Il-Ħarsa Kristjana Lejn l-Awtorità
“Ma hemm l-ebda awtorità ħlief permezz t’Alla.”—RUMANI 13:1.
1. Għala jistaʼ jingħad li Jehovah hu l-Awtorità Suprema?
L-AWTORITÀ hi marbuta maʼ stat taʼ ħallieq. Il-Wieħed Suprem li ta l-eżistenza lill-ħolqien kollu, ħaj u taʼ mingħajr ħajja, hu Alla Jehovah. Mingħajr l-iċken dubju hu l-Awtorità Suprema. Il-veri Kristjani jħossuhom bħalma jħossuhom il-ħlejjaq tas-sema li jiddikjaraw: “Int jistħoqqlok, Jehovah, saħansitra Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għaliex inti ħlaqt l-affarijiet kollha, u minħabba fir-rieda tiegħek eżistew u kienu maħluqin.”—Rivelazzjoni 4:11.
2. Ħakkiema umani bikrin f’ċertu sens kif ammettew li huma ma kellhom ebda dritt naturali li jiddominaw fuq bnedmin sħabhom, u x’qal Ġesù lil Ponzju Pilatu?
2 Is-sempliċi fatt li ħafna mill-ħakkiema umani l-iktar bikrin ipprovaw jilleġittimizzaw l-awtorità tagħhom billi sostnew li kienu xi alla jew li kienu r-rappreżentant taʼ xi alla kien rikonoxximent sieket li l-ebda bniedem ma għandu dritt inerenti li jaħkem fuq bnedmin oħrajn.a (Ġeremija 10:23) L-uniku sors leġittimu taʼ awtorità hu Alla Jehovah. Kristu qal lil Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman tal-Ġudea: “Ma kien ikollok assolutament ebda awtorità kontra tiegħi li kieku ma kinetx mogħtija lilek minn fuq.”—Ġwann 19:11.
“Ebda Awtorità Ħlief Permezz T’Alla”
3. L-appostlu Pawlu xi stqarr rigward “l-awtoritajiet superjuri,” u l-istqarrijiet taʼ Ġesù u taʼ Pawlu x’mistoqsijiet iqajmu?
3 L-appostlu Pawlu kiteb lil Kristjani li kienu jgħixu taħt id-dominanza taʼ l-Imperu Ruman: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri, għax ma hemm l-ebda awtorità ħlief permezz t’Alla; l-awtoritajiet eżistenti jinsabu mqegħdin fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla.” (Rumani 13:1) X’ried ifisser Ġesù meta stqarr li l-awtorità taʼ Pilatu kienet ġiet mogħtija lilu “minn fuq”? U Pawlu b’liema mod ikkunsidra li l-awtoritajiet politiċi taʼ żmienu tpoġġew fil-pożizzjonijiet tagħhom minn Alla? Riedu jfissru li Jehovah hu personalment responsabbli għall-ħatra taʼ kull ħakkiem politiku individwali taʼ did-dinja?
4. Ġesù u Pawlu x’sejħulu lil Satana, u Ġesù x’ma ċaħadx rigward dak li sostna Satana?
4 Dan kif jistaʼ jkun hekk, ladarba Ġesù sejjaħ lil Satana “l-ħakkiem taʼ din id-dinja,” u l-appostlu Pawlu laqqmu “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet”? (Ġwann 12:31; 16:11; 2 Korintin 4:4) Iktar minn hekk, meta kien qiegħed jittanta lil Ġesù, Satana offrielu “awtorità” fuq “is-saltniet kollha taʼ l-art abitata,” billi sostna li din l-awtorità ġiet mgħoddija lilu. Ġesù rrifjuta l-offerta tiegħu, imma ma ċaħadx li awtorità bħal din kienet tappartjeni lil Satana biex jagħtiha.—Luqa 4:5-8.
5. (a) Kif għandna nifhmu l-kliem taʼ Ġesù u taʼ Pawlu dwar awtorità umana? (b) L-awtoritajiet superjuri f’liema sens “jinsabu mqegħdin fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla”?
5 Jehovah għadda l-ħakma fuq din id-dinja lil Satana billi ħallieh jgħix wara l-irvell tiegħu u wara li kien ittanta lil Adam u Eva u kien ġagħalhom jirribellaw kontra s-sovranità Tiegħu. (Ġenesi 3:1-6; qabbel Eżodu 9:15, 16.) Ġesù u l-kliem taʼ Pawlu jridu, għalhekk, ifissru li wara li l-ewwel koppja umana f’Għeden irrifjutaw it-teokrazija, jew ħakma minn Alla, Jehovah ħalla lil bnedmin miksurin miegħu joħolqu strutturi taʼ awtorità li kienu se jippermettulhom li jgħixu f’soċjetà taʼ ordni. Xi drabi, sabiex iwettaq l-iskop tiegħu, Jehovah ikkaġuna l-waqgħa taʼ ċerti ħakkiema jew gvernijiet. (Danjel 2:19-21) Lil oħrajn ħalliehom jibqgħu fil-poter. Dwar ħakkiema li l-eżistenza tagħhom Jehovah jittollera, jistaʼ jingħad li “jinsabu mqegħdin fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla.”
Kristjani Bikrin u L-Awtoritajiet Rumani
6. Kristjani bikrin kif kienu jħarsu lejn l-awtoritajiet Rumani, u għala?
6 Il-Kristjani bikrin ma ngħaqdux mas-setet Lhud li kkonfoffaw u ġġieldu kontra r-Rumani li kienu jokkupaw lil Iżrael. Sal-punt li l-awtoritajiet Rumani, bis-sistema legali tagħhom f’għamla taʼ kodiċi, żammew l-ordni fuq l-art u l-baħar; bnew ħafna akkwidotti, toroq, u pontijiet utli; u b’mod ġenerali aġixxew għall-ġid komuni, il-Kristjani qisuhom bħala ‘l-ministru [jew, “qaddej,” nota taʼ taħt] t’Alla għalihom għall-ġid tagħhom.’ (Rumani 13:3, 4) Il-liġi u l-ordni pproduċew ambjent li għen lil Kristjani biex jippridkaw l-aħbar tajba maʼ kullimkien, kif ikkmandati minn Ġesù. (Mattew 28:19, 20) B’kuxjenza safja, huma setgħu jħallsu t-taxxi imposti mir-Rumani, saħansitra jekk ftit mill-flus kienu jintużaw għal skopijiet mhux approvati minn Alla.—Rumani 13:5-7.
7, 8. (a) Qari bir-reqqa taʼ Rumani 13:1-7 x’jirrivela, u l-kuntest x’juri? (b) Taħt liema ċirkustanzi l-awtoritajiet Rumani ma aġixxewx bħala “l-ministru t’Alla,” u f’dan il-każ liema attitudni addottaw il-Kristjani tal-bidu?
7 Qari bir-reqqa taʼ l-ewwel sebaʼ versi taʼ Rumani kapitlu 13 jirrivela li “awtoritajiet superjuri” politiċi kienu “l-ministru t’Alla” biex ifaħħru lil dawk li jagħmlu t-tajjeb u biex jikkastigaw lil dawk li jipprattikaw dak li hu ħażin. Il-kuntest juri li Alla, mhux l-awtoritajiet superjuri, jiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Jekk, għalhekk, l-imperatur Ruman jew xi awtorità politika oħra kien jirrikjedi affarijiet li Alla pprojbixxa jew, bil-maqlub, ipprojbixxa affarijiet li Alla kien jirrikjedi, hu ma aġixxiex iżjed bħala l-ministru t’Alla. Ġesù stqarr: “Ħallsu lura . . . l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” (Mattew 22:21) Jekk l-Istat Ruman kien jesiġi affarijiet li jappartjenu lil Alla, bħalma huma l-qima jew il-ħajja tal-persuna, Kristjani veri segwew il-parir appostoliku: “Aħna rridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
8 Il-fatt li Kristjani bikrin irrifjutaw li jipprattikaw qima taʼ l-imperatur u idolatrija, jabbandunaw il-laqgħat Kristjani tagħhom, u jieqfu jippridkaw l-aħbar tajba ġab persekuzzjoni. Huwa ġeneralment emmnut li l-appostlu Pawlu ngħata l-esekuzzjoni fuq l-ordnijiet taʼ l-Imperatur Neruni. Imperaturi oħrajn, b’mod notevoli Domizjanu, Markus Awreljus, Septimjus Severus, Deċjus, u Djoklezjanu, ukoll ippersegwitaw lil Kristjani bikrin. Meta dawn l-imperaturi u l-awtoritajiet subordinati tagħhom ippersegwitaw lil Kristjani, huma ċertament ma kinux qegħdin jaġixxu bħala “l-ministru t’Alla.”
9. (a) X’jibqaʼ veru dwar l-awtoritajiet superjuri politiċi, u l-bhima politika mingħand min tirċievi poter u awtorità? (b) X’jistaʼ jingħad b’mod loġiku dwar sottomissjoni Kristjana lejn l-awtoritajiet superjuri?
9 Dan kollu jservi biex juri li fil-waqt li l-awtoritajiet superjuri politiċi jaqdu f’xi aspetti bħal “l-arranġament t’Alla” biex iżommu soċjetà umana taʼ ordni, jibqgħu parti mis-sistema taʼ affarijiet dinjija li tagħha Satana hu l-alla. (1 Ġwann 5:19) Huma jappartjenu lill-organizzazzjoni politika dinjija ssimbolizzata mill-“bhima selvaġġa” taʼ Rivelazzjoni 13:1, 2. Dik il-bhima tirċievi l-poter u l-awtorità tagħha mingħand “id-dragun il-kbir,” Satana x-Xitan. (Rivelazzjoni 12:9) B’mod loġiku, għalhekk, sottomissjoni Kristjana lejn awtoritajiet bħal dawn hi relattiva, mhux assoluta.—Qabbel Danjel 3:16-18.
Rispett Xieraq Lejn L-Awtorità
10, 11. (a) Pawlu kif wera li aħna għandna nuru rispett lejn bnedmin fl-awtorità? (b) Kif u għala jistaʼ jsir talb “rigward slaten u dawk kollha li qegħdin f’kariga għolja”?
10 Dan ma jfissirx, madankollu, li l-Kristjani għandhom jaddottaw attitudni insolenti u sfidanti lejn l-awtoritajiet superjuri politiċi. Veru, ħafna minn dawn il-bnedmin ma jistħoqqilhomx b’xi mod partikulari rispett fil-ħajjiet privati, jew saħansitra pubbliċi, tagħhom. Madankollu, l-appostli, bl-eżempju u bil-pariri tagħhom, urew li bnedmin fl-awtorità għandhom jiġu ttrattati bir-rispett. Meta Pawlu deher quddiem is-Sultan inċestuż Erodi Agrippa II, kellmu b’sottomissjoni xierqa.—Atti 26:2, 3, 25.
11 Pawlu saħansitra stqarr li hu xieraq li nsemmu lill-awtoritajiet dinjin fit-talb tagħna, b’mod partikulari meta huma jiġu mitlubin biex jagħmlu deċiżjonijiet li jeffettwaw il-ħajjiet u l-attivitajiet Kristjani tagħna. Hu kiteb: “Jien għalhekk inħeġġeġ, qabel kollox, li tħanniniet, talbiet, interċessjonijiet, offerti taʼ radd il-ħajr, isiru rigward kull xorta taʼ bnedmin, rigward slaten u dawk kollha li qegħdin f’kariga għolja; sabiex aħna nistgħu nibqgħu ngħaddu ħajja kalma u kwieta bid-devozzjoni sħiħa lejn Alla u bis-serjetà. Dan hu mill-aħjar u aċċettabbli fid-dehra tas-Salvatur tagħna, Alla, li r-rieda tiegħu hi li kull xorta taʼ bnedmin għandhom jiġu salvati u jiġu għal għarfien eżatt tal-verità.” (1 Timotew 2:1-4) L-attitudni tagħna taʼ rispett lejn awtoritajiet bħal dawn tistaʼ twassal biex huma jħalluna għaddejjin b’mod iktar ħieles fix-xogħol tagħna li nipprovaw insalvaw “kull xorta taʼ bnedmin.”
12, 13. (a) Pietru liema pariri bbilanċjati ta rigward l-awtorità? (b) Kif nistgħu aħna naġixxu kontra “d-diskors injorant taʼ l-irġiel li ma jirraġunawx” li joħolqu preġudizzju kontra x-Xhieda taʼ Jehovah?
12 L-appostlu Pietru kiteb: “Minħabba l-Mulej issottomettu lilkom infuskom lil kull ħolqien uman: kemm jekk lil sultan bħala li hu superjuri u kemm jekk lil gvernaturi bħala li huma mibgħutin minnu biex jagħtu l-kastig lil dawk li jagħmlu l-ħażen imma biex ifaħħru lil dawk li jagħmlu t-tajjeb. Għax hekk hi r-rieda t’Alla, li billi tagħmlu t-tajjeb tistgħu tliġġmu d-diskors injorant taʼ bnedmin li ma jirraġunawx. Kunu bħala nies liberi, u madankollu billi żżommu l-libertà tagħkom, mhux bħala għata għall-ħażen, imma bħala rsiera t’Alla. Onoraw lil irġiel taʼ kull xorta, ħa jkollkom imħabba lejn is-sħubija kollha taʼ l-aħwa, kunu fil-biżaʼ t’Alla, ħa jkollkom unur għas-sultan.” (1 Pietru 2:13-17) X’pariri bbilanċjati! Aħna obbligati li nuru sottomissjoni totali lejn Alla bħala rsiera tiegħu, u nagħtu sottomissjoni relattiva u taʼ rispett lejn awtoritajiet politiċi mibgħutin biex jikkastigaw lil dawk li jagħmlu l-ħażen.
13 Instab li ħafna awtoritajiet sekulari għandhom ideat l-iktar strambi u żbaljati dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. Dan hu normalment għaliex ġew informati ħażin minn għedewwa malizzjużi tal-poplu t’Alla. Jew jistaʼ jkun li kulma jafu dwarna tgħallmuh mill-mezzi taʼ komunikazzjoni, li m’humiex dejjem imparzjali f’dak li jgħidu. Xi drabi aħna nistgħu nkissru dan il-preġudizzju bl-attitudni tagħna taʼ rispett u, fejn possibbli, billi nipprovdu lill-awtoritajiet b’deskrizzjoni eżatta tax-xogħol u t-twemmin tax-Xhieda taʼ Jehovah. Għal uffiċjali li huma mħabbtin, il-ktejjeb Jehovah’s Witnesses in the Twentieth Century jipprovdi spjegazzjoni konċiża. Għal informazzjoni iktar dettaljata, jistgħu jiġu pprovduti bil-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, strument mill-aħjar li jixraqlu post fuq l-ixkafef tal-kotba taʼ libreriji pubbliċi lokali u nazzjonali.
Awtorità Ġewwa D-Djar Kristjani
14, 15. (a) X’inhi l-bażi taʼ awtorità ġewwa dar Kristjana? (b) X’għandha tkun l-attitudni taʼ nisa Kristjani lejn żwieġhom, u għala?
14 M’għandniex xi ngħidu li jekk il-Kristjani huma mitlubin minn Alla biex juru rispett xieraq lejn awtoritajiet dinjin, għandhom bl-istess mod jirrispettaw l-istruttura taʼ awtorità stabbilita minn Alla ġewwa d-djar Kristjani. L-appostlu Pawlu indika b’termini konċiżi l-prinċipju taʼ l-stat taʼ kap li hu aċċettat fost il-poplu taʼ Jehovah. Hu kiteb: “[I]rridkom tkunu tafu li l-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu; imbagħad il-kap taʼ mara hu r-raġel; imbagħad il-kap tal-Kristu hu Alla.” (1 Korintin 11:3) Dan hu l-prinċipju taʼ teokrazija, jew ħakma minn Alla. Dan x’jinvolvi?
15 Rispett lejn teokrazija jibda fid-dar. Mara miżżewġa Kristjana li ma turix rispett xieraq lejn l-awtorità taʼ żewġha—kemm jekk hu kredent bħalha u kemm jekk le—mhix teokratika. Pawlu ta parir lill-Kristjani: “Kunu sottomessi lejn xulxin fil-biżaʼ taʼ Kristu. Ħalli n-nisa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħal li kieku lill-Mulej, għaliex raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni, billi hu salvatur taʼ dan il-ġisem. Fil-fatt, bħalma l-kongregazzjoni hija sottomessa lejn il-Kristu, hekk ħalli jkunu n-nisa wkoll lejn żwieġhom f’kollox.” (Efesin 5:21-24) Bħalma rġiel Kristjani jridu jissottomettu ruħhom lejn l-istat taʼ kap taʼ Kristu, nisa Kristjani għandhom jirrikonoxxu l-għerf taʼ li jkunu sottomessi lejn l-awtorità taʼ żwieġhom mogħtija minn Alla. Dan iġibilhom sodisfazzjon ġewwieni profond u, iktar importanti, il-barka taʼ Jehovah.
16, 17. (a) Tfal imrobbijin fi djar Kristjani kif jistgħu jiddistingwu lilhom infushom minn ħafna żgħażagħ illum, u x’inċentiva għandhom? (b) Ġesù kif kien eżempju mill-aħjar għaż-żgħażagħ illum, u x’inhuma nkuraġġiti biex jagħmlu?
16 Tfal teokratiċi huma henjin li juru rispett xieraq lejn il-ġenituri tagħhom. Dwar il-ġenerazzjoni żagħżugħa fl-aħħar jiem, ġie mbassar li kellhom ikunu “ma jobdux lill-ġenituri.” (2 Timotew 3:1, 2) Imma lil tfal Kristjani l-Kelma mnebbħa t’Alla tgħid: “Intom it-tfal, kunu ubbidjenti lejn il-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan jogħġob sewwa fil-Mulej.” (Kolossin 3:20) Rispett lejn l-awtorità tal-ġenituri jogħġob lil Jehovah u jġib il-barka tiegħu.
17 Dan hu muri fil-każ taʼ Ġesù. Ir-rakkont taʼ Luqa jistqarr: “Hu niżel magħhom [il-ġenituri tiegħu] u ġie f’Nazzaret, u baqaʼ sottomess lejhom. . . . U Ġesù baqaʼ jagħmel progress fil-għerf u fit-tkabbir fiżiku u fil-favur m’Alla u mal-bnedmin.” (Luqa 2:51, 52) Ġesù kellu 12-il sena dak iż-żmien, u l-forma tal-verb Grieg użata hawn tenfasizza li hu “baqaʼ sottomess” lejn il-ġenituri tiegħu. Mela s-sottomissjoni tiegħu ma ntemmitx meta sar adoloxxent. Jekk intom iż-żgħażagħ tridu tagħmlu progress fl-ispiritwalità u fil-favur maʼ Jehovah u maʼ bnedmin taʼ qdusija, se turu rispett lejn l-awtorità ġewwa u barra d-dar tagħkom.
Awtorità Ġewwa L-Kongregazzjoni
18. Min hu l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, u lil min iddelega awtorità?
18 Billi tkellem dwar il-bżonn taʼ l-ordni ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana, Pawlu kiteb: “Alla huwa Alla, mhux tad-diżordni, imma tal-paċi. . . . Ħalli l-affarijiet kollha jseħħu b’mod diċenti u b’arranġament [jew, “skond l-ordni,” nota taʼ taħt].” (1 Korintin 14:33, 40) Biex l-affarijiet kollha jseħħu b’mod taʼ ordni, Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, iddelega awtorità lil irġiel leali. Naqraw: “Hu ta xi wħud bħala appostli, xi wħud bħala profeti, xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala ragħajja u għalliema, bil-ħsieb li l-qaddisin jiġu aġġustati mill-ġdid, għal xogħol ministerjali . . . Imma billi nitkellmu l-verità, ejjew bl-imħabba nikbru fl-affarijiet kollha fih li hu l-kap, Kristu.”—Efesin 4:11, 12, 15.
19. (a) Kristu lil min ħatar fuq dak kollu li hu jippossjedi fuq l-art, u lil min ta awtorità speċjali? (b) Liema delegar taʼ awtorità jseħħ fil-kongregazzjoni Kristjana, u dan x’jirrikjedi min-naħa tagħna?
19 F’dan iż-żmien tat-tmiem, Kristu ħatar lill-“irsir fidil u diskret” kollettiv fuq “dak kollu li jippossjedi,” jew interessi tas-Saltna fuq l-art. (Mattew 24:45-47) Bħal fl-ewwel seklu, dan l-irsir hu rrappreżentat minn ġemgħa li tiggverna taʼ rġiel Kristjani midlukin li lilhom Kristu ta awtorità biex jieħdu deċiżjonijiet u jaħtru indokraturi oħrajn. (Atti 6:2, 3; 15:2) Mill-banda l-oħra, il-Ġemgħa li Tiggverna tiddelega awtorità lil Kumitati tal-Fergħat, indokraturi tad-distrett u tas-circuit, u anzjani ġewwa kull waħda mill-iktar minn 73,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar l-art. Dawn l-irġiel Kristjani devoti kollha jixirqilhom l-appoġġ u r-rispett tagħna.—1 Timotew 5:17.
20. Liema eżempju juri li Jehovah hu ddispjaċut b’dawk li huma neqsin mir-rispett lejn Kristjani sħabhom fl-awtorità?
20 Rigward ir-rispett li għandna nagħtu lil dawk fl-awtorità ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana, paragun interessanti jistaʼ jsir mas-sottomissjoni li aħna għandna nagħtu lill-awtoritajiet sekulari. Meta persuna tikser liġi umana li Alla japprova, il-kastig li jingħata minn “dawk li qegħdin jaħkmu” hu, fil-fatt, espressjoni indiretta tal-korla t’Alla “fuq dak li qiegħed jipprattika dak li hu ħażin.” (Rumani 13:3, 4) Jekk Jehovah jirrabja meta persuna tikser il-liġijiet umani u tonqos fir-rispett xieraq lejn awtoritajiet dinjin, kemm iktar se jkun iddispjaċut jekk Kristjan iddedikat jinjora prinċipji Bibliċi u juri diżrispett lejn Kristjani sħabu li huma fl-awtorità!
21. Liema parir Skritturali se nkunu henjin li nsegwu, u x’se jiġi kkunsidrat fl-artiklu li jmiss?
21 Minflok ma nqanqlu d-dispjaċir taʼ Jehovah billi naddottaw attitudni ribelluża jew indipendenti, aħna se nsegwu l-parir taʼ Pawlu lill-Kristjani ġo Filippi: “Għaldaqstant, maħbubin tiegħi, bil-mod li dejjem obdejtu, mhux matul il-preżenza tiegħi biss, imma issa ferm iktar fil-pront matul l-assenza tiegħi, ibqgħu aħdmu s-salvazzjoni tagħkom stess bil-biżaʼ u t-tkexkix; għax Alla hu dak li, minħabba l-pjaċir tajjeb tiegħu, qiegħed jaġixxi ġewwa fikom kemm sabiex tkunu tridu u kemm sabiex taġixxu. Ibqgħu agħmlu l-affarijiet kollha mingħajr tgergir u argumenti, biex tistgħu ssiru bla ħtija u innoċenti, tfal t’Alla mingħajr tebgħa fost ġenerazzjoni mgħawġa u milwija, li fostha intom qegħdin tiddu bħala dawwala fid-dinja.” (Filippin 2:12-15) Kuntrarju għall-ġenerazzjoni mgħawġa u milwija tal-preżent li ġabet fuqha nfisha kriżi taʼ awtorità, il-poplu taʼ Jehovah minn jeddhom jissottomettu ruħhom lejn l-awtorità. Huma b’hekk jaħsdu benefiċċji kbar, kif se naraw fl-artiklu li jmiss. (w94 7/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu preċedenti.
B’Mod Taʼ Reviżjoni
◻ Min hu l-Awtorità Suprema, u l-awtorità tiegħu għala hi leġittima?
◻ L-awtoritajiet superjuri f’liema sens “jinsabu mqegħdin fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla”?
◻ L-awtoritajiet superjuri meta jieqfu li jkunu “l-ministru t’Alla”?
◻ Liema struttura taʼ awtorità teżisti ġewwa familji Kristjani?
◻ Liema delegar taʼ awtorità jeżisti ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana?