Kif Tikkultiva Ħarsa Bilanċjata Lejn ix-Xogħol
FID-DINJA taʼ llum mimlija pressjoni minħabba s-swieq globali, il-kompetizzjoni ħarxa, u l-produzzjoni bil-massa, ħafna nies ma jħarsux ’il quddiem li jmorru għax-xogħol x’ħin tibda l-ġurnata. Madankollu, suppost li nieħdu pjaċir b’xogħolna. Għala? Għar-raġuni li aħna ġejna maħluqin fix-xbieha t’Alla—u Alla jieħu pjaċir b’xogħlu. Per eżempju, meta ra x’kien għamel wara s-sitt “ijiem”, jew perijodi twal, taʼ ħolqien, “ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna,” jgħid Ġenesi 1:31.
M’hemmx dubju li l-imħabba li Jehovah għandu għax-xogħol hija waħda mir-raġunijiet għala jissejjaħ “Alla l-imbierek, [“hieni,” NW].” (1 Timotju 1:11) Ma jagħmilx sens, mela, li iktar ma nimitawh, iktar għandna nsiru ferħanin? Dwar dan, is-Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-qedem, bennej u organizzatur prim, kiteb: “Imqar li wieħed jiekol u jixrob, u jithenna f’xogħlu, hi għotja t’Alla.”—Ekkleżjażti 3:13, Karm Żammit.
Il-post tax-xogħol illum qiegħed jinbidel mil-lejl għan-nhar u tistaʼ tkun sfida li wieħed jikkultiva ħarsa lejn ix-xogħol li tkun bilanċjata u taʼ benefiċċju moralment. Imma Alla Jehovah ibierek lil dawk li jagħtu kas id-direzzjonijiet tiegħu kollhom imħabba. (Salm 119:99, 100) Uħud bħal dawn isiru ħaddiema imprezzabbli u taʼ min jafdahom, u għalhekk ikollhom inqas ċans li jitilfu l-impjieg tagħhom. Jitgħallmu wkoll iħarsu lejn il-ħajja u x-xogħol tagħhom mhux biss mill-aspett materjali imma wkoll minn dak spiritwali. Dan jgħinhom biex jieħdu deċiżjonijiet taʼ responsabbiltà fil-ħajja u biex jirrealizzaw li l-kuntentizza u s-sens taʼ sigurtà m’humiex marbutin maʼ l-impjieg tagħhom jew inkella mas-suq tax-xogħol li taʼ spiss ma tistax torbot fuqu. (Mattew 6:31-33; 1 Korintin 2:14, 15) Dan jgħinhom ukoll biex jikkultivaw etika tax-xogħol tassew bilanċjata.
Ikkultiva Etika tax-Xogħol li Togħġob lil Alla
Hemm xi nies li huma ffissati fuq ix-xogħol u għalihom dan jiġi l-ewwel u qabel kollox. Oħrajn ma jarawx il-mument li tispiċċa l-ġurnata ħalli jżarmaw u jmorru lejn id-dar. Liema hi l-ħarsa bilanċjata? Il-Bibbja twieġeb: “Aħjar id waħda mimlija u fil-mistrieħ, milli tnejn imfawra u fit-taħbit, u l-ġiri wara r-riħ.” (Koħèlet 4:6) Fil-fatt, meta naħdmu żżejjed jew għal ħin twil wisq, inkunu qegħdin nagħmlu iktar ħsara milli ġid. Inkunu qed naħlu l-ħin f’“ġiri wara r-riħ.” Għala? Għax nispiċċaw biex nagħmlu l-ħsara lil dawk l-affarijiet li fil-fatt iġibulna l-akbar ferħ: ir-relazzjoni tagħna mal-familja u l-ħbieb, l-ispiritwalità tagħna, saħħitna, u anki t-tul taʼ ħajjitna. (1 Timotju 6:9, 10) Il-ħarsa bilanċjata hi li nkunu kuntenti b’inqas gwadann materjali u fl-istess ħin ingawdu kemm jistaʼ jkun il-paċi. X’inhu l-aħjar, hekk jew inkella li jkollna idejna t-tnejn imfawra bix-xogħol u ħajja mimlija ġlied u miżerja?
Filwaqt li tinkuraġġixxi din il-ħarsa bilanċjata, il-Bibbja m’hijiex qed taqbel maʼ l-għażż. (Proverbji 20:4) L-għażż jherri bil-mod il-mod ir-rispett lejna nfusna u r-rispett li ħaddieħor jistaʼ jkollu lejna. Agħar minn hekk, jagħmel ħsara lir-relazzjoni tagħna m’Alla. Il-Bibbja tgħid bla tlaqliq li l-bniedem li jirrifjuta li jaħdem ma jistħoqqlux jiekol minn fuq dahar ħaddieħor. (2 Tessalonikin 3:10) Minflok, hu għandu jbiddel triqatu u jaħdem iebes, biex b’hekk jaqlaʼ l-għajxien b’mod onorabbli għalih u għal dawk li jiddependu minnu. Bix-xogħol iebes ikun jistaʼ saħansitra jgħin lil min hu tassew fil-bżonn—xi ħaġa li l-Bibbja tinkuraġġina nagħmlu.—Proverbji 21:25, 26; Efesin 4:28.
Imħarrġin mit-Tfulija biex Jistmaw ix-Xogħol
Drawwiet tajba taʼ xogħol ma jiġux b’kumbinazzjoni; trid titgħallimhom minn meta tkun għadek żgħir. Għalhekk, il-Bibbja tħeġġeġ lill-ġenituri: “Ħarreġ tifel [jew tifla] jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” (Proverbji 22:6) Minbarra li jagħtu eżempju tajjeb huma stess bħala ħaddiema, ġenituri għaqlin jibdew iħarrġu liż-żgħar tagħhom billi jqabbduhom xi faċendi fid-dar skond l-età tagħhom. Avolja t-tfal jistgħu jqarrsu wiċċhom x’ħin tqabbadhom xi ħaġa, maż-żmien jibdew iqisu lilhom infushom bħala membri utli tal-familja—speċjalment meta l-omm u l-missier ifaħħruhom għal xi biċċa xogħol tajba li jkunu għamlu. Sfortunatament, xi ġenituri lanqas iħallu lil uliedhom imissu xejn u jagħmlulhom kollox huma, mingħalihom li b’hekk ikunu qed iħobbuhom. Ikun aħjar jekk ġenituri bħal dawn jirriflettu fuq dak li jgħid Qwiel 29:21: “Min ifissed minn tfulitu l-qaddej [jew lit-tfal], fl-aħħar ikollu biex jagħli.”—Saydon.
Ġenituri responsabbli jieħdu wkoll interess kbir fl-edukazzjoni taʼ wliedhom, u jħeġġuhom biex jitgħallmu u jistinkaw waqt li għadhom l-iskola. Dan ikun jiswielhom ’il quddiem meta jasal iż-żmien li joħorġu jaħdmu.
Kun Għaqli fix-Xogħol li Tagħżel
Filwaqt li ma tgħidilniex x’tip taʼ xogħol għandna nagħżlu, il-Bibbja tagħtina gwida mill-aħjar sabiex ma nipperikolawx l-avanz spiritwali tagħna, is-servizz tagħna lejn Alla, u xi responsabbiltajiet importanti oħra li jistaʼ jkollna. Per eżempju, l-appostlu Pawlu kiteb: “Iż-żmien qsar. Ħa jkunu, mela, dawk . . . li jgawdu d-dinja, bħallikieku ma jgawduhiex: għax is-sura taʼ din id-dinja għad tgħaddi!” (1 Korintin 7:29-31) M’hemm xejn permanenti jew stabbli għalkollox f’din is-sistema preżenti. Jekk nagħtuha l-ħin u l-enerġija kollha tagħna, inkunu qisna qed ninvestu flusna kollha f’dar mibnija f’żona li tintlaqat mill-għargħar. X’investiment bla għaqal inkunu għamilna!
Bibbji oħra jittraduċu l-frażi “ma jgawduhiex” bħala li “ma jintilfux warajha” jew “ma jedhewx għalkollox fiha.” (The Jerusalem Bible; Today’s English Version) Nies bil-għaqal ma jinsew qatt il-fatt li ż-żmien “qsar” għas-sistema preżenti u li jekk ‘tintilef,’ jew ‘tedha għalkollox’ fiha se jwassal bla ebda dubju għal diżappunt u dispjaċir.—1 Ġwann 2:15-17.
‘Alla Mhux Se Jitilqek’
Jehovah jaf x’inhuma l-bżonnijiet tagħna saħansitra iktar milli nafu aħna. Hu jaf ukoll f’liema żmien ninsabu fit-twettiq taʼ l-iskop tiegħu. Għalhekk ifakkarna: “Tkunux mogħtija għar-regħba tal-flus; kunu kuntenti b’dak li għandkom, għax Alla stess qal: ‘Jien m’iniex se nħallik, anqas nitilqek.’” (Lhud 13:5) Kemm huwa taʼ faraġ dan il-kliem! Alla jħobb u jimpurtah min-nies tiegħu, u l-istess għamel Ġesù meta kien fuq l-art. Hu ddedika parti mhux ħażin mill-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu liema hi l-ħarsa xierqa lejn ix-xogħol u lejn l-affarijiet materjali.—Mattew 6:19-33.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex jagħtu kas dan it-tagħlim. Per eżempju, meta l-imgħallem għamel proposta lil wieħed Xhud, li kien jaħdem fid-dawl, biex jibda jagħmel is-sahra regolarment, dan l-impjegat m’aċċettax. Għala? Għax ma riedx li x-xogħol sekulari tiegħu jiħodlu mill-ħin li kien jiddedika għall-familja tiegħu u għall-affarijiet spiritwali. Peress li kien ħaddiem mill-aqwa u taʼ min jafdah, l-imgħallem irrispetta x-xewqat tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, mhux dejjem hekk jiġri, u jistaʼ jagħti l-każ li dak li jkun ikollu jfittex xogħol ieħor sabiex iżomm stil bilanċjat taʼ ħajja. Madankollu, dawk li jpoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom f’Jehovah ġeneralment isibu li minħabba l-kondotta tajba tagħhom u l-etika li juru fuq ix-xogħol, l-imgħallem tagħhom ikun kuntent bihom.—Proverbji 3:5, 6.
Meta x-Xogħol Kollu Se Jkun Premjanti
F’din is-sistema imperfetta li ninsabu fiha, ix-xogħol u l-prospetti taʼ xogħol qatt m’huma se jkunu ħielsa mill-problemi u l-inċertezzi. Fil-fatt, l-affarijiet jistgħu jmorru għall-agħar iktar ma d-dinja ssir instabbli u l-ekonomiji jibdew telgħin u neżlin jew saħansitra jfallu. Imma din is-sitwazzjoni hija temporanja. Dalwaqt, ħadd ma se jkun bla xogħol. Iktar minn hekk, ix-xogħol kollu se jkun wieħed li titpaxxa bih u li jġiblek sodisfazzjon kbir. Dan kif se jkun possibbli? Liema ħaġa se ġġib bidla bħal din?
Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, Jehovah ipponta ’l quddiem lejn żmien bħal dan. “Se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida,” qal Jehovah, u “ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.” (Isaija 65:17) Hu kien qed jitkellem dwar il-gvern ġdid tiegħu, u taħt dan il-gvern, soċjetà umana totalment ġdida u differenti se ssir realtà.—Danjel 2:44.
Rigward il-mod kif in-nies se jgħixu u jaħdmu f’dak iż-żmien, il-profezija tkompli: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar, u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom. Ma jitħabtux għal xejn u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem, għax ikunu nisel imbierek mill-Mulej, u hekk ukoll uliedhom.”—Isaija 65:21-23.
X’differenza se tagħmel dik id-dinja l-ġdida li Alla fassal! Tixtieq int tgħix f’dinja bħal din, li fiha ‘ma titħabatx għalxejn’ imma tgawdi bis-sħiħ il-‘frott’ taʼ xogħol idejk? Innota, iżda, min se jgawdi barkiet bħal dawn. Dawn se jkunu “nisel imbierek mill-Mulej.” Int tistaʼ tkun parti minn dan in-“nisel imbierek” billi titgħallem dwar Jehovah u twettaq dak li qed jitlob minnek. Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma lesti li minn qalbhom jgħinuk tikseb dan l-għarfien li jagħti l-ħajja billi joffrulek studju regulari tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
[Kaxxa f’Paġna 6]
“HUMA MFITTXIJIN ĦAFNA”
“Kull ma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin,” tgħid il-Bibbja. (Kolossin 3:23) M’għandniex xi ngħidu, wieħed li juri etika fuq ix-xogħol ibbażata fuq dan il-prinċipju mill-aħjar, żgur li jkun ħaddiem li kulħadd jixtieq iħaddmu miegħu. Għal din ir-raġuni, J. J. Luna, fil-ktieb tiegħu How to Be Invisible, jagħti parir lil dawk li jridu jħaddmu lil xi impjegati magħhom biex ifittxu membri attivi taʼ ċerti gruppi reliġjużi, imma mbagħad iżid: “Fir-realtà, ġeneralment nispiċċaw inħaddmu lix-Xhieda [taʼ Jehovah].” Fost ir-raġunijiet li jagħti hemm li x-Xhieda huma magħrufin ħafna għall-onestà tagħhom, u minħabba dan “huma mfittxijin ħafna” f’diversi oqsma taʼ xogħol.
[Stampi f’paġna 5]
Li ssib bilanċ bejn ix-xogħol u l-attivitajiet spiritwali u r-rikreazzjoni jġib sodisfazzjon