LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • uw kap. 21 pp. 161-168
  • “M’Huma Ebda Parti mid-Dinja”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “M’Huma Ebda Parti mid-Dinja”
  • Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “IS-​SALTNA TIEGĦI M’HIJA EBDA PARTI MINN DIN ID-​DINJA”
  • ID-​DIXXIPLI JSEGWU T-​TMEXXIJA TAS-​SID
  • UĦUD NEWTRALI KRISTJANI FIŻ-​ŻMIEN TAT-​TMIEM
  • “M’Huma Ebda Parti mid-Dinja”
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Ir-Reliġjon Għandha Tindaħal fil-Politika?
    Iktar Suġġetti
  • Kristjani Newtrali fl-Aħħar Jiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
uw kap. 21 pp. 161-168

Kapitlu 21

“M’Huma Ebda Parti mid-​Dinja”

1. (a) Ġesù x’talab għan-​nom tad-​dixxipli tiegħu fil-​lejl taʼ qabel ma miet? (b) Li wieħed ma jkun “ebda parti mid-​dinja” għala kien daqshekk importanti?

FIL-​LEJL taʼ qabel ma ġie msammar maʼ zokk, Ġesù talab bi ħrara għan-​nom tad-​dixxipli tiegħu. Billi kien jaf li kienu se jitqiegħdu taħt pressjoni tremenda minn Satana, hu qal lil Missieru: “Nitolbok, mhux biex toħroġhom ’il barra mid-​dinja, imma biex tgħasses fuqhom minħabba l-​wieħed mill-​agħar. M’huma ebda parti mid-​dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-​dinja.” (Ġwn. 17:​15, 16) Li wieħed jissepara ruħu mid-​dinja għala huwa tant importanti? Għaliex Satana huwa l-​ħakkiem tagħha. Dawk li huma parti mid-​dinja huma taħt il-​kontroll tiegħu. (Ġwn. 14:30; 1 Ġwn. 5:19) Fid-​dawl taʼ dan, huwa vitali għal kull Kristjan li jifhem x’ifisser li wieħed ma jkun “ebda parti mid-​dinja.” Dan kif kien veru fil-​każ taʼ Ġesù?

2. Ġesù b’liema modi ma kien “ebda parti mid-​dinja”?

2 Ċertament li Ġesù ma iżolax lilu nnifsu minn nies oħrajn. Il-​fatt li hu ma kien “ebda parti mid-​dinja” ma kienx ifisser nuqqas taʼ mħabba lejn oħrajn. Għall-​kuntrarju, mar minn belt għal belt jgħidilhom l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. Fejjaq il-​morda, ta lura l-​vista lill-​għomja, qajjem lill-​mejtin, u saħansitra ta ħajtu stess għan-​nom taʼ l-​umanità. Imma ma kienx iħobb l-​attitudnijiet li ma jogħġbux lil Alla u l-​għemejjel mill-​agħar taʼ nies li kienu mimlijin bl-​ispirtu tad-​dinja. Hu wissa kontra xewqat immorali, mod materjalistiku taʼ ħajja u l-​istinkar egoistiku għal prominenza persunali. (Matt. 5:​27, 28; 6:​19-21; Luqa 12:​15-21; 20:​46, 47) Minflok ma imita l-​mod taʼ ħajja taʼ nies imbegħdin minn Alla, Ġesù mexa fil-​mogħdijiet taʼ Jehovah. (Ġwn. 8:​28, 29) Rigward kontroversji politiċi li kienu jinvolvu lil Ruma u lil-​Lhud, Ġesù, għalkemm Lhudi, ma żamm maʼ l-​ebda naħa.

“IS-​SALTNA TIEGĦI M’HIJA EBDA PARTI MINN DIN ID-​DINJA”

3. (a) Liema akkuża rigward Ġesù għamlu l-​mexxejja reliġjużi Lhud lil Pilatu, u għala? (b) X’juri li Ġesù ma kellu ebda interess li jsir sultan uman?

3 Il-​mexxejja reliġjużi tal-​Lhud, madankollu, allegaw li Ġesù kien qiegħed jaqleb taʼ taħt fuq l-​interessi nazzjonali. Huma ġiegħlu li jiġi arrestat u meħud quddiem Ponzju Pilatu, il-​gvernatur Ruman. Dak li fil-​fatt iddisturbahom kien li t-​tagħlim taʼ Ġesù kixef l-​ipokrezija tagħhom. Imma sabiex iġiegħlu lill-​gvernatur jieħu azzjoni, għamlu l-​akkuża: “Lil dan ir-​raġel sibnieh jaqleb taʼ taħt fuq lill-​ġens tagħna u jipprojbixxi l-​ħlas taʼ taxxi lil Ċesri u jgħid li hu nnifsu hu Kristu sultan.” (Luqa 23:2) Il-​fatt huwa li sena qabel, meta n-​nies riedu jagħmluh sultan, Ġesù rrifjuta. (Ġwn. 6:15) Kien jaf li kellu jkun Sultan tas-​sema u li l-​waqt għalih biex isir Sultan kien għadu ma wasalx, u li kellu jiġi mogħti t-​tron, mhux minn azzjoni demokratika jew popolari, imma minn Alla Jehovah.

4. Il-​fatti x’jirrivelaw dwar l-​attitudni taʼ Ġesù rigward ‘il-​ħlas tat-​taxxi lil Ċesri’?

4 Inkwantu għall-​ħlas tat-​taxxi, tlett ijiem biss qabel l-​arrest taʼ Ġesù l-​Fariżej kienu pprovaw iġegħluh jgħid xi ħaġa li tinkriminah fuq din il-​kwistjoni. Imma bi tweġiba għall-​mistoqsija makakka tagħhom, Ġesù kien wieġeb: “Uruni dinier [munita Rumana]. Ix-​xbiha u l-​kitba taʼ min għandu?” Meta qalu, “Taʼ Ċesri,” hu wieġeb: “Assolutament, allura, ħallsu lura l-​affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-​affarijiet t’Alla lil Alla.”​—Luqa 20:​20-25.

5. (a) Ġesù liema lezzjoni għallem lid-​dixxipli tiegħu fil-​ħin taʼ l-​arrest tiegħu? (b) Ġesù kif spjega lil Pilatu r-​raġuni għal dak li kien għamel?

5 Dak li ġara fl-​istess ħin taʼ l-​arrest taʼ Ġesù wera li ma kienx qiegħed iqajjem irvell kontra Ruma, u ma riedx lid-​dixxipli tiegħu jagħmlu hekk. Suldati Rumani flimkien maʼ Lhud armati bi sjuf u lembubi ġew biex jaħtfu lil Ġesù. (Ġwn. 18:​3, 12; Mark 14:43) Meta ra dan, l-​appostlu Pietru silet sejf u xejru lejn wieħed mill-​irġiel, bir-​riżultat li qatagħlu widintu l-​leminija. Imma Ġesù ċanfru lil Pietru, billi qal: “Reġġaʼ lura s-​sejf tiegħek f’postu, għax dawk kollha li jieħdu s-​sejf se jinqerdu bis-​sejf.” (Matt. 26:​51, 52) L-​għodwa taʼ wara, meta kien quddiem Pilatu, Ġesù spjega r-​raġuni għall-​azzjoni tiegħu, billi qal: “Is-​saltna tiegħi m’hija ebda parti minn din id-​dinja. Kieku s-​saltna tiegħi kienet parti minn din id-​dinja, il-​qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma niġix ikkunsinnat lil-​Lhud. Imma, kif inhi, is-​saltna tiegħi m’hijiex minn dan is-​sors.”​—Ġwn. 18:36.

6. X’kien ir-​riżultat taʼ dak il-​ġuri?

6 Wara li kkunsidra l-​evidenza, Pilatu ddikjara li ma kien hemm “ebda bażi għall-​akkużi” miġjubin kontra Ġesù. Minkejja dan, hu ċeda għat-​talbiet insistenti tal-​marmalja u ġiegħel li Ġesù jiġi msammar maʼ zokk.​—Luqa 23:​13-15; Ġwn. 19:​12-16.

ID-​DIXXIPLI JSEGWU T-​TMEXXIJA TAS-​SID

7. Il-​Kristjani bikrin kif urew li evitaw l-​ispirtu tad-​dinja imma li kienu jħobbu lin-​nies?

7 Ir-​rekord tal-​Kristjanità bikrija, kemm fil-​Bibbja u kemm f’xogħlijiet oħrajn storiċi, juri li d-​dixxipli taʼ Ġesù fehmu x’kien jirrikjedi minnhom li ma jkunu “ebda parti mid-​dinja.” Huma għamlu l-​almu tagħhom biex jevitaw l-​ispirtu tad-​dinja. Minħabba l-​fatt li kienu jiskartaw id-​divertiment vjolenti u immorali taċ-​ċirklu u tat-​teatru Rumani, kienu jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt bħala nies li jobogħdu lir-​razza umana. Madankollu, huma mhux talli ma kinux jobogħdu lil għajrhom, imma talli taw lilhom infushom bla riżerva biex jgħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-​provvedimenti b’imħabba t’Alla għas-​salvazzjoni.

8. (a) Peress li ma kienu “ebda parti mid-​dinja,” dawk id-​dixxipli bikrin x’ġarrbu? (b) Imma kif kienu jħarsu lejn il-​mexxejja politiċi u lejn il-​ħlas tat-​taxxi, u għala?

8 Bħalma kien Sidhom, huma wkoll kienu suġġetti għal persekuzzjoni intensa, taʼ spiss f’idejn uffiċjali governattivi li kienu informati ħażin. (Ġwn. 15:​18-20) Imma madwar is-​sena 56 E.K. l-​appostlu Pawlu kiteb lil Kristjani sħabu f’Ruma billi saħħaħ il-​parir li kien ta Ġesù. Pawlu ħeġġiġhom biex ‘ikunu sottomessi lejn l-​awtoritajiet superjuri,’ il-​ħakkiema politiċi, “għax m’hemm l-​ebda awtorità ħlief permezz t’Alla.” Mhux li Jehovah jistabbilixxi l-​gvernijiet sekulari, imma huma jaħkmu bil-​permess tiegħu. Pawlu spjega li huma “jinsabu mqegħdin fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla,” għaliex Alla ra bil-​quddiem u bassar l-​ordni li bih kellhom jiġu fil-​poter. L-​“awtoritajiet superjuri” għalhekk jikkostitwixxu “l-​arranġament t’Alla” għaż-​żmien preżenti, sakemm is-​Saltna t’Alla stess f’idejn Ġesù Kristu ssir l-​uniku gvern li jaħkem l-​art. Għalhekk Pawlu ta l-​parir lill-​Kristjani biex jagħtu unur xieraq lill-​uffiċjali sekulari u biex iħallsu t-​taxxi li imponew huma.​—Rum. 13:​1-7; Titus 3:​1, 2.

9. (a) X’m’għandux jitħalla barra meta wieħed ikun sottomess lejn l-​“awtoritajiet superjuri”? (b) L-​istorja kif turi li l-​Kristjani bikrin segwew bir-​reqqa l-​eżempju taʼ Ġesù?

9 Pawlu ma qalilhomx, iżda, biex ikunu sottomessi b’mod assolut mingħajr ma jqisu lil Alla, il-​Kelma t’Alla u l-​kuxjenza Kristjana tagħhom. Huma kienu jafu li Ġesù kien qiem lil Jehovah biss, li Ġesù kien irrifjuta li jħalli lin-​nies jagħmluh sultan u li kien qal lil Pietru biex iwarrab is-​sejf tiegħu. Huma żammew kuxjenzożament mat-​tmexxija taʼ Sidhom. Il-​ktieb On the Road to Civilization​—A World History (taʼ Heckel u Sigman, paġni 237, 238) jirrapporta: “Il-​Kristjani rrifjutaw li jieħdu sehem f’ċerti dmirijiet taċ-​ċittadini Rumani. Il-​Kristjani . . . ħassewha vjolazzjoni tal-​fidi tagħhom li jidħlu f’servizz militari. Ma kinux iżommu karigi politiċi. Ma kinux iqimu lill-​imperatur.”

10. (a) Il-​Kristjani f’Ġerusalemm għala ħadu l-​azzjoni li ħadu fis-​sena 66 E.K.? (b) Dak b’liema mod jipprovdi mudell taʼ valur?

10 Rigward kontroversji politiċi u militari taʼ żmienhom, id-​dixxipli taʼ Ġesù żammew newtralità stretta. Fis-​sena 66 E.K. l-​Lhud tal-​provinċja Rumana tal-​Ġudea rvellaw kontra Ċesri. L-​armata Rumana malajr iċċirkondat lil Ġerusalemm. Il-​Kristjani taʼ ġol-​belt x’għamlu? Ftakru l-​parir taʼ Ġesù li jżommu newtrali u li joħorġu minn bejn l-​armati li kienu qegħdin jiggwerraw. Meta l-​armata Rumana rtirat temporanjament, il-​Kristjani ħatfu l-​opportunità u ħarbu billi qasmu x-​Xmara Ġordan għal ġor-​reġjun muntanjuż taʼ Pella. (Luqa 21:​20-24) Fin-​newtralità tagħhom huma servew bħala mudell leali għall-​Kristjani li kellhom jiġu wara.

UĦUD NEWTRALI KRISTJANI FIŻ-​ŻMIEN TAT-​TMIEM

11. (a) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’liema xogħol iżommu lilhom infushom okkupati, u għala? (b) Rigward liema ħaġa huma newtrali?

11 Juri r-​rekord storiku li kien hemm xi grupp f’dan iż-​“żmien tat-​tmiem,” mill-​1914 E.K. ’l hawn, li segwa korsa taʼ newtralità Kristjana f’imitazzjoni taʼ dawk il-​Kristjani bikrin? Iva, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għamlu hekk. Fl-​art kollha huma żammew lilhom infushom okkupati jippridkaw li s-​Saltna t’Alla hija l-​uniku mezz li bih il-​paċi, il-​prosperità u l-​hena dejjiem huma possibbli għal dawk li jħobbu t-​tjieba fl-​art kollha. (Matt. 24:14) Imma rigward kontroversji fost il-​ġnus, huma żammew newtralità stretta.

12. (a) In-​newtralità tax-​Xhieda kif inhi f’kuntrast mal-​prattiċi tal-​kleru? (b) In-​newtralità fejn tidħol il-​politika x’tinkludi għax-​Xhieda taʼ Jehovah?

12 B’kuntrast qawwi, il-​membri tal-​kleru tal-​Kristjaneżmu huma involuti ħafna fil-​kwistjonijiet politiċi tad-​dinja. F’xi pajjiżi huma attivi f’kampanji favur jew kontra xi kandidati. Xi wħud mill-​membri tal-​kleru nfushom għandhom kariga politika. Oħrajn jeżerċitaw pressjoni kbira fuq politikanti biex jiffavorixxu programmi li l-​membri tal-​kleru japprovaw. Fi bnadi oħrajn il-​membri “konservattivi” tal-​kleru huma alleati mill-​qrib man-​nies fil-​poter fil-​waqt li qassisin u ministri “progressivi” jistgħu jkunu qegħdin jappoġġjaw lil movimenti tal-​gwerilli li jkunu qegħdin jaħdmu biex iwaqqgħu lil dawn mill-​poter. Madankollu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jbagħbsux fil-​politika, hu x’inhu l-​pajjiż li jgħixu fih. Ma jindaħlux f’dak li jagħmlu oħrajn inkwantu għal tisħib maʼ xi partit politiku, ħruġ bħala kandidat jew votazzjoni f’elezzjonijiet. Imma, ladarba Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu ma kellhom ikunu “ebda parti mid-​dinja,” ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jieħdu ebda sehem hu x’inhu f’attivitajiet politiċi.

13. Inkwantu għall-​ipparteċipar tagħhom fil-​gwerra, il-​fatti x’juru li kienet u għadha l-​pożizzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

13 Bħalma bassar Ġesù, matul dan iż-​“żmien tat-​tmiem” il-​ġnus marru għall-​gwerra ripetutament, u saħansitra gruppi rivali ġewwa l-​ġnus infushom qabdu l-​armi kontra xulxin. (Matt. 24:​3, 6, 7) Imma ffaċċjati b’dan kollu, liema pożizzjoni ħadu x-​Xhieda taʼ Jehovah? In-​newtralità tagħhom rigward konflitti bħal dawn hija magħrufa sewwa fil-​partijiet kollha tad-​dinja. Konsistenti mal-​pożizzjoni meħuda minn Ġesù Kristu u iżjed tard murija mid-​dixxipli bikrin tiegħu, It-​Torri Taʼ L-​Għassa bl-​Ingliż, fil-​ħarġa tiegħu taʼ l-​1 taʼ Novembru, 1939, stqarr: “Dawk kollha li huma fuq in-​naħa tal-​Mulej se jkunu newtrali inkwantu għall-​ġnus li qegħdin jiggwerraw, u se jkunu kompletament u għalkollox favur it-​Teokrat il-​kbir [Jehovah] u s-​Sultan tiegħu [Ġesù Kristu].” Il-​fatti juru li x-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​ġnus kollha u taħt iċ-​ċirkostanzi kollha jkomplu jżommu din il-​pożizzjoni. Huma ma ħallewx il-​politika ferrieda tad-​dinja u l-​gwerer ikissru l-​fratellanza internazzjonali tagħhom bħala adoraturi taʼ Jehovah.​—Isa. 2:​3, 4; qabbel 2 Korintin 10:​3, 4.

14. (a) Minħabba l-​pożizzjoni newtrali tagħhom, ix-​Xhieda x’irrifjutaw iktar li jagħmlu? (b) Kif jispjegaw ir-​raġuni tagħhom għal dan?

14 Eżami tal-​fatti storiċi juri li x-​Xhieda taʼ Jehovah mhux biss irrifjutaw li jilbsu uniformi militari u li jġorru l-​armi imma, matul l-​aħħar nofs seklu u iktar, irrifjutaw ukoll li jagħmlu servizz li ma jinvolvix ġlied jew li jaċċettaw karigi oħrajn taʼ xogħol bħala sostitut għal servizz militari. Għala? Għaliex studjaw il-​ħtiġijiet t’Alla u mbagħad ħadu deċiżjoni kuxjenzuża persunali. Ħadd ma jgħidilhom dak li jridu jagħmlu. Lanqas ma jindaħlu f’dak li oħrajn jagħżlu li jagħmlu. Imma meta msejħin biex jispjegaw il-​pożizzjoni tagħhom, ix-​Xhieda taʼ Jehovah għamlu magħruf li, bħala persuni li ppreżentaw lilhom infushom b’dedikazzjoni lil Alla, huma obbligati li jużaw l-​iġsma tagħhom fis-​servizz tiegħu u ma jistgħux issa jgħadduhom lil sidien taʼ l-​art li qegħdin jaġixxu kuntrarju għall-​iskop t’Alla.​—Rum. 6:​12-14; 12:​1, 2; Mik. 4:3.

15. (a) Minħabba li żammew lilhom infushom separati mid-​dinja, x’ġarrbu x-​Xhieda taʼ Jehovah? (b) Saħansitra meta kienu kkalzrati, prinċipji Kristjani kif iggwidawhom?

15 Ir-​riżultat kien bħalma qal Ġesù: “Għaliex m’intom ebda parti mid-​dinja . . . id-​dinja tobgħodkom.” (Ġwn. 15:19) Ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew ikkalzrati minħabba li ma ridux jiksru n-​newtralità Kristjana tagħhom. Xi wħud ġew ittrattati bl-​aħrax, saħansitra sal-​punt tal-​mewt. Oħrajn komplew juru n-​newtralità tagħhom matul snin t’għeluq fil-​ħabs. Il-​ktieb Values and Violence in Auschwitz (minn Anna Pawelczynska, paġna 89) jirrapporta: “Kulħadd kien jaf li ebda Xhud taʼ Jehovah [fil-kamp tal-​konċentrament] ma kien se jwettaq kmand kuntrarju għat-​twemmin u l-​konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu jew kwalunkwe azzjoni mmirata kontra persuna oħra, saħansitra jekk dak il-​persuna kien qattiel u fizzjal taʼ l-​SS. Mill-​banda l-​oħra, kien iwettaq kull xogħol ieħor, saħansitra l-​iktar oġġezzjonabbli, mill-​aħjar li setaʼ, jekk dan kien moralment newtrali għalih.”

16. (a) Il-​ġnus qegħdin jimmarċjaw lejn liema ħaġa, u għalhekk ix-​Xhieda taʼ Jehovah x’inhuma attenti li jevitaw? (b) Li wieħed ikun separat mid-​dinja għala, allura, hija kwistjoni daqstant serja?

16 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jirrikonoxxu li l-​ġnus kollha qegħdin jimmarċjaw lejn il-​“gwerra tal-​jum il-​kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox” f’Armageddon. Bħala poplu magħqud, il-​qaddejja taʼ Jehovah ħadu l-​waqfa tagħhom favur is-​Saltna Messjanika Tiegħu. Għalhekk joqogħdu attenti biex jevitaw li jħallu lilhom infushom jiġu mmanuvrati f’pożizzjoni li tkun f’oppożizzjoni għal dik is-​Saltna. (Riv. 16:​14, 16; 19:​11-21) Huma japprezzaw is-​serjetà taʼ l-​istqarrija taʼ Ġesù li l-​veri segwaċi tiegħu m’huma “ebda parti mid-​dinja.” Jafu li din id-​dinja qadima dalwaqt se tgħaddi, u dawk biss li jagħmlu ġenwinament ir-​rieda t’Alla se jibqgħu għal dejjem.​—1 Ġwn. 2:​15-17.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

● Ġesù kif wera x’inhu involut f’li wieħed ma jkun “ebda parti mid-​dinja”?

● Liema ħaġa tindika l-​attitudni tal-​Kristjani lejn (1) l-​ispirtu tad-​dinja? (2) ħakkiema sekulari u l-​ħlas tat-​taxxi? (3) servizz militari?

● Ix-​Xhieda taʼ Jehovah fi żminijiet moderni b’liema modi taw evidenza tan-​newtralità Kristjana tagħhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja