LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 7/1 pp. 4-8
  • Alla Kif Ispiraha l-Bibbja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Alla Kif Ispiraha l-Bibbja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meħtieġ Sforz Kbir
  • Pariri Prattiċi​—Mingħand Min?
  • Kittieba Umani​—Għala?
  • Min Hu l-Awtur tal-Bibbja?
    Stenbaħ!—2008
  • “Tmexxew mill-Ispirtu Qaddis”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • L-għerf fil-“Kelma ta’ Alla”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Il-Bibbja—Hija verament “imnebbħa minn Alla”?
    Stenbaħ!—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 7/1 pp. 4-8

Alla Kif Ispiraha l-​Bibbja?

L-​KOMUNIKAZZJONI hija iżjed affaxxinanti llum minn qatt qabel fl-​istorja. It-​telefons, il-​fax machines, il-​kompjuters​—snin ilu min qatt setaʼ jimmaġina żmien meta l-​messaġġi kellhom jiġu trasmessi tistaʼ tgħid fejn trid madwar id-​dinja dak il-​ħin stess?

Imma l-​iżjed mezz affaxxinanti taʼ komunikazzjoni huwa wieħed li l-​bniedem ma jistax isib tarfu​—l-​ispirazzjoni divina. Jehovah nebbaħ lil madwar 40 kittieb uman biex jipproduċu l-​Kelma miktuba tiegħu, il-​Bibbja Mqaddsa. Bħalma l-​bnedmin għandhom iżjed minn mezz wieħed taʼ komunikazzjoni għad-​dispożizzjoni tagħhom, hekk ukoll Jehovah uża diversi metodi taʼ komunikazzjoni biex jispira l-​Iskrittura.

Kliem iddettat. Alla kkomunika messaġġi speċifiċi li iktar tard ġew imniżżlin fir-​rakkont tal-​Bibbja.a Per eżempju, ikkunsidra r-​regolamenti li jifformaw il-​patt tal-​Liġi. “Ikteb dawn il-​kelmiet,” Jehovah qal lil Mosè, “għax fuq dawn il-​kelmiet jien għamilt patt miegħek u maʼ Iżrael.” (Eżodu 34:27) Dawk il-​“kelmiet,” li kienu ‘rċevew minn idejn l-​anġli,’ kienu kkopjati minn Mosè u issa jistgħu jinstabu fil-​kotba Bibliċi taʼ Eżodu, Levitiku, Numri, u Dewteronomju.—Atti 7:53.

Ħafna profeti oħrajn, inklużi Isaija, Ġeremija, Eżekjel, Għamos, Naħum, u Mikea, irċevew messaġġi speċifiċi mingħand Alla permezz t’anġli. Xi kultant dawn l-​irġiel bdew il-​pronunzji tagħhom bil-​frażi: “Dan jgħid il-​Mulej.” (Isaija 37:6; Ġeremija 2:2; Eżekjel 11:5; Għamos 1:3; Mikea 2:3; Naħum 1:12) Imbagħad poġġew bil-​miktub dak li qalilhom Alla.

Viżjonijiet, Ħolm, u Estasi. Viżjoni hija dehra, xena, jew messaġġ impost b’mod superjuri fuq il-​moħħ taʼ persuna fil-​waqt li tkun imqajma, spiss b’xi mezz straordinarju. Per eżempju, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, meta kienu “mqajjmin sewwa,” raw viżjoni taʼ Ġesù ttrasfigurat. (Luqa 9:28-36; 2 Pietru 1:16-21) F’xi każi messaġġ kien imwassal f’ħolma, jew permezz taʼ viżjoni bil-​lejl, billi tiġi impressjonata fuq is-​subkonxju taʼ dak li jirċeviha waqt li jkun rieqed. Danjel b’hekk jikteb dwar “id-​dehriet taʼ moħħi fuq friexi”​—jew, kif ipoġġiha t-​traduttur Ronald A. Knox, “hekk kif kont mimdud inħares fil-​ħolma tiegħi.”—Danjel 4:10.

Wieħed li Jehovah jkun tefgħu f’estasi evidentement kien ikun assorbit fi stat taʼ konċentrazzjoni profonda, għalkemm minn taʼ l-​inqas parzjalment imqajjem. (Qabbel Atti 10:9-16.) Fil-​Bibbja l-​kelma Griega tradotta “estasi” (ekʹsta·sis) tfisser ‘li tneħħi jew tpoġġi post ieħor.’ Din tissuġġerixxi l-​idea taʼ li titfaʼ l-​moħħ ’il barra mill-​istat normali tiegħu. B’hekk, persuna f’estasi ma tkunx konxja mill-​ambjent taʼ madwarha fil-​waqt li tkun qed tara għal kollox il-​viżjoni. L-​appostlu Pawlu x’aktarx li kien f’estasi bħal din meta kien “meħud fil-​ġenna . . . u samaʼ jingħadu ħwejjeġ li ma jitfissrux bil-​kliem u li ebda bniedem ma jistaʼ jgħidhom.”—2 Korintin 12:2-4.

F’kuntrast maʼ dawk li kkopjaw messaġġi ddettati mingħand Alla, il-​kittieba tal-​Bibbja li rċevew viżjonijiet jew ħolm jew li esperjenzaw estasi taʼ spiss kellhom xi ftit tal-​wisaʼ biex jiddeskrivu fi kliemhom dak li raw. Lil Ħabakkuk intqallu: “Ikteb id-​dehra, . . . onqoxha fuq tavlozzi, hekk li jkun jistaʼ jħaffef min jaqraha.”—Ħabakkuk 2:2.

Ifisser dan li dawn il-​partijiet tal-​Bibbja huma b’xi mod inqas ispirati minn passaġġi li ġew iddettati? Lanqas xejn. Permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, Jehovah daħħal il-​messaġġ tiegħu sew f’moħħ kull kittieb, biex ġew trasmessi l-​ħsibijiet t’Alla u mhux dawk tal-​bniedem. Fil-​waqt li Jehovah ħalla l-​kittieb jagħżel il-​kliem xieraq, hu ggwida l-​moħħ u l-​qalb tal-​kittieb sabiex l-​ebda informazzjoni essenzjali ma ġiet imħollija barra u fl-​aħħar mill-​aħħar il-​kliem ġie meqjus b’mod xieraq bħala li huwa t’Alla.​—1 Tessalonikin 2:13.

Rivelazzjoni Divina. Il-​Bibbja fiha profeziji​—l-​istorja rrivelata u miktuba bil-​quddiem—​li huma ferm ’il bogħod minn sempliċi kapaċità umana. Eżempju wieħed huwa s-​suċċess u l-​waqgħa tas-​“sultan tal-​Greċja,” Alessandru l-​Kbir, imbassrin madwar 200 sena bil-​quddiem! (Danjel 8:1-8, 20-22) Il-​Bibbja tirrivela wkoll ġrajjiet li qatt ma kienu xhieda tagħhom għajnejn umani. Il-​ħolqien tas-​sema u l-​art huwa eżempju wieħed. (Ġenesi 1:1-27; 2:7, 8) Imbagħad hemm il-​konversazzjonijiet li seħħew fis-​sema, bħal dawk irrapportati fil-​ktieb taʼ Ġob.—Ġob 1:6-12; 2:1-6.

Jekk ma kinux irrivelati direttament minn Alla lill-​kittieb, ġrajjiet bħal dawn ġew mgħarrfin minn Alla lil xi ħadd sabiex dawn saru parti mill-​istorja mitkellma jew miktuba, billi għaddew minn ġenerazzjoni għall-​oħra sakemm saru parti mill-​kitba tal-​Bibbja. (Ara l-​kaxxa f’paġna 7.) Kien x’kien il-​każ, nistgħu nkunu żguri li Jehovah kien is-​Sors taʼ kull informazzjoni bħal din, u li hu ggwida l-​kittieba sabiex ir-​rakkonti ma kinux imċappsin b’nuqqas t’eżattezza, b’esaġerazzjoni, jew bi ħrejjef. Pietru kiteb rigward il-​profeziji: “Meta l-​bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-​Ispirtu s-​Santu.”b—2 Pietru 1:21.

Meħtieġ Sforz Kbir

Għalkemm il-​kittieba tal-​Bibbja “kienu mqanqlin mill-​Ispirtu s-​Santu,” Xorta waħda kien meħtieġ ħsieb bir-​reqqa min-​naħa tagħhom. Per eżempju, Salamun “b’ħafna ħsieb u tiftix niseġ kotra taʼ proverbji. [Hu] fittex li jsib qwiel sbieħ u li jikteb bir-​reqqa kliem is-​sewwa.”—Koħèlet 12:9, 10.

Xi kittieba tal-​Bibbja kellhom jagħmlu riċerka konsiderevoli biex jiddokumentaw il-​materjal tagħhom. Luqa, per eżempju, kiteb rigward ir-​rakkont tal-​Vanġelu tiegħu: “Wara li bir-​reqqa kollha qgħadt infittex it-​tagħrif dwar kull ma ġara sa mill-​bidunett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa.” M’għandniex xi ngħidu, l-​ispirtu t’Alla bierek l-​isforzi taʼ Luqa, u bla dubju qanqlu biex isib dokumenti taʼ l-​istorja li kienu taʼ min jorbot fuqhom u biex jintervista xhieda taʼ min jafdahom li raw b’għajnejhom stess, bħalma huma d-​dixxipli li kienu għadhom ħajjin u possibbilment Marija, omm Ġesù. L-​ispirtu t’Alla kellu mbagħad jiggwida lil Luqa biex jiddokumenta l-​informazzjoni eżatta.—Luqa 1:1-4.

F’kuntrast mal-​Vanġelu taʼ Luqa, dak taʼ Ġwanni kien rakkont taʼ dak li ra b’għajnejh, miktub madwar 65 sena wara li miet Ġesù. Bla dubju l-​ispirtu taʼ Jehovah ġedded il-​memorja taʼ Ġwanni sabiex ma tkunx dgħajfa mal-​mogħdija taż-​żmien. Dan kien ikun konsistenti maʼ dak li Ġesù kien wiegħed lis-​segwaċi tiegħu: “[I]d-Difensur, l-​Ispirtu s-​Santu, li l-​Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.”—Ġwanni 14:26.

F’xi każi l-​kittieba tal-​Bibbja inkludew ġabra taʼ dokumenti taʼ xhieda li raw b’għajnejhom, taʼ kittieba taʼ l-​istorja iktar bikrin, u li mhux kollha kemm huma kienu ispirati. Ġeremija ġabar l-​Ewwel u t-​Tieni Slaten fil-​biċċa l-​kbira b’dan il-​mod. (2 Slaten 1:18) Esdra rrefera għal minn taʼ l-​inqas 14-il sors li ma kinux ispirati biex jiġbor materjal għall-​Ewwel u t-​Tieni Kronaki, inkluż “fi Ktieb il-​Ġrajja tas-​Sultan David” u “fi Ktieb is-​Slaten taʼ Ġuda u Iżrael.” (1 Kronaki 27:24; 2 Kronaki 16:11) Mosè saħansitra kkwota minn “Ktieb il-​Gwerer tal-​Mulej”​—milli jidher rakkont taʼ min jorbot fuqu tal-​gwerer tal-​poplu t’Alla.—Numri 21:14, 15.

F’każi bħal dawn l-​ispirtu qaddis kien involut b’mod attiv, billi qanqal lill-​kittieba tal-​Bibbja biex jagħżlu biss materjal taʼ min jorbot fuqu, li mbagħad sar parti mir-​rakkont ispirat tal-​Bibbja.

Pariri Prattiċi​—Mingħand Min?

Il-​Bibbja hi mogħnija b’pariri prattiċi bbażati fuq osservazzjonijiet persunali perċettivi. Per eżempju, Salamun kiteb: “M’hemmx aħjar għall-​bniedem milli jiekol u jixrob u li jgawdi l-​frott taʼ xogħlu. Imma fhimt li dan ukoll minn id Alla ġej.” (Koħèlet 2:24) Pawlu stqarr li l-​parir tiegħu rigward iż-​żwieġ kien ‘skond il-​fehma tiegħu,’ għalkemm hu żied: “Jien naħseb li jien ukoll għandi l-​Ispirtu taʼ Alla.” (1 Korintin 7:25, 39, 40) Pawlu ċertament li tassew kellu l-​ispirtu t’Alla, għaliex skond kif innota l-​appostlu Pietru, dak li kiteb Pawlu kien “skond l-​għerf li ngħata lilu.” (2 Pietru 3:15, 16) B’hekk, iggwidat mill-​ispirtu t’Alla, hu kien qed jagħti l-​opinjoni tiegħu.

Meta l-​kittieba tal-​Bibbja esprimew konvinzjonijiet persunali bħal dawn, għamlu hekk bi sfond taʼ studju u applikazzjoni taʼ l-​iskritturi li kienu disponibbli għalihom. Nistgħu nibqgħu ċerti li l-​kitbiet tagħhom kienu f’armonija mal-​ħsieb t’Alla. Dak li ddokumentaw sar parti mill-​Kelma t’Alla.

M’għandniex xi ngħidu, il-​Bibbja fiha wkoll stqarrijiet taʼ xi wħud li l-​ħsieb tagħhom ma kienx tajjeb. (Qabbel Ġob 15:15 maʼ 42:7.) Tinkludi wkoll ftit espressjonijiet li wrew is-​sentimenti taʼ diqa tal-​qaddejja t’Alla, għalkemm dawn l-​istqarrijiet ma tawx l-​istampa kollha dwar għala ħassewhom hekk.c Waqt li kien jagħmel stqarrijiet persunali bħal dawn, il-​kittieb xorta waħda kien ikun iggwidat mill-​ispirtu t’Alla biex jagħmel rakkont eżatt, li serva biex jidentifika u jikxef raġunar żbaljat. Iżjed minn hekk, f’kull każ il-​kuntest jagħmilha ċara lil kwalunkwe qarrej raġonevoli jekk il-​ħsieb tal-​kittieb huwiex validu.

Fil-qosor, nistgħu nkunu kunfidenti li l-​Bibbja kollha hija l-​messaġġ t’Alla. Tabilħaqq, Jehovah ra li dak kollu li fiha serva għall-​iskop tiegħu u pprovda struzzjoni essenzjali għal dawk li jixtiequ jaqduh.—Rumani 15:4.

Kittieba Umani​—Għala?

Il-​fatt li Jehovah uża l-​bnedmin biex jiktbu l-​Bibbja juri l-​għerf kbir tiegħu. Ikkunsidra dan: Li kieku Alla ħalla l-​kwistjoni f’idejn l-​anġli, kien ikollha l-​Bibbja l-​istess appell? Veru, min jaf kemm kien ikun eċċitanti li naqraw dwar il-​kwalitajiet u l-​aġir t’Alla, mill-​perspettiva taʼ xi anġlu. Imma kieku l-​element uman kien nieqes għal kollox, għandu mnejn kien ikollna diffikultà biex nifhmu l-​messaġġ tal-​Bibbja.

Per eżempju: Il-​Bibbja setgħet sempliċement tirrapporta li s-​Sultan David ikkommetta adulterju u qtil u li hu wara dan nidem. Madankollu, kemm hu aħjar li jkollna l-​kliem taʼ David stess, hekk kif esprima diqa taʼ qsim il-​qalb fuq l-​azzjonijiet tiegħu u talab għall-​maħfra taʼ Jehovah! “Id-​dnub tiegħi dejjem quddiemi,” hu kiteb. “Qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” (Salm 51:5, 19 [Salm 51:3, 17, New World Translation]) Għalhekk, il-​Bibbja għandha l-​kordjalità, il-​varjetà, u l-​appell li jagħtuha l-​element uman.

Iva, Jehovah għażel l-​aħjar mod biex jagħtina l-​Kelma tiegħu. Saħansitra għalkemm ġew użati bnedmin bi dgħjufijiet u nuqqasijiet, dawn kienu mmexxijin mill-​ispirtu qaddis sabiex ma kellu jkun hemm l-​ebda żball fil-​kitbiet tagħhom. B’hekk, il-​Bibbja għandha valur superlattiv. Il-​pariri tagħha huma solidi, u l-​profeziji tagħha rigward il-​Ġenna futura fuq l-​art huma taʼ min jorbot fuqhom.—Salm 119:105; 2 Pietru 3:13.

Għala ma tiħodhiex drawwa li taqra silta mill-​Kelma t’Alla kuljum? Pietru kiteb: “Ixxenqu għall-​ħalib safi, il-​ħalib tar-​ruħ [“tal-​kelma,” Karm Żammit], biex bih tikbru sa ma taslu għas-​salvazzjoni.” (1 Pietru 2:2) Ladarba din hija mnebbħa minn Alla, int se ssib l-​Iskrittura kollha bħala li “tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.”—2 Timotju 3:16, 17. (w97 6/15)

[Noti taʼ taħt]

a F’taʼ l-​inqas każ wieħed, dak taʼ l-​Għaxar Kmandamenti, l-​informazzjoni kienet miktuba direttament “bis-​sabaʼ taʼ Alla.” Mosè mbagħad sempliċement ikkopja dawk il-​kelmiet fuq parċmini jew materjali oħrajn.—Eżodu 31:18; Dewteronomju 10:1-5.

b Il-kelma Griega tradotta hawnhekk “kienu mqanqlin,” pheʹro, hija wżata f’forma oħra f’Atti 27:15, 17 biex tiddeskrivi vapur li nġarr mir-​riħ. Mela l-​ispirtu qaddis ‘innaviga l-​korsa’ tal-​kittieba tal-​Bibbja. Qanqalhom biex iwarrbu kwalunkwe informazzjoni li kienet falza u biex jinkludu biss dak li kien fil-​fatt seħħ.

c Għal eżempji, qabbel 1 Slaten 19:4 maʼ versi 14 u 18; Ġob 10:1-3; Salm 73:12, 13, 21; Ġona 4:1-3, 9; Ħabakkuk 1:1-4, 13.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]

Mosè Minfejn Ġabha L-​Informazzjoni?

MOSÈ kiteb il-​ktieb Bibliku taʼ Ġenesi, imma dak kollu li kiteb seħħ ħafna qabel ma twieled hu. Allura, minfejn ġabha informazzjoni bħal din? Setgħet ġiet irrivelata lilu direttament minn Alla, jew għandu mnejn l-​għarfien taʼ xi wħud mir-​rakkonti ġie mgħoddi oralment minn ġenerazzjoni għall-​oħra. Ladarba l-​bnedmin kienu jgħixu ħajja itwal fiż-​żminijiet bikrin, ħafna minn dak li Mosè kiteb f’Ġenesi setaʼ ġie mwassal minn Adam għal Mosè permezz taʼ ħames kuntatti umani biss​—Matusala, Sem, Iżakk, Levi, u Għamram.

Barra minn hekk, Mosè għandu mnejn ikkonsulta kitbiet iddokumentati. F’dan ir-​rigward, huwa notevoli li Mosè spiss juża l-​frażi “dan hu n-​nisel taʼ,” qabel ma jsemmi l-​persuna li se tiġi diskussa. (Ġenesi 6:9; 10:1; 11:10, 27; 25:12, 19; 36:1, 9; 37:2) Xi studjużi jgħidu li l-​kelma Ebrajka tradotta hawn “nisel,” toh·le·dhohthʹ, tirreferi għal dokument bil-​miktub taʼ l-​istorja li diġà kien jeżisti u li Mosè wżah bħala sors għall-​kitbiet tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, dan ma jistax jiġi mistqarr b’mod konklussiv.

Jistaʼ jkun li l-​informazzjoni li fih il-​ktieb taʼ Ġenesi ġiet miksuba bit-​tliet metodi kollha msemmijin hawn fuq​—ftit minn rivelazzjoni diretta, ftit minn trasmissjoni orali, u ftit minn kitbiet dokumentati. Il-​punt importanti huwa li l-​ispirtu taʼ Jehovah nebbaħ lil Mosè. Għaldaqstant, dak li kiteb jiġi meqjus kif inhu xieraq bħala l-​kelma t’Alla. (w97 6/15)

[Stampa f’paġna 4]

B’diversi modi, Alla nebbaħ irġiel biex jiktbu l-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja