Ferħ Veru f’li Naqdu lil Jehovah
“Hieni hu dak li għandu lil dak Alla taʼ Ġakobb għall-għajnuna tiegħu, li t-tama tiegħu hi f’Jehovah Alla tiegħu.”—SALM 146:5.
1, 2. X’intqal dwar id-definizzjoni tal-ferħ, u x’ifisser il-ferħ għal ħafna nies illum?
X’INHU l-ferħ? Kittieba taʼ dizzjunarji, filosfi, u teoloġi ilhom jipprovaw jagħtu definizzjoni tiegħu għal sekli sħaħ. Imma huma ma pprovdewx definizzjoni li tikseb l-approvazzjoni unanima. L-Encyclopœdia Britannica tammetti: “‘Ferħ hija waħda mill-iktar kelmiet li jqarrqu bik.” Ferħ milli jidher ifisser affarijiet differenti għal nies differenti, jiddependi fuq il-ħarsa tagħhom lejn il-ħajja.
2 Għal ħafna nies il-ferħ jiddependi fuq saħħa tajba, ġid materjali, u sħubija pjaċevoli. Madankollu, hemm nies li għandhom dak kollu imma m’humiex kuntenti. Għal irġiel u nisa ddedikati lil Alla Jehovah, il-Bibbja tipprovdi kunċett taʼ ferħ li hu differenti mhux ħażin mill-ħarsa ġenerali.
Ħarsa Differenti tal-Ferħ
3, 4. (a) Ġesù lil min ippronunzja henjin? (b) X’jistaʼ jiġi nnotat rigward il-fatturi tal-ferħ li semma Ġesù?
3 Fil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, Ġesù Kristu ma qalx li l-ferħ jiddependi fuq saħħa tajba, ġid materjali, u affarijiet hekk. Hu ppronunzja verament henjin lil “dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom” u dawk “bil-ġuħ u bil-għatx għat-tjieba”. Marbuta maʼ dawn iż-żewġ fatturi meħtieġa għall-ferħ veru hemm l-istqarrija li tidher kontradittorja taʼ Ġesù: “Henjin dawk bil-vistu, ladarba se jitfarrġu.” (Mattew 5:3-6) Ovvjament, Ġesù ma kienx qed igħid li n-nies se jkunu awtomatikament henjin meta jitilfu lil xi maħbubin tagħhom. Minflok, hu kien qed jitkellem dwar dawk li jitnikktu minħabba l-istat midneb tagħhom u l-konsegwenzi tiegħu.
4 L-appostlu Pawlu tkellem dwar il-ħolqien uman li jokrob taħt id-dnub fuq il-bażi tat-tama li hu kien se “jinħeles mill-jasar għall-korruzzjoni.” (Rumani 8:21, 22) Bnedmin li jaċċettaw il-provvediment taʼ Jehovah li jpatti għad-dnub permezz tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Kristu u li jagħmlu r-rieda t’Alla huma verament imfarrġin u jintgħamlu henjin. (Rumani 4:6-8) Fil-Priedka fuq il-Muntanja, Ġesù ppronunzja wkoll henjin lill-“kalmi,” “dawk li mimlijin ħniena,” “il-puri fil-qalb,” u “dawk li jġibu l-paċi.” Hu ta l-assiguranza li saħansitra jekk ippersegwitati, uħud ġwejdin bħal dawn ma kinux se jitilfu l-ferħ tagħhom. (Mattew 5:5-11) Huwa taʼ interess li tinnota li dawn il-fatturi elevati għall-ferħ ipoġġu lis-sinjuri u lill-fqar fuq livell indaqs.
Il-Bażi għal Ferħ Veru
5. X’inhi l-bażi tal-ferħ tal-qaddejja ddedikati t’Alla?
5 Is-sors tal-ferħ veru ma jinstabx f’ġid materjali. Il-għaref Sultan Salamun qal: “Il-barka taʼ Jehovah—dik hi li tagħmel għani, u hu ma jżid ebda wġigħ magħha.” (Proverbji 10:22) Għal ħlejjaq li jirrikonoxxu s-sovranità universali taʼ Jehovah, il-ferħ huwa b’mod inseparabbli relatat mal-barka t’Alla. Il-persuna ddedikata li għandha u li tħoss il-barka taʼ Jehovah fuqha hi verament hienja. Mill-ħarsa tal-Bibbja, il-ferħ jinvolvi sens taʼ kuntentizza, sodisfazzjon, u twettieq fis-servizz taʼ Jehovah.
6. X’inhu meħtieġ min-nies taʼ Jehovah biex huma jkunu verament henjin?
6 Il-ferħ veru jiddependi minn relazzjoni tajba maʼ Jehovah. Huwa bbażat fuq imħabba għal Alla u fedeltà lejh. Il-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah jaqblu b’qalbhom kollha mal-kelmiet taʼ Pawlu: “Ħadd minna, fil-fatt, ma jgħix rigward lilu nnifsu biss. . .Aħna ngħixu għal Jehovah. . .Aħna nappartjenu lil Jehovah.” (Rumani 14:7, 8) Għalhekk, il-ferħ veru ma jistax jinkiseb mingħajr ubbidjenza lejn Jehovah u mingħajr sottomissjoni bil-ferħ lejn ir-rieda tiegħu. Ġesù qal: “Henjin huma dawk li qegħdin jisimgħu l-kelma t’Alla u qegħdin iżommuha!”—Luqa 11:28.
Fatturi Varjabbli tal-Ferħ
7, 8. (a) Il-fatturi tal-ferħ kif jistgħu jiġu kklassifikati? (b) X’jistaʼ jingħad dwar iż-żwieġ u li jkollok it-tfal?
7 Il-fatturi għall-ferħ li semmejna jistgħu jissejħu “bażiċi,” jew “kostanti,” għaliex huma validi għall-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah f’kull waqt. Minbarra dan, hemm dawk li jistgħu jissejħu fatturi varjabbli, li jistgħu jirriżultaw fil-ferħ f’xi żmien imma fi ftit li xejn jew f’xejn affattu f’xi żmien ieħor. Fil-perijodi tal-patrijarki u taʼ qabel il-Kristjanità, iż-żwieġ u li jkollhom it-tfal kienu meqjusin indispensabbli għall-ferħ. Dan jidher mill-appell li jniggeż taʼ Rakele lil Ġakobb: “Agħtini tfal jew inkella se nkun mara mejta.” (Ġenesi 30:1) Din l-attitudni lejn li jkollhom it-tfal kienet taqbel mal-iskop taʼ Jehovah għal dak il-perijodu.—Ġenesi 13:14-16; 22:17.
8 Iż-żwieġ u li jkollhom it-tfal kienu meqjusin bħala barkiet mogħtijin minn Alla fost il-poplu taʼ Jehovah taʼ żminijiet bikrin. Madankollu, in-niket kien assoċjat maʼ dawn u maʼ ċirkostanzi oħrajn matul perijodi taʼ gwaj fl-istorja tagħhom. (Qabbel Salm 127, 128 maʼ Ġeremija 6:12; 11:22; Biki taʼ Ġeremija 2:19; 4:4, 5.) Huwa, għalhekk, evidenti li ż-żwieġ u li jkollok it-tfal m’humiex fatturi għall-ferħ permanenti.
Ferħ mingħajr Żwieġ fil-Passat
9. Bint Ġefta għala rċeviet tifħir kull sena?
9 Ħafna mill-qaddejja t’Alla sabu ferħ veru fil-passat mingħajr żwieġ. B’rispett lejn il-wegħda taʼ missierha, bint Ġefta baqgħet ma żżewġitx. Għal xi żmien hi u sħabha t-tfajliet bkew dwar il-verġinità tagħha. Imma x’ferħ ġarrbet taqdi full time fid-dar taʼ Jehovah, forsi fost “il-qaddejja nisa li għamlu servizz organizzat fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa”! (Eżodu 38:8) Għal dan, hi ġiet imfaħħra kull sena.—Imħallfin 11:37-40.
10. Jehovah x’irrikjeda minn Ġeremija, u jidher dan li għadda ħajja mdejqa bħala riżultat?
10 Minħabba ż-żminijiet drammatiċi li kien igħix fihom il-profeta Ġeremija, Alla rrikjeda minnu li hu ma jiżżewwiġx u ma jrabbix tfal. (Ġeremija 16:1-4) Imma Ġeremija ġarrab kemm hu veru l-kliem t’Alla: “Imbierek hu r-raġel b’saħħtu li jpoġġi l-fiduċja tiegħu tiegħu f’Jehovah, u li Jehovah sar il-fiduċja tiegħu.” (Ġeremija 17:7) Matul iktar minn 40 sena taʼ servizz profetiku, Ġeremija qeda lil Alla bil-fedeltà bħala ġuvni. Sa fejn nafu aħna, hu qatt ma żżewweġ u kellu t-tfal. Madankollu, min jistaʼ jiddubita li Ġeremija kien hieni, bħall-fdal Lhudi leali li ‘saru jiddu bil-ferħ minħabba t-tjieba taʼ Jehovah’?—Ġeremija 31:12.
11. Liema huma xi eżempji Skritturali taʼ qaddejja leali taʼ Jehovah li kienu henjin għalkemm ma kellhomx sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ?
11 Ħafna nies oħrajn qdew lil Jehovah bil-ferħ mingħajr sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ. Huma jew baqgħu ma żżewġux, jew romlu. Fosthom kien hemm il-profetessa Anna; probabbli Dorkas, jew Tabita; l-appostlu Pawlu; u l-aqwa eżempju fosthom ilkoll—Ġesù Kristu.
Mhux Miżżewġin imma Henjin Illum
12. Xi wħud mill-qaddejja taʼ Jehovah dedikati u henjin għal liema ħaġa għamlu wisgħa illum, u għala?
12 Illum, eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jaqdu bil-fedeltà lil Alla mingħajr sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ. Xi wħud kienu kapaċi jaċċettaw l-istedina taʼ Ġesù: “Ħalli min jistaʼ jagħmel il-wisgħa għalih [ir-rigal taċ-ċelibat] jagħmel wisgħa għalih.” Huma għamlu dan “minħabba s-saltna tas-smewwiet.” (Mattew 19:11, 12) Jiġifieri, poġġew il-libertà li tahom Alla għal użu tajjeb billi ddedikaw iktar ħin u enerġija biex javvanzaw l-interessi tas-Saltna. Ħafna minnhom qegħdin jaqdu bħala pijunieri, missjunarji, jew membri tal-familja Betel fil-kwartieri ġenerali dinjin tal-Watch Tower Society jew f’xi waħda mill-fergħat tagħha.
13. Liema eżempji juru li Kristjan jistaʼ jibqaʼ ma jiżżewwiġx u jkun hieni?
13 Waħda oħt għażiża fiż-żmien irrakkontat l-istorja taʼ ħajjitha taħt it-titlu indikattiv “Mhux Miżżewġa u Hienja bħala Pijuniera.” (The Watchtower, 1 taʼ Mejju, 1985, paġni 23-6) Oħt oħra mhix miżżewġa li qattgħet ’il fuq minn 50 sena taqdi f’Betel stqarret: “Jiena sodisfatta għalkollox b’ħajti u bix-xogħol li nħobb bi-għożża. M’għandix dispjaċiri. Jien kont nerġaʼ nieħu l-istess deċiżjoni.”—The Watchtower, 15 taʼ Ġunju, 1982, paġna 15.
14, 15. (a) Skond l-appostlu Pawlu, x’inhu neċessarju sabiex tibqaʼ ma tiżżewwiġx? (b) Pawlu għala jgħid li min maʼ jiżżewwiġx jagħmel “aħjar” u “hu iżjed hieni”?
14 Innota l-kelma “deċiżjoni”. Pawlu kiteb: “Jekk xi ħadd qiegħed sewwa f’qalbu, billi m’għandu ebda neċessità, imma għandu awtorità fuq ir-rieda tiegħu stess u għamel din id-deċiżjoni f’qalbu stess, biex iżomm il-verġinità tiegħu stess, se jagħmel sewwa. Għaldaqstant dak ukoll li jagħti l-verġinità tiegħu fiż-żwieġ jagħmel sewwa, imma dak li ma jagħtihiex fiż-żwieġ se jagħmel aħjar.” (1 Korintin 7:37, 38) Għala “aħjar”? Pawlu spjega: “Irridkom tkunu ħielsa mill-anzjetà. Ir-raġel li mhux miżżewweġ hu anzjuż għall-affarijiet tal-Mulej, kif hu jistaʼ jikseb l-approvazzjoni persunali tal-Mulej. . .. Jerġaʼ, il-mara mhix miżżewġa, u l-verġni, hi anzjuża għall-affarijiet tal-Mulej. . .Imma dan qiegħed ingħidu għall-vantaġġ persunali tagħkom, . . . biex inqanqalkom għal dak li jixraq u dak li jfisser attendenza l-ħin kollu fuq il-Mulej mingħajr tfixkil.”—1 Korintin 7:32-35.
15 Hija “attendenza l-ħin kollu fuq il-Mulej mingħajr tfixkil” bil-ħsieb li ‘taqlaʼ l-approvazzjoni tal-Mulej’ relatata mal-ferħ Milli jidher Pawlu hekk kien jaħseb. Waqt li tkellem dwar armla Kristjana, hu qal: “Hi ħielsa li tiżżewweġ lil min trid hi, biss fil-Mulej. Imma hi iktar hienja jekk tibqaʼ kif inhi, skond l-opinjoni tiegħi. Jien ċertament naħseb li jien ukoll għandi l-ispirtu t’Alla.”—1 Korintin 7:39, 40.
Vantaġġi tal-Istat taʼ Ċelibat
16. Liema huma xi vantaġġi gawduti minn Xhieda taʼ Jehovah mhux miżżewġin?
16 Kemm jekk Kristjan baqaʼ maʼ żżewwiġx minħabba deċiżjoni persunali jew sforz iċ—ċirkostanzi, l-istat taʼ ċelibat iġib miegħu ħafna vantaġġi persunali. Persuni mhux miżżewġin ġeneralment għandhom iżjed ħin biex jistudjaw il-Kelma t’Alla u jimmeditaw fuqha. Jekk huma jieħdu vantaġġ minn din iċ-ċirkostanza, l-ispiritwalità tagħhom tikber. Billi m’għandhomx sieħeb jew sieħba maʼ min jaqsmu l-problemi tagħhom, ħafna jitgħallmu jistrieħu iżjed bis-sħiħ fuq Jehovah u jfittxu d-direzzjoni tiegħu fl-affarijiet kollha. (Salm 37:5) Dan igħin biex iġib relazzjoni iżjed mill-qrib maʼ Jehovah.
17, 18. (a) Liema opportunitajiet għal iżjed servizz tal-għalqa huma disponibbli għal qaddejja taʼ Jehovah li m’humiex miżżewġin? (b) Xi qaddejja taʼ Jehovah mhux miżżewġin kif iddeskrivew il-ferħ tagħhom?
17 Kristjani mhux miżżewġin għandhom opportunitajiet għal iżjed servizz tal-għalqa għat-tifħir taʼ Jehovah. It-taħriġ speċjali li qed jingħata issa fl-Iskola taʼ Taħriġ Ministerjali huwa llimitat lil aħwa rġiel mhux miżżewġin jew romol. Aħwa nisa mhux miżżewġin ukoll huma iżjed liberi biex jimmiraw għal privileġġi fis-servizz t’Alla. L-oħt avvanzata fl-età li semmejna qabel ivvolontarjat biex taqdi f’art Afrikana meta, biex nikkwotaw lilha, hi kienet “mara xi ftit fraġli taʼ iktar minn 50 sena.” U hi baqgħet hemm, saħansitra matul projbizzjoni, meta l-missjunarji kollha ġew imkeċċijin. Hi għadha taqdi hemm bħala pijuniera, għalkemm issa għandha ’l fuq minn 80 sena. Ferħana hi? Fl-istorja taʼ ħajjitha kitbet: “Kont nistaʼ nuża l-libertà miżjuda u l-mobilità li ċ-ċelibat jippermetti biex inżomm attiva fil-ministeru, u dan ġabli ferħ kbir. . .. Matul is-snin ir-relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah kibret. Bħala mara mhix miżżewġa f’art Afrikana, rajtu bħala Protettur.”
18 Notevoli, ukoll, hu l-kliem taʼ ħu li qeda fil-kwartieri ġenerali tal-Watch Tower Society għal għaxriet taʼ snin. Hu kien hieni, għalkemm baqaʼ ma żżewwiġx u għalkemm kellu t-tama tas-sema mingħajr ebda prospett taʼ żwieġ. Fl-età taʼ 79, hu kiteb: “Kuljum nitlob lill-għażiż Missierna tas-sema għall-għajnuna u l-għerf biex inżomm lili nnifsi spiritwalment kif ukoll fiżikament b’saħħti u sod sabiex inkompli nagħmel ir-rieda qaddisa tiegħu. Matul dawn l-aħħar disgħa u erbgħin sena fis-servizz taʼ Jehovah jien tassew gawdejt mod taʼ ħajja hienja, premjanti u mbierka. U bil-ħniena mhix mistħoqqa taʼ Jehovah qed inħares ’il quddiem lejn servizz kontinwu għall-unur u l-glorja tiegħu u għall-barka tal poplu tiegħu. . . [Il-]ferħ taʼ Jehovah igħinni biex nibqaʼ fil-ġlieda t-tajba tal-fidi, billi nħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta l-għedewwa taʼ Jehovah ikunu spiċċaw u l-art kollha tkun mimlija bil-glorja tiegħu.”—Numri 14:21; Neħemija 8:10; The Watchtower, 15 taʼ Novembru, 1968, paġni 699-702.
Fuqiex Jiddependi l-Ferħ Veru?
19. Il-ferħ tagħna fuq liema ħaġa se jiddependi dejjem?
19 Ir-relazzjoni prezzjuża tagħna maʼ Jehovah, l-approvazzjoni tiegħu, u l-barka tiegħu—dawn huma fatturi li se jġibulna l-ferħ veru matul l-eternità. B’din il-ħarsa xierqa fuq x’jipproduċi ferħ ġenwin, saħansitra qaddejja taʼ Jehovah li huma miżżewġin jirrealizzaw li ż-żwieġ tagħhom m’huwiex l-iktar ħaġa importanti fil-ħajjiet tagħhom. Huma jagħtu kas tal-parir tal-appostlu Pawlu: “Dan ingħid, l-aħwa, iż-żmien li fadal hu mnaqqas. Minn issa ’l quddiem ħalli dawk li għandhom nisa jkunu bħal li kieku ma kellhomx.” (1 Korintin 7:29) Dan ma jfissirx li jittraskuraw lin-nisa tagħhom. Irġiel miżżewġin Kristjani maturi jpoġġu s-servizz taʼ Jehovah l-ewwel, u hekk jagħmlu n-nisa tagħhom taʼ tjieba, taʼ mħabba, u li jagħtuhom l-appoġġ tagħhom, billi xi wħud minnhom saħansitra jaqdu full time bħala mseħbin taʼ żwieġhom.—Proverbji 31:10-12, 28; Mattew 6:33.
20. Ħafna Kristjani liema attitudni xierqa għandhom lejn i-privileġġi tagħhom taż-żwieġ?
20 Aħwa rġiel miżżewġin li huma indokraturi li jivvjaġġaw, voluntieri f’Betel, anzjani tal-kongregazzjoni—tabilħaqq, il-Kristjani miżżewġin kollha li jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel—ma ‘jużawx lid-dinja bis-sħiħ’; huma jaħdmu biex jiffittjaw il-privileġġi taż-żwieġ tagħhom fil-ħajja ddedikata tagħhom taʼ servizz lil Jehovah. (1 Korintin 7:31) Madankollu, huma henjin. Għala? Għaliex ir-raġuni ewlenija għall-ferħ tagħhom mhix iż-żwieġ tagħhom imma s-servizz tagħhom lil Jehovah. U ħafna rġiel u nisa miżżewġin leali—iva, u t-tfal tagħhom ukoll—huma henjin li jridu jagħmlu hekk.
21, 22. (a) Fuq il-bażi taʼ Ġeremija 9:23, 24, x’għandu jimliena bil-ferħ? (b) Liema fatturi tal-ferħ huma msemmijin fi Proverbji 3:13-18?
21 Il-profeta Ġeremija kiteb: “Dan hu dak li qal Jehovah: ‘Ħalli l-bniedem għaref ma jiftaħarx bih innifsu minħabba fil-għerf tiegħu, u ħalli l-bniedem setgħani ma jiftaħarx bih innifsu minħabba fis-setgħa tiegħu. Ħalli l-bniedem għani ma jiftaħarx bih innifsu minħabba fir-rikkezzi tiegħu. Imma ħalli dak li qiegħed jiftaħar bih innifsu jiftaħar bih innifsu minħabba f’din il-ħaġa, li għandu d-dehen u li għandu l-għarfien tiegħi, li jien Jehovah, Dak li qiegħed jiżerċita l-qalb tajba bl-imħabba, il-ġustizzja u t-tjieba fl-art; għax b’dawn l-affarijiet nitgħaxxaq,’ hija l-ħaġa mitkellma taʼ Jehovah.”—Ġeremija 9:23, 24.
22 Kemm jekk aħna miżżewġin u kemm jekk m’aħniex, l-akbar sors taʼ ferħ tagħna għandu jkun l-għarfien tagħna dwar Jehovah u l-konvinzjoni li aħna għandna l-barka tiegħu għaliex qegħdin nagħmlu r-rieda tiegħu. Aħna ferħanin ukoll li għandna dehen f’dak li jikkostitwixxi l-vera skala taʼ valuri, l-affarijiet li bihom Jehovah jitgħaxxaq. Is-Sultan Salamun li żżewweġ bosta drabi ma kienx iqis iż-żwieġ bħala l-uniku muftieħ għall-ferħ. Hu qal: “Hieni hu r-raġel li sab il-għerf, u r-raġel li jikseb id-dehen, għax li jkollok il-fidda bħala qligħ hu aħjar milli jkollok il-fidda bħala qligħ u li jkollok lilu bħala prodott milli d-deheb innifsu. Huwa iktar prezzjuż mill-qroll, u l-għaxqiet l-oħra kollha tiegħek ma jistgħux jintgħamlu ugwali għalih. Tul taʼ jiem qiegħed f’idu l-leminija; f’idu x-xellugija hemm rikkezzi u glorja. Il-mogħdijiet tiegħu huma mogħdijiet taʼ gost, u t-toroq kollha tiegħu huma paċi. Huwa siġra tal-ħajja għal dawk li jaħtfuh, u dawk li jibqgħu sew għandhom jissejħu ferħanin.”—Proverbji 3:13-18.
23, 24. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-qaddejja leali kollha taʼ Jehovah se jkunu henjin fis-sistema ġdida taʼ affarijiet?
23 Jalla dawk fostna li huma miżżewġin isibu ferħ etern f’li jagħmlu r-rieda divina. U jalla l-għeżież ħutna rġiel u nisa li m’humiex miżżewġin għax għażlu hekk jew sforz iċ-ċirkostanzi jissaportu l-provi kollha tagħhom u jsibu ferħ u kuntentizza f’li jaqdu lil Jehovah issa u għal dejjem. (Luqa 18:29, 30; 2 Pietru 3:11-13) Fis-sistema taʼ affarijiet t’Alla li ġejja, “rombli” se jinfetħu. (Rivelazzjoni 20:12) Dawn se jkun fihom kmandamenti u regulamenti eċċitanti ġodda li jikkontribwixxu għall-ferħ tal-umanità ubbidjenti.
24 Ċertament, nistgħu nħossuna fiduċjużi li “Alla l-hieni” tagħna għandu maħżun għalina affarijiet tajbin b’mod tal-għaġeb li se jirriżultaw f’ferħ sħiħ għalina. (1 Timotew 1:11) Alla se jkompli ‘jiftaħ idu u jissodisfa x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’ (Salm 145:16) Mhux taʼ b’xejn li hemm u dejjem ikun hemm ferħ veru f’li naqdu lil Jehovah.
Kif Twieġeb Int?
◻ X’inhu l-bażi tal-ferħ tal-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah?
◻ Fiż-żminijiet Bibliċi, min kienu xi wħud mill-qaddejja taʼ Jehovah mhux miżżewġin u henjin?
◻ Pawlu għala nkuraġġixxa ċ-ċelibat, u xi Kristjani kif sabu dan ħajja taʼ ferħ?
◻ Il-ferħ tagħna fuq liema ħaġa se jiddependi dejjem?
◻ Għala għandna nkunu fiduċjużi li dawk kollha leali se jkunu henjin fis-sistema ġdida taʼ affarijiet?