LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 13 pp. 153-162
  • Jekk iż-​Żwieġ Wasal fi Stat Kritiku

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jekk iż-​Żwieġ Wasal fi Stat Kritiku
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KUN REALISTIKU
  • NAGĦTU DAK LI HUWA DOVUT FIŻ-​ŻWIEĠ
  • IL-​BAŻIJIET BIBLIĊI GĦAL DIVORZJU
  • BAŻIJIET GĦAL SEPARAZZJONI
  • KIF ŻWIEĠ IMKISSER ĠIE SALVAT
  • Għala Għandek Tħares Lejn iż-Żwieġ Bħala li hu Sagru?
    Stenbaħ!—2004
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Onora “dak li Alla għaqqad flimkien”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 13 pp. 153-162

Kapitlu Tlettax

Jekk iż-​Żwieġ Wasal fi Stat Kritiku

1, 2. Meta żwieġ ikun taħt stress, x’mistoqsija għandna nistaqsu?

FL-​1988 mara Taljana li jisimha Lucia kienet dipressa ferm.a Wara għaxar snin iż-​żwieġ tagħha kien se jispiċċa. Ħafna drabi kienet ipprovat tasal għal rikonċiljazzjoni maʼ żewġha, imma dan sempliċement ma rnexxiex. Għalhekk isseparat minħabba inkompatibilità u issa ffaċċjat waħedha t-​trobbija taʼ żewġt ibniet. Meta tħares lura lejn dak iż-​żmien, Lucia tiftakar: “Kont ċerta li xejn ma setaʼ jsalva ż-​żwieġ tagħna.”

2 Jekk qiegħed ikollok problemi fiż-​żwieġ, tistaʼ tifhem kif ħassitha Lucia. Iż-​żwieġ tiegħek jistaʼ jkun fih l-​inkwiet u forsi qiegħed taħseb jekk jistax jiġi salvat. Jekk dan huwa l-​każ, se ssibu t’għajnuna li tikkunsidra din il-​mistoqsija: Segwejt jien il-​pariri tajbin kollha li Alla ta fil-​Bibbja biex jgħin ħalli ż-​żwieġ ikun suċċess?​—Salm 119:105.

3. Waqt li d-​divorzju sar popolari, liema reazzjoni hija rrapportata fost ħafna persuni ddivorzjati u l-​familji tagħhom?

3 Meta jkun hemm tensjoni kbira bejn ir-​raġel u l-​mara, jistaʼ jidher li l-​eħfef korsa t’azzjoni hija li wieħed itemm iż-​żwieġ. Imma, waqt li ħafna pajjiżi esperjenzaw żjieda impressjonanti taʼ familji mkissrin, studji li saru dan l-​aħħar jindikaw li persentaġġ għoli ferm taʼ rġiel u nisa ddivorzjati jiddispjaċihom bil-​firda. Numru minnhom ibatu minn iktar problemi taʼ saħħa, kemm fiżika u kemm mentali, milli jagħmlu dawk li jibqgħu miżżewġin. Il-​konfużjoni u d-​dwejjaq taʼ wlied id-​divorzju spiss idumu snin sħaħ. Il-​ġenituri u l-​ħbieb tal-​familja mkissra jsofru wkoll. U xi ngħidu għall-​mod kif Alla, l-​Oriġinatur taż-​żwieġ, iħares lejn is-​sitwazzjoni?

4. Il-​problemi fiż-​żwieġ kif għandhom jiġu ttrattati?

4 Bħalma ġie nnotat f’kapitli taʼ qabel, Alla ried li ż-​żwieġ ikun rabta sal-​mewt. (Ġenesi 2:24) Għala, allura, jitkissru daqstant żwiġijiet? Dan ma jiġrix mil-​lejl għan-​nhar. Ġeneralment ikun hemm sinjali taʼ twissija. Problemi żgħar fi żwieġ jistgħu jibqgħu jikbru sakemm jidhru li m’hemmx soluzzjoni għalihom. Imma jekk dawn il-​problemi jiġu ttrattati fil-​pront bil-​għajnuna tal-​Bibbja, jistaʼ jiġi evitat ħafna tkissir taʼ żwieġ.

KUN REALISTIKU

5. Liema sitwazzjoni realistika għandha tiġi ffaċċjata fi kwalunkwe żwieġ?

5 Element li kultant iwassal għal problemi huwa l-​istennijiet mhux realistiċi li wieħed mill-​imseħbin fiż-​żwieġ jew it-​tnejn li huma għandhom mnejn ikollhom. Rumanzi, rivisti popolari, programmi fuq it-​televixin, u films jistgħu joħolqu tamiet u ħolm li huma differenti ferm mir-​realtà tal-​ħajja. Meta dan il-​ħolm ma jseħħx, persuna tistaʼ tħossha imbroljata, mhix sodisfatta, saħansitra ddiżappuntata ferm. Kif, iżda, jistgħu tnejn min-​nies imperfetti jsibu l-​hena fiż-​żwieġ? Jeħtieġ sforz biex tinkiseb relazzjoni taʼ suċċess.

6. (a) Il-​Bibbja tagħti liema ħarsa bbilanċjata dwar iż-​żwieġ? (b) Liema huma xi raġunijiet għal nuqqas taʼ qbil fiż-​żwieġ?

6 Il-​Bibbja hija prattika. Tirrikonoxxi l-​ferħ taż-​żwieġ, imma twissi wkoll li dawk li jiżżewġu se ‘jkollhom il-​għali tal-​ġisem.’ (1 Korintin 7:​28, KŻ) Bħalma ġie nnotat diġà, iż-​żewġ imseħbin huma imperfetti u huma suxxettibbli għad-​dnub. Il-​formazzjoni mentali u emozzjonali u t-​trobbija tat-​tnejn huma differenti. Koppji kultant ma jaqblux dwar flus, tfal, u kunjati. Ħin insuffiċjenti biex jagħmlu affarijiet flimkien u problemi sesswali jistgħu wkoll ikunu sors taʼ konflitt.b Jirrikjedi ż-​żmien biex tirranġa kwistjonijiet bħal dawn, imma qawwi qalbek! Il-​biċċa l-​kbira tal-​koppji miżżewġin għandhom il-​ħila jiffaċċjaw problemi bħal dawn u flimkien isibu soluzzjonijiet aċċettabbli.

IDDISKUTI D-​DIFFERENZI

7, 8. Jekk hemm sentimenti mweġġgħin jew nuqqas taʼ ftehim bejn l-​imseħbin fiż-​żwieġ, liema huwa l-​mod Skritturali taʼ kif wieħed jittratta magħhom?

7 Ħafna jsibuha diffiċli li jibqgħu kalmi meta jiddiskutu sentimenti mweġġgħin, nuqqas taʼ ftehim, jew nuqqasijiet persunali. Minflok ma jgħid bla tlaqliq: “Inħoss li ma tifhimnix,” wieħed miżżewweġ jistaʼ jsir emozzjonali u jesaġera l-​problema. Ħafna se jgħidu: “Int minnek innifsek biss jimpurtak,” jew, “Int lanqas tħobbni.” Billi ma tkunx trid tinvolvi ruħha f’argument, il-​parti l-​oħra għandha mnejn ma tirrispondix.

8 Ikun aħjar li tagħti kas il-​parir tal-​Bibbja: “Tinkurlaw? imma tidinbux; tħallux ix-​xemx tgħib fuq il-​korla tagħkom.” (Efesin 4:26) Koppja waħda li huma kuntenti fiż-​żwieġ, meta għalqu 60 sena miżżewġin, ġew mistoqsijin x’kien is-​sigriet taż-​żwieġ li rnexxa tagħhom. Ir-​raġel qal: “Tgħallimna biex ma mmorrux norqdu mingħajr ma nirranġaw id-​differenzi, kienu kemm kienu żgħar.”

9. (a) Liema ħaġa hija identifikata fl-​Iskrittura bħala parti vitali mill-​komunikazzjoni? (b) L-​imseħbin fiż-​żwieġ x’jeħtieġu spiss li jagħmlu, saħansitra jekk dan jirrikjedi kuraġġ u umiltà?

9 Meta raġel u mara ma jaqblux, kull wieħed jeħtieġ li ‘jkun ħafif biex jismaʼ; tqil biex jitkellem; tqil biex jinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Wara li jagħtu widen b’attenzjoni, it-​tnejn li huma għandhom mnejn jaraw il-​ħtieġa li jitolbu apoloġija. (Ġakbu 5:16) Li wieħed jgħid bis-​sinċerità: “Jiddispjaċini li urtajtek,” jirrikjedi umiltà u kuraġġ. Imma li jittrattaw id-​differenzi b’din il-​manjiera se jkun effettiv ferm f’li jgħin lil koppja miżżewġa mhux biss biex isolvu l-​problemi tagħhom imma wkoll biex jiżviluppaw kordjalità u intimità li permezz tagħhom se jsibu iktar pjaċir fil-​kumpanija taʼ xulxin.

NAGĦTU DAK LI HUWA DOVUT FIŻ-​ŻWIEĠ

10. Liema protezzjoni rrikmandata minn Pawlu lil Kristjani Korintin tistaʼ tapplika għal Kristjan illum?

10 Meta l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Korintin, irrikmanda ż-​żwieġ “minħabba ż-​żina.” (1 Korintin 7:2) Id-​dinja llum hija ħażina daqs, jew saħansitra agħar minn, Korintu tal-​qedem. Is-​suġġetti immorali li n-​nies tad-​dinja jiddiskutu fil-​beraħ, il-​mod sfaċċat kif jilbsu, u l-​istejjer senswali li jkun hemm fir-​rivisti u l-​kotba, fuq it-​TV, u fil-​films, ilkoll flimkien iqanqlu l-​aptit sesswali illeċitu. Lill-​Korintin li kienu jgħixu f’ambjent simili, l-​appostlu Pawlu qalilhom: “Aħjar wieħed jiżżewweġ milli jinħaraq bil-​passjoni.”​—1 Korintin 7:9.

11, 12. (a) Ir-​raġel u l-​mara x’inhuma obbligati li jagħtu lil xulxin, u b’liema spirtu għandu jingħata? (b) Is-​sitwazzjoni kif għandha tiġi ttrattata jekk dak li huwa dovut fiż-​żwieġ ikollu jiġi sospiż temporanjament?

11 Għalhekk, il-​Bibbja tikkmanda lil Kristjani miżżewġin: “Ir-​raġel għandu jagħti lil martu li jmissha; hekk ukoll il-​mara lil żewġha.” (1 Korintin 7:3) Innota li l-​enfasi qiegħda fuq li wieħed jagħti​—mhux li jesiġi. L-​intimità fiżika fiż-​żwieġ tkun verament sodisfaċenti biss jekk kull parti tkun ikkonċernata dwar it-​tajjeb tal-​parti l-​oħra. Per eżempju, il-​Bibbja tikkmanda lill-​irġiel biex jittrattaw man-​nisa tagħhom “bil-​għaqal.” (1 Pietru 3:7) Dan huwa partikolarment veru f’li wieħed jagħti u jirċievi dak li huwa dovut fiż-​żwieġ. Jekk mara ma tiġix ittrattata b’tenerezza, tistaʼ ssibha diffiċli li tieħu gost b’dan l-​aspett taż-​żwieġ.

12 Ikun hemm drabi meta l-​imseħbin fiż-​żwieġ għandhom mnejn ikollhom iċaħħdu lil xulxin minn dak li huwa dovut fiż-​żwieġ. Dan japplika għall-​mara f’ċerti perijodi tax-​xahar jew meta tħossha għajjiena ferm. (Qabbel Levitiku 18:19.) Dan jistaʼ japplika għar-​raġel meta jkun qiegħed jittratta maʼ xi problema serja fuq ix-​xogħol u jħossu eżawrit emozzjonalment. Każi bħal dawn taʼ sospensjoni temporanja taʼ li wieħed jagħti dak li huwa dovut fiż-​żwieġ jiġu ttrattati l-​aħjar jekk iż-​żewġ imseħbin jiddiskutu s-​sitwazzjoni bla tlaqliq u jaqblu bi ‘ftehim minn qabel’ bejniethom. (1 Korintin 7:5) Dan se jżomm liż-​żewġ imseħbin milli jaslu għal konklużjonijiet żbaljati. Jekk, iżda, mara minn rajha ċċaħħad lil żewġha jew jekk raġel apposta jonqos li jagħti dak li huwa dovut fiż-​żwieġ b’mod taʼ mħabba, il-​parti l-​oħra tistaʼ tiġi esposta għat-​tentazzjoni. F’sitwazzjoni bħal din, jistgħu jqumu l-​problemi fi żwieġ.

13. Il-​Kristjani kif jistgħu jaħdmu biex iżommu l-​ħsieb tagħhom nadif?

13 Bħall-​Kristjani kollha, qaddejja miżżewġin t’Alla jridu jevitaw il-​pornografija, li tistaʼ toħloq xewqat mhux nodfa u mhux naturali. (Kolossin 3:5) Iridu wkoll jgħassu l-​ħsibijiet u l-​aġir tagħhom meta jkunu qegħdin jittrattaw mal-​membri kollha tas-​sess oppost. Ġesù wissa: “Kull min iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28) Billi japplikaw il-​parir tal-​Bibbja rigward is-​sess, koppji għandhom ikunu kapaċi jevitaw li jaqgħu f’tentazzjoni u jikkommettu adulterju. Jistgħu jkomplu jgawdu intimità li tgħaxxaq fi żwieġ li fih is-​sess jinżamm b’għożża bħala għotja bnina mingħand l-​Oriġinatur taż-​żwieġ, Jehovah.​—Proverbji 5:​15-19.

IL-​BAŻIJIET BIBLIĊI GĦAL DIVORZJU

14. Liema sitwazzjoni taʼ swied il-​qalb kultant tippreżenta lilha nfisha? Għala?

14 B’ferħ, fil-​biċċa l-​kbira taż-​żwiġijiet Kristjani, kwalunkwe problema li tinqalaʼ tistaʼ tiġi ttrattata. Kultant, iżda, dan ma jkunx il-​każ. Minħabba li l-​bnedmin huma imperfetti u jgħixu f’dinja midinba li qiegħda taħt il-​kontroll taʼ Satana, xi żwiġijiet fil-​fatt jaslu fi stat kritiku. (1 Ġwann 5:19) Il-​Kristjani kif għandhom jittrattaw maʼ sitwazzjoni taʼ prova bħal din?

15. (a) Liema hija l-​unika bażi Skritturali għal divorzju bil-​possibiltà taʼ żwieġ mill-​ġdid? (b) Xi wħud għala ddeċidew li ma jiddivorzjawx lill-​parti l-​oħra li wriet nuqqas taʼ fedeltà fiż-​żwieġ?

15 Bħalma ssemma fit-​tieni Kapitlu taʼ dan il-​ktieb, il-​fornikazzjoni hija l-​unika bażi Skritturali għal divorzju bil-​possibiltà taʼ żwieġ mill-​ġdid.c (Mattew 19:9) Jekk għandek provi ċari li l-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ qalbithielek, allura int tiffaċċja deċiżjoni diffiċli. Se tkompli biż-​żwieġ jew se titlob divorzju? M’hemmx regoli. Xi Kristjani ħafru għalkollox lill-​parti l-​oħra li tkun nidmet ġenwinament, u ż-​żwieġ ippreservat irnexxa. Oħrajn iddeċidew kontra d-​divorzju minħabba t-​tfal.

16. (a) Liema huma xi fatturi li qanqlu lil xi wħud biex jiddivorzjaw lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ li żbaljat? (b) Meta l-​parti innoċenti tiddeċiedi li tiddivorzja jew li ma tiddivorzjax, għala ħadd m’għandu jikkritika d-​deċiżjoni tagħha?

16 Mill-​banda l-​oħra, l-​att midneb setaʼ rriżulta fi tqala jew marda trażmessa sesswalment. Jew forsi t-​tfal jeħtieġ li jiġu protetti minn ġenitur abbużiv sesswalment. B’mod ċar, hemm ħafna x’wieħed jikkunsidra qabel ma tittieħed deċiżjoni. Jekk, madankollu, issir taf bin-​nuqqas taʼ fedeltà tal-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ u wara dan jerġaʼ jibda jkollok x’taqsam sesswalment mal-​parti l-​oħra, int b’hekk tindika li tkun ħfirt lill-​parti l-​oħra u tixtieq tkompli biż-​żwieġ. Bażijiet għal divorzju bil-​possibiltà Skritturali li tiżżewweġ mill-​ġdid ma jeżistux iktar. Ħadd m’għandu jindaħallek u jipprova jinfluwenza d-​deċiżjoni tiegħek, u lanqas ħadd m’għandu jikkritika d-​deċiżjoni tiegħek meta teħodha. Se jkollok tgħix bil-​konsegwenzi taʼ dak li tiddeċiedi. “Kull wieħed għandu t-​tagħbija tiegħu x’jerfaʼ.”​—Galatin 6:5.

BAŻIJIET GĦAL SEPARAZZJONI

17. Jekk m’hemm ebda fornikazzjoni, l-​Iskrittura tpoġġi liema limitazzjonijiet fuq is-​separazzjoni jew id-​divorzju?

17 Hemm xi sitwazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw separazzjoni jew possibilment divorzju minn sieħeb fiż-​żwieġ saħansitra jekk dan ma jkunx ikkommetta fornikazzjoni? Iva, imma f’każ bħal dan, Kristjan ma jkunx ħieles li jfittex persuna oħra bil-​ħsieb li jiżżewweġ mill-​ġdid. (Mattew 5:32) Il-​Bibbja, waqt li tippermetti separazzjoni bħal din, tistipula li l-​wieħed li jkun se jitlaq għandu ‘jibqaʼ bla miżżewweġ jew jerġaʼ jagħmel paċi.’ (1 Korintin 7:11) Liema huma xi sitwazzjonijiet estremi li minħabba fihom separazzjoni għandha mnejn tkun taʼ min jirrikmandaha?

18, 19. Liema huma xi ftit mis-​sitwazzjonijiet estremi li jistgħu jwasslu lil parti waħda fiż-​żwieġ biex tqis jekk hux għaqli li tieħu separazzjoni legali jew divorzju, avolja m’huwiex possibbli li terġaʼ tiżżewweġ?

18 Sewwa, il-​familja tistaʼ ssib ruħha bla sold minħabba l-​għażż daqs taʼ kelb u d-​drawwiet ħżiena tar-​raġel.d Hu għandu mnejn li d-​dħul tal-​familja jmur jilagħbu jew jużah biex ikun jistaʼ jħallas għall-​vizzju tad-​drogi jew taʼ l-​alkoħol. Il-​Bibbja tistqarr: “Jekk xi ħadd ma jiħux ħsieb . . . dawk tal-​familja tiegħu, dan ċaħad il-​fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Jekk raġel bħal dan jirrifjuta li jbiddel il-​mogħdijiet tiegħu u forsi saħansitra jiffinanzja l-​vizzji tiegħu billi jieħu l-​flus li taqlaʼ martu, il-​mara tistaʼ tagħżel li tipproteġi l-​benesseri tagħha u dak tat-​tfal tagħha billi tikseb separazzjoni legali.

19 Azzjoni legali bħal din tistaʼ wkoll tiġi kkunsidrata jekk wieħed ikun vjolenti b’mod estrem mal-​parti l-​oħra, forsi billi ripetutament isawwatha sal-​punt li s-​saħħa u saħansitra l-​ħajja jkunu fil-​periklu. Iżjed minn hekk, jekk wieħed b’mod kostanti jipprova jisforza lill-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ biex b’xi mod tikser il-​kmandi t’Alla, il-​parti mhedda tistaʼ wkoll tikkunsidra s-​separazzjoni, speċjalment jekk l-​affarijiet jaslu sal-​punt fejn il-​ħajja spiritwali tkun fil-​periklu. Il-​parti li tkun qiegħda fir-​riskju għandha mnejn tikkonkludi li l-​uniku mod biex ‘tobdi aktar lil Alla milli ’il-bnedmin’ huwa li tikseb separazzjoni legali.​—Atti 5:29.

20. (a) Fil-​każ li familja tkun fi stat kritiku, ħbieb maturi u anzjani x’jistgħu joffru, u x’m’għandhomx joffru? (b) Individwi miżżewġin m’għandhomx jużaw ir-​referenzi tal-​Bibbja għal separazzjoni u divorzju bħala skuża biex jagħmlu liema ħaġa?

20 Fil-​każi kollha t’abbuż estrem bejn koppji miżżewġin, ħadd m’għandu jagħmel pressjoni fuq il-​parti innoċenti la biex tissepara u lanqas biex tibqaʼ mal-​parti l-​oħra. Waqt li ħbieb maturi u anzjani jistgħu joffru appoġġ u pariri bbażati fuq il-​Bibbja, dawn ma jistgħux ikunu jafu d-​dettalji kollha taʼ dak li jkun għaddej bejn raġel u mara. Jehovah biss jistaʼ jarah dan. M’għandniex xi ngħidu, mara Kristjana ma tkunx qiegħda tonora l-​arranġament t’Alla taż-​żwieġ jekk tuża skużi banali biex tinħall miż-​żwieġ. Imma jekk tippersisti sitwazzjoni estremament perikoluża, ħadd m’għandu jikkritikaha jekk hi tagħżel li tissepara. Preċiżament l-​istess affarijiet jistgħu jingħadu dwar raġel Kristjan miżżewweġ li jfittex separazzjoni. “Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-​tribunal taʼ Alla.”​—Rumani 14:10.

KIF ŻWIEĠ IMKISSER ĠIE SALVAT

21. Liema esperjenza turi li l-​parir tal-​Bibbja fuq iż-​żwieġ huwa effettiv?

21 Tliet xhur wara li Lucia, li ssemmiet qabel, isseparat minn maʼ żewġha, iltaqgħet max-​Xhieda taʼ Jehovah u bdiet tistudja l-​Bibbja magħhom. “B’sorpriża kbira għalija,” tispjega hi, “il-​Bibbja forniet soluzzjonijiet prattiċi għall-​problema tiegħi. Wara biss ġimgħa waħda taʼ studju, minnufih ridt li nirranġa maʼ żewġi. Illum nistaʼ ngħid li Jehovah jaf kif isalva żwiġijiet fi kriżi għaliex it-​tagħlim tiegħu jgħin lill-​imseħbin fiż-​żwieġ jitgħallmu kif jistmaw lil xulxin. M’huwiex veru, bħalma jsostnu xi wħud, li x-​Xhieda taʼ Jehovah jifirdu l-​familji. Fil-​każ tiegħi, ġara preċiż l-​oppost.” Lucia tgħallmet tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja f’ħajjitha.

22. Il-​koppji miżżewġin kollha f’liema ħaġa għandhom ikollhom fiduċja?

22 Lucia m’hijiex eċċezzjoni. Iż-​żwieġ għandu jkun barka, mhux piż. Għal dak l-​għan, Jehovah ipprovda l-​aqwa sors taʼ pariri fuq iż-​żwieġ li qatt inkitbu​—il-​Kelma prezzjuża tiegħu. Il-​Bibbja tistaʼ “tgħallem lil min ma jafx.” (Salm 19:​8-12 [19:​7-11, NW]) Din salvat ħafna żwiġijiet li kienu fi stat kritiku u tejbet ħafna oħrajn li kellhom problemi serji. Jalla l-​koppji miżżewġin kollha jkollhom fiduċja sħiħa fil-​pariri dwar iż-​żwieġ li Alla Jehovah iforni. Dawn verament jirnexxu!

[Noti taʼ taħt]

a L-isem ġie mibdul.

b Xi wħud minn dawn l-​aspetti ġew ittrattati f’kapitli taʼ qabel.

c It-terminu Bibliku tradott “fornikazzjoni” jinkludi atti t’adulterju, omosesswalità, bestjalità, u atti illeċti u volontarji oħrajn li jinvolvu l-​użu taʼ l-​organi tas-​sess.

d Dan ma jinkludix sitwazzjonijiet li fihom raġel, għalkemm b’intenzjoni tajba, ma jistax jipprovdi għall-​familja tiegħu għal raġunijiet li m’għandux kontroll fuqhom, bħalma huma l-​mard jew in-​nuqqas t’opportunitajiet għal impjieg.

DAWN IL-​PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . BIEX JIĠI EVITAT IT-​TKISSIR TAʼ ŻWIEĠ?

Iż-​żwieġ huwa sors kemm taʼ ferħ u kemm taʼ tribulazzjoni.​—Proverbji 5:​18, 19; 1 Korintin 7:28.

In-​nuqqas taʼ qbil għandu jiġi ttrattat immedjatament.​—Efesin 4:26.

F’diskussjoni, li tismaʼ huwa importanti daqs li titkellem.​—Ġakbu 1:19.

Dak li huwa dovut fiż-​żwieġ għandu jingħata bi spirtu taʼ tenerezza u nuqqas taʼ egoiżmu.​—1 Korintin 7:​3-5.

[Stampa f’paġna 154]

Ittratta mal-​problemi malajr. Tħallix ix-​xemx tinżel bik fi stat provokat

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja