Is-Sottomissjoni Relattiva Tagħna Lejn l-Awtoritajiet Superjuri
“Hemm għalhekk raġuni li ġġigħelkom biex tkunu sottomessi.”—RUMANI 13:5.
1. X’esperjenzi ħorox kellhom ix-Xhieda taʼ Jehovah minn idejn l-awtoritajiet superjuri Nażisti, u kien dan għaliex ‘għamlu dak li hu ħażin’?
FIS-7 TAʼ JANNAR, 1940, Franz Reiter u ħames Awstrijaċi żgħażagħ oħra ngħataw il-mewt bil-giljottina. Huma kienu Bibelforscher, Xhieda taʼ Jehovah, u mietu għaliex ma setgħux b’kuxjenza safja jaqbdu l-armi għar-Reich taʼ Hitler. Reiter kien wieħed minn eluf taʼ Xhieda li mietu għall-fidi tagħhom matul it-tieni gwerra dinjija. Ħafna oħrajn issaportew snin twal f’kampijiet taʼ konċentrament. Sofrew dawn kollha bis-“sejf” tal-awtoritajiet superjuri tan-Nażi għaliex ‘għamlu dak li hu ħażin’? (Rumani 13:4) Dażgur li le! Il-kliem li jkompli jgħid Pawlu juri li dawn il-Kristjani obdew il-kmandi t’Alla f’Rumani kapitlu 13, avolja sofrew minn idejn l-awtorità.
2. X’inhi r-raġuni li ġġigħelna nkunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri?
2 F’Rumani 13:5, l-appostlu jikteb: “Hemm għalhekk raġuni li ġġigħelkom biex tkunu sottomessi mhux biss minħabba dik il-korla imma wkoll minħabba l-kuxjenza tagħkom.” Qabel Pawlu qal li l-fatt li l-awtorità “ġġorr is-sejf” kienet raġuni tajba biex inkunu suġġetti lejha. Issa, iżda, hu jagħti raġuni iżjed qawwija: il-kuxjenza. Aħna nħabirku biex naqdu ’l Alla “b’kuxjenza nadifa.” (2 Timotew 1:3) Il-Bibbja tgħidilna biex inkunu suġġetti lejn l-awtoritajiet superjuri, u aħna nobdu għaliex irridu nagħmlu dak li hu sewwa f’għajnejn Alla. (Ebrej 5:14) Tabilħaqq, il-kuxjenza tagħna mħarrġa fuq il-Bibbja tqanqalna biex nobdu l-awtorità saħansitra meta l-ebda bniedem m’hu preżenti biex igħasses fuqna.—Qabbel Ekkleżjasti 10:20.
“Hu Għalhekk li Intom Ukoll Qed Tħallsu t-Taxxi”
3, 4. Ix-Xhieda taʼ Jehovah x’reputazzjoni għandlom, u l-Kristjani għala għandhom iħallsu t-taxxi?
3 Fin-Niġerja xi snin ilu, kien hemm rewwixti dwar il-ħlas tat-taxxi. Ħafna ħajjiet intilfu u l-awtoritajiet sejħu l-armata. Is-suldati daħlu ġewwa Kingdom Hall fejn kienet għaddejja l-laqgħa u riedu jkunu jafu l-għan għala nġabru. X’ħin sabu li kienet laqgħa taʼ studju tal-Bibbja tax-Xhieda taʼ Jehovah, l-uffiċjal inkarigat qal lis-suldati biex jitilqu, billi qal: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex ixewxu kontra t-taxxi.”
4 Dawk ix-Xhieda tan-Niġerja kellhom reputazzjoni li jgħixu fi qbil mal-kliem taʼ Pawlu: “Għax hu għalhekk li intom qed tħallsu t-taxxi; għax huma l-qaddejja pubbliċi t’Alla li l-ħin kollu jaqdu għal dan il-għan stess.” (Rumani 13:6) Meta Ġesù ta r-regola, ‘Ħallas lura lil Ċesri l-affarijiet taʼ Ċesri,’ hu kien qed jitkellem dwar il-ħlas tat-taxxi. (Mattew 22:21) Awtoritajiet sekulari jipprovdu toroq, protezzjoni tal-pulizija, libreriji, sistemi taʼ trasport, skejjel, servizzi postali, u ħafna iżjed. Aħna taʼ spiss nużaw dawn il-provvedimenti. Huwa għalhekk xieraq li għandna nħallsu għalihom permezz tat-taxxi tagħna.
“Agħtu lil Kulħadd Sehemhom”
5. Xi tfisser l-espressjoni “agħtu lil kulħadd sehemhom”?
5 Pawlu jissokta: “Agħtu lil kulħadd sehemhom, lilu li jsejjaħ għat-taxxa, it-taxxa; lilu li jsejjaħ għall-ħaraġ, il-ħaraġ; lilu li jsejjaħ għall-biżaʼ, biżaʼ bħal din; lilu li jsejjaħ għall-unur, unur bħal dan.” (Rumani 13:7) Il-kelma “kollha” tħaddan kull awtorità sekulari li hi l-qaddej pubbliku t’Alla. M’hemmx eċċezzjonijiet. Saħansitra jekk ingħixu taħt sistema politika li lilna personalment ma togħġobniex, aħna nħallsu t-taxxi. Jekk ir-reliġjonijiet huma eżentati mit-taxxi fejn noqogħdu, il-kongregazzjonijiet jistgħu jieħdu vantaġġ minn dan. U bħal ċittadini oħra, il-Kristjani jistgħu jużaw kwalunkwe provvedimenti legali li jsiru biex jillimitaw it-taxxi li jħallsu. Imma l-ebda Kristjan m’għandu b’mod illegali jaħrab il-ħlas tat-taxxi.—Qabbel Mattew 5:41; 17:24-27.
6, 7. Għala għandna nħallsu t-taxxi saħansitra jekk il-flus jintużaw biex jiffinanzjaw xi ħaġa li aħna ma naqblux magħha jew saħansitra jekk l-awtorità tippersegwitana?
6 Nassumu, iżda, li xi taxxa tidher inġusta. Jew xi ngħidu jekk parti mill-flus tat-taxxa tintuża biex tiffinanzja xi ħaġa li aħna ma naqblux magħha, bħal aborti mingħajr ħlas, banek tad-demm, jew programmi li huma f’konflitt mal-ħarsa newtrali tagħna? Aħna xorta nħallsu t-taxxi tagħna kollha. Hija l-awtorità li trid tieħu r-responsabbiltà dwar kif tuża l-flus tat-taxxi. Aħna ma ġejniex maħturin biex niġġudikaw l-awtorità. Alla huwa l-“Imħallef tal-art,” u fil-waqt tiegħu, hu jieħu rendikont mill-gvernijiet dwar kif użaw l-awtorità tagħhom. (Salm 94:2; Ġeremija 25:31) Sakemm dan iseħħ, aħna nħallsu t-taxxi tagħna.
7 Xi ngħidu jekk l-awtorità tippersegwitana? Aħna xorta waħda nħallsu t-taxxi minħabba s-servizzi taʼ kuljum li jingħataw. Rigward Xhieda li batew persekuzzjoni f’pajjiż Afrikan, l-Examiner taʼ San Franciso qalet: “Int tistaʼ tqishom bħala ċittadini mudell. Huma jħallsu t-taxxi b’mod diliġenti, jieħdu ħsieb il-morda jitħabtu biex ma jħallux nies illiterati.” Iva, dawk ix-Xhieda ppersegwitati jħallsu t-taxxi tagħhom.
“Biżaʼ” u “Unur”
8. X’inhu l-“biżaʼ” li aħna nagħtu lill-awtorità?
8 Il-“biżaʼ” taʼ Rumani 13:7 mhix biżaʼ taʼ beżżiegħ imma, minflok, rispett lejn awtorità sekulari, biżaʼ li tikser il-liġi tagħha. Dan ir-rispett jingħata minħabba l-pożizzjoni involuta, mhux dejjem minħabba l-individwu f’dik il-pożizzjoni. Il-Bibbja, meta titkellem b’mod profetiku dwar l-imperatur Ruman Tiberjus, issejjaħlu “wieħed li jrid ikun mistmerr.” (Danjel 11:21) Imma hu kien l-imperatur, u bħala tali, Kristjan ried jagħtih biżaʼ u unur.
9. X’inhuma xi modi kif aħna nagħtu unur lill-awtoritajiet umani?
9 Rigward unur, aħna nsegwu l-kmand taʼ Ġesù biex ma nagħtux titli bbażati fuq pożizzjoni reliġjuża. (Mattew 23:8-10) Imma fejn jidħlu awtoritajiet sekulari, aħna kuntenti li nindirizzawhom bi kwalunkwe titlu li jistaʼ jkun meħtieġ f’li nonorawhom. Pawlu uża t-termini “L-Eċċellenza Tiegħek” meta kellem lil gvernaturi Rumani. (Atti 26:25) Danjel sejjaħ lil Nebukadneżżar “mulejja.” (Danjel 4:19) Illum, il-Kristjani jistgħu jużaw espressjonijiet bħalma huma “Is-Sinjorija Tiegħek” jew “Il-Majestà Tiegħek.” Huma jistgħu jqumu bil-wieqfa meta jidħol xi mħallef fl-awla tal-qorti jew b’mod taʼ rispett ibaxxu rashom quddiem ħakkiem jekk dik hi l-użanza.
Sottomissjoni Relattiva
10. Ġesù kif wera li hemm limiti għal dak li awtorità umana tistaʼ tirrikjedi minn Kristjan?
10 Ladarba x-Xhieda taʼ Jehovah huma sottomessi lejn awtorità umana, Franz Reiter u tant oħrajn għala għaddew minn dik it-tbatija? Għaliex is-sottomissjoni tagħna hija relattiva, u l-awtorità mhux dejjem tirrikonoxxi li hemm limiti mwaqqfin mill-Bibbja sa fejn tistaʼ tasal. Jekk l-awtorità tirrikjedi xi ħaġa li toffendi l-kuxjenza Kristjana mħarrġa, qed taqbeż il-limitu mogħti minn Alla. Ġesù indika dan meta qal: “Ħallas lura . . . l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” (Mattew 22:21) Meta Ċesri jirrikjedi dak li jappartjeni lil Alla, aħna rridu nirrikonoxxu li Alla għandu l-jedd prinċipali.
11. Liema prinċipju li juri li hemm limiti għal dak li awtorità umana tistaʼ tirrikjedi huwa aċċettat ħafna?
11 Hija din il-pożizzjoni sovversiva jew qarrieqa? Xejn affattu. Hija, fil-fatt, estensjoni taʼ prinċipju rrikonoxxut mill-biċċa l-kbira tal-ġnus ċivilizzati. Fis-seklu 15, ċertu Peter von Hagenbach ġie mgħoddi ġuri talli beda renju taʼ terrur fil-parti tal-Ewropa li fuqha kellu awtorità. Id-difiża tiegħu, li hu kien sempliċement qed isegwi l-kmandi tas-sinjur tiegħu, id-Duka taʼ Burgundy, ġiet miċħuda. L-istqarrija li wieħed li jikkommetti ħruxijiet ma jridx jagħti kont jekk ikun qed isegwi ordnijiet taʼ awtorità superjuri ntgħamlet kemm-il darba minn dak iż-żmien ’il hawn—b’mod l-iktar notevoli mill-kriminali Nażisti tal-gwerra quddiem it-Tribunal Internazzjonali f’Nuremberg. L-istqarrija ġiet fil-parti l-kbira miċħuda. It-Tribunal Internazzjonali qal fil-ġudizzju tiegħu: “Individwi għandhom doveri internazzjonali li jiġu qabel l-obbligi nazzjonali taʼ ubbidjenza imponuta mill-istat individwali.”
12. Liema huma xi eżempji Skritturali taʼ qaddejja t’Alla li rrijutaw li jobdu ordnijiet mhux raġonevoli mill-awtorità?
12 Il-qaddejja t’Alla minn dejjem għarfu li hemm limiti għas-sottomissjoni li huma kuxjenzjożament għandhom jagħtu lill-awtoritajiet superjuri. Għall-ħabta li twieled Mosè fl-Eġittu, Farawni kkmanda lil żewġ qwiebel Ebrej biex joqtlu lit-trabi subien Ebrej kollha li jitwieldu. Il-qwiebel, madankollu, żammew lit-trabi ħajjin. Għamlu ħażin għax ma obdewx lil Farawni? Le, huma kienu qed isegwu l-kuxjenza tagħhom mogħtija minn Alla, u Alla berikhom taʼ dan. (Eżodu 1:15-20) Meta Iżrael kien fl-eżilju fil-Babilonja, Nebukadneżżar ordna li l-uffiċjali tiegħu, inklużi l-Ebrej Xadrak, Mexak, u Abednego, jinżlu għar-rkobbtejhom quddiem xbiha li hu kien poġġa fuq il-pjanura taʼ Dura. It-tliet Ebrej irrifjutaw. Għamlu ħażin? Le, ladarba biex isegwu l-kmand tas-sultan kien ifisser li jmorru kontra l-liġi t’Alla.—Eżodu 20:4, 5; Danjel 3:1-18.
“Nobdu ’l Alla bħala Ħakem”
13. Il-Kristjani tal-bidu x’eżempju pprovdew fil-kwistjoni taʼ ubbidjenza relattiva lejn l-awtoritajiet superjuri?
13 B’mod simili, meta l-awtoritajiet Lhud ikkmandaw lil Pietru u Ġwanni biex jieqfu jippridkaw dwar Ġesù, huma wieġbu: “Jekk hux sewwa fid-dehra t’Alla li nisimgħu minnkom iktar milli minn Alla, iġġudikaw intom infuskom.” (Atti 4:19; 5:29) Huma ma setgħux jibqgħu siekta. Ir-rivista The Christian Century tiġbed l-attenzjoni lejn waqfa kuxjenzjuża oħra li ħadu l-Kristjani bikrin meta tgħid: “Il-Kristjani l-iktar bikrin ma kinux jaqdu fil-forzi armati. Roland Bainton jinnota li ‘mit-tmiem tal-perijodu tat-Testment il-Ġdid sal-għaxar snin taʼ bejn 170-180 A.D. m’hemm l-ebda evidenza taʼ Kristjani fl-armataʼ (Christian Attitudes Toward War and Peace [Abingdon, 1960], paġni 67-8). . . . Swift igħid li Ġustin Martri ‘iqisha bħala ħaġa ċerta li l-Kristjani jżommu ’l bogħod minn atti vjolenti.’”
14, 15. Liema huma xi prinċipji mill-Bibbja li kienu jiggvernaw l-ubbidjenza relattiva tal-Kristjani tal-bidu lejn awtoritajiet umani?
14 Il-Kristjani bikrin għala ma qdewx bħala suldati? Bla dubju, kull wieħed studja bir-reqqa l-kelma u l-liġijiet t’Alla u għamel id-deċiżjoni persunali tiegħu fuq il-bażi tal-kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-Bibbja. Huma kienu newtrali, “ebda parti mid-dinja,” u n-newtralità tagħhom żammithom lura milli jagħżlu maʼ min iżommu fil-konflitti taʼ din id-dinja. (Ġwann 17:16; 18:36) Jerġaʼ, huma kienu jappartjenu lil Alla. (2 Timotew 2:19) Li jagħtu ħajjithom għall-Istat kien ifisser li kienu qed jagħtu lil Ċesri dak li kien jappartjeni lil Alla. Barra minn dan, huma kienu parti minn fratellanza internazzjonali marbuta flimkien fl-imħabba. (Ġwann 13:34, 35; Kolossin 3:14; 1 Pietru 4:8; 5:9) Huma ma setgħux b’kuxjenza safja jerfgħu l-armi bil-possibiltà li joqtlu Kristjan seħibhom.
15 Minbarra dan, il-Kristjani ma setgħux jaċċettaw osservanzi reliġjużi popolari, bħalma kienet il-qima tal-imperatur. Bħala riżultat, kienu meqjusin bħala “nies strambi u perikolużi, u l-bqija tal-popolazzjoni b’mod naturali kienet tissuspetta fihom.” (Still the Bible Speaks, minn W. A. Smart) Għalkemm Pawlu kiteb li l-Kristjani għandhom ‘jagħtu lil dak li jsejjaħ għal biżaʼ, biżaʼ bħal din,’ huma ma nsewx l-akbar biżaʼ jew rispett tagħhom lejn Jehovah. (Rumani 13:7; Salm 86:11) Ġesù nnifsu qal: “U ssirux beżgħana minn dawk li joqtlu l-ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ; imma minflok ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm lir-ruħ u kemm lill-ġisem f’Geħenna.”—Mattew 10:28.
16. (a) Il-Kristjani f’liema oqsma jridu jiżnu bir-reqqa s-sottomissjoni tagħhom lejn l-awtoritajiet superjuri? (b) Il-kaxxa f’paġna 15 x’turi?
16 Bħala Kristjani, aħna niffaċċjaw sfidi simili llum. Aħna ma nistgħux nieħdu sehem fi kwalunkwe verżjoni moderna taʼ idolatrija—kemm jekk xi ġesti taʼ qima lejn xi xbiha jew simbolu jew li nattribwixxu s-salvazzjoni lil xi persuna jew xi organizzazzjoni. (1 Korintin 10:14; 1 Ġwann 5:21) U bħall-Kristjani tal-bidu, aħna ma nistgħux nagħmlu kompromess fin-newtralità Kristjana tagħna.—Qabbel 2 Korintin 10:4.
“Bil-Ħlewwa u b’Rispett Profond”
17. L-appostlu Pietru x’parir ta lil dawk li jsofru minħabba l-kuxjenza?
17 L-appostlu Pietru kiteb dwar il-waqfa kuxjenzjuża tagħna u qal: “Jekk xi ħadd, minħabba l-kuxjenza lejn Alla, jissaporti taħt affarijiet gravi u jbati b’mod inġust, din hi xi ħaga li taqbel.” (1 Pietru 2:19) Iva, hija ħaga li Alla jaqbel magħha meta Kristjan iżomm sod minkejja persekuzzjoni, u hemm il-benefiċċju miżjud li l-fidi tal-Kristjan tiġi msaħħa u rraffinata. (Ġakbu 1:2-4; 1 Pietru 1:6, 7; 5:8-10) Pietru kiteb ukoll: “Jekk għandkom issofru minħabba t-tjieba, intom henjin. Madankollu, l-oġġett tal-biżaʼ tagħkom tibżgħux intom minnu, u lanqas issiru aġitati. Imma qaddsu lil Kristu bħala Mulej fi qlubkom, dejjem lesti biex tagħmlu difiża quddiem kulmin jitlobkom raġuni għat-tama fikom, imma billi tagħmlu hekk bil-ħlewwa u b’rispett profond.” (1 Pietru 3:14, 15) Tabilħaqq parir taʼ għajnuna!
18, 19. Attitudni taʼ rispett profond u taʼ li tkun raġonevoli kif tistaʼ tgħin jekk l-awtorità tqiegħed xi limiti fuq il-libertà tal-kuxjenza tagħna?
18 Meta tqum il-persekuzzjoni għaliex l-awtorità ma tifhimx il-pożizzjoni tal-Kristjan jew għaliex il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu rrappreżentaw ħażin lix-Xhieda taʼ Jehovah mal-awtorità, li tippreżenta l-fatti lill-awtorità jistaʼ jirriżulta fi tnaqqis taʼ pressjoni. Billi għandu temperament kalm u rispett profond, Kristjan ma jaqbadx jagħti fiżikament lil dawk li jippersegwitawh. Madankollu, hu jipprova juża kull mezz legali disponibbli biex jiddefendi l-fidi tiegħu. Imbagħad hu jħalli kollox f’idejn Jehovah.—Filippin 1:7; Kolossin 4:5, 6.
19 Rispett profond iwassal ukoll biex Kristjan jasal sa fejn jistaʼ, mingħajr ma jferi l-kuxjenza, biex jobdi lill-awtorità. Jekk, per eżempju, laqgħat tal-kongregazzjoni jiġu pprojbiti, il-Kristjani jsibu xi mod li inqas jagħti fil-għajn biex ikomplu jieklu mill-mejda taʼ Jehovah. L-Awtorità Suprema, Alla Jehovah, igħidilna permezz taʼ Pawlu: “Ejjew inqisu lil xulxin biex inqanqlu għall-imħabba u xogħlijiet mill-aħjar, billi ma nitilqux il-ġbir tagħna flimkien, bħalma xi wħud għandhom drawwa.” (Ebrej 10:24, 25) Imma laqgħat bħal dawn jistgħu jinżammu fis-sigriet. Saħansitra jekk ftit biss huma preżenti, nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla jbierek dawn l-arranġamenti.—Qabbel Mattew 18:20.
20. Jekk l-ippridkar pubbliku tal-aħbar tajba jiġi mwaqqaf, il-Kristjani kif jistgħu jittrattaw mas-sitwazzjoni?
20 B’mod simili, xi awtoritajiet waqqfu l-ippridkar pubbliku tal-aħbar tajba. Il-Kristjani li jgħixu taħthom jiftakru li, permezz taʼ Ġesù nnifsu, l-Awtorità Suprema qalet: “Fil-ġnus kollha l-aħbar tajba trid tiġi ppridkata l-ewwel.” (Mark 13:10) Għalhekk, huma jobdu lill-Awtorità Suprema bi kwalunkwe spiża għalihom infushom. Fejn possibbli, l-appostli ppridkaw pubblikament u minn dar għal dar, imma hemm modi oħra biex tilħaq lin-nies, bħal għoti taʼ xiehda informali. (Ġwann 4:7-15; Atti 5:42; 20:20) Taʼ spiss l-awtoritajiet ma jindaħlux fix-xogħol tal-ippridkar jekk tintuża biss il-Bibbja—li jenfasizza l-ħtieġa li x-Xhieda kollha jkunu mħarrgin tajjeb biex jirraġunaw mill-Iskrittura. (Qabbel Atti 17:2, 17.) Billi juru qlubija u rispett fl-istess ħin, il-Kristjani jistgħu taʼ spiss isibu triq biex jobdu lil Jehovah mingħajr ma jistiednu l-korla tal-awtoritajiet superjuri.—Titus 3:1, 2.
21. Jekk Ċesri ma jċedix fil-persekuzzjoni tiegħu liema korsa għandhom jagħżlu l-Kristjani?
21 Xi drabi, iżda, l-awtorità ma ċċedix f’li tippersegwita lill-Kristjani. Imbagħad, b’kuxjenza safja, nistgħu biss nissaportu f’li nagħmlu dak li hu tajjeb. Iż-żagħżugħ Franz Reiter iffaċċja għażla: jagħmel kompromess tal-fidi tiegħu jew imut. Ladarba ma setax jieqaf iqim lil Alla, hu bil-kuraġġ mar għall-mewt tiegħu. Il-lejl qabel ma miet, Franz kiteb lil ommu: “Għada fil-għodu ningħata l-mewt. Għandi saħħti mingħand Alla, l-istess bħalma kienet minn dejjem mal-Kristjani veri kollha fil-passat . . . Jekk tibqaʼ wieqfa soda sal-mewt, nerġgħu niltaqgħu fl-irxoxt.”
22. X’tama għandna, u kif għandna nissoktaw sa dak iż-żmien?
22 Ġurnata waħda l-umanità kollha se tkun taħt liġi waħda biss, dik taʼ Alla Jehovah. Sa dak iż-żmien, aħna rridu b’kuxjenza tajba nosservaw l-arranġament t’Alla u nżommu s-sottomissjoni relattiva tagħna lejn l-awtoritajiet superjuri fil-waqt li fl-istess ħin nobdu lill-Mulej Sovran tagħna Jehovah fl-affarijiet kollha.—Filippin 4:5-7.
Tiftakar?
◻ X’inhi r-raġuni li ġġigħelna nkunu suġġetti lejn l-awtoritajiet superjuri?
◻ Għala m’għandniex noqogħdu naħsbuha biex inħallsu t-taxxi imponuti minn Ċesri?
◻ Liema xorta taʼ unur għandna nagħtu lill-awtorità?
◻ Is-sottomissjoni tagħna lejn Ċesri għala hija biss relattiva?
◻ Jekk aħna ppersegwitati għaliex Ċesri jirrikjedi dak li jappartjeni lil Alla, kif għandna nwieġbu?
[Kaxxa f’paġna 15]
Rispett mhux qima
Għodwa waħda fil-ħin tal-klassi, Terra, Xhud żagħżugħa taʼ Jehovah fil-Kanada, innotat li l-għalliem tagħha ħa lil studentessa bħalha ’l barra mill-klassi għal ftit mumenti. Ftit wara, l-għalliem bil-kwiet qal lil Terra biex takkumpanjah sal-uffiċċju tal-prinċipal.
Meta waslet hemm, Terra nnotat bandiera Kanadiża miftuħa fuq l-iskrivanija tal-prinċipal. Il-għalliem qal lil Terra biex tobżoq fuq il-bandiera! Hu ssuġġerixxa li ladarba Terra ma kinetx tkanta l-innu nazzjonali jew issellem lill-bandiera, ma kienx hemm raġuni għala ma setgħetx tagħmel din il-ħaġa. Terra rrifjutat, waqt li spjegat li għalkemm ix-Xhieda taʼ Jehovah ma jqimux il-bandiera, huma xorta jirrispettawha.
Lura fil-klassi, l-għalliem ħabbar li hu kien għadu kif ikkonduċa esperiment. Hu kien ħa żewġ studentessi f’ħin differenti fl-uffiċċju tal-prinċipal u ġigħelhom jobżqu fuq il-bandiera. L-ewwel waħda ħadet sehem f’ċerimonji patrijottiċi, imma beżqet fuq il-bandiera meta ġiet imġiegħla. F’kuntrast, Terra ma kinetx tkanta l-innu jew issellem lill-bandiera; madankollu, hija rrifjutat li tiddiżonora l-bandiera b’dan il-mod. Il-għalliem wera li Terra kienet dik li wriet rispett xieraq.—1990 Yearbook of Jehovah’s Witnesses.