Il-Kelma taʼ Ġeħova Hi Ħajja
Punti Prinċipali mill-Ittra lir-Rumani
MADWAR is-sena 56 E.K., l-appostlu Pawlu jinsab fuq it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu u jasal fil-belt taʼ Korintu. Hu jsir jaf bid-differenzi fl-opinjoni bejn il-Kristjani Lhud u Ġentili f’Ruma. Peress li Pawlu jixtieq iġibhom f’unità sħiħa fi Kristu, hu jieħu l-inizjattiva biex jiktbilhom ittra.
F’din l-ittra lir-Rumani, Pawlu jispjega kif il-bnedmin jiġu dikjarati ġusti u kif għandhom jgħixu individwi bħal dawn. Din l-ittra żżidilna l-għarfien t’Alla u tal-Kelma tiegħu, tenfasizza l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, u tonora l-irwol taʼ Kristu fis-salvazzjoni tagħna.—Ebr. 4:12.
DIKJARATI ĠUSTI––KIF?
“Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla,” jikteb Pawlu. Hi ‘għotja b’xejn li qed jiġu dikjarati ġusti bil-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla permezz tal-ħelsien bil-fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù.’ Pawlu jgħid ukoll: “Bniedem jiġi dikjarat ġust bil-fidi mingħajr għemejjel tal-liġi.” (Rum. 3:23, 24, 28) Permezz tal-fidi f’“att wieħed taʼ ġustifikazzjoni,” kemm il-Kristjani midlukin u kemm il-membri tal-“folla kbira” taʼ “nagħaġ oħrajn” jistgħu jiġu “dikjarati ġusti”—taʼ l-ewwel għall-ħajja fis-sema bħala werrieta bi sħab maʼ Kristu, u taʼ l-aħħar bħala l-ħbieb t’Alla, bil-prospett li jsalvaw mit-“tribulazzjoni l-kbira.”—Rum. 5:18; Riv. 7:9, 14; Ġw. 10:16; Ġak. 2:21-24; Mt. 25:46.
Pawlu jistaqsi: “Nidinbu għax m’aħniex taħt il-liġi imma taħt il-qalb tajba mhix mistħoqqa?” Hu jwieġeb: “Jalla qatt ma jkun dan!” Pawlu jispjega: “Tkunu lsiera . . . , tad-dnub li jwassal għall-mewt jew taʼ l-ubbidjenza li twassal għall-ġustizzja.” (Rum. 6:15, 16) Hu jgħid: “Jekk bl-ispirtu tagħtu l-mewt lid-drawwiet tal-ġisem, tgħixu.”—Rum. 8:13.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
1:24-32—Il-kondotta immorali deskritta hawnhekk kienet tapplika għal-Lhud jew għall-Ġentili? Għalkemm din id-deskrizzjoni tistaʼ tapplika għaż-żewġ gruppi, Pawlu kien qed jirreferi speċifikament għall-Iżraelin apostati tal-qedem. Dawn avolja kienu jafu d-digriet ġust t’Alla, “m’għoġobhomx li jkollhom għarfien eżatt dwar Alla.” B’hekk, kien ħaqqhom jiġu mċanfrin.
3:24, 25—Il-“fidwa mħallsa minn Kristu Ġesù” kif tistaʼ tpatti għad-“dnubiet li seħħew fil-passat” qabel ma kienet tħallset? L-ewwel profezija Messjanika mniżżla f’Ġenesi 3:15 twettqet fis-sena 33 E.K. meta Ġesù ngħata l-mewt fuq iz-zokk tat-tortura. (Gal. 3:13, 16) Madankollu, f’dak il-mument li Ġeħova lissen din il-profezija, għalih il-prezz tal-fidwa kien bħallikieku diġà tħallas, għax xejn ma jistaʼ jżomm lil Alla milli jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Għalhekk, fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu, Ġeħova jistaʼ jaħfer id-dnubiet tad-dixxendenti taʼ Adam li eżerċitaw fidi f’din il-wegħda. Il-fidwa tagħmel possibbli wkoll l-irxoxt taʼ dawk li għexu qabel żmien il-Kristjanità.—Atti 24:15.
6:3-5—Xi tfisser il-magħmudija fi Kristu Ġesù u l-magħmudija f’mewtu? Meta Ġeħova jidlek lis-segwaċi taʼ Kristu bl-ispirtu qaddis, huma jingħaqdu maʼ Ġesù u jsiru membri tal-kongregazzjoni li hi l-ġisem taʼ Kristu, li tiegħu huwa r-Ras. (1 Kor. 12:12, 13, 27; Kol. 1:18) Din hi l-magħmudija tagħhom fi Kristu Ġesù. Il-Kristjani midlukin huma wkoll ‘mgħammdin fil-mewt taʼ Kristu’ fis-sens li huma jgħixu ħajja taʼ sagrifiċċju u jiċċaħħdu minn kwalunkwe tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Għalhekk, il-mewt tagħhom hija waħda taʼ sagrifiċċju, bħalma kienet il-mewt taʼ Ġesù, għalkemm il-mewt tagħhom m’għandhiex valur li jifdi. Din il-magħmudija fil-mewt taʼ Kristu tkun kompluta meta jmutu u jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema.
7:8-11—Id-dnub kif ‘ġie mħajjar mill-kmandament’? Il-Liġi għenet lin-nies biex jifhmu dak kollu li kien jinkludi d-dnub, u dan għamilhom iktar konxji li kienu midinbin. Minħabba f’hekk, huma indunaw li kienu midinbin b’iktar modi, u iktar nies irrealizzaw kemm kienu midinbin. Għalhekk, jistaʼ jingħad li d-dnub ġie mħajjar mil-Liġi.
Lezzjonijiet Għalina:
1:14, 15. Għandna għadd taʼ raġunijiet għala rridu niddikjaraw l-aħbar tajba bil-ħeġġa. Waħda minnhom hi li għandna dejn man-nies li nxtraw bid-demm taʼ Ġesù u aħna obbligati li ngħinuhom spiritwalment.
1:18-20. In-nies li jiċħdu lil Alla u li m’humiex ġusti “ma jistgħux iġibu skuża,” għax il-kwalitajiet inviżibbli t’Alla jidhru sew fil-ħolqien.
2:28; 3:1, 2; 7:6, 7. Wara li lil-Lhud kien qalilhom xi affarijiet li setgħu dehru offensivi għalihom, Pawlu għadda xi rimarki li jtaffu l-kliem li kien qal. Dan hu t’eżempju għalina li jurina kif nittrattaw suġġetti delikati bit-tattika u bis-sengħa.
3:4. Meta l-kelma tal-bniedem tkun f’konflitt maʼ dak li jgħid Alla fil-Kelma tiegħu, ħa “jintwera li Alla hu veru” billi nafdaw fil-messaġġ tal-Bibbja u naġixxu fi qbil mar-rieda t’Alla. Bis-sehem żeluż tagħna fl-ippridkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli, nistgħu ngħinu biex oħrajn jaraw li Alla hu veru.
4:9-12. Il-fidi t’Abraham ngħadditlu bħala ġustizzja ferm qabel ma kien ċirkonċiż fl-età taʼ 99 sena. (Ġen. 12:4; 15:6; 16:3; 17:1, 9, 10) B’hekk, Alla wera b’qawwa kbira li kien possibbli li xi ħadd ikollu qagħda ġusta miegħu.
4:18. It-tama hija element essenzjali tal-fidi—il-fidi tagħna hija bbażata fuq it-tama.—Ebr. 11:1.
5:18, 19. Pawlu b’mod loġiku wera x-xebh li hemm bejn Ġesù u Adam, u b’hekk spjega fil-qosor kif bniedem wieħed jistaʼ “jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna.” (Mt. 20:28) Irraġunar b’mod loġiku u fil-qosor huwa metodu eċċellenti taʼ tagħlim li għandna nimitaw.—1 Kor. 4:17.
7:23. Membri taʼ ġisimna bħalma huma idejna, riġlejna, u lsienna jistgħu ‘ijassruna għal-liġi tad-dnub,’ u għalhekk għandna noqogħdu għassa li ma nużawhomx ħażin.
8:26, 27. Meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li tant iħawduna li ma nkunux nafu għal xiex irridu nitolbu, “l-ispirtu nnifsu jitlob bil-ħniena għalina.” Imbagħad Ġeħova, ‘li jismaʼ t-talb,’ jaċċetta t-talb xieraq li hemm fil-Kelma tiegħu bħala li ġej mingħandna.—Salm 65:3 (Salm 65:2, NW).
8:38, 39. Il-gwajijiet, il-ħlejjaq spirti mill-agħar, u l-gvernijiet umani ma jistgħux iġiegħlu lil Ġeħova ma jibqax iħobbna; lanqas m’għandhom iġiegħlu lilna ma nibqgħux inħobbu lilu.
9:22-28; 11:1, 5, 17-26. Ħafna profeziji rigward ir-restawr taʼ Iżrael twettqu mill-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin, li l-membri tagħha ‘jsejħilhom mhux biss minn fost il-Lhud imma wkoll minn fost il-ġnus.’
10:10, 13, 14. Minbarra mħabba għal Alla u għall-proxxmu tagħna, fidi soda f’Ġeħova u fil-wegħdi tiegħu tistaʼ timmotivana biex ikollna sehem żeluż fil-ministeru Kristjan.
11:16-24, 33. Kemm huma bilanċjati tajjeb il-“qalb tajba u l-ħruxija t’Alla”! Iva, “il-Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu.”—Dt. 32:4.
NGĦIXU FI QBIL MAL-FATT LI ĠEJNA DIKJARATI ĠUSTI
“Għaldaqstant, ħuti, nitlobkom bil-ħrara minħabba l-mogħdrijiet t’Alla” jgħid Pawlu, “biex tippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla.” (Rum. 12:1) “Għaldaqstant,” jew minħabba l-fatt li l-Kristjani jiġu dikjarati ġusti minħabba l-fidi tagħhom, dak li Pawlu jgħid wara għandu jeffettwa l-attitudni tagħhom lejhom infushom, lejn oħrajn, u lejn l-awtoritajiet governattivi.
Pawlu jikteb: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu xi ħaġa iktar milli hu xieraq.” Hu jagħtihom dan il-parir: “Ħa tkun imħabbitkom mingħajr ipokrisija.” (Rum. 12:3, 9) “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri.” (Rum. 13:1) Fi kwistjonijiet taʼ kuxjenza, hu jinkuraġġixxi lill-Kristjani biex ma ‘jiġġudikawx lil xulxin.’—Rum. 14:13.
Mistoqsijiet Skritturali Mweġbin:
12:20—Kif ‘niġimgħu faħam jaqbad’ fuq ras l-għadu? Fi żminijiet Bibliċi, kienu jpoġġu l-mineral ġo forn b’saff faħam fuqu kif ukoll taħtu. Is-sħana miżjuda għenet biex il-metall jinħall u jiġi separat mill-impuritajiet. Bl-istess mod, aħna npoġġu faħam jaqbad fuq ras l-għadu billi naġixxu b’qalb tajba miegħu sabiex l-attitudni iebsa tiegħu tinħall u jibda juri kwalitajiet tajbin.
12:21—Kif nistgħu ‘dejjem nirbħu l-ħażen bit-tajjeb’? Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan hu billi bla biżaʼ nibqgħu nagħmlu x-xogħol li jagħtina Alla li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna sakemm dan ikun sar għas-sodisfazzjon taʼ Ġeħova.—Mk. 13:10.
13:1—L-awtoritajiet superjuri b’liema mod “tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla”? L-awtoritajiet sekulari “tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla” fis-sens li huma jaħkmu bil-permess t’Alla, u f’ċerti każi l-ħakma tagħhom kienet imbassra minn Alla. Dan jidher ċar minn dak li bassret il-Bibbja dwar xi ħakkiema.
Lezzjonijiet Għalina:
12:17, 19. Meta npattuha lil min jagħmlilna l-ħsara nkunu qed nagħmlu dak li Ġeħova biss għandu dritt jagħmel. Kemm inkunu prużuntużi jekk ‘irroddu ħsara bi ħsara’!
14:14, 15. M’għandniex innikktu jew infixklu lil xi ħadd mill-aħwa minħabba l-ikel jew ix-xorb li noffrulu.
14:17. Relazzjoni tajba m’Alla ma tiddependix prinċipalment minn dak li wieħed jiekol jew jixrob jew minn dak li ma jikolx jew ma jixrobx. Pjuttost, għandha x’taqsam mal-ġustizzja, il-paċi, u l-ferħ.
15:7. M’għandniex ikollna preġudizzju imma għandna nilqgħu fil-kongregazzjoni lin-nies sinċieri kollha li qed ifittxu l-verità u nxandru l-messaġġ tas-Saltna maʼ kulmin niltaqgħu.
[Stampi f’paġna 31]
Jistaʼ jkun hemm tpattija għad-dnubiet li saru qabel ma tħallset il-fidwa?