Kapitlu Tlettax
Jekk iż-Żwieġ Wasal fi Stat Kritiku
1, 2. Meta żwieġ ikun taħt stress, x’mistoqsija għandna nistaqsu?
FL-1988 mara Taljana li jisimha Lucia kienet dipressa ferm.a Wara għaxar snin iż-żwieġ tagħha kien se jispiċċa. Ħafna drabi kienet ipprovat tasal għal rikonċiljazzjoni maʼ żewġha, imma dan sempliċement ma rnexxiex. Għalhekk isseparat minħabba inkompatibilità u issa ffaċċjat waħedha t-trobbija taʼ żewġt ibniet. Meta tħares lura lejn dak iż-żmien, Lucia tiftakar: “Kont ċerta li xejn ma setaʼ jsalva ż-żwieġ tagħna.”
2 Jekk qiegħed ikollok problemi fiż-żwieġ, tistaʼ tifhem kif ħassitha Lucia. Iż-żwieġ tiegħek jistaʼ jkun fih l-inkwiet u forsi qiegħed taħseb jekk jistax jiġi salvat. Jekk dan huwa l-każ, se ssibu t’għajnuna li tikkunsidra din il-mistoqsija: Segwejt jien il-pariri tajbin kollha li Alla ta fil-Bibbja biex jgħin ħalli ż-żwieġ ikun suċċess?—Salm 119:105.
3. Waqt li d-divorzju sar popolari, liema reazzjoni hija rrapportata fost ħafna persuni ddivorzjati u l-familji tagħhom?
3 Meta jkun hemm tensjoni kbira bejn ir-raġel u l-mara, jistaʼ jidher li l-eħfef korsa t’azzjoni hija li wieħed itemm iż-żwieġ. Imma, waqt li ħafna pajjiżi esperjenzaw żjieda impressjonanti taʼ familji mkissrin, studji li saru dan l-aħħar jindikaw li persentaġġ għoli ferm taʼ rġiel u nisa ddivorzjati jiddispjaċihom bil-firda. Numru minnhom ibatu minn iktar problemi taʼ saħħa, kemm fiżika u kemm mentali, milli jagħmlu dawk li jibqgħu miżżewġin. Il-konfużjoni u d-dwejjaq taʼ wlied id-divorzju spiss idumu snin sħaħ. Il-ġenituri u l-ħbieb tal-familja mkissra jsofru wkoll. U xi ngħidu għall-mod kif Alla, l-Oriġinatur taż-żwieġ, iħares lejn is-sitwazzjoni?
4. Il-problemi fiż-żwieġ kif għandhom jiġu ttrattati?
4 Bħalma ġie nnotat f’kapitli taʼ qabel, Alla ried li ż-żwieġ ikun rabta sal-mewt. (Ġenesi 2:24) Għala, allura, jitkissru daqstant żwiġijiet? Dan ma jiġrix mil-lejl għan-nhar. Ġeneralment ikun hemm sinjali taʼ twissija. Problemi żgħar fi żwieġ jistgħu jibqgħu jikbru sakemm jidhru li m’hemmx soluzzjoni għalihom. Imma jekk dawn il-problemi jiġu ttrattati fil-pront bil-għajnuna tal-Bibbja, jistaʼ jiġi evitat ħafna tkissir taʼ żwieġ.
KUN REALISTIKU
5. Liema sitwazzjoni realistika għandha tiġi ffaċċjata fi kwalunkwe żwieġ?
5 Element li kultant iwassal għal problemi huwa l-istennijiet mhux realistiċi li wieħed mill-imseħbin fiż-żwieġ jew it-tnejn li huma għandhom mnejn ikollhom. Rumanzi, rivisti popolari, programmi fuq it-televixin, u films jistgħu joħolqu tamiet u ħolm li huma differenti ferm mir-realtà tal-ħajja. Meta dan il-ħolm ma jseħħx, persuna tistaʼ tħossha imbroljata, mhix sodisfatta, saħansitra ddiżappuntata ferm. Kif, iżda, jistgħu tnejn min-nies imperfetti jsibu l-hena fiż-żwieġ? Jeħtieġ sforz biex tinkiseb relazzjoni taʼ suċċess.
6. (a) Il-Bibbja tagħti liema ħarsa bbilanċjata dwar iż-żwieġ? (b) Liema huma xi raġunijiet għal nuqqas taʼ qbil fiż-żwieġ?
6 Il-Bibbja hija prattika. Tirrikonoxxi l-ferħ taż-żwieġ, imma twissi wkoll li dawk li jiżżewġu se ‘jkollhom il-għali tal-ġisem.’ (1 Korintin 7:28, KŻ) Bħalma ġie nnotat diġà, iż-żewġ imseħbin huma imperfetti u huma suxxettibbli għad-dnub. Il-formazzjoni mentali u emozzjonali u t-trobbija tat-tnejn huma differenti. Koppji kultant ma jaqblux dwar flus, tfal, u kunjati. Ħin insuffiċjenti biex jagħmlu affarijiet flimkien u problemi sesswali jistgħu wkoll ikunu sors taʼ konflitt.b Jirrikjedi ż-żmien biex tirranġa kwistjonijiet bħal dawn, imma qawwi qalbek! Il-biċċa l-kbira tal-koppji miżżewġin għandhom il-ħila jiffaċċjaw problemi bħal dawn u flimkien isibu soluzzjonijiet aċċettabbli.
IDDISKUTI D-DIFFERENZI
7, 8. Jekk hemm sentimenti mweġġgħin jew nuqqas taʼ ftehim bejn l-imseħbin fiż-żwieġ, liema huwa l-mod Skritturali taʼ kif wieħed jittratta magħhom?
7 Ħafna jsibuha diffiċli li jibqgħu kalmi meta jiddiskutu sentimenti mweġġgħin, nuqqas taʼ ftehim, jew nuqqasijiet persunali. Minflok ma jgħid bla tlaqliq: “Inħoss li ma tifhimnix,” wieħed miżżewweġ jistaʼ jsir emozzjonali u jesaġera l-problema. Ħafna se jgħidu: “Int minnek innifsek biss jimpurtak,” jew, “Int lanqas tħobbni.” Billi ma tkunx trid tinvolvi ruħha f’argument, il-parti l-oħra għandha mnejn ma tirrispondix.
8 Ikun aħjar li tagħti kas il-parir tal-Bibbja: “Tinkurlaw? imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom.” (Efesin 4:26) Koppja waħda li huma kuntenti fiż-żwieġ, meta għalqu 60 sena miżżewġin, ġew mistoqsijin x’kien is-sigriet taż-żwieġ li rnexxa tagħhom. Ir-raġel qal: “Tgħallimna biex ma mmorrux norqdu mingħajr ma nirranġaw id-differenzi, kienu kemm kienu żgħar.”
9. (a) Liema ħaġa hija identifikata fl-Iskrittura bħala parti vitali mill-komunikazzjoni? (b) L-imseħbin fiż-żwieġ x’jeħtieġu spiss li jagħmlu, saħansitra jekk dan jirrikjedi kuraġġ u umiltà?
9 Meta raġel u mara ma jaqblux, kull wieħed jeħtieġ li ‘jkun ħafif biex jismaʼ; tqil biex jitkellem; tqil biex jinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Wara li jagħtu widen b’attenzjoni, it-tnejn li huma għandhom mnejn jaraw il-ħtieġa li jitolbu apoloġija. (Ġakbu 5:16) Li wieħed jgħid bis-sinċerità: “Jiddispjaċini li urtajtek,” jirrikjedi umiltà u kuraġġ. Imma li jittrattaw id-differenzi b’din il-manjiera se jkun effettiv ferm f’li jgħin lil koppja miżżewġa mhux biss biex isolvu l-problemi tagħhom imma wkoll biex jiżviluppaw kordjalità u intimità li permezz tagħhom se jsibu iktar pjaċir fil-kumpanija taʼ xulxin.
NAGĦTU DAK LI HUWA DOVUT FIŻ-ŻWIEĠ
10. Liema protezzjoni rrikmandata minn Pawlu lil Kristjani Korintin tistaʼ tapplika għal Kristjan illum?
10 Meta l-appostlu Pawlu kiteb lill-Korintin, irrikmanda ż-żwieġ “minħabba ż-żina.” (1 Korintin 7:2) Id-dinja llum hija ħażina daqs, jew saħansitra agħar minn, Korintu tal-qedem. Is-suġġetti immorali li n-nies tad-dinja jiddiskutu fil-beraħ, il-mod sfaċċat kif jilbsu, u l-istejjer senswali li jkun hemm fir-rivisti u l-kotba, fuq it-TV, u fil-films, ilkoll flimkien iqanqlu l-aptit sesswali illeċitu. Lill-Korintin li kienu jgħixu f’ambjent simili, l-appostlu Pawlu qalilhom: “Aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq bil-passjoni.”—1 Korintin 7:9.
11, 12. (a) Ir-raġel u l-mara x’inhuma obbligati li jagħtu lil xulxin, u b’liema spirtu għandu jingħata? (b) Is-sitwazzjoni kif għandha tiġi ttrattata jekk dak li huwa dovut fiż-żwieġ ikollu jiġi sospiż temporanjament?
11 Għalhekk, il-Bibbja tikkmanda lil Kristjani miżżewġin: “Ir-raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-mara lil żewġha.” (1 Korintin 7:3) Innota li l-enfasi qiegħda fuq li wieħed jagħti—mhux li jesiġi. L-intimità fiżika fiż-żwieġ tkun verament sodisfaċenti biss jekk kull parti tkun ikkonċernata dwar it-tajjeb tal-parti l-oħra. Per eżempju, il-Bibbja tikkmanda lill-irġiel biex jittrattaw man-nisa tagħhom “bil-għaqal.” (1 Pietru 3:7) Dan huwa partikolarment veru f’li wieħed jagħti u jirċievi dak li huwa dovut fiż-żwieġ. Jekk mara ma tiġix ittrattata b’tenerezza, tistaʼ ssibha diffiċli li tieħu gost b’dan l-aspett taż-żwieġ.
12 Ikun hemm drabi meta l-imseħbin fiż-żwieġ għandhom mnejn ikollhom iċaħħdu lil xulxin minn dak li huwa dovut fiż-żwieġ. Dan japplika għall-mara f’ċerti perijodi tax-xahar jew meta tħossha għajjiena ferm. (Qabbel Levitiku 18:19.) Dan jistaʼ japplika għar-raġel meta jkun qiegħed jittratta maʼ xi problema serja fuq ix-xogħol u jħossu eżawrit emozzjonalment. Każi bħal dawn taʼ sospensjoni temporanja taʼ li wieħed jagħti dak li huwa dovut fiż-żwieġ jiġu ttrattati l-aħjar jekk iż-żewġ imseħbin jiddiskutu s-sitwazzjoni bla tlaqliq u jaqblu bi ‘ftehim minn qabel’ bejniethom. (1 Korintin 7:5) Dan se jżomm liż-żewġ imseħbin milli jaslu għal konklużjonijiet żbaljati. Jekk, iżda, mara minn rajha ċċaħħad lil żewġha jew jekk raġel apposta jonqos li jagħti dak li huwa dovut fiż-żwieġ b’mod taʼ mħabba, il-parti l-oħra tistaʼ tiġi esposta għat-tentazzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, jistgħu jqumu l-problemi fi żwieġ.
13. Il-Kristjani kif jistgħu jaħdmu biex iżommu l-ħsieb tagħhom nadif?
13 Bħall-Kristjani kollha, qaddejja miżżewġin t’Alla jridu jevitaw il-pornografija, li tistaʼ toħloq xewqat mhux nodfa u mhux naturali. (Kolossin 3:5) Iridu wkoll jgħassu l-ħsibijiet u l-aġir tagħhom meta jkunu qegħdin jittrattaw mal-membri kollha tas-sess oppost. Ġesù wissa: “Kull min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Billi japplikaw il-parir tal-Bibbja rigward is-sess, koppji għandhom ikunu kapaċi jevitaw li jaqgħu f’tentazzjoni u jikkommettu adulterju. Jistgħu jkomplu jgawdu intimità li tgħaxxaq fi żwieġ li fih is-sess jinżamm b’għożża bħala għotja bnina mingħand l-Oriġinatur taż-żwieġ, Jehovah.—Proverbji 5:15-19.
IL-BAŻIJIET BIBLIĊI GĦAL DIVORZJU
14. Liema sitwazzjoni taʼ swied il-qalb kultant tippreżenta lilha nfisha? Għala?
14 B’ferħ, fil-biċċa l-kbira taż-żwiġijiet Kristjani, kwalunkwe problema li tinqalaʼ tistaʼ tiġi ttrattata. Kultant, iżda, dan ma jkunx il-każ. Minħabba li l-bnedmin huma imperfetti u jgħixu f’dinja midinba li qiegħda taħt il-kontroll taʼ Satana, xi żwiġijiet fil-fatt jaslu fi stat kritiku. (1 Ġwann 5:19) Il-Kristjani kif għandhom jittrattaw maʼ sitwazzjoni taʼ prova bħal din?
15. (a) Liema hija l-unika bażi Skritturali għal divorzju bil-possibiltà taʼ żwieġ mill-ġdid? (b) Xi wħud għala ddeċidew li ma jiddivorzjawx lill-parti l-oħra li wriet nuqqas taʼ fedeltà fiż-żwieġ?
15 Bħalma ssemma fit-tieni Kapitlu taʼ dan il-ktieb, il-fornikazzjoni hija l-unika bażi Skritturali għal divorzju bil-possibiltà taʼ żwieġ mill-ġdid.c (Mattew 19:9) Jekk għandek provi ċari li l-parti l-oħra fiż-żwieġ qalbithielek, allura int tiffaċċja deċiżjoni diffiċli. Se tkompli biż-żwieġ jew se titlob divorzju? M’hemmx regoli. Xi Kristjani ħafru għalkollox lill-parti l-oħra li tkun nidmet ġenwinament, u ż-żwieġ ippreservat irnexxa. Oħrajn iddeċidew kontra d-divorzju minħabba t-tfal.
16. (a) Liema huma xi fatturi li qanqlu lil xi wħud biex jiddivorzjaw lill-parti l-oħra fiż-żwieġ li żbaljat? (b) Meta l-parti innoċenti tiddeċiedi li tiddivorzja jew li ma tiddivorzjax, għala ħadd m’għandu jikkritika d-deċiżjoni tagħha?
16 Mill-banda l-oħra, l-att midneb setaʼ rriżulta fi tqala jew marda trażmessa sesswalment. Jew forsi t-tfal jeħtieġ li jiġu protetti minn ġenitur abbużiv sesswalment. B’mod ċar, hemm ħafna x’wieħed jikkunsidra qabel ma tittieħed deċiżjoni. Jekk, madankollu, issir taf bin-nuqqas taʼ fedeltà tal-parti l-oħra fiż-żwieġ u wara dan jerġaʼ jibda jkollok x’taqsam sesswalment mal-parti l-oħra, int b’hekk tindika li tkun ħfirt lill-parti l-oħra u tixtieq tkompli biż-żwieġ. Bażijiet għal divorzju bil-possibiltà Skritturali li tiżżewweġ mill-ġdid ma jeżistux iktar. Ħadd m’għandu jindaħallek u jipprova jinfluwenza d-deċiżjoni tiegħek, u lanqas ħadd m’għandu jikkritika d-deċiżjoni tiegħek meta teħodha. Se jkollok tgħix bil-konsegwenzi taʼ dak li tiddeċiedi. “Kull wieħed għandu t-tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.”—Galatin 6:5.
BAŻIJIET GĦAL SEPARAZZJONI
17. Jekk m’hemm ebda fornikazzjoni, l-Iskrittura tpoġġi liema limitazzjonijiet fuq is-separazzjoni jew id-divorzju?
17 Hemm xi sitwazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw separazzjoni jew possibilment divorzju minn sieħeb fiż-żwieġ saħansitra jekk dan ma jkunx ikkommetta fornikazzjoni? Iva, imma f’każ bħal dan, Kristjan ma jkunx ħieles li jfittex persuna oħra bil-ħsieb li jiżżewweġ mill-ġdid. (Mattew 5:32) Il-Bibbja, waqt li tippermetti separazzjoni bħal din, tistipula li l-wieħed li jkun se jitlaq għandu ‘jibqaʼ bla miżżewweġ jew jerġaʼ jagħmel paċi.’ (1 Korintin 7:11) Liema huma xi sitwazzjonijiet estremi li minħabba fihom separazzjoni għandha mnejn tkun taʼ min jirrikmandaha?
18, 19. Liema huma xi ftit mis-sitwazzjonijiet estremi li jistgħu jwasslu lil parti waħda fiż-żwieġ biex tqis jekk hux għaqli li tieħu separazzjoni legali jew divorzju, avolja m’huwiex possibbli li terġaʼ tiżżewweġ?
18 Sewwa, il-familja tistaʼ ssib ruħha bla sold minħabba l-għażż daqs taʼ kelb u d-drawwiet ħżiena tar-raġel.d Hu għandu mnejn li d-dħul tal-familja jmur jilagħbu jew jużah biex ikun jistaʼ jħallas għall-vizzju tad-drogi jew taʼ l-alkoħol. Il-Bibbja tistqarr: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb . . . dawk tal-familja tiegħu, dan ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Jekk raġel bħal dan jirrifjuta li jbiddel il-mogħdijiet tiegħu u forsi saħansitra jiffinanzja l-vizzji tiegħu billi jieħu l-flus li taqlaʼ martu, il-mara tistaʼ tagħżel li tipproteġi l-benesseri tagħha u dak tat-tfal tagħha billi tikseb separazzjoni legali.
19 Azzjoni legali bħal din tistaʼ wkoll tiġi kkunsidrata jekk wieħed ikun vjolenti b’mod estrem mal-parti l-oħra, forsi billi ripetutament isawwatha sal-punt li s-saħħa u saħansitra l-ħajja jkunu fil-periklu. Iżjed minn hekk, jekk wieħed b’mod kostanti jipprova jisforza lill-parti l-oħra fiż-żwieġ biex b’xi mod tikser il-kmandi t’Alla, il-parti mhedda tistaʼ wkoll tikkunsidra s-separazzjoni, speċjalment jekk l-affarijiet jaslu sal-punt fejn il-ħajja spiritwali tkun fil-periklu. Il-parti li tkun qiegħda fir-riskju għandha mnejn tikkonkludi li l-uniku mod biex ‘tobdi aktar lil Alla milli ’il-bnedmin’ huwa li tikseb separazzjoni legali.—Atti 5:29.
20. (a) Fil-każ li familja tkun fi stat kritiku, ħbieb maturi u anzjani x’jistgħu joffru, u x’m’għandhomx joffru? (b) Individwi miżżewġin m’għandhomx jużaw ir-referenzi tal-Bibbja għal separazzjoni u divorzju bħala skuża biex jagħmlu liema ħaġa?
20 Fil-każi kollha t’abbuż estrem bejn koppji miżżewġin, ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq il-parti innoċenti la biex tissepara u lanqas biex tibqaʼ mal-parti l-oħra. Waqt li ħbieb maturi u anzjani jistgħu joffru appoġġ u pariri bbażati fuq il-Bibbja, dawn ma jistgħux ikunu jafu d-dettalji kollha taʼ dak li jkun għaddej bejn raġel u mara. Jehovah biss jistaʼ jarah dan. M’għandniex xi ngħidu, mara Kristjana ma tkunx qiegħda tonora l-arranġament t’Alla taż-żwieġ jekk tuża skużi banali biex tinħall miż-żwieġ. Imma jekk tippersisti sitwazzjoni estremament perikoluża, ħadd m’għandu jikkritikaha jekk hi tagħżel li tissepara. Preċiżament l-istess affarijiet jistgħu jingħadu dwar raġel Kristjan miżżewweġ li jfittex separazzjoni. “Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal taʼ Alla.”—Rumani 14:10.
KIF ŻWIEĠ IMKISSER ĠIE SALVAT
21. Liema esperjenza turi li l-parir tal-Bibbja fuq iż-żwieġ huwa effettiv?
21 Tliet xhur wara li Lucia, li ssemmiet qabel, isseparat minn maʼ żewġha, iltaqgħet max-Xhieda taʼ Jehovah u bdiet tistudja l-Bibbja magħhom. “B’sorpriża kbira għalija,” tispjega hi, “il-Bibbja forniet soluzzjonijiet prattiċi għall-problema tiegħi. Wara biss ġimgħa waħda taʼ studju, minnufih ridt li nirranġa maʼ żewġi. Illum nistaʼ ngħid li Jehovah jaf kif isalva żwiġijiet fi kriżi għaliex it-tagħlim tiegħu jgħin lill-imseħbin fiż-żwieġ jitgħallmu kif jistmaw lil xulxin. M’huwiex veru, bħalma jsostnu xi wħud, li x-Xhieda taʼ Jehovah jifirdu l-familji. Fil-każ tiegħi, ġara preċiż l-oppost.” Lucia tgħallmet tapplika l-prinċipji tal-Bibbja f’ħajjitha.
22. Il-koppji miżżewġin kollha f’liema ħaġa għandhom ikollhom fiduċja?
22 Lucia m’hijiex eċċezzjoni. Iż-żwieġ għandu jkun barka, mhux piż. Għal dak l-għan, Jehovah ipprovda l-aqwa sors taʼ pariri fuq iż-żwieġ li qatt inkitbu—il-Kelma prezzjuża tiegħu. Il-Bibbja tistaʼ “tgħallem lil min ma jafx.” (Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]) Din salvat ħafna żwiġijiet li kienu fi stat kritiku u tejbet ħafna oħrajn li kellhom problemi serji. Jalla l-koppji miżżewġin kollha jkollhom fiduċja sħiħa fil-pariri dwar iż-żwieġ li Alla Jehovah iforni. Dawn verament jirnexxu!
[Noti taʼ taħt]
a L-isem ġie mibdul.
b Xi wħud minn dawn l-aspetti ġew ittrattati f’kapitli taʼ qabel.
c It-terminu Bibliku tradott “fornikazzjoni” jinkludi atti t’adulterju, omosesswalità, bestjalità, u atti illeċti u volontarji oħrajn li jinvolvu l-użu taʼ l-organi tas-sess.
d Dan ma jinkludix sitwazzjonijiet li fihom raġel, għalkemm b’intenzjoni tajba, ma jistax jipprovdi għall-familja tiegħu għal raġunijiet li m’għandux kontroll fuqhom, bħalma huma l-mard jew in-nuqqas t’opportunitajiet għal impjieg.
DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . BIEX JIĠI EVITAT IT-TKISSIR TAʼ ŻWIEĠ?
Iż-żwieġ huwa sors kemm taʼ ferħ u kemm taʼ tribulazzjoni.—Proverbji 5:18, 19; 1 Korintin 7:28.
In-nuqqas taʼ qbil għandu jiġi ttrattat immedjatament.—Efesin 4:26.
F’diskussjoni, li tismaʼ huwa importanti daqs li titkellem.—Ġakbu 1:19.
Dak li huwa dovut fiż-żwieġ għandu jingħata bi spirtu taʼ tenerezza u nuqqas taʼ egoiżmu.—1 Korintin 7:3-5.
[Stampa f’paġna 154]
Ittratta mal-problemi malajr. Tħallix ix-xemx tinżel bik fi stat provokat