LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 1/8 pp. 9-11
  • Kif Nistaʼ Nkampa mal-Pressjoni minn taʼ Madwari?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nkampa mal-Pressjoni minn taʼ Madwari?
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nuqqas taʼ Fiduċja Fik Innifsek ​—Wieħed mill-​Perikli
  • Poġġi l-​Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
  • Agħżel Sew lil Min Jagħtik Parir
  • Il-Pressjoni minn taʼ Madwarek—Veru Hija Daqshekk Qawwija?
    Stenbaħ!—2002
  • Kif tirreżisti l-pressjoni minn dawk tamparek
    Stenbaħ!—2014
  • Żgħażagħ—Irreżistu l-Pressjoni Minn Tamparkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Il-Pressjoni Minn Dawk taʼ Mparek—Tistaʼ Din Tkun taʼ Vantaġġ Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 1/8 pp. 9-11

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nkampa mal-​Pressjoni minn taʼ Madwari?

“Il-​pressjoni minn taʼ madwarek issibha kullimkien.”​— Jesse, 16-il sena.

“Il-​pressjoni minn sħabi taʼ l-​iskola kienet waħda mill-​iktar affarijiet diffiċli li kelli niffaċċja meta kont qed nikber.”​— Johnathan, 21 sena.

IL-​PRESSJONI minn taʼ madwarek hija qawwa li għandek tagħti kasha. Madankollu, ibqaʼ ċert li tistaʼ tiġġildilha. Mhux talli hekk, talli tistaʼ tikkontrollaha u saħansitra tieħu vantaġġ minnha. Imma kif?

F’artiklu li ħareġ qabel f’din is-​serje, iddiskutejna l-​ewwel pass li għandek bżonn tieħu: Agħraf kemm hi qawwija l-​pressjoni minn taʼ madwarek u kemm int dgħajjef għall-​influwenza tagħha.a Liema passi pożittivi oħrajn tistaʼ tieħu? L-​għajnuna li għandek bżonn biex tiggwidak tinsab fil-​Kelma t’Alla. Proverbji 24:5 (Karm Żammit) jgħid: “Min għandu l-​għerf iżid fil-​qawwa tiegħu.” Liema għerf, jew għarfien, jistaʼ jsaħħek biex tikkontrolla l-​pressjoni minn taʼ madwarek? Qabel ma nwieġbu din il-​mistoqsija, ejja l-​ewwel niddiskutu problema li tistaʼ tħalli l-​pressjoni minn taʼ madwarek tikkontrolla lilek.

Nuqqas taʼ Fiduċja Fik Innifsek ​—Wieħed mill-​Perikli

Iż-​żgħażagħ li huma Xhieda taʼ Jehovah kultant iħossu li l-​pressjoni minn taʼ madwarhom hi sfida speċjali minħabba li l-​mod taʼ ħajja tagħhom jinvolvi li jgħidu lil oħrajn dwar it-​twemmin tagħhom. (Mattew 28:​19, 20) Ġieli ssibha diffiċli biex taqsam it-​twemmin tiegħek maʼ żgħażagħ oħrajn li tiltaqaʼ magħhom? M’intix waħdek. Żagħżugħa taʼ 18-il sena li jisimha Melanie tgħid hekk: “Meta kont niġi biex ngħid liż-​żgħażagħ sħabi li jien Xhud, kont insibha iktar diffiċli milli stajt naħseb.” Hi tkompli: “Hekk kif kont irrabbi biżżejjed kuraġġ biex ngħidilhom li jien Xhud, kont nerġaʼ nibda nibżaʼ.” Milli jidher, il-​pressjoni negattiva żammitha lura.

Il-Bibbja tqawwilna qalbna għaliex turina li anki rġiel u nisa li kellhom fidi li tispikka żammew lura milli jitkellmu man-​nies dwar Alla. Per eżempju, iż-​żagħżugħ Ġeremija kien jaf li kellu jiġi ridikolat u persegwitat jekk jobdi l-​kmand t’Alla biex jitkellem bil-​qlubija. Iżjed minn hekk, Ġeremija ma kellux fiduċja fih innifsu. Għala? Hu qal lil Alla: “Ma nafx nitkellem, għadni żgħir.” Ħasibha bħalu Alla, li għax Ġeremija kien għadu żgħir ma kienx kwalifikat biex jitkellem? Le. Jehovah qawwielu qalbu lill-​profeta billi qallu: “Tgħidx, ‘Għadni żgħir.’” Jehovah baqaʼ għaddej bl-​iskop tiegħu u liż-​żagħżugħ imbeżżaʼ tah inkarigu importanti.​—Ġeremija 1:​6, 7.

Meta ma jkollniex fiduċja fina nfusna, jew ma nħossuniex kunfidenti, nistgħu nsibuha verament diffiċli biex nikkontrollaw il-​pressjoni minn taʼ madwarna. Studji taʼ riċerka juru li dan huwa minnu. Per eżempju, lura fl-​1937 xjenzat li jismu Muzafer Sherif għamel esperiment famuż. Hu poġġa xi nies f’kamra mudlama, uriehom sors wieħed taʼ dawl, u mbagħad staqsiehom kemm tbiegħed.

Fir-realtà, id-​dawl lanqas biss kien iċċaqlaq; kulma kien ġara kien li għajnejhom qarrqu bihom. Meta sarilhom it-​test b’mod individwali, in-​nies taw il-​verżjoni tagħhom dwar kemm kien mingħalihom li resaq id-​dawl. Madankollu, meta għamlu t-​test fi gruppi ntalbu jgħidu l-​verżjoni tagħhom quddiem kulħadd. X’ġara? Minħabba li ma kinux kunfidenti dwar dak li ħasbu, huma ġew influwenzati minn xulxin. Wara li t-​test sar għal diversi drabi, it-​tweġibiet tagħhom saru iktar u iktar bħal taʼ xulxin sakemm inħoloq “group norm,” jew ħsieb komuni. Anki meta iktar tard reġaʼ sarilhom it-​test individwalment, huma kienu għadhom influwenzati mill-​opinjoni kollettiva tal-​grupp.

Dan l-​esperiment jikxef punt importanti. Meta xi ħadd ma jkunx ċert minnu nnifsu, jew ma jkollux fiduċja fih innifsu, isir iktar faċli għalih li jiġi effettwat mill-​pressjoni minn taʼ madwaru. Ma jġagħlekx taħseb dan? Wara kollox, il-​pressjoni tistaʼ teffettwa lin-​nies fi kwistjonijiet importanti ħafna bħall-​ħarsa tagħhom lejn is-​sess qabel iż-​żwieġ, l-​abbuż tad-​drogi, u saħansitra l-​miri li se jsegwu f’ħajjithom. Jekk inħallu lilna nfusna nadottaw il-​“group norm” fi kwistjonijiet bħal dawn, nistgħu neffettwaw il-​futur tagħna b’mod drastiku. (Eżodu 23:2) X’nistgħu nagħmlu?

Mela, kif taħseb li kont tmur fit-​test li kieku kont taf fiċ-​ċert li s-​sors tad-​dawl ma kienx qed jiċċaqlaq? Wisq probabbli ma kontx tiġi influwenzat mill-​grupp. Iva, irid ikollna fiduċja fina nfusna. Imma liema tip taʼ fiduċja hija involuta, u kif nistgħu niksbuha?

Poġġi l-​Fiduċja Tiegħek f’Jehovah

Għandek mnejn tismaʼ lil ħafna jitkellmu dwar kif tistaʼ tibni l-​fiduċja fik innifsek. Imma meta tiġi biex tara kif se tiksibha​—u kemm għandek bżonn minnha​—tismaʼ ħafna kontradizzjonijiet. Il-​Bibbja fiha dan il-​parir bilanċjat: “Jiena ngħidilkom ilkoll . . . tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu taʼ li hu.” (Rumani 12:3) Traduzzjoni oħra taʼ dan il-​vers tgħid: “Jien ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jistmax lilu nnifsu iktar mill-​valur reali tiegħu, imma jqis lilu nnifsu bis-​serjetà u b’mod realistiku.”​—Charles B. Williams.

Il-fatt li ‘tqis bis-​serjetà u b’mod realistiku’ l-​“valur reali” tiegħek innifsek ma jħallikx issir fieragħ, prużuntuż, jew imkabbar. Min-​naħa l-​oħra, ħarsa bilanċjata bħal din tinkludi ċertu ammont taʼ fiduċja fl-​abbiltà tiegħek biex taħseb, tirraġuna, u tieħu deċiżjonijiet bil-​għaqal. Il-​Ħallieq tiegħek żejnek “bil-​qawwa tar-​raġuni,” u din mhix xi rigal żgħir. (Rumani 12:​1, NW) Jekk iżżomm dan f’moħħok se tiġi megħjun tirreżisti t-​tentazzjoni biex tħalli lil dawk taʼ madwarek jieħdu d-​deċiżjonijiet għalik. Madankollu, hemm tip taʼ fiduċja li se tkun iktar taʼ protezzjoni għalik.

Is-Sultan David ġie ispirat biex jikteb: “Inti, Sidi, it-​tama tiegħi; Mulej, inti l-​fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.” (Salm 71:5) Iva, David poġġa fiduċja assoluta f’Missieru tas-​sema, u dan għamlu minn meta kien għadu żgħir. Kien għadu biss “tifel” (KŻ)​—forsi żagħżugħ​—meta l-​ġgant Filisti Gulija sfida lil kwalunkwe suldat taʼ Iżrael għal taqbida bejniethom it-​tnejn biss. Is-​suldati beżgħu. (1 Samwel 17:​11, 33) X’aktarx li żviluppat xi pressjoni negattiva. Żgur li tkellmu b’pessimiżmu dwar id-​daqs taʼ Gulija u l-​ħila unika tiegħu, u għalihom, min jaċċetta l-​isfida tiegħu bilfors li jkun qed jiġġennen. David ma ħallihiex teffettwah din il-​pressjoni. Għala?

Innota x’qallu David lil Gulija: “Inti ġejt lejja bix-​xabla, bil-​lanza u bil-​vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, Alla taʼ l-​armata taʼ Iżrael, li int sfidajt.” (1 Samwel 17:45) David kien konxju tad-​daqs, tas-​saħħa, u taʼ l-​armi li kellu Gulija. Imma kien hemm xi ħaġa li kien ċert dwarha daqskemm kien ċert li hemm is-​sema fuq rasu. Hu kien jaf li Gulija ma kien xejn meta mqabbel m’Alla Jehovah. Ladarba Jehovah kien fuq in-​naħa taʼ David, għala għandu jibżaʼ minn Gulija? Fiduċja bħal din f’Alla għamlitu kunfidenti lil David. L-​ebda ammont taʼ pressjoni ma kien se jinfluwenzah.

Għandek int fiduċja bħal din f’Jehovah? Hu ma tbiddilx minn żmien David ’l hawn. (Malakija 3:6; Ġakbu 1:17) Iktar ma ssir taf dwaru, iktar se tkun żgur minn dak kollu li jgħidlek fil-​Kelma tiegħu. (Ġwann 17:17) Fiha se ssib livelli li ma jinbidlux u taʼ min joqgħod fuqhom biex jiggwidawk f’ħajtek u jgħinuk tirreżisti l-​pressjoni minn taʼ madwarek. Minbarra li tpoġġi l-​fiduċja tiegħek f’Jehovah, hemm xi ħaġ’oħra li tistaʼ tagħmel.

Agħżel Sew lil Min Jagħtik Parir

Il-​Kelma t’Alla tenfasizza l-​bżonn li tfittex gwida tajba. Proverbji 1:5 (KŻ) jgħid: “Ir-​raġel intelliġenti jikseb pariri tajba.” Il-​ġenituri tiegħek, li verament jimpurtahom dwar x’inhu l-​aħjar għalik, jistgħu jkunu sors taʼ gwida. Indira tafu sew dan. Hi tirrakkonta: “Huwa minħabba li l-​ġenituri tiegħi dejjem kienu jużaw l-​Iskrittura biex jirraġunaw miegħi u għax lil Jehovah għamluh reali f’ħajti li llum għadni miexja fit-​triq tal-​verità.” Ħafna żgħażagħ iħossuhom bħalha.

Jekk int membru tal-​kongregazzjoni Kristjana, għandek sors t’appoġġ mill-​aqwa fiha​—l-​indokraturi maħturin, jew l-​anzjani, kif ukoll Kristjani maturi oħrajn. Żagħżugħa li jisimha Nadia tiftakar: “Kont verament nirrispetta u nammira lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħi. Għadni niftakar taħdita li kien ta l-​indokratur li jippresiedi mħejjija apposta għaż-​żgħażagħ. Wara l-​laqgħa, jien u ħabibti konna se ntiru bil-​ferħ għax ħassejna li tkellem eżatt dwar dak li konna għaddejjin minnu.”

Arma qawwija oħra kontra l-​pressjoni negattiva hi l-​pressjoni pożittiva. Jekk tagħżel lil sħabek bil-​għaqal, dawn jistgħu jgħinuk iżżomm miri siewja u livelli tajbin. Kif nistgħu nagħżlu sew? Żomm f’moħħok dan il-​parir: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fl-​hemm.” (Proverbji 13:20) Nadia qagħdet attenta li tagħżel ħbieb għaqlin fl-​iskola​—sħabha taʼ l-​istess twemmin, li kellhom l-​istess livelli morali. Hi tiftakar: “Meta xi ġuvintur kienu jiġu ‘jkellmuna’, konna nistrieħu fuq xulxin għall-​appoġġ.” Ħbieb tajbin jistgħu jgħinuna noħorġu l-​aħjar kwalitajiet tagħna. Huma jixirqilhom l-​isforz kollu li tagħmel biex issibhom.

Mela ibqaʼ ċert, li jekk tibni l-​fiduċja tiegħek f’Jehovah, tfittex il-​gwida mingħand Kristjani maturi, u tagħżel lil sħabek bil-​għaqal, tistaʼ tirnexxi fl-​isfida kontra l-​pressjoni minn taʼ madwarek. Fil-​fatt, tistaʼ tħalli influwenza pożittiva fuq sħabek u tgħinhom jibqgħu miegħek fit-​triq li twassal għall-​ħajja.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “Il-​Pressjoni minn taʼ Madwarek—Veru Hija Daqshekk Qawwija?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Diċembru, 2002.

[Kumment f’paġna 10]

Fittex ħbieb tajbin, li bħalek iħobbu ’l Alla u l-​livelli tiegħu

[Stampi f’paġna 10]

“Ħbiberija ħażina tħassar id-​drawwiet tajba.”​—1 Korintin 15:33

“Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref.”​—Proverbji 13:20

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja