Tistaʼ l-Predestinazzjoni Tiġi Rrikonċiljata maʼ l-Imħabba t’Alla?
“AĦNA NIDDEFINIXXU l-predestinazzjoni bħala l-pjan etern t’Alla, fejn hu ddetermina dak li ried jagħmel b’kull bniedem. Għax hu ma ħalaqhomx kollha fl-istess kundizzjoni, imma jaħtar bil-quddiem lil xi wħud għal ħajja taʼ dejjem u oħrajn għal dannazzjoni eterna.”
Dak huwa kif ir-Riformista Protestant John Calvin iddefinixxa l-kunċett tiegħu tal-predestinazzjoni fil-ktieb Institutes of the Christian Religion. Dan il-kunċett huwa bbażat fuq l-idea li Alla hu omnixjenti u li l-azzjonijiet tal-ħlejjaq tiegħu ma jistgħux jitfgħu dubji fuq l-iskopijiet tiegħu jew jobbligawh li jagħmel tibdiliet.
Imma huwa dan tassew dak li l-Bibbja timplika rigward Alla? Iktar importanti, hija spjegazzjoni bħal din kompatibbli mal-kwalitajiet t’Alla, speċjalment mal-kwalità l-iktar li tispikka tiegħu—l-imħabba?
Alla Li Kapaċi Jbassar Il-Futur
Alla hu kapaċi jbassar il-futur. Hu jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “l-Wieħed li qiegħed iħabbar mill-bidu l-final, u minn żmien twil ilu l-affarijiet li ma ntgħamlux; il-Wieħed li qiegħed jgħid, ‘Il-parir tiegħi stess se jibqaʼ, u kulma huwa l-għaxqa tiegħi se nagħmel.’” (Isaija 46:10) Matul l-istorja tal-bniedem, Alla ġiegħel il-profeziji tiegħu jiġu mniżżlin bil-miktub biex juri li jistaʼ jeżerċita l-għarfien bil-quddiem tiegħu u jbassar ġrajjiet qabel ma jseħħu.
B’hekk, fi żmien Belxażżar, sultan taʼ Babilonja, meta l-profeta Danjel kellu ħolma dwar żewġ bhejjem selvaġġi, wieħed jaqlaʼ lill-ieħor, Jehovah tah l-interpretazzjoni tagħha: “Il-kibx li int rajt li kellu ż-żewġt iqran jirrappreżenta lis-slaten tal-Medja u tal-Persja. U l-bodbod muswaf jirrappreżenta lis-sultan tal-Greċja.” (Danjel 8:20, 21) Ovvjament, Alla eżerċita l-għarfien bil-quddiem tiegħu biex jirrivela s-suċċessjoni tal-qawwiet dinjin. L-Imperu Babilonjan li kien dak iż-żmien prevalenti kellu jiġi segwit mill-Medo-Persja u mbagħad mill-Greċja.
Il-profeziji jistgħu wkoll jikkonċernaw individwu wieħed. Per eżempju, il-profeta Mikea ddikjara li l-Messija kellu jitwieled f’Betlehem. (Mikea 5:2) Għal darb’oħra, f’dan il-każ Alla eżerċita l-għarfien bil-quddiem tiegħu. Madankollu, din il-ġrajja ġiet imħabbra bi skop partikulari—l-identifikar tal-Messija. Dan il-fatt ma jiġġustifikax li wieħed jiġġeneralizza duttrina taʼ predestinazzjoni li tinkludi lil kull individwu.
Għal kuntrarju, l-Iskrittura tirrivela li hemm sitwazzjonijiet li fihom Alla jagħżel li ma jkunx jaf bil-quddiem ir-riżultat. Preċiż qabel il-qerda taʼ Sodom u Gomorra, hu ddikjara: “Jien determinat għalkollox li ninżel biex inkun nistaʼ nara jekk jaġixxux għalkollox skond l-għajta minħabba dan li ġiet għandi, u, jekk le, nistaʼ nsir nafu dan.” (Ġenesi 18:21) Dan it-test jurina b’mod ċar li Alla ma kienx jaf bil-quddiem sa liema punt waslet il-korruzzjoni f’dawk l-ibliet qabel ma investiga l-affarijiet.
Veru, Alla jistaʼ jara bil-quddiem ċerti ġrajjiet, imma f’ħafna każi, għażel li ma jużax l-għarfien bil-quddiem tiegħu. Minħabba li Alla jistaʼ kollox, hu ħieles biex jeżerċita l-abbiltajiet tiegħu kif hu jixtieq, mhux skond ix-xewqat taʼ bnedmin imperfetti.
Alla Li Jistaʼ Jiddritta L-Affarijiet
Bħalma għamel Calvin, xi wħud jgħidu li Alla ddetermina bil-quddiem il-waqgħa tal-bniedem qabel il-ħolqien tiegħu u li kien ippredestina l-‘uħud magħżulin’ qabel dik il-waqgħa. Imma jekk dan kien veru, ma kenitx tkun ipokrezija min-naħa t’Alla li joffri l-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem lil Adam u lil Eva, billi kien konxju għalkollox li ma kinux kapaċi jarawh iseħħ? Barra minn hekk, l-Iskrittura mkien ma tiċħad li l-ewwel koppja umana ġew mogħtijin għażla: jew biex isegwu direzzjonijiet divini u jgħixu għal dejjem jew biex jirrifjutawhom u jmutu.—Ġenesi, kapitlu 2.
Imma huwa tassew li d-dnub t’Adam u Eva ġieb fix-xejn l-iskop t’Alla? Le, għax immedjatament wara li dinbu, Alla ħabbar li kellu jipproduċi “żerriegħa” biex jeqred lil Satana u lill-aġenti tiegħu u li kellu mill-ġdid jiddritta l-affarijiet fuq l-art. Sewwa sew bħalma ftit insetti ma jistgħux iwaqqfu lill-ġardinar milli jipproduċi prodott tajjeb, hekk ukoll id-diżubbidjenza t’Adam u Eva m’hijiex se twaqqaf lil Alla milli jagħmel l-art f’ġenna.—Ġenesi, kapitlu 3.
Alla iktar tard irrivela li kellu jkun hemm gvern tas-Saltna fdat lil dixxendent tas-Sultan David u li oħrajn kellhom ikunu mseħbin f’din is-Saltna. Dawn l-oħrajn huma msejħin “[i]l-qaddisin tal-Wieħed Suprem.”—Danjel 7:18; 2 Samwel 7:12; 1 Kronaki 17:11.a
Li Tbassar M’Huwiex Li Tippredestina
Il-fatt li Alla m’għażilx li jkun jaf liema korsa l-umanità kellha tieħu ma żammux milli jipprofetizza l-konsegwenzi taʼ l-azzjonijiet tajbin jew ħżiena tal-bniedem. Mekkanik li jwissi lil sewwieq dwar il-kundizzjoni fqira tal-vettura tiegħu ma jistax jiġi miżmum responsabbli jekk jiġri xi inċident jew jiġi akkużat li ppredestinah. Bl-istess mod, Alla ma jistax jiġi akkużat li jippredestina l-konsegwenzi tal-biki taʼ l-azzjonijiet taʼ individwi.
L-istess kien veru dwar id-dixxendenti taʼ l-ewwel koppja umana. Qabel ma Kajjin qatel lil ħuh, Jehovah poġġa għażla quddiem Kajjin. Kien hu se jrażżan lid-dnub, jew kellu d-dnub imexxi lilu? Xejn fir-rakkont ma jindika li Jehovah iddetermina bil-quddiem li Kajjin kellu jagħmel l-għażla l-ħażina u joqtol lil ħuh.—Ġenesi 4:3-7.
Iktar tard, il-Liġi Mosajka wissiet lill-Iżraeliti dwar x’kellu jiġri jekk huma jduru lil hinn minn Jehovah, per eżempju, billi jieħdu nisa minn fost il-ġnus pagani. Dak li kien imbassar tassew li ġara. Dan jistaʼ jiġi muri mill-eżempju tas-Sultan Salamun, li fi xjuħitu kien influwenzat min-nisa barranin tiegħu biex jipprattika l-idolatrija. (1 Slaten 11:7, 8) Iva, Alla wissa lill-poplu tiegħu, imma ma ppredestinax x’kellhom ikunu l-azzjonijiet individwali tagħhom.
Il-Kristjani maħturin, jew magħżulin, huma inkuraġġiti biex jipperseveraw jekk ma jixtiqux li jiġu mċaħħdin mill-premju mwiegħed taʼ li jsaltnu fis-smewwiet maʼ Kristu. (2 Pietru 1:10; Rivelazzjoni 2:5, 10, 16; 3:11) Bħalma staqsew xi teoloġi tal-passat, Tfakkiriet bħal dawn għala ngħataw jekk is-sejħa għal uħud magħżulin kienet finali?
Il-Predestinazzjoni u L-Imħabba T’Alla
Il-bniedem ġie mogħti r-rieda ħielsa, billi ġie maħluq “fix-xbiha t’Alla.” (Ġenesi 1:27) Ir-rieda ħielsa kienet indispensabbli jekk il-bnedmin kellhom jonoraw u jaqdu lil Alla mill-imħabba, mhux bħal robots b’kull moviment iddeterminat minn qabel. L-imħabba murija minn ħlejjaq intelliġenti u ħelsin kellha ġġiegħel lil Alla jgiddeb akkużi inġusti. Hu jgħid: “Kun għaref, ibni, u ġiegħel lil qalbi tithenna, biex inkun nistaʼ nagħti risposta lil dak li qiegħed jinbixni.”—Proverbji 27:11.
Li kieku l-qaddejja t’Alla kienu ppredestinati—jew ipprogrammati, biex ngħidu hekk—ma setgħetx il-ġenwinità taʼ l-imħabba tagħhom għall-Ħallieq tagħhom tiġi ddubitata? Ukoll, ma kenitx tkun kontra l-imparzjalità t’Alla li hu jagħmel għażla ddeterminata minn qabel taʼ persuni ddestinati għall-glorja u hena mingħajr ma jqis il-merti individwali tagħhom? Barra minn hekk, jekk xi wħud jirċievu trattament preferenzjali bħal dan, waqt li oħrajn huma ddestinati għall-kastig etern, dan x’aktarx li ma kienx iqajjem sentimenti sinċieri taʼ gratitudni fil-“maħturin,” jew “uħud magħżulin.”—Ġenesi 1:27; Ġob 1:8; Atti 10:34, 35.
Fl-aħħarnett, Kristu qal lid-dixxipli tiegħu biex jippridkaw l-aħbar tajba lill-umanità kollha. Li kieku Alla diġà għażel l-uħud li jridu jiġu salvati, ma kienx dan ibatti ż-żelu Kristjan muri fl-evanġelizzazzjoni? Ma kienx jagħmel lix-xogħol taʼ l-ippridkar essenzjalment bla valur?
Imħabba imparzjali minn Alla hija l-forza l-iktar b’saħħitha li tistaʼ tqanqal lil bnedmin iħobbuh lura. L-akbar espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla kienet li jissagrifika lil Ibnu għan-nom taʼ l-umanità imperfetta u midinba. L-għarfien bil-quddiem t’Alla rigward Ibnu huwa każ speċjali, imma jassigurana li l-wegħdi taʼ restawrar li jistrieħu fuq Ġesù se jiġu tabilħaqq imwettqin. Mela jalla npoġġu fidi f’dak l-Iben u nersqu qrib lejn Alla. Ejjew nuru l-apprezzament tagħna billi naċċettaw l-istedina t’Alla biex nidħlu f’relazzjoni mill-aħjar mal-Ħallieq tagħna. Illum, Alla jindirizza din l-istedina lil dawk kollha li jridu jeżerċitaw ir-rieda ħielsa tagħhom u juru l-imħabba tagħhom lejh. (w95 2/15)
[Nota taʼ taħt]
a Meta Ġesù jitkellem dwar is-Saltna mħejjija “mit-tisjis tad-dinja” (Mattew 25:34), bil-fors li qiegħed jirreferi għal xi żmien wara l-ewwel dnub. Luqa 11:50, 51 jirrakkonta “t-tisjis tad-dinja,” jew it-tisjis taʼ l-umanità li tistaʼ tiġi mifdija permezz taʼ rahan, sa żmien Abel.
[Kaxxa f’paġna 7]
Predestinati Bħala Klassi
“Dawk li lilhom Alla kien jaf minn qabel hu wkoll ippredestina biex jiġu kkonformati max-xebh taʼ Ibnu, biex ikun l-ewwel imwieled fost ħafna aħwa. U dawk li hu ppredestina, hu wkoll sejjaħ; dawk li hu sejjaħ, hu wkoll iġġustifika; dawk li hu ġġustifika, hu wkoll igglorifika.” (Rumani 8:29, 30, New International Version) Kif għandna nifhmu t-terminu “ppredestina” wżata minn Pawlu f’dawn il-versi?
L-irraġunar taʼ Pawlu hawnhekk m’huwiex argument ibbażat fuq evidenza assoluta favur il-predestinazzjoni individwali. Iktar kmieni fis-seklu tagħna, id-Dictionnaire de théologie catholique spjega l-argumenti taʼ Pawlu (Rumani, kapitli 9-11) b’dan il-mod: “Kull ma jmur qiegħda tiżdied l-opinjoni prevalenti fost l-istudjużi Kattoliċi li l-kunċett attwali taʼ predestinazzjoni għal ħajja eterna ma kienx impoġġi quddiemna.” L-istess ktieb taʼ referenza mbagħad jikkwota lil M. Lagrange li jgħid: “Il-kwistjoni żviluppata primarjament minn Pawlu m’hijiex assolutament waħda taʼ predestinazzjoni u taʼ kundanna minn qabel imma sempliċement dik tas-sejħa tal-Ġentili għall-grazzja tal-Kristjanità, l-oppost dirett tagħha li huwa n-nuqqas taʼ twemmin tal-Lhud. . . . Dan jikkonċerna lil gruppi, Ġentili, Lhud, u mhux lil individwi speċifiċi direttament.”—Il-korsiv tagħna.
Iktar riċenti, The Jerusalem Bible offriet l-istess konklużjoni rigward dawn il-kapitli (9-11), billi stqarret: “Is-suġġett taʼ dawn il-kapitli, għalhekk, m’huwiex il-problema taʼ predestinazzjoni individwali għall-glorja, jew saħansitra għall-fidi, imma tas-sehem taʼ Iżrael fl-iżvilupp taʼ l-istorja taʼ salvazzjoni, l-unika problema mqajma mill-istqarrijiet fit-T[estment il-]Q[adim].”
L-aħħar versi taʼ Rumani kapitlu 8 jappartjenu lill-istess kuntest. B’hekk, dawn il-versi jistgħu b’mod ġust ifakkruna li Alla ra minn qabel l-eżistenza taʼ klassi, jew grupp, minn fost l-umanità li kellhom jiġu msejħin biex isaltnu maʼ Kristu, kif ukoll il-ħtiġijiet li jkollhom jilħqu—u dan mingħajr ma jinnomina qabel iż-żmien l-individwi speċifiċi li kellhom ikunu magħżulin, għax dak ikun kontra l-imħabba u l-ġustizzja tiegħu.