Aqdi lil Jehovah b’Qalb Ferħana
“Dawn il-maledizzjonijiet kollha ċertament li se jiġu fuqek . . . minħabba l-fatt li ma qdejtx lil Jehovah Alla tiegħek b’hena u qalb ferħana.”—DEWTERONOMJU 28:45-47.
1. Liema evidenza hemm li dawk li qegħdin jaqdu lil Jehovah huma mimlijin ferħ, kulfejn jaqduh?
IL-QADDEJJA taʼ Jehovah huma mimlijin ferħ, kemm jekk qegħdin jagħmlu r-rieda tiegħu fis-sema jew fuq l-art. “Kwiekeb taʼ fil-għodu” anġeliċi għajtu bil-ferħ fit-tisjis taʼ l-art, u bla dubju b’ferħ il-mirjadi t’anġli tas-sema ‘jwettqu l-kelma t’Alla.’ (Ġob 38:4-7; Salm 103:20) L-Iben uniġenitu taʼ Jehovah kien “mgħallem” mimli ferħ fis-sema u sab għaxqa f’li jagħmel ir-rieda divina bħala r-raġel Ġesù Kristu fuq l-art. Barra minn hekk, “għall-ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr l-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija tat-tron t’Alla.”—Proverbji 8:30, 31; Ebrej 10:5-10; 12:2.
2. X’kien jiddetermina jekk l-Iżraeliti kinux jesperjenzaw barkiet jew maledizzjonijiet?
2 L-Iżraeliti ġarrbu l-ferħ meta kienu jogħġbu lil Alla. Imma xi ngħidu kieku m’obdewhx? Huma kienu mwissijin: ‘Maledizzjonijiet iridu jkomplu fuqek u nislek bħala sinjal u għelm għal żmien indefinit, minħabba l-fatt li ma qdejtx lil Jehovah Alla tiegħek b’hena u qalb ferħana għall-abbundanza taʼ kollox. U se jkollok taqdi lill-għedewwa tiegħek li lilhom Jehovah se jibgħat kontra tiegħek b’ġuħ u għatx u għera u l-bżonn taʼ kollox; u hu ċertament li se jpoġġi madmad tal-ħadid fuq għonqok sakemm ikun ġiebek fix-xejn.’ (Dewteronomju 28:45-48) Barkiet u maledizzjonijiet kienu jagħmlu ċar min kienu u min ma kinux il-qaddejja taʼ Jehovah. Maledizzjonijiet bħal dawn ukoll urew ċar li ma jistax ikun hemm nuqqas taʼ rispett lejn il-prinċipji u l-iskopijiet t’Alla, lanqas ma jistaʼ jkun hemm stmerrija lejhom. Minħabba li l-Iżraeliti rrifjutaw li jagħtu kas tat-twissijiet taʼ deżolazzjoni u eżilju mingħand Jehovah, Ġerusalemm saret “maledizzjoni għall-ġnus kollha taʼ l-art.” (Ġeremija 26:6) Ejjew għalhekk nobdu lil Alla u ngawdu l-favur tiegħu. Il-ferħ huwa wieħed mill-ħafna barkiet divini esperjenzati mit-twajbin.
Kif Taqdi B’“Ferħ Tal-Qalb”
3. X’inhija l-qalb figurattiva?
3 L-Iżraeliti kellhom jaqdu lil Jehovah “b’hena u qalb ferħana.” Hekk ukoll iridu jagħmlu l-qaddejja t’Alla taż-żmien modern. Li tithenna huwa “li tkun kuntent; tkun mimli ferħ.” Għalkemm il-qalb fiżika hija msemmija fl-Iskrittura, din ma taħsibx jew tirraġuna b’mod litterali. (Eżodu 28:30) Il-funzjoni prinċipali tagħha hija li tippompja d-demm li jsostni ċ-ċelloli tal-ġisem. Fil-maġġoranza vasta tal-każi, madankollu, il-Bibbja tirreferi għall-qalb figurattiva, li hija iżjed mis-sors taʼ l-affezzjoni, il-motivazzjoni, u l-intellett. Jintqal li tirrappreżenta “l-parti ċentrali inġenerali, il-ġewwieni, u għalhekk il-bniedem minn ġewwa kif juri lilu nnifsu fid-diversi attivitajiet kollha tiegħu, fix-xewqat, l-affezzjonijiet, l-emozzjonijiet, il-passjonijiet, l-iskopijiet tiegħu, il-ħsibijiet, l-osservazzjonijiet, l-immaġinazzjonijiet tiegħu, l-għerf, l-għarfien, is-sengħa tiegħu, it-twemmin tiegħu u l-irraġunar tiegħu, il-memorja tiegħu u l-istat konxju tiegħu.” (Journal of the Society of Biblical Literature and Exegesis, 1882, paġna 67) Il-qalb figurattiva tagħna tinvolvi s-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna, inkluż il-ferħ.—Ġwann 16:22.
4. X’jistaʼ jgħinna biex naqdu lil Alla Jehovah b’qalb ferħana?
4 X’jistaʼ jgħinna naqdu lil Jehovah b’qalb ferħana? Ħarsa pożittiva u t’apprezzament għall-barkiet u l-privileġġi mogħtijin lilna minn Alla hija t’għajnuna. Per eżempju, nistgħu nirriflettu b’ferħ dwar il-privileġġ tagħna li nagħtu “servizz sagru” lil dak Alla veru. (Luqa 1:74) Hemm il-privileġġ relatat li nġorru isem Jehovah bħala x-Xhieda tiegħu. (Isaija 43:10-12) Maʼ dan nistgħu nżidu l-ferħ li nafu li billi nsegwu l-Kelma t’Alla qegħdin nogħġbuh. U x’ferħ hemm f’li nirriflettu d-dawl spiritwali u b’hekk ngħinu lil ħafna biex joħorġu mid-dlam!—Mattew 5:14-16; qabbel 1 Pietru 2:9.
5. X’inhuwa s-sors taʼ ferħ taʼ tjieba?
5 Madankollu, li taqdi lil Jehovah b’qalb ferħana ma jinvolvix biss ħsieb pożittiv. Huwa taʼ benefiċċju li jkollok ħarsa pożittiva. Imma l-ferħ taʼ tjieba m’huwiex xi ħaġa li nipproduċu permezz taʼ l-iżvilupp tal-karattru. Huwa frotta taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah. (Galatin 5:22, 23) Jekk m’għandniex ferħ bħal dan, għandu mnejn ikollna bżonn nagħmlu aġġustamenti sabiex nevitaw li naħsbu jew naġixxu b’xi manjiera m’hijiex Skritturali li tistaʼ tnikket l-ispirtu t’Alla. (Efesin 4:30) Bħala dawk devoti lejn Jehovah, madankollu, ejjew ma nibżgħux li nuqqas taʼ ferħ mill-qalb f’xi okkażjoni huwa evidenza taʼ diżapprovazzjoni divina. Aħna imperfetti u suġġetti għal uġigħ, niket, u saħansitra dipressjoni xi drabi, imma Jehovah jifhimna. (Salm 103:10-14) Ejjew għalhekk nitolbu għall-ispirtu qaddis tiegħu, billi niftakru li l-frotta tiegħu taʼ ferħ hija mogħtija minn Alla. Missierna tas-sema taʼ mħabba se jwieġeb talb bħal dan u jgħinna naqduh b’qalb ferħana.—Luqa 11:13.
Meta Ma Jkunx Hemm Ferħ
6. Jekk il-ferħ huwa nieqes mis-servizz tagħna lil Alla, x’għandna nagħmlu?
6 Jekk il-ferħ ikun nieqes mis-servizz tagħna, nistgħu eventwalment immajnaw f’li naqdu lil Jehovah jew saħansitra ma nibqgħux leali lejh. Għalhekk, ikun għaqli li bl-umiltà u bit-talb nikkunsidraw il-motivi tagħna u nagħmlu aġġustamenti neċessarji. Biex ikollna ferħ mogħti minn Alla, irridu naqdu lil Jehovah imqanqlin mill-imħabba u b’qalbna, b’ruħna, u b’moħħna kollha kemm huma. (Mattew 22:37) Ma rridux naqdu b’attitudni kompetittiva, għax Pawlu kiteb: “Jekk qegħdin ngħixu bl-ispirtu, ejjew inkomplu mexjin bl-ordni wkoll bl-ispirtu. Ejjew ma nsirux egoistiċi, billi nqanqlu l-kompetizzjoni maʼ xulxin, billi ngħiru għal xulxin.” (Galatin 5:25, 26) Mhux se jkollna ferħ veru jekk qegħdin naqdu għaliex irridu nibbrillaw fuq oħrajn jew qegħdin infittxu t-tifħir.
7. Kif nistgħu nkebbsu mill-ġdid il-qalb ferħana tagħna?
7 Hemm ferħ f’li nwettqu d-dedikazzjoni tagħna lejn Jehovah. Meta konna għadna kif iddedikajna lilna nfusna lil Alla, b’mod żeluż bdejna fit-triq taʼ ħajja Kristjana. Studjajna l-Iskrittura u regolarment ipparteċipajna fil-laqgħat. (Ebrej 10:24, 25) Kien iġibilna ferħ li nieħdu sehem fil-ministeru. Madankollu, xi ngħidu jekk il-ferħ tagħna naqas? Studju tal-Bibbja, attendenza għal-laqgħat, parteċipazzjoni fil-ministeru—tabilħaqq, involviment sħiħ f’kull aspett tal-Kristjanità—għandhom jagħtu lill-ħajjiet tagħna stabbilità spiritwali u jkebbsu mill-ġdid kemm l-imħabba li kellna fil-bidu kif ukoll il-qalb ferħana li kellna qabel. (Rivelazzjoni 2:4) Imbagħad ma nkunux bħal xi wħud li x’aktarx m’għandhomx ferħ u taʼ spiss jeħtieġu għajnuna spiritwali. L-anzjani huma kuntenti li jgħinu, imma rridu individwalment inwettqu d-dedikazzjoni tagħna lil Alla. Ħadd iktar ma jistaʼ jagħmel dan għalina. Ejjew għalhekk nagħmluha l-mira tagħna li nsegwu r-rutina normali Kristjana sabiex inwettqu d-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah u jkollna ferħ veru.
8.Kuxjenza nadifa għala hija importanti jekk irridu li nkunu mimlijin ferħ?
8 Jekk irridu li jkollna l-ferħ li huwa frotta taʼ l-ispirtu t’Alla, neħtieġu kuxjenza nadifa. Dment li s-Sultan David taʼ Iżrael ipprova jaħbi dnubu, kien miżerabbli. Fil-fatt, it-tira tal-ħajja tiegħu donnha kienet evaporat, u setaʼ saħansitra marad fiżikament. X’serħan ġarrab meta nidem u stqarr ħtijietu! (Salm 32:1-5) Ma nistgħux inkunu mimlijin ferħ jekk inkunu qegħdin naħbu xi dnub serju. Dak jistaʼ tassew iġegħilna ngħixu ħajja taʼ nkwiet. Ċertament, dak m’huwiex il-mod kif tesperjenza l-ferħ. Imma stqarrija tal-ħtijiet u ndiema jġibu serħan u restawrar taʼ spirtu mimli ferħ.—Proverbji 28:13.
Nistennew Bil-Ferħ
9, 10. (a) Abraham x’wegħda rċieva, imma l-fidi u l-ferħ tiegħu kif setgħu ġew ittestjati? (b) Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempji t’Abraham, taʼ Iżakk, u taʼ Ġakobb?
9 Hija ħaġa li jkollna l-ferħ meta nitgħallmu għall-ewwel darba dwar l-iskop divin imma hija ħaġ’oħra li nibqgħu mimlijin ferħ waqt li s-snin qegħdin igerbbu. Dan jistaʼ jingħata tixbieha tiegħu fil-każ tal-leali Abraham. Wara li pprova joffri lil ibnu Iżakk għall-kmand t’Alla, anġlu tah dan il-messaġġ: “‘Bija nnifsi naħlef tassew jien,’ hija l-ħaġa mitkellma taʼ Jehovah, ‘li minħabba l-fatt li int għamilt din il-ħaġa u ma żammejtx lura lil ibnek, l-uniku wieħed tiegħek, jien żgur li se nbierkek u żgur li se nimmultiplika liż-żerriegħa tiegħek bħall-kwiekeb tas-smewwiet u bħall-frak tar-ramel li qiegħed fuq xatt il-baħar; u ż-żerriegħa tiegħek se jieħu pussess tax-xatba taʼ l-għedewwa tiegħu. U permezz taż-żerriegħa tiegħek il-ġnus kollha taʼ l-art ċertament li se jbierku lilhom infushom minħabba l-fatt li int tajt widen lil leħni.’” (Ġenesi 22:15-18) Bla dubju, Abraham kien se jtir bil-ferħ b’din il-wegħda.
10 Abraham setaʼ stenna li Iżakk kellu jkun iż-“żerriegħa” li permezz tiegħu l-barkiet imwegħdin kienu se jiġu. Imma l-mogħdija tas-snin mingħajr ma twettaq xejn taʼ l-għaġeb permezz taʼ Iżakk setgħet kienet taʼ prova għall-fidi u l-ferħ t’Abraham u l-familja tiegħu. Il-konferma t’Alla tal-wegħda lil Iżakk u iktar tard lil ibnu Ġakobb żgurathom li l-miġja taż-Żerriegħa kienet għadha fil-futur, u dan għenhom iżommu l-fidi u l-ferħ tagħhom. Madankollu, Abraham, Iżakk, u Ġakobb mietu mingħajr ma raw it-twettieq tal-wegħdiet t’Alla lilhom, imma ma kinux qaddejja bla ferħ taʼ Jehovah. (Ebrej 11:13) Aħna wkoll nistgħu nibqgħu naqdu lil Jehovah bil-fidi u bil-ferħ waqt li nistennew it-twettieq tal-wegħdiet tiegħu.
Ferħ Minkejja Persekuzzjoni
11. Għala nistgħu nkunu mimlijin ferħ minkejja l-persekuzzjoni?
11 Bħala qaddejja taʼ Jehovah, nistgħu naqdu lil Jehovah b’qalb ferħana, avolja nsofru persekuzzjoni. Ġesù ddikjara henjin lil dawk ippersegwitati minħabba fih, u l-appostlu Pietru qal: “Komplu thennew billi intom imxerkin fis-sofferenzi tal-Kristu, sabiex tkunu tistgħu tithennew u tkunu ferħanin qatigħ ukoll matul ir-rivelazzjoni tal-glorja tiegħu. Jekk qegħdin tkunu mgħajrin għal isem Kristu, intom henjin, għaliex l-ispirtu taʼ glorja, saħansitra l-ispirtu t’Alla, qiegħed jistrieħ fuqkom.” (1 Pietru 4:13, 14; Mattew 5:11, 12) Jekk qed tissaporti persekuzzjoni u tbatija minħabba t-tjieba, għandek l-ispirtu u l-approvazzjoni taʼ Jehovah, u dak ċertament li jippromwovi l-ferħ.
12. (a) Għala nistgħu niffaċċjaw provi taʼ fidi bil-ferħ? (b) Liema lezzjoni bażika nistgħu nitgħallmu mill-każ taʼ ċertu Levita fl-eżilju?
12 Aħna nistgħu niffaċċjaw provi tal-fidi bil-ferħ għaliex Alla hu r-Refuġju tagħna. Dan jintgħamel evidenti f’Salmi 42 u 43. Għal xi raġuni, ċertu Levita kien fl-eżilju. Tant immissjaha l-qima fis-santwarju t’Alla li ħassu bħal ċerva bl-għatx, li tixxennaq għall-ilma f’reġjun niexef u għeri. Kien ‘għatxan,’ jew imxennaq, għal Jehovah u għall-privileġġ li jqim lil Alla fis-santwarju Tiegħu. (Salm 42:1, 2) L-esperjenza taʼ dan l-eżiljat għandha tqanqalna biex nuru gratitudni għas-sħubija li ngawdu man-nies taʼ Jehovah. Jekk sitwazzjoni bħal iżolament minħabba persekuzzjoni temporanjament iżżommna milli nkunu magħhom, ejjew nirriflettu fuq mumenti taʼ ferħ fil-passat flimkien fis-servizz sagru u nitolbu għas-sabar waqt li ‘nistennew ’l Alla’ biex jirrestawrana għal attività regulari maʼ l-adoraturi tiegħu.—Salm 42:4, 5, 11; 43:3-5.
‘Aqdi Lil Jehovah B’Hena’
13. Salm 100:1, 2 kif juri li l-ferħ irid ikun aspett importanti fis-servizz tagħna lil Alla?
13 Il-ferħ irid ikun aspett prominenti tas-servizz tagħna lil Alla. Dan intwera f’melodija taʼ radd il-ħajr li fiha s-salmista kanta: “Għajtu bi trijonf lil Jehovah, intom in-nies kollha taʼ l-art. Aqdu lil Jehovah bl-hena. Idħlu quddiemu b’għajta mimlija ferħ.” (Salm 100:1, 2) Jehovah hu “dak Alla hieni” u jrid lill-qaddejja tiegħu jsibu ferħ f’li jwettqu d-dedikazzjoni tagħhom lilu. (1 Timotew 1:11) Nies mill-ġnus kollha għandhom jeżaltaw f’Jehovah, u l-espressjonijiet tagħna taʼ tifħir għandhom ikunu qawwijin, bħall-‘għajta trijonfanti’ t’armata rebbieħa. Ladarba servizz lil Alla huwa rifreskanti, għandu jkun akkumpanjat bl-hena. Għalhekk, is-salmista ħeġġeġ lin-nies biex jidħlu fil-preżenza t’Alla “b’għajta mimlija ferħ.”
14, 15. Salm 100:3-5 kif japplika għan-nies mimlijin ferħ taʼ Jehovah illum?
14 Is-salmista żied: “Kunu afu [irrikonoxxu, agħrfu] li Jehovah hu Alla. Huwa hu li għamilna, u mhux aħna nfusna. Aħna l-poplu tiegħu u n-ngħaġ tal-mergħa tiegħu.” (Salm 100:3) Ladarba Jehovah hu l-Ħallieq tagħna, jippossjedina bħalma ragħaj jippossjedi lin-ngħaġ tiegħu. Alla tant jieħu ħsiebna b’mod tajjeb li bi gratitudni aħna nfaħħruh. (Salm 23) Rigward Jehovah, is-salmista kanta wkoll: “Idħlu fix-xatbiet tiegħu b’radd il-ħajr, fil-btieħi tiegħu bit-tifħir. Iżżu ħajr lilu, bierku lil ismu. Għax Jehovah hu tajjeb; il-qalb tajba bl-imħabba tiegħu hija għal żmien indefinit, u l-fedeltà tiegħu għal ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni.”—Salm 100:4, 5.
15 Illum, nies mimlijin ferħ mill-ġnus kollha qegħdin jidħlu fil-btieħi tas-santwarju taʼ Jehovah biex joffru radd il-ħajr u tifħir. Aħna bil-ferħ inbierku isem Alla billi dejjem nitkellmu tajjeb dwar Jehovah, u l-kwalitajiet grandjużi tiegħu jqanqluna biex infaħħruh. Hu tajjeb għalkollox, u l-qalb tajba bl-imħabba jew stima b’mogħdrija tiegħu għall-qaddejja tiegħu hija dejjem taʼ min jorbot fuqha, għax tibqaʼ għal żmien indefinit. Għal “ġenerazzjoni wara ġenerazzjoni,” Jehovah hu leali f’li juri mħabba lejn dawk li jagħmlu r-rieda tiegħu. (Rumani 8:38, 39) Ċertament, allura, għandna raġuni tajba biex “naqdu lil Jehovah bl-hena.”
Ithenna Bit-Tama Tiegħek
16. Il-Kristjani b’liema tamiet u prospetti jistgħu jithennew?
16 Pawlu kiteb: “Ithennew bit-tama.” (Rumani 12:12) Segwaċi midlukin taʼ Ġesù Kristu jithennew bit-tama glorjuża taʼ ħajja immortali fis-sema li Alla għamel disponibbli għalihom permezz taʼ Ibnu. (Rumani 8:16, 17; Filippin 3:20, 21) Kristjani bit-tama taʼ ħajja eterna fil-Ġenna fuq l-art ukoll għandhom bażi għall-hena. (Luqa 23:43) Il-qaddejja leali kollha taʼ Jehovah għandhom raġuni biex jithennew bit-tama tas-Saltna, għax jew se jkunu parti minn dak il-gvern ċelestjali jew se jgħixu fid-dominju tiegħu taʼ l-art. X’barka ferriħija!—Mattew 6:9, 10; Rumani 8:18-21.
17, 18. (a) X’kien imbassar f’Isaija 25:6-8? (b) Din il-profezija taʼ Isaija kif qiegħda tiġi mwettqa issa, u xi ngħidu dwar it-twettieq tagħha fil-futur?
17 Isaija wkoll bassar futur mimli ferħ għall-umanità ubbidjenti. Kiteb: “Jehovah taʼ l-armati ċertament li se jagħmel għall-popli kollha, f’din il-muntanja, bankett taʼ dixxijiet imħawrin tajjeb biż-żejt, bankett taʼ nbid irraffinat min-naqal, taʼ dixxijiet imħawrin tajjeb biż-żejt mimlijin mudullun, taʼ nbid irraffinat min-naqal, imsoffi. U f’din il-muntanja ċertament li se jiblaʼ wiċċ il-kisja li qiegħda tiksi għal fuq il-popli kollha, u x-xogħol taʼ l-insiġ li huwa minsuġ fuq il-ġnus kollha. Hu attwalment se jiblaʼ l-mewt għal dejjem, u l-Mulej Sovran Jehovah ċertament li se jimsaħ id-dmugħ mill-uċuħ kollha. U t-tkasbir tal-poplu tiegħu se jneħħi mill-art kollha, għax Jehovah innifsu tkellem dan.”—Isaija 25:6-8.
18 Il-festa spiritwali li nieħdu sehem fiha llum bħala adoraturi taʼ Jehovah hija bankett mimli ferħ tabilħaqq. Fil-fatt, il-ferħ tagħna jfur hekk kif naqdu lil Alla b’mod żeluż b’antiċipazzjoni tal-bankett t’affarijiet tajbin litterali li wiegħed għad-dinja ġdida. (2 Pietru 3:13) Fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, Jehovah se jneħħi “x-xogħol taʼ l-insiġ” li qed jiksi lill-umanità minħabba d-dnub t’Adam. X’ferħ se jkun li tara d-dnub u l-mewt imneħħijin! X’għaxqa li tilqaʼ lura wħud maħbubin irxoxtati, li tinnota li d-dmugħ sparixxa, u li tgħix fuq art magħmula ġenna, fejn in-nies taʼ Jehovah ma jiġux immaqdrin imma se jkunu taw lil Alla tweġiba għan-nebbiex il-kbir, Satana x-Xitan!—Proverbji 27:11.
19. Kif għandna nirreaġixxu għall-prospetti li Jehovah qiegħed quddiemna bħala x-Xhieda tiegħu?
19 Ma jimlikx b’ferħ u gratitudni li tkun taf dak li Jehovah se jagħmel għall-qaddejja tiegħu? Tabilħaqq, prospetti grandjużi bħal dawn jikkontribwixxu għall-ferħ tagħna! Barra minn hekk, it-tama mbierka tagħna ġġegħilna nħarsu lejn dak Alla hieni, taʼ mħabba, u ġeneruż tagħna b’sentimenti bħal dawn: “Ħares! Dan hu Alla tagħna. Aħna ttamajna fih, u hu se jsalvana. Dan hu Jehovah. Aħna ttamajna fih. Ejjew inkunu mimlijin ferħ u nithennew bis-salvazzjoni permezz tiegħu.” (Isaija 25:9) Bit-tama splendida tagħna mqabbda b’mod sod f’moħħna, ejjew nidderieġu b’mod vigoruż kull sforz biex naqdu lil Jehovah b’qalb ferħana.
(w95 1/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ Kif nistgħu naqdu lil Jehovah b’“qalb ferħana”?
◻ X’nistgħu nagħmlu jekk il-ferħ huwa nieqes mis-servizz tagħna lil Alla?
◻ In-nies taʼ Jehovah għala jistgħu jkollhom il-ferħ minkejja l-persekuzzjoni?
◻ Liema raġunijiet għandna biex nithennew bit-tama tagħna?
[Stampi f’paġna 15]
Li nieħdu sehem fl-aspetti kollha taʼ ħajja Kristjana se jżid il-ferħ tagħna