LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/15 pp. 23-25
  • L-Iskola taʼ Gilgħad—60 Sena taʼ Taħriġ għall-Missjunarji

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Iskola taʼ Gilgħad—60 Sena taʼ Taħriġ għall-Missjunarji
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istudenti Jirċievu l-​Aħħar Istruzzjonijiet
  • Aħwa Maturi Jagħtu Pariri mill-​Aqwa
  • Nies li minn Rajhom Jitqanqlu biex Jiġu Gilgħad
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Imqanqlin Biex Jaqdu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Thennew f’Jehovah u Kunu Ferħanin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Qegħdin Joffru Lilhom Infushom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/15 pp. 23-25

L-​Iskola taʼ Gilgħad​—60 Sena taʼ Taħriġ għall-​Missjunarji

“MINĦABBA l-​istudju intensiv tagħna tal-​Bibbja, sirna iktar qrib taʼ Jehovah u tgħallimna iktar dwar l-​organizzazzjoni tiegħu. Dan ħejjiena għall-​ħajja fil-​pajjiż barrani fejn se niġu inkarigati.” Dan hu kif waħda mill-​gradwati taʼ l-​ewwel klassi ddeskriviet il-​kors taʼ studji li segwiet fl-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Il-​missjunarji ilhom jintbagħtu lejn pajjiżi oħra mill-​inawgurazzjoni taʼ l-​iskola 60 sena ilu. Fit-​8 taʼ Marzu, 2003, il-​gradwazzjoni tal-​114-il klassi saret fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower f’Patterson, New York. Kien hemm 6,404 li nġabru fl-​awditorju u f’postijiet kollegati bis-​satellita biex jisimgħu l-​programm b’attenzjoni, li inkluda taħditiet, intervisti, u diskussjoni bejn grupp t’aħwa.

Theodore Jaracz, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, kien iċ-​chairman. Fil-​kummenti tal-​ftuħ ġibed l-​attenzjoni lejn l-​udjenza internazzjonali li kienet preżenti, li fiha kien hemm viżitaturi mill-​Asja, il-​Karibew, l-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel, u l-​Ewropa. Waqt li bbaża l-​kummenti tiegħu fuq it-​2 Timotju 4:​5, Ħuna Jaracz enfasizza x-​xogħol prinċipali tal-​missjunarji li jitħarrġu f’Gilgħad​—li ‘jagħmlu ħidma taʼ evanġelisti.’ Il-​missjunarji jixhdu għall-​verità billi jgħallmu l-​Bibbja lin-​nies.

L-​Istudenti Jirċievu l-​Aħħar Istruzzjonijiet

John Larson, membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa fl-​Istati Uniti, ta bidu għal serje taʼ taħditiet qosra fejn tkellem dwar is-​suġġett li jsaħħaħ il-​fidi “Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna?” (Rumani 8:31) Il-​kelliemi spjega l-​bażi Biblika għall-​istudenti biex ikollhom fiduċja assoluta fil-​qawwa taʼ Jehovah li jistaʼ jgħinhom jegħlbu kull ostaklu li jistgħu jiffaċċjaw fl-​inkarigu tagħhom. Waqt li uża Rumani 8:​38, 39, Ħuna Larson wissa lill-​istudenti: “Ieqfu u aħsbu dwar il-​qawwa li Alla qed juża għalikom, u ftakru li xejn ma jistaʼ jkisser l-​interess persunali li Jehovah għandu fikom.”

Il-​kelliemi li jmiss kien Guy Pierce, membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Hu għażel it-​tema “Żommu Għajnejkom Henjin!” (Luqa 10:23) Hu spjega li biex tkun verament hieni trid tkun taf lil Jehovah u tifhem l-​iskop etern tiegħu flimkien maʼ li tara t-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja. Kulfejn imorru, l-​istudenti jistgħu jibqgħu verament ferħanin billi jżommu għajnejhom henjin. Ħuna Pierce ħeġġeġ lill-​gradwati biex jimmeditaw fil-​fond fuq it-​tjieba taʼ Jehovah u biex iżommu qlubhom u moħħhom iffokati fuq li jagħmlu r-​rieda Tiegħu. (Salm 77:13 [77:​12, NW]) Jekk iżommu attitudni pożittiva, il-​gradwati se jegħlbu kwalunkwe problema li jistgħu jiffaċċjaw.

Imbagħad, il-​klassi rċiviet l-​aħħar kliem taʼ inkuraġġiment mingħand tnejn mill-​għalliema li kienu jgħallmuhom kuljum. “Qegħdin Tfittxu l-​Glorja?” kienet il-​mistoqsija li staqsa Lawrence Bowen fit-​titlu tat-​taħdita tiegħu. Ħafna nies jassoċjaw il-​glorja mat-​tifħir, l-​unur, u d-​distinzjoni tagħhom infushom. Madankollu, is-​salmista Asaf sar japprezza l-​glorja vera​—it-​teżor imprezzabbli taʼ relazzjoni mbierka maʼ Jehovah. (Salm 73:​24, 25) L-​istudenti kollha li ggradwaw ġew inkuraġġiti biex iżommu relazzjoni intima maʼ Jehovah billi jibqgħu jistudjaw il-​Bibbja fil-​fond. L-​anġli “jixtiequ jittawlu” fid-​dettalji rigward it-​twettiq taʼ l-​iskopijiet taʼ Jehovah permezz taʼ Kristu. (1 Pietru 1:​12, NW) Iridu jitgħallmu kemm jistaʼ jkun dwar Missierhom sabiex jirriflettu l-​glorja tiegħu. Imbagħad il-​kelliemi ħeġġeġ lill-​istudenti biex jigglorifikaw lil Jehovah fl-​inkarigi tagħhom bħala missjunarji billi jgħinu lil oħrajn isibu t-​teżor imprezzabbli.

Ir-​reġistratur taʼ l-​iskola, Wallace Liverance, spiċċa l-​ewwel serje taʼ taħditiet bit-​tema “Nitkellmu l-​Għerf t’Alla f’Sigriet Sagru.” (1 Korintin 2:​7, NW) Dan l-​għerf t’Alla, li tkellem dwaru l-​appostlu Pawlu matul il-​korsa taʼ servizz missjunarju tiegħu, x’inhu? Huwa l-​mezz kollu għerf u qawwa taʼ Jehovah li bih se jġib paċi u għaqda universali. Ġesù huwa ċ-​ċentru taʼ dan l-​għerf. Minflok ma ppriedka evanġelju soċjali, Pawlu għen lin-​nies jaraw kif Alla se jħott il-​konsegwenzi tad-​dnub taʼ Adam. (Efesin 3:​8, 9) Il-​kelliemi ħeġġeġ lis-​semmiegħa tiegħu: “Użaw il-​privileġġ tagħkom taʼ servizz bħalma għamel Pawlu, li qies l-​inkarigu tiegħu taʼ missjunarju bħala opportunità biex jgħin lin-​nies jaraw kif Jehovah se jwettaq l-​iskop tiegħu.”

Wara dan, Mark Noumair, għalliem ieħor taʼ Gilgħad, mexxa diskussjoni vivaċi maʼ xi studenti mill-​klassi. It-​tema “Studju tal-​Kelma t’Alla Jipproduċi Ministri Żelużi” enfasizzat il-​kliem taʼ Pawlu f’Rumani 10:10. Il-​membri tal-​klassi rrakkontaw diversi esperjenzi fis-​servizz taʼ l-​għalqa li gawdew waqt li kienu l-​iskola. L-​esperjenzi tagħhom urew li meta nistudjaw u nimmeditaw fuq il-​Kelma t’Alla, l-​affarijiet sbieħ dwar Alla Jehovah u s-​Saltna tiegħu se jimlew qlubna u se jkunu fuq xofftejna. Matul il-​ħames xhur li kienu fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower, l-​istudenti bdew iktar minn 30 studju tal-​Bibbja fid-​djar maʼ wħud interessati fit-​territorji maħdumin spiss tal-​kongregazzjonijiet li jinsabu fil-​viċinanzi.

Aħwa Maturi Jagħtu Pariri mill-​Aqwa

Matul iż-​żmien li għamlu fl-​iskola, l-​istudenti gawdew sħubija maʼ membri tal-​familja Betel taʼ l-​Istati Uniti. Żewġ membri tal-​fergħa Robert Ciranko u Robert P. Johnson ikkonduċew intervisti maʼ diversi wħud li ilhom ħafna jaqdu lil Jehovah lealment, fosthom indokraturi li jivvjaġġaw li kienu qed jingħataw taħriġ speċjali fiċ-​Ċentru Edukattiv tal-​Watchtower. Dawk kollha li ġew intervistati kienu gradwati taʼ Gilgħad li xi darba jew oħra qdew bħala missjunarji. Il-​kliem għaref taʼ dawn l-​irġiel spiritwali kollhom esperjenza qawwa l-​qalb taʼ l-​istudenti u l-​familji tagħhom.

Ftit mill-​parir tagħhom kien: “Ibqgħu attivi kemm jistaʼ jkun fil-​ministeru u fil-​kongregazzjoni.” “Tagħtux iżżejjed importanza lilkom infuskom. Ibqgħu ffokati fuq l-​iskop tagħkom bħala missjunarji, u agħmlu l-​inkarigu tagħkom id-​dar tagħkom.” Kummenti oħrajn li kienu t’għajnuna wrew kif it-​taħriġ taʼ Gilgħad iħejji ministru għal xogħol tajjeb, ikun fejn ikun l-​inkarigu tiegħu. Dawn huma xi wħud mill-​kummenti: “Tgħallimna nikkooperaw u naħdmu flimkien.” “L-​iskola għenitna naċċettaw kulturi differenti.” “Tgħallimna nużaw l-​Iskrittura minn ħarsa differenti.”

John E. Barr, membru li ilu jaqdi mal-​Ġemgħa li Tiggverna, ta t-​taħdita prinċipali tal-​programm. It-​tema Skritturali tiegħu kienet “Leħinhom Xtered maʼ l-​Art Kollha.” (Rumani 10:18) Hu staqsa l-​mistoqsija, Irnexxielhom in-​nies t’Alla llum iwettqu dan l-​inkarigu diffiċli? Dażgur li iva! Lura fl-​1881, il-​qarrejja tar-​rivista Torri taʼ l-​Għassa ġew mistoqsijin: “Qegħdin tippridkaw?” Imbagħad il-​kelliemi fakkar lil dawk kollha fl-​udjenza fis-​sejħa storika taʼ l-​1922, fil-​konvenzjoni taʼ Cedar Point, Ohio, l-​Istati Uniti: “Irreklamaw lis-​Sultan u lis-​Saltna tiegħu!” Mal-​mogħdija taż-​żmien, iż-​żelu tal-​qaddejja leali t’Alla qanqalhom jiddikjaraw il-​veritajiet tas-​Saltna meraviljuża lill-​ġnus kollha. Bil-​karta stampata u b’xofftejhom, il-​kliem dwar l-​aħbar tajba laħaq l-​estremitajiet taʼ l-​art abitata​—għall-​unur u t-​tifħir taʼ Jehovah. F’konklużjoni li tqanqlek, Ħuna Barr ħeġġeġ lill-​gradwati biex jgħoddu l-​barkiet li għandhom, billi qal: “Jum wara l-​ieħor, meta titolbu lil Jehovah fl-​inkarigu tagħkom, irringrazzjawh minn qiegħ qalbkom għas-​sehem tagħkom fit-​twettiq tal-​kliem, ‘Leħinhom xtered maʼ l-​art kollha.’”

Wara din it-​taħdita, inqraw xi tislijiet minn fergħat differenti, u ċ-​chairman qassam diploma lil kull gradwat. Imbagħad, b’taħlita taʼ ferħ u niket minħabba li kienu se jitilqu l-​iskola tant għażiża għalihom, wieħed mir-​rappreżentanti tal-​klassi qara riżoluzzjoni mill-​qalb indirizzata lill-​Ġemgħa li Tiggverna u l-​familja Betel, li kienet tesprimi d-​determinazzjoni tal-​gradwati li jfaħħru lil Jehovah “minn issa u għal dejjem.”—Salm 115:18.

Aħna nitolbu li dawn il-​gradwati jidraw id-​djar ġodda tagħhom u jikkontribwixxu bil-​kbir għall-​progress tax-​xogħol taʼ l-​ippridkar madwar id-​dinja, eżatt bħalma għamlu dawk li ħarġu qabilhom fis-​60 sena taʼ qabel.

[Kaxxa f’paġna 23]

Numru taʼ pajjiżi rappreżentati: 12

Numru taʼ pajjiżi li ġew assenjati fihom: 16

Numru taʼ studenti: 48

Età medja: 34.4

Medja taʼ snin fil-​verità: 17.6

Medja taʼ snin fil-​ministeru full-time: 13.5

[Stampa f’paġna 24]

114-il Klassi li Ggradwat mill-​Iskola taʼ Gilgħad

Fil-​lista t’hawn taħt, ir-​ringieli huma nnumerati minn quddiem għal wara, u l-​ismijiet f’kull ringiela huma mniżżlin mix-​xellug għal-​lemin.

(1) Rosa, D.; Garrigolas, J.; Lindström, R.; Pavanello, P.; Tait, N. (2) Van Hout, M.; Donabauer, C.; Martínez, L.; Millar, D.; Festré, Y.; Nutter, S. (3) Martínez, P.; Clarke, L.; Maughan, B.; Fischer, L.; Romo, G. (4) Romo, R.; Eadie, S.; Tuynman, C.; Campbell, P.; Millar, D.; Rosa, W. (5) Lindström, C.; Garrigolas, J.; Markevich, N.; Lindala, K.; van den Heuvel, J.; Tait, S.; Nutter, P. (6) Maughan, P.; Pavanello, V.; Eadie, N.; West, A.; Clarke, D.; Markevich, J. (7) Fischer, D.; Donabauer, R.; Curry, P.; Curry, Y.; Carfagno, W.; West, M.; Tuynman, A. (8) Van Hout, M.; Campbell, C.; Festré, Y.; Carfagno, C.; van den Heuvel, K.; Lindala, D.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja