċi ħajjin meta kien jidlam.”—New Testament History, minn F. F. Bruce.
Dawn il-Kristjani bikrin żgur li kienu jixtiequ ħelsien minn oppressjoni bħal din, imma ma kinux lesti li jmorru kontra t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu biex jiksbuha. Per eżempju, huma baqgħu assolutament newtrali fit-taqbida bejn l-awtoritajiet Rumani li kienu fil-gvern u ġellieda għal-libertà Lhud, bħaż-Żelaturi. (Ġwann 17:16; 18:36) Għaż-Żelaturi, “diskors dwar li jistennew il-waqt t’Alla biex jaġixxi ma kienx dak li kienet tirrikjedi l-kriżi preżenti.” Dak li kien hemm bżonn, qalu huma, kien “azzjoni vjolenti kontra l-għadu,” Ruma. (New Testament History) Il-Kristjani bikrin kienu jaħsbuha differenti. “Li jistennew il-waqt t’Alla biex jaġixxi” għalihom kien l-unika għażla realistika. Kienu konvinti li xejn ħlief intervent divin ma kien se jtemm “t-tbatijiet taʼ issa” b’mod permanenti u jġib libertà vera u dejjiema. (Mikea 7:7; Ħabakkuk 2:3) Iżda, qabel ma nikkunsidraw kif se jiġri dan, ejja neżaminaw għala l-ewwelnett il-“ħolqien jinsab taħt il-frugħa.”
“Taħt il-Frugħa”
Hawnhekk il-kelma “ħolqien,” jgħid Benjamin Wilson f’The Emphatic Diaglott, ma tfissirx “il-ħolqien annimalesk u bla ruħ,” bħalma jissuġġerixxu xi wħud, imma pjuttost, “il-bnedmin kollha.” (Qabbel Kolossin 1:23.) Dan jirreferi għall-familja umana kollha—għalina lkoll li nixxennqu għall-ħelsien. Aħna ‘ġejna mixħutin taħt il-frugħa’ minħabba dak li għamlu l-ġenituri oriġinali tagħna. Ma kienx ‘minn rajna’ jew b’riżultat taʼ xi għażla persunali individwali li ġara dan. Is-sitwazzjoni tagħna writnieha. Mil-lat Skritturali, Rousseau mar żmerċ meta qal li “l-bniedem twieled liberu.” Kull wieħed minna twieled taħt il-jasar tad-dnub u l-imperfezzjoni, fi skjavitù, biex ngħidu hekk, taʼ sistema mimlija frustrazzjoni u frugħa.—Rumani 3:23.
Dan għala ġara? Minħabba li l-ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva, riedu jkunu “bħal Alla,” li ma jkollhom assolutament lil ħadd jikkmandahom, li jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġenesi 3:5, Saydon) Huma injoraw fattur vitali rigward il-libertà. Il-Ħallieq biss jistaʼ jkollu libertà assoluta. Hu s-Sovran Universali. (Isaija 33:22; Apokalissi 4:11) Il-libertà umana trid bilfors tfisser libertà li għandha l-limiti. Huwa għalhekk li d-dixxiplu Ġakbu inkuraġġixxa lill-Kristjani fi żmienu biex jissottomettu ruħhom għal-“liġi perfetta tal-ħelsien.”—Ġakbu 1:25.
Jehovah bix-xieraq keċċa lil Adam u ’l Eva mill-familja universali tiegħu, u bħala riżultat, huma mietu. (Ġenesi 3:19) Imma xi ngħidu għad-dixxendenti tagħhom? Billi wera ħniena magħhom, għalkemm issa setgħu jgħaddulhom biss l-imperfezzjoni, id-dnub, u l-mewt, Jehovah xorta ħalliehom jipproduċu t-tfal. B’hekk, “il-mewt laħqet il-bnedmin kollha.” (Rumani 5:12) Huwa f’dan is-sens li Alla ‘xeħet il-ħolqien taħt il-frugħa.’
Ir-“Rivelazzjoni taʼ Wlied Alla”
Jehovah ssuġġetta lill-ħolqien għall-frugħa “bit-tama” li xi darba l-ħelsien jingħata lura lill-familja umana permezz taʼ l-attivitajiet taʼ “wlied Alla.” Min huma “wlied Alla”? Dawn huma d-dixxipli taʼ Ġesù Kristu, li, bħall-bqija tal-“ħolqien [uman],” jitwieldu lsiera tad-dnub u l-imperfezzjoni. Minħabba li twieldu hekk, m’għandhomx id-dritt li jkunu parti mill-familja universali nadifa u perfetta t’Alla. Imma Jehovah jagħmel xi ħaġa taʼ l-għaġeb għalihom. Permezz tas-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz għall-fidwa, Hu jilliberahom mill-jasar tad-dnub li wirtu u jiddikjarahom “twajbin,” jew indaf spiritwalment. (1 Korintin 6:11, New World Translation) Imbagħad, hu jadottahom bħala “wlied Alla,” u jġibhom lura fil-familja universali tiegħu.—Rumani 8:14-17.
Bħala l-ulied adottati taʼ Jehovah, huma se jkollhom privileġġ glorjuż. Se jkunu ‘għal Alla tagħna qassisin, li għad isaltnu fuq l-art’ maġenb Ġesù Kristu bħala parti mis-Saltna, jew gvern, t’Alla li taħkem mis-sema. (Apokalissi 5:9, 10; 14:1-4) Dan huwa gvern stabbilit fis-sod fuq prinċipji taʼ ħelsien u ġustizzja—mhux fuq l-oppressjoni u t-tirannija. (Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]; Isaija 61:1-4) L-appostlu Pawlu jgħid li dawn l-ulied t’Alla huma l-imseħbin taʼ Ġesù, in-‘nisel taʼ Abraham’ li tant ilu mwiegħed. (Galatin 3:16, 26, 29) Bħala talin, huma għandhom rwol fundamentali f’li titwettaq wegħda li Alla għamel lill-ħabib tiegħu Abraham. Parti minn dik il-wegħda hi li permezz tan-nisel (jew, żerriegħa) taʼ Abraham, ‘jitbierku l-ġnus kollha taʼ l-art.’—Ġenesi 22:18.
Liema barka jġibu dawn għall-umanità? Ulied Alla għandhom sehem f’li jilliberaw lill-umanità kollha mill-konsegwenzi terribbli tad-dnub Adamiku u f’li jirrestawraw lill-umanità għall-perfezzjoni. Nies ‘minn kull ġens u tribù u poplu’ jistgħu jitbierku billi jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz għall-fidwa u billi jissottomettu ruħhom għall-ħakma benevolenti taʼ Saltnatu. (Apokalissi 7:9, 14-17; 21:1-4; 22:1, 2; Mattew 20:28; Ġwann 3:16) B’dan il-mod, il-“ħolqien kollu” għal darb’oħra se jgawdi “l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.” Din m’hijiex se tkun xi xorta taʼ ħelsien politiku limitat u temporanju, imma pjuttost, ħelsien minn dak kollu li kkaġuna l-uġigħ u l-inkwiet għall-familja umana minn mindu Adam u Eva rrifjutaw is-sovranità t’Alla. Mhux taʼ b’xejn li l-appostlu Pawlu setaʼ jgħid li “t-tbatijiet taʼ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu” mas-servizz glorjuż li se jwettqu wħud leali!
Meta tibda “r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla”? Iż-żmien huwa qrib ħafna issa, meta Jehovah jagħmilha ċara għal kulħadd min huma dawn l-ulied t’Alla. Dan se jkun meta dawn l-‘ulied,’ irxoxtati fil-qasam taʼ l-ispirti, jieħdu sehem maʼ Ġesù Kristu f’li jnaddfu din l-art mill-ħażen u l-oppressjoni fil-gwerra t’Alla taʼ Ħarmagedon. (Danjel 2:44; 7:13, 14, 27; Apokalissi 2:26, 27; 16:16; 17:14; 19:11-21) Madwarna qed naraw iktar u iktar evidenza li aħna dħalna sewwa fl-“aħħar tad-dinja,” meta Alla se jtemm l-irvell li ilu jittollera għal tant żmien u l-ħażen li jirriżulta minnu.—2 Timotju 3:1-5; Mattew 24:3-31.
Iva, huwa veru, bħalma qal l-appostlu Pawlu, li “l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas”—imma mhux għal ħafna iktar. Miljuni li huma ħajjin issa se jaraw “it-tiġdid kollu li fl-imgħoddi semma Alla b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu,” inkluż ir-restawr tal-paċi, tal-ħelsien, u tal-ġustizzja għall-familja umana kollha.—Atti 3:21.
Ħelsien Veru sa fl-Aħħar
Xi trid tagħmel issa biex tgawdi dan il-“ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla”? Ġesù Kristu qal: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.” (Ġwann 8:31, 32) Din hija ċ-ċavetta għall-ħelsien—li titgħallem u mbagħad tobdi l-kmandamenti u t-tagħlim taʼ Kristu. Dan iġib miegħu ċertu ammont taʼ ħelsien saħansitra issa. Fil-futur qarib, dan se jġib ħelsien komplet taħt il-ħakma taʼ Ġesù Kristu. Il-korsa għaqlija hi li ssir taf il-“kelma” taʼ Ġesù permezz taʼ studju tal-Bibbja. (Ġwann 17:3) Assoċja b’mod attiv mal-kongregazzjoni tad-dixxipli veri taʼ Kristu, bħalma għamlu l-Kristjani bikrin. Billi tagħmel hekk, tistaʼ tibbenefika mill-veritajiet taʼ ħelsien li Jehovah jagħmel disponibbli permezz taʼ l-organizzazzjoni tiegħu llum.—Lhud 10:24, 25.
Waqt li ‘tistenna r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla,’ tistaʼ tikkultiva l-fiduċja li l-appostlu Pawlu kellu fil-ħarsien u l-appoġġ li jagħti Kristu, saħansitra meta t-tbatijiet u l-inġustizzji jkunu jidhru kważi insopportabbli. Wara li ddiskuta r-rivelazzjoni taʼ wlied Alla, Pawlu staqsa: “Min se jifridna mill-imħabba taʼ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?” (Rumani 8:35) M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjani fi żmien Pawlu kienu għadhom, biex nużaw l-istess kliem taʼ Rousseau, “fil-ktajjen” taʼ xi tip jew ieħor taʼ forzi repressivi. Kienu qed ‘jikkundannawhom għall-mewt il-jum kollu’ bħal “nagħaġ għall-qatla.” (Rumani 8:36) Ħallewh dan ibeżżagħhom?
“Imma f’dan kollu,” kiteb Pawlu, “aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa taʼ dak li ħabbna.” (Rumani 8:37) Rebbieħa minkejja dak kollu li kellhom jissaportu l-ewwel Kristjani? Kif jistaʼ jkun? “Għax jiena żgur,” jgħid hu bi tweġiba, “li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 8:38, 39) Int ukoll tistaʼ toħroġ “rebbieħ” minn kwalunkwe ‘taħbit, dwejjaq, jew persekuzzjoni’ li forsi jkollok tissaporti sadattant. L-imħabba t’Alla tagħti garanzija li dalwaqt—fil-qrib ferm issa—se ‘nkunu meħlusin mill-jasar [kollu] u niksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.’
[Stampi f’paġna 6]
“Il-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas”
[Stampa f’paġna 7]
‘Il-ħlejjaq għad ikunu meħlusa mill-jasar kollu u jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla’