Kunu Ubbidjenti Lejn Dawk li Jieħdu t-Tmexxija
“Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostkom u kunu sottomessi, għax huma qed iħarsulkom erwieħkom bħala dawk li se jagħtu kont.”−EBREJ 13:17.
1. Kif nibbenefikaw mix-xogħol taʼ ndokraturi Kristjani?
JEHOVAH provda indokraturi għall-organizzazzjoni tiegħu f’dan “iż-żmien tat-tmiem.” (Danjel 12:4) Huma jieħdu l-inizjattiva f’li jieħdu ħsieb uħud bħal ngħaġ, u s-superviżjoni tagħhom hi taʼ serħan. (Isaija 32:1, 2) Barra minn dan, indokrar taʼ mħabba minn anzjani li jitrattaw il-merħla t’Alla b’tenerezza jaqdi bħala protezzjoni minn Satana u minn din is-sistema ħażina taʼ affarijiet.—Atti 20:28-30; 1 Pietru 5:8; 1 Ġwann 5:19.
2. Xi wħud kif ħarsu lejn l-appostlu Pawlu, iżda liema attitudni lejn l-anzjani hija xierqa?
2 Iżda int kif tħares lejn l-anzjani? F’qalbek, tgħid int: ‘Qatt ma jien se nerġaʼ mmur għand anzjan ieħor f’din il-kongregazzjoni jekk ikolli problema, għax m’għandi fiduċja fl-ebda wieħed minnhom’? Jekk dan hu kif tħossok, tistaʼ tkun qed tenfasizza żżejjed l-imperfezzjonijiet tagħhom? F’Korintu tal-qedem, xi wħud qalu dwar l-appostlu Pawlu: “L-ittri tiegħu huma tqal u qawwija, iżda l-preżenza tiegħu fil-persuna hi dgħajfa u diskorsu taʼ stmerrija.” Madankollu, Alla ħatar lil Pawlu għal ministeru u wżah bħala “appostlu tal-ġnus.” (2 Korintin 10:10; Rumani 11:13; 1 Timotew 1:12) Huwa ttamat, mela, li int tħossok iżjed simili għall-oħt li qalet: “Aħna għandna l-aqwa ġemgħa taʼ anzjani fid-dinja. Huma kienu hawn fil-ħin biex igħinu meta kienu meħtieġa.”
Għala Nobduhom?
3. Jekk il-Mulej se jkun mal-ispirtu li nuru, kif għandna nħarsu lejn sotto-ragħajja Kristjani?
3 Ladarba sotto-ragħajja Kristjani ġew provduti mir-Ragħaj il-Kbir, Alla Jehovah, kif taħseb li hu jridna nħarsu lejhom? Ċertament, Alla jistenniena li nsegwu d-direzzjoni bbażata fuq il-Bibbja ġejja permezz taʼ ndokraturi taʼ mħabba taħt is-superviżjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad, ‘il-Mulej se jkun mal-ispirtu li nuru,’ se ngawdu l-paċi, u se ninbnew spiritwalment.—2 Timotew 4:22; qabbel Atti 9:31; 15:23-32.
4. Kif nistgħu napplikaw personalment Ebrej 13:17?
4 Pawlu ħeġġeġ: “Ftakru f’dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostkom, li tkellmu l-Kelma t’Alla magħkom, u hekk kif tikkontemplaw dwar x’jiġri bil-kondotta tagħhom imitaw il-fidi tagħhom.” (Ebrej 13:7) Fost il-Kristjani bikrin, l-appostli primarjament ħadu t-tmexxija. Illum, aħna nistgħu nosservaw lil dawk li jiffurmaw il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Jehovah, indokraturi midlukin oħra, u rġiel mill-“folla kbira” li jieħdu t-tmexxija fostna. (Rivelazzjoni 7:9) Għalkemm m’aħniex imħeġġin biex nimitaw il-kwalità tal-vuċi, il-pożi, jew traċċi umani oħra tagħhom, aħna għandna nkunu nistgħu nagħmlu li tirnexxi l-kondotta tagħna billi nimitaw il-fidi tagħhom.
5. Fuq l-art illum, lil min ġiet fdata r-responsabbiltà ewlenija għall-ħarsien tal-kongregazzjoni Kristjana u x’jixirqilhom?
5 Fuq l-art illum, ir-responsabbiltà ewlenija għall-ħarsien tal-bżonnijiet spiritwali tagħna ġiet fdata lill-“irsir fidil u għaqli.” Il-Ġemgħa li Tiggverna li tirrappreżentah tieħu t-tmexxija u tikkordina x-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna mad-dinja kollha. (Mattew 24:14, 45-47) B’mod speċjali jistgħu dawn l-anzjani midlukin bl-ispirtu jitqiesu bħala gvernaturi spiritwali, għax Ebrej 13:7 jistaʼ jiġi tradott: “Żommu f’moħħkom lil dawk li jiggvernawkom.” (Kingdom Interlinear) B’iktar minn 60,OOO kongregazzjonijiet u ’l fuq minn 3,500,OOO xandara tas-Saltna, it-12-il anzjan li jiffurmaw il-Ġemgħa li Tiggverna għandhom ‘ħafna x’jagħmlu fix-xogħol tal-Mulej.’ (1 Korintin 15:58) Minħabba l-ħatra mogħtija lilhom minn Alla, huma jixirqilhom il-koperazzjoni sħiħa tagħna, saħansitra bħalma l-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu kellha l-koperazzjoni tal-ewwel Kristjani.—Atti 15:1, 2.
6. Liema huma xi affarijiet li jsiru mill-anzjani għall-benefiċċju tal-poplu taʼ Jehovah?
6 L-indokraturi ġew maħturin mill-ispirtu biex jieħdu ħsieb tal-bżonnijiet spiritwali tal-kongregazzjoni. (Atti 20:28) Huma jieħdu ħsieb li l-messaġġ tas-Saltna jiġi ppridkat fit-territorju tal-kongregazzjoni lokali. Dawn l-irġiel ikkwalifikati skritturalment jipprovdu wkoll direzzjoni spiritwali b’manjiera taʼ mħabba. Huma jwissu, jikkonslaw, u jagħtu xiehda lil ħuthom spiritwali bl-iskop li dawn jistgħu jibqgħu jimxu b’mod li jixraq lil Alla. (1 Tessalonkin 2:7, 8, 11,12) Saħansitra meta xi ħadd jieħu pass żbaljat qabel ma jinduna bih, dawn l-irġiel ifittxu li jreġġgħuh lura “fi spirtu taʼ ħlewwa.”−Galatin 6:1.
7. Pawlu liema parir ta f’Ebrej 13:17?
7 Qlubna huma mqanqlin li nikkoperaw maʼ indokraturi taʼ mħabba bħal dawn. Dan hu xieraq, kif kiteb Pawlu: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija fostkom u kunu sottomessi, għax huma qed iħarsulkom erwieħkom bħala dawk li se jagħtu kont; biex jistgħu jagħmlu dan bil-ferħ u mhux bit-tnegħid, għax dan ikun taʼ ħsara għalikom.” (Ebrej 13:17) Kif għandna nifhmuh dan il-parir?
8, 9.(a) Minħabba Ebrej 13:17, għala għandna nkunu ubbidjenti lejn dawk li jieħdu t-tmexxija? (b) L-ubbidjenza u s-sottomissjoni tagħna jistaʼ jkollhom liema effetti tajbin?
8 Pawlu jħeġġiġna biex nobdu lil dawk li jiggvernaw spiritwalment. Aħna rridu ‘nkunu sottomessi,’ biex inċedu għal dawn is-sotto-ragħajja. Għala? Għaliex ‘huma qed iħarsulna erwieħna,’ jew il-ħajjiet tagħna ddedikati lil Alla. U kif qegħdin‘iħarsulna erwieħna’? Hawn il-preżent attiv indikattiv tal-verb Grieg a·gru·pne’o litteralment ifisser li l-anzjani qed “jastjenu mill-irqad.” Dan ifakkarna fir-ragħaj solitarju li jiċċaħħad mill-irqad biex jipproteġi l-merħla tiegħu minn perikli matul il-lejl. L-anzjani xi drabi jqattgħu ljieli bla rqad bi tħassib u fit-talb għall-merħla t’Alla jew biex jagħtu għajnuna spiritwali lil sħabhom fit-twemmin. Kemm għandna napprezzaw is-servizz lejali tagħhom! Ċertament, ma rridux inkunu bħall-“irġiel taʼ mingħajr Alla” taʼ żmien Ġuda li ‘ma qisux is-setgħat u tkellmu b’abbuż dwar il-glorjużi,’ anzjani Kristjani midlukin bi glorja, jew unur mogħti minn Alla u li ġew imżejnin bih.—Ġuda 3, 4, 8.
9 Jehovah ma jiħux pjaċir jekk nonqsu li nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn indokraturi Kristjani. Dan ikun ukoll taʼ toqol għalihom u jkun taʼ ħsara għalina spiritwalment. Jekk ma nikkoperawx, l-anzjani jistgħu jieħdu ħsieb tad-doveri tagħhom bi tnegħid, forsi bi spirtu taʼ skuraġġiment li jistaʼ jirriżulta f’telfien taʼ ferħ fl-attivitajiet Kristjani tagħna. Iżda l-ubbidjenza u s-sottomissjoni tagħna javvanzaw imġieba taʼ tjieba u jsaħħu l-fidi tagħna. ‘Il-Mulej hu mal-ispirtu li nuru,’ u l-ferħ jiffjorixxi fi klima bħal din taʼ koperazzjoni, paċi, u għaqda.—2 Timotew 4:22; Salm 133:1.
10. Skond 1 Timotew 5:17, dawk li jippresiedu b’mod mill-aħjar għala jixirqilhom unur?
10 Li nkunu ubbidjenti u sottomessi lejn l-anzjani tal-kongregazzjoni ma jfissirx li se nfittxu li nogħġbu lill-bnedmin. Dak ma jkunx skritturali, għax irsiera Kristjani tal-ewwel seklu ntqalilhom biex jobdu lis-sidien tagħhom, “mhux f’atti taʼ servizz għall-għajn, bħala li togħġbu lill-bnedmin, iżda bis-sinċerità tal-qalb, bil-biżaʼ taʼ Jehovah.” (Kolossin 3:22; Efesin 6:5, 6) Indokraturi ‘li jippresiedu b’mod mill-aħjar u jaħdmu iebes f’li jitkellmu u jgħallmu’ jixirqilhom unur prinċipalment għaliex it-tagħlim tagħhom huwa bbażat fuq il-Kelma t’Alla. Kif kiteb Pawlu: “Ħalli l-irġiel ixjeħ li jippresiedu b’mod mill-aħjar jitqiesu li jixirqilhom unur doppju, speċjalment dawk li jaħdmu iebes f’li jitkellmu u jgħallmu. Għax l-Iskrittura tgħid: ‘Ma tridx tliġġem barri meta jidres il-qamħ’; ukoll ‘Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu.’”—1 Timotew 5:17, 18.
11. “Unur doppju” kif jistaʼ jiġi għand anzjan, iżda x’irid jevita?
11 Il-kliem taʼ Pawlu li għadna kif ikkwotajna jindika li għajnuna materjali tistaʼ b’mod xieraq tingħata lil dawk li jieħdu ħsieb tal-interessi spiritwali taʼ oħrajn. Madankollu, dan ma jfissirx li l-anzjani għandhom jirċievu xi salarju, u “unur doppju” ċertament mhux xi ħaġa li jistaʼ jinsisti għalih xi anzjan. Jistaʼ jiġi mill-membri tal-kongregazzjoni b’mod spontanju, iżda hu qatt m’għandu juża l-ħatra tiegħu biex jakkwista l-poter jew ġid materjali. Hu m’għandux ifittex il-glorja tiegħu stess jew jassoċja fil-biċċa l-kbira maʼ wħud l-iktar prosperużi għall-vantaġġ materjali u b’hekk jitraskura oħrajn. (Proverbji 25:27; 29:23; Ġuda 16) Minflok, indokratur irid jirgħa l-merħla t’Alla ‘bil-qalb, mhux għal imħabba taʼ qligħ diżonest, iżda ħerqan.’—1 Pietru 5:2.
12. Billi nżommu liema ħaġa f’moħħna se jgħinna biex nobdu lil dawk li jieħdu t-tmexxija fostna?
12 Se niġu mgħejjunin biex nobdu u nonoraw lil dawk li jieħdu t-tmexxija jekk aħna niftakru li Alla nnifsu pprovda lill-anzjani. (Efesin 4:7-13) Ladarba dawn l-irġiel huma maħturin bl-ispirtu u l-organizzazzjoni t’Alla tokkupa post vitali fil-ħajjiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, ċertament li rridu nuru l-gratitudni u r-rispett tagħna għall-arranġamenti teokratiċi. Barra minn dan, aħna nistgħu ngħinu lil uħud ġodda biex jiżviluppaw din l-attitudni jekk nagħtu eżempju mill-aħjar taʼ ubbidjenza u sottomissjoni lejn dawk li jieħdu t-tmexxija fostna.
Għala Napprezzaw is-Servizz Tagħhom?
13. (a) Liema idejat kuntrarji għal xulxin jeżistu fid-dinja u fl-organizzazzjoni t’Alla? (b) Aħna għandna liema raġunijiet sodi biex ikollna fiduċja fl-irġiel li jieħdu t-tmexxija fostna? (ċ) Minflok ma nkabbru l-imperfezzjonijiet taʼ anzjani li jaħdmu iebes, x’għandna nagħmlu?
13 Fid-dinja hemm tendenza li t-tmexxija tiġi rrifjutata. Bħalma qal wieħed għalliem: “Il-livell taʼ edukazzjoni li qed jogħla tejjeb ir-riżorsi taʼ talent tant li segwaċi saru jikkritikaw wisq li kważi sar impossibbli li tmexxihom.” Iżda spirtu taʼ ħsieb indipendenti ma jiddominax fl-organizzazzjoni t’Alla, u għandna raġunijiet sodi biex ikollna fiduċja fl-irġiel li jieħdu t-tmexxija fostna. Per eżempju, dawk li jilħqu kwalifiki Skritturali biss huma maħturin bħala anzjani. (1 Timotew 3:l-7) Huma mħarrġin biex ikunu qalbhom tajba, juru mħabba, u għajnuna, madankollu sodi f’li jappoġġaw il-livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah. L-anzjani jsegwu bir-reqqa verità skritturali, billi ‘jżommu sod mal-Kelma fidila, biex ikunu jistgħu jħeġġu bit-tagħlim mimli saħħa.’ (Titus 1:5-9) Naturalment, m’għandniex inkabbru l-imperfezzjonijiet umani tagħhom, għax ilkoll kemm aħna imperfetti. (1 Slaten 8:46; Rumani 5:12) Minflok ma nħossuna mdejqin bil-limitazzjonijiet tagħhom u ma niħdux bis-serjetà il-pariri tagħhom, ejjew napprezzaw u naċċettaw id-direzzjoni tal-anzjani bbażata fuq il-Bibbja bħala li ġejja minn Alla.
14. Meta jqis 1 Timotew 1:12, anzjan kif għandu jħares lejn il-ministeru li ġie nkarigat għalih?
14 Pawlu, raġel li japprezza, qal: “Jiena grat lejn Kristu Ġesù l-Mulej tagħna, li tani l-qawwa għaliex hu qiesni bħala wieħed lejali billi tani ministeru.” (1 Timotew 1:12) Dak il-ministeru, jew servizz, inkluda x-xogħol tal-ippridkar u li jaqdi lil sħabu fit-twemmin. Għalkemm indokratur għandu ħatra mill-ispirtu qaddis biex jaqdi bħala ragħaj, dan m’għandux iġagħlu jħossu superjuri għal oħrajn, għax hu nnifsu hu parti mill-merħla t’Alla taʼ wħud bħal ngħaġ. (1 Pietru 5:4) Minflok, għandu jkun grat li r-Ras tal-kongregazzjoni, Ġesù Kristu, qiesu bħala li jixraqlu li jimministra lill-membri tal-merħla u li Alla kkwalifikah billi tah ammont taʼ għarfien, għerf, u fehma. (2 Korintin 3:5) Ladarba anzjan għandu għalfejn ikun grat tal-privileġġi li ngħatawlu minn Alla, membri oħra tal-kongregazzjoni għandhom japprezzaw dan il-ministeru jew servizz.
15. X’inhu s-sugu tal-parir taʼ Pawlu fl-1 Tessalonkin 5:12, 13?
15 Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma grati tal-organizzazzjoni li Alla bena f’dawn l-aħħar jiem u dak l-apprezzament iqanqalna biex nirrispettaw l-anzjani. Għandna nkunu ferħanin li nikkoperaw bis-sħiħ mal-arranġamenti li huma jagħmlu għall-benefiċċju tagħna. Pawlu qal: “Issa nitlobkom, l-aħwa, biex ikollkom stima lejn dawk li qed jaħdmu iebes fostkom u jippresiedu fuqkom fil-Mulej u jwissukom; u biex tagħtuhom iktar minn konsiderazzjoni staordinarja bl-imħabba minħabba x-xogħol tagħhom.” (1 Tessalonkin 5:12, 13) Billi napplikaw dan il-parir iġibilna ferħ u barka taʼ Jehovah.
Kun Ħafif Biex Tapplika l-Parir
16, 17. Liema parir jistgħu jagħtu l-anzjani rigward iż-żwieġ, u x’se jirriżulta milli nsegwuh?
16 Pawlu ħeġġeġ lil Titus biex ‘jibqaʼ jħeġġeġ u jwiddeb bl-awtorità kollha.’ (Titus 2:15) B’mod simili, ir-rappreżentanti t’Alla llum jidderiġuna lejn prinċipji u liġijiet tal-Bibbja. Hemm raġunijiet sodi għala għandna naċċettaw it-twissija ripetuta biex napplikaw il-pariri u d-direzzjoni tal-organizzazzjoni taʼ Jehovah u l-anzjani maħturin.
17 Biex nagħtu eżempju: L-anzjani jistgħu jħeġġu lil xi Kristjan biex isegwi l-parir tal-Bibbja biex jiżżewweġ “biss fil-Mulej.” (1 Korintin 7:39; Dewteronomju 7:3, 4) Huma jistgħu jindikaw li jekk tiżżewweġ persuna mhix imgħammda jistaʼ jwassal għal problemi serji saħansitra bħalma s-Sultan Salamun żbalja bl-ikrah billi ħa nisa barranin, li dawrulu lil qalbu lejn allat foloz u ’l bogħod minn Jehovah. (1 Slaten 11:l-6) L-anzjani jistgħu wkoll jispjegaw li Eżra ġagħal lill-irġiel Lhud ikeċċu lin-nisa pagani tagħhom, u Neħemija qal li dawk li żżewġu lil nies li ma jemmnux kienu qed ‘jikkommettu ħażen kbir f’li jaġixxu b’mod bla fedeltà kontra Alla.’ (Neħemija 13:23-27; Eżra lO:lO-14; ara The Watchtower tal-15 taʼ Marzu, 1982, paġna 31; 15 taʼ Novembru, 1986, paġni 26-30.) Barkiet u s-sodisfazzjon li qed togħġob lil Jehovah jirriżultaw milli napplikaw dan il-parir Skritturali mogħti minn anzjani taʼ mħabba.
18. Billi nikkunsidraw dak li kiteb Pawlu fl-1 Korintin 5:9-13, kif għandna nirreaġixxu jekk xi membru tal-familja jiġi maqtugħ mis-sħubija?
18 Huwa wkoll xieraq li nirrispettaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-anzjani. Pawlu qal lill-Kristjani f’Korintu biex ‘jieqfu milli jitħalltu fil-kumpanija taʼ xi ħadd li jissejjaħ ħu li hu żieni jew persuna rgħiba jew idolatra jew wieħed li javvelixxi jew sakranazz jew wieħed li jimbrolja, lanqas biss jieklu maʼ bniedem bħal dan.’ Huma kellhom ‘ineħħu lill-bniedem ħażin minn fosthom.’ (1 Korintin 5:9-13) Iżda kif se taġixxi li kieku wieħed mill-qraba tiegħek jiġi maqtugħ mis-sħubija? Waqt li jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ kuntatt limitat biex jiġu trattati xi affarijiet tal-familja, kull sħubija spiritwali mal-qarib maqtugħ mis-sħubija jkollha tinqataʼ. (Ara The Watchtower tal-15 taʼ April, 1988, paġni 26-31.) Ċertament, lejaltà lejn Alla u lejn l-organizzazzjoni tiegħu għandha tqanqalna biex nirrispettaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-indokraturi.
19. X’għandna nagħmlu jekk l-anzjani juruna li sejrin fit-triq ħażina spiritwalment?
19 Mhux faċli li tibqaʼ fit-triq id-dejqa għall-ħajja. Biex nagħmlu hekk, irridu nsegwu d-direzzjoni mogħtija fil-Kelma t’Alla u minn dawk fdati bir-responsabbiltajiet taʼ ragħajja fl-organizzazzjoni tiegħu. (Mattew 7:13, 14) Li kieku konna qed nivvjaġġaw bil-karozza minn belt għal oħra u ħadna linja ħażina, tkun meħtieġa azzjoni biex nikkoreġu l-korsa tagħna. Inkella, qatt ma se nilħqu d-destinazzjoni tagħna. B’mod simili, jekk l-anzjani juruna li aħna sejrin fi triq ħażina spiritwalment, forsi billi ninnamraw maʼ xi ħadd li ma jemminx, għandna malajr napplikaw il-parir skritturali tagħhom. Dan ikun mod wieħed biex nuru li aħna verament ‘nafdaw f’Jehovah.’—Proverbji 3:5, 6.
Rispett Saħansitra f’Affarijiet Żgħar
20. Billi nistaqsu lilna nfusna liema mistoqsijiet jistaʼ jgħinna biex nuru rispett għad-direzzjoni tal-anzjani saħansitra f’affarijiet żgħar?
20 Għandna bżonn nuru rispett għad-direzzjoni tal-anzjani saħansitra f’affarijiet żgħar. Għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Jiena nikkopera jekk l-anzjani jgħidulna biex inżuru lill-morda jew biex inħarrġu wħud ġodda fil-ministeru tal-għalqa? Jien naċċetta mill-qalb partijiet fil-laqgħat u nippreparahom tajjeb? Jien naċċetta meta l-anzjani jagħtu direzzjoni dwar iż-żamma taʼ postijiet fil-konvenzjonijiet, dwar il-mod kif nilbsu, u affarijiet bħal dawn? Jien nikkopera meta jgħidulna biex ingħinu fit-tindif tas-Sala tas-Saltna, biex nagħtu r-rapport tas-servizz tagħna tal-għalqa fil-pront, jew biex naslu għal-laqgħat fil-ħin?’
21. Li nuru rispett lejn l-anzjani jistaʼ jfakkarna f’liema kliem taʼ Ġesù?
21 Indokraturi tal-kongregazzjoni japprezzaw il-koperazzjoni tagħna, u din tirriżulta f’ħafna ġid. Fil-fatt, li nuru rispett u koperazzjoni saħansitra f’affarijiet żgħar jistaʼ verament ifakkarna fil-kliem taʼ Ġesù: “Il-persuna fidila f’dak li hu l-inqas hi fidila wkoll fil-ħafna.” (Luqa 16:10) Ċertament li aħna rridu nitqiesu lejali.
Ibqaʼ Wieġeb għal Indokrar taʼ Mħabba
22. Liema huma xi benefiċċji li jirriżultaw mill-indokrar taʼ mħabba tal-irsir fidil u l-anzjani tal-kongregazzjoni?
22 Il-benefiċċji li jirriżultaw minn indokrar taʼ mħabba tal-irsir fidil u l-anzjani tal-kongregazzjoni jagħtu prova li l-barka rikka taʼ Jehovah tinsab fuq l-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art. Barra minn dan, direzzjoni taʼ kapaċità mill-anzjani tgħaqqad l-abbiltajiet tagħhom u tavvanza l-unità fostna. Tirriżulta wkoll fi sforz magħqud u taʼ suċċess biex jiġu avvanzati l-interessi tas-Saltna. Tabilħaqq, riżultat pożittiv wieħed tar-rispons taʼ apprezzament tagħna għall-indokrar taʼ dawk li jieħdu t-tmexxija hu dak li Alla jbierek ix-xogħol tagħna taʼ ippridkar u taʼ trawwim taʼ dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Il-koperazzjoni tagħna mal-anzjani qed tippreparana wkoll għall-ħajja eterna fis-sistema ġdida taʼ affarijiet.
23. Fid-dawl tal-1 Ġwann 5:3, x’għandna nkunu mqanqlin li nagħmlu?
23 Ladarba aħna nħobbu lil Jehovah, li nobduh mhux xi dover taʼ dwejjaq. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Dan hu li tfisser l-imħabba t’Alla, li nħarsu l-kmandamenti tiegħu. u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwann 5:3) Kristjani lejali bil-ferħ jobdu l-kmandamenti taʼ Jehovah u huma mqanqlin li jikkoperaw maʼ dawk li lilhom ġie fdat minnu l-indokrar tal-kongregazzjoni. Kemm aħna grati li ninsabu fl-organizzazzjoni t’Alla u li għandna dawn ir-“rigali f’irġiel”! (Efesin 4:8) B’fiduċja sħiħa li Alla qed jidderieġi l-poplu tiegħu, mela, ejjew dejjem inkunu ubbidjenti lejn dawk ipprivileġġati li jieħdu t-tmexxija fost ix-Xhieda taʼ Jehovah.
X’Inhuma l-kummenti Tiegħek?
◻ Għala għandna nkunu ubbidjenti lejn dawk li jieħdu t-tmexxija fostna?
◻ Liema attitudni għandu jkollna rigward is-servizz mogħti minn anzjani li jaħdmu iebes?
◻ Għala għandna nkunu ħfief f’li napplikaw pariri mogħtijin mill-anzjani?
◻ Liema benefiċċji jirriżultaw mir-rispons tagħna taʼ apprezzament għal indokrar taʼ mħabba?
[Kumment f’paġna 15
Int tikkopera mal-anzjani billi taċċetta partijiet fil-laqgħat, billi tgħin biex tnaddaf is-Sala tas-Saltna, billi tagħti r-rapport tal-attività tiegħek tas-servizz tal-għalqa fil-pront, u f’modi oħra?