LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 9/1 pp. 11-15
  • Din l-Aħbar Tajba Trid Tiġi Ppridkata l-Ewwel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Din l-Aħbar Tajba Trid Tiġi Ppridkata l-Ewwel
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kuntrast Mal-​Kleru Tal-​Kristjaneżmu
  • Għala Nippridkaw L-​Aħbar Tajba L-​Ewwel?
  • L-​Aħbar Tajba u L-​Imħabba Taʼ Jehovah
  • L-​Aħbar Tajba u L-​Qawwa Taʼ Jehovah
  • L-​Aħbar Tajba u L-​Għerf Taʼ Jehovah
  • L-​Aħbar Tajba u L-​Ġustizzja T’Alla
  • L-​Aħbar Tajba Kemm Ġiet Ippridkata B’Mod Estensiv Mad-​Dinja Kollha?
  • X’Iġiegħel Lix-​Xhieda Jibqgħu Jippridkaw?
  • “Morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Jehovah Juża l-“Bluha” Biex Isalva lil Dawk li Qegħdin Jemmnu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • ‘Inġibu Aħbar Tajba taʼ Xi Ħaġa Aħjar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Il-Kristjani Veri Kollha Huma Evanġelizzaturi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 9/1 pp. 11-15

Din l-Aħbar Tajba Trid Tiġi Ppridkata l-Ewwel

“Fil-​ġnus kollha l-​aħbar tajba trid tiġi ppridkata l-​ewwel.”​— MARK 13:10.

1, 2. Liema hija marka li tiddistingwi lix-​Xhieda, u għala?

IX-​XHIEDA taʼ Jehovah għala jippridkaw b’mod tant persistenti? Ċertament aħna magħrufin mad-​dinja kollha għall-​ministeru pubbliku tagħna, kemm jekk minn dar għal dar, fit-​toroq, jew matul kuntatti informali. F’kull okkażjoni xierqa, nidentifikaw lilna nfusna bħala Xhieda u nipprovaw b’tattika nikkomunikaw l-​aħbar tajba li ngħożżu. Fil-​fatt, nistgħu ngħidu li dan il-​ministeru huwa l-​marka li tiddistingwina!—Kolossin 4:6.

2 Aħseb ftit dwar dan​—kulmeta n-​nies jaraw fl-​inħawi tagħhom grupp taʼ rġiel, nisa, u tfal lebsin pulit bil-​basktijiet f’idejhom, x’inhu ġeneralment l-​ewwel ħsieb tagħhom? Huwa, ‘O, reġgħu ġejjin il-​Kattoliċi (jew l-​Ortodossi)!’ jew, ‘Reġgħu ġejjin il-​Pentekostali (jew il-​Battisti)!’ Le. In-​nies jafu li reliġjonijiet bħal dawn m’għandhomx familji sħaħ iwettqu ministeru minn dar għal dar. Forsi xi gruppi reliġjużi jibagħtu xi “missjunarji” għal perijodu taʼ xi sentejn f’xi ċerti nħawi, imma l-​membri komuni tagħhom ma jipparteċipawx f’xi ministeru bħal dan. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah biss huma magħrufin mad-​dinja kollha għaż-​żelu tagħhom f’li jikkomunikaw il-​messaġġ tagħhom lil oħrajn f’kull okkażjoni xierqa. U huma magħrufin għar-​rivisti tagħhom, It-​Torri Taʼ L-​Għassa u l-​Awake!—Isaija 43:10-12; Atti 1:8.

Kuntrast Mal-​Kleru Tal-​Kristjaneżmu

3, 4. Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu kif inhuma taʼ spiss deskritti fil-​mezzi taʼ komunikazzjoni?

3 F’kuntrast qawwi, rapporti fl-​aħbarijiet irrivelaw darba wara l-​oħra lil ħafna mill-​kleru f’xi pajjiżi bħala pedofili, qarreqin immorali, u imbroljuni. Ix-​xogħlijiet tagħhom tal-​laħam u l-​istili taʼ ħajja stravaganti tagħhom jistaʼ jarahom kulħadd. Wieħed kittieb tal-​kanzunetti popolari esprimieha tajjeb fil-​kanzunetta tiegħu intitolata “Kien Ġesù Jilbes Rolex [arloġġ tad-​deheb li jiswa ħafna flus] Fil-​Programm Televiżiv Tiegħu?” Hu jistaqsi l-​mistoqsija: “Kien Ġesù jkun politiku kieku kellu jerġaʼ jiġi fuq l-​Art? Ikollu t-​tieni dar Tiegħu f’Palm Springs [komunità għanja fil-​Kalifornja] u jipprova jaħbi kemm għandu ġid?” Kemm huwa xieraq il-​kliem taʼ Ġakbu: “Intom għextu fil-​lussu fuq l-​art u dħaltu għal pjaċir senswali. Ħaxxintu lil qlubkom f’jum it-​tbiċċir.”—Ġakbu 5:5; Galatin 5:19-21.

4 It-​tħabbib tal-​kleru mal-​politikanti u saħansitra l-​ipparteċipar tagħhom f’elezzjonijiet bħala kandidati politiċi jesponuhom bħala skribi u Fariżej moderni. Fl-​istess ħin, f’pajjiżi bħall-​Istati Uniti u l-​Kanada, gruppi reliġjużi qegħdin jitilfu ħafna flus minħabba l-​ispejjeż għoljin taʼ każi fil-​qrati u ġudizzji kontra l-​kleru, li jirriżultaw mill-​kondotta bla rażan tagħhom mat-​tfal u maʼ l-​adulti.—Mattew 23:1-3.

5. Il-​kleru tal-​Kristjaneżmu għala ma tawx prova li huma “l-​irsir fidil u diskret”?

5 B’mod korrett, Ġesù setaʼ jgħid lill-​kleru taʼ żmienu: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tixbhu lil oqbra mbajda, li minn barra tabilħaqq jidhru sbieħ imma minn ġewwa mimlijin għadam tan-​nies mejtin u taʼ kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa. B’dak il-​mod intom ukoll, minn barra tabilħaqq, tidhru twajbin għan-​nies, imma minn ġewwa mimlijin ipokrezija u illegalità.” B’hekk, Alla ma tax lill-​kleru tal-​Kristjaneżmu, kemm jekk Kattoliċi, Protestanti, Ortodossi, jew li ma jappartjenu lil ebda organizzazzjoni reliġjuża formali, l-​inkarigu li jippridkaw l-​aħbar tajba. Ma tawx prova li huma l-​“irsir fidil u diskret” imbassar.—Mattew 23:27, 28; 24:45-47.

Għala Nippridkaw L-​Aħbar Tajba L-​Ewwel?

6. Liema ġrajjiet se jseħħu dalwaqt?

6 Fil-​verżjoni konċiża tiegħu tal-​kmand taʼ Ġesù biex nippridkaw l-​aħbar tajba fil-​ġnus kollha, Mark biss juża l-​kelma “l-​ewwel.” (Mark 13:10; qabbel Mattew 24:14.) Il-​verżjoni minn J. B. Phillips taqra: “Għax qabel jiġi t-​tmiem il-​vanġelu jrid jiġi pproklamat lill-​ġnus kollha.” L-​użu avverbjali taʼ “l-​ewwel” jindika li ġrajjiet oħrajn se jsegwu x-​xogħol taʼ evanġelizzar mad-​dinja kollha. Dawk il-​ġrajjiet se jinkludu t-​tribulazzjoni kbira mwiegħda u l-​ħakma taʼ tjieba taʼ Kristu fuq id-​dinja ġdida.—Mattew 24:21-31; Rivelazzjoni 16:14-16; 21:1-4.

7. Alla għala jrid li l-​aħbar tajba tiġi ppridkata l-​ewwel?

7 Mela Alla għala jrid li l-​aħbar tajba tiġi ppridkata l-​ewwel? Raġuni waħda hija li hu Alla taʼ mħabba, ġustizzja, għerf, u qawwa. Fit-​twettieq taʼ l-​istqarrijiet taʼ Ġesù ddokumentati f’​Mattew 24:14 u f’​Mark 13:10, nistgħu nsibu manifestazzjoni impressjonanti taʼ dawn l-​attributi taʼ Jehovah. Ejjew fil-​qosor neżaminawhom wieħed wieħed u naraw kif inhuma relatati maʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba.

L-​Aħbar Tajba u L-​Imħabba Taʼ Jehovah

8. L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba għala huwa manifestazzjoni taʼ l-​imħabba t’Alla? (1 Ġwann 4:7-16)

8 L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba kif jirrifletti l-​imħabba t’Alla? L-​ewwelnett, għaliex m’huwiex messaġġ intenzjonat esklussivament għal xi razza jew grupp. Hija l-​aħbar tajba għall-​“ġnus kollha.” Alla tant iħobb lill-​familja umana li bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu lejn l-​art biex ikun sagrifiċċju taʼ rahan għad-​dnubiet taʼ l-​umanità kollha, mhux taʼ razza waħda biss. L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem. Għax Alla bagħat lil Ibnu fid-​dinja, mhux biex jiġġudika lid-​dinja, imma biex id-​dinja tiġi salvata permezz tiegħu.” (Ġwann 3:16, 17) Ċertament l-​aħbar tajba, messaġġ li jwiegħed dinja ġdida taʼ paċi, armonija, u ġustizzja, hija evidenza taʼ l-​imħabba t’Alla.—2 Pietru 3:13.

L-​Aħbar Tajba u L-​Qawwa Taʼ Jehovah

9. Jehovah għala ma wżax lir-​reliġjonijiet potenti tal-​Kristjaneżmu biex jippridkaw l-​aħbar tajba?

9 Il-​qawwa taʼ Jehovah kif inhi murija bl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba? Ikkunsidra, lil min uża biex iwettaq dan l-​inkarigu? Lill-​organizzazzjonijiet reliġjużi l-​iktar potenti tal-​Kristjaneżmu, bħalma hija l-​Knisja Kattolika Rumana jew denominazzjonijiet Protestanti prominenti? Le, l-​involviment tagħhom fil-​politika jiskwalifikahom għall-​inkarigu. (Ġwann 15:19; 17:14; Ġakbu 4:4) Il-​ġid materjali relattiv tagħhom u l-​konnessjonijiet u l-​influwenza tagħhom mal-​klassi għolja li taħkem ma impressjonawx lil Alla Jehovah, lanqas it-​teoloġija tagħhom konnessa mill-​qrib mat-​tradizzjoni. Potenza umana ma kenitx meħtieġa biex iġġiegħel li tintgħamel ir-​rieda t’Alla.—Żakkarija 4:6.

10. Alla lil min għażel biex jagħmel l-​ippridkar?

10 Huwa kif qal l-​appostlu Pawlu fl-​ittra tiegħu lill-​kongregazzjoni tal-​Korintin: “Intom tilmħu s-​sejħa tagħkom mingħandu, l-​aħwa, li mhux ħafna għorrief b’mod tal-​laħam kienu msejħin, mhux ħafna potenti, mhux ħafna taʼ twelid nobbli; imma Alla għażel l-​affarijiet boloh tad-​dinja, biex iqiegħed lill-​għorrief għall-​għajb; u Alla għażel l-​affarijiet dgħajfin tad-​dinja, biex iqiegħed lill-​affarijiet b’saħħithom għall-​għajb; u Alla għażel l-​affarijiet bla ġieħ tad-​dinja u l-​affarijiet mistmerra, l-​affarijiet li m’humiex, biex ikun jistaʼ jġib fix-​xejn l-​affarijiet li huma, sabiex ebda laħam ma jkun jistaʼ jiftaħar fid-​dehra t’Alla.”—1 Korintin 1:26-29.

11. Liema fatti dwar ix-​Xhieda għamluhom uniċi?

11 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom ftit ferm membri għonja fl-​organizzazzjoni tagħhom u ċertament l-​ebda wħud potenti politikament. In-​newtralità stretta tagħhom f’affarijiet politiċi tfisser li ma jistgħu jeżerċitaw ebda influwenza politika. Għall-​kuntrarju, taʼ spiss kienu vittmi taʼ persekuzzjoni vili mqanqla mit-​tixwix taʼ mexxejja reliġjużi u politiċi matul dan is-​seklu 20. Madankollu, minkejja l-​oppożizzjoni feroċi li tqajmet kontra tagħhom mid-​dixxipli tan-​Naziżmu, Faxxiżmu, Komuniżmu, nazzjonaliżmu, u reliġjon falza, mhux talli x-​Xhieda qegħdin jippridkaw l-​aħbar tajba fid-​dinja kollha imma wkoll żdiedu fl-​għadd b’mod li jgħaġġeb.—Isaija 60:22.

12. Ix-​Xhieda għala kellhom suċċess?

12 Ix-​Xhieda lil liema ħaġa jattribwixxu s-​suċċess tagħhom? Ġesù wiegħed lid-​dixxipli tiegħu: “Intom se tirċievu qawwa meta l-​ispirtu qaddis jasal fuqkom, u se tkunu xhieda tiegħi kemm f’Ġerusalemm u kemm fil-​Ġudea kollha u fis-​Samarija u sa l-​iktar parti ’l bogħod taʼ l-​art.” Mela, x’kellu jkun eżatt is-​sors tas-​suċċess tagħhom? Ġesù qal: “Intom se tirċievu qawwa meta l-​ispirtu qaddis jasal fuqkom.” Bl-​istess mod illum, qawwa mingħand Alla, mhux abbiltà umana, kienet il-​fattur ewlieni li jagħmel possibbli s-​suċċess tax-​Xhieda fil-​ministeru tagħhom mad-​dinja kollha. Billi juża apparentament l-​iktar nies dgħajfin, Alla qed iwettaq l-​akbar xogħol edukattiv fl-​istorja.—Atti 1:8; Isaija 54:13.

L-​Aħbar Tajba u L-​Għerf Taʼ Jehovah

13. (a) Ix-​Xhieda għala jaqdu volontarjament u mingħajr ħlas? (b) Jehovah kif wieġeb għat-​tinbixa taʼ Satana?

13 L-​aħbar tajba qiegħda tiġi ppridkata minn voluntieri. Ġesù qal: “Irċevejtu b’xejn, agħtu b’xejn.” (Mattew 10:8) Għalhekk, ħadd mix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jirċievi salarju talli jaqdi lil Alla, lanqas ma jfittxu li jitħallsu. Fil-​fatt, lanqas saħansitra ma jkollhom ġbir taʼ flus fil-​laqgħat tagħhom. Huma henjin, permezz tas-​servizz devot u mingħajr egoiżmu tagħhom, li jagħtu lil Alla tweġiba għal dak li jakkużah, Satana x-​Xitan. Dan l-​ispirtu opponent t’Alla implika li l-​bnedmin ma kellhomx jaqdu lil Alla b’motiv mhux egoist. Fl-​għerf tiegħu Jehovah ipproduċa tweġiba ferm abbundanti għall-​inbix taʼ Satana​—miljuni taʼ Xhieda Kristjani leali jippridkaw l-​aħbar tajba minn dar għal dar, fit-​toroq, u b’mod informali.—Ġob 1:8-11; 2:3-5; Proverbji 27:11.

14. X’inhu “l-​għerf moħbi” li Pawlu jirreferi għalih?

14 Evidenza oħra taʼ l-​għerf t’Alla f’li jġiegħel l-​aħbar tajba tiġi ppridkata hija li l-​wegħda nnifisha tas-​Saltna hija manifestazzjoni taʼ l-​għerf t’Alla. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Issa aħna nitkellmu l-​għerf fost dawk li huma maturi, imma mhux l-​għerf taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet u lanqas dak tal-​ħakkiema taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet, li jridu jiġu fix-​xejn. Imma nitkellmu l-​għerf t’Alla f’sigriet sagru, l-​għerf moħbi, li Alla ordna bil-​quddiem qabel is-​sistemi taʼ affarijiet għall-​glorja tagħna.” Dak “l-​għerf moħbi” jirreferi għall-​mezz għaref t’Alla biex itemm l-​irvell mibdi f’Għeden. L-​għerf taʼ dak is-​sigriet sagru kien irrivelat f’Ġesù Kristu, li hu ċentrali għall-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.a—1 Korintin 2:6, 7; Kolossin 1:26-28.

L-​Aħbar Tajba u L-​Ġustizzja T’Alla

15. Kif nafu li Jehovah hu Alla taʼ ġustizzja? (Dewteronomju 32:4; Salm 33:5)

15 B’mod partikulari f’konnessjoni mal-​ġustizzja naraw l-​importanza tal-​kelma “l-​ewwel” f’​Mark 13:10. Jehovah hu Alla taʼ ġustizzja li hija mmoderata b’qalb tajba bl-​imħabba. Hu jgħid permezz tal-​profeta tiegħu Ġeremija: “‘Ħalli l-​wieħed li qiegħed jiftaħar bih innifsu jiftaħar bih innifsu minħabba f’din il-​ħaġa stess, li għandu d-​dehen u li għandu l-​għarfien tiegħi, li jien Jehovah, il-​Wieħed li qiegħed jeżerċita l-​qalb tajba bl-​imħabba, il-ġustizzja u t-​tjieba fl-​art; għax b’dawn l-​affarijiet tassew nitgħaxxaq,’ hija l-​ħaġa mitkellma taʼ Jehovah.”—Ġeremija 9:24.

16. Kif jistaʼ jintwera b’tixbieha li l-​ġustizzja tirrikjedi għoti taʼ twissija l-​ewwel?

16 Il-​ġustizzja taʼ Jehovah kif tintwera rigward l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba? Ejjew inxebbhu dan il-​punt maʼ omm li għamlet kejk taċ-​ċikkulata delizzjuż li jrid jittiekel meta jiġu xi viżitaturi iktar tard fil-​ġurnata. Jekk tħallih fuq il-​mejda tal-​kċina mingħajr ma tgħid kelma lit-​tfal tagħha dwar x’ħin għandu jittiekel, x’se tkun l-​inklinazzjoni naturali tat-​tfal? Ilkoll kemm aħna konna tfal xi darba! Xi sabaʼ ċkejken ikun irid jipprova dak il-​kejk! Issa jekk l-​omm naqset li tagħti twissija xierqa, ma jkollhiex bażi qawwija għad-​dixxiplina. Mill-​banda l-​oħra, jekk tistqarr b’mod ċar li l-​kejk se jittiekel iktar tard meta jiġu l-​viżitaturi u għalhekk ma jridx jintmess, allura b’mod ċar tkun tat twissija. Jekk hemm diżubbidjenza, hi intitolata li tieħu azzjoni soda u ġusta.—Proverbji 29:15.

17. Jehovah kif wera ġustizzja b’mod speċjali mill-​1919 ’il hawn?

17 Jehovah, fil-​ġustizzja tiegħu, mhux se jġib azzjoni ġudizzjarja kontra din is-​sistema taʼ affarijiet mill-​agħar mingħajr l-​ewwel ma jagħti twissija meħtieġa. Għalhekk, b’mod speċjali mill-​1919 ’il hawn, wara li l-​ewwel gwerra kienet ġabet “weġgħat taʼ hemm,” Jehovah ġiegħel lix-​Xhieda tiegħu jmorru maʼ l-​art kollha jipproklamaw b’mod żeluż l-​aħbar tajba. (Mattew 24:​7, 8, 14) Il-​ġnus ma jistgħux bir-​raġun jgħidu li ma jafux dwar din it-​twissija unika.

L-​Aħbar Tajba Kemm Ġiet Ippridkata B’Mod Estensiv Mad-​Dinja Kollha?

18. (a) X’evidenza hemm taʼ l-​attività tax-​Xhieda f’inħawi mwarrbin? (b) X’eżempji oħrajn taf bihom int?

18 Indikazzjoni taʼ l-​effettività taʼ dan ix-​xogħol edukattiv mad-​dinja kollha tistaʼ tidher mill-​ktieb Last Places​—A Journey in the North. L-​awtur tiegħu jirrakkonta li meta ċċekkja l-​mapep tal-​baħar għall-​gżira iżolata taʼ Foula, waħda mill-​Gżejjer Shetland fit-​Tramuntana taʼ l-​Iskozja, il-​mapep indikaw “mad-​dawra kollha tal-​gżira WKS (nawfraġji), RKS (blat), LDGS (sikek), u OBS (ostakli).” Dawn “wissew lill-​baħħâr prospettiv biex iżomm ’il bogħod. Il-​baħar taʼ madwar Foula kien bħal li kieku miżgħud b’mini splussivi, li għamel lill-​gżira inospitabbli għal baħħara bil-​jottijiet, nies li jmorru għal xi ġurnata, u saħansitra għall-​ħaddiema tax-​xogħlijiet pubbliċi tal-​Maestà Tagħha r-​Reġina, għalkemm mhux​—sirt naf fi ftit jiem—​għax-Xhieda taʼ Jehovah.” Hu ssokta: “L-​istess bħalma fittxew bir-​reqqa fil-​kerrejjiet taʼ l-​ibliet il-​kbar u fit-​Tielet Dinja biex jikkonvertu lin-​nies, hekk ukoll ipproselitizzaw għall-​fidi tagħhom fl-​imwarrba Foula.” Hu rrikonoxxa li abitant lokali, Andrew, kellu kopja taʼ The Watchtower imħollija fuq l-​għatba tad-​dar tiegħu xi xhur qabel. Imbagħad żied: “Xi ġimgħa wara kont nara kopja taʼ [Awake! bid-​Daniż] fil-​Faeroes [gżejjer tal-​Baħar tat-​Tramuntana] u xi xahrejn wara kopja taʼ [The Watchtower bid-​Daniż] f’Nuuq, fi Greenland.” X’testimonjanza elokwenti għall-​attività żeluża tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dawk ir-​reġjuni tat-​Tramuntana!

X’Iġiegħel Lix-​Xhieda Jibqgħu Jippridkaw?

19, 20. (a) Liema ħaġa ġġiegħel lix-​Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu jippridkaw? (b) X’mistoqsijiet imiss li jitwieġbu?

19 M’għandniex xi ngħidu, li tippriedka minn dar għal dar lil nies li ma tafhomx m’hijiex xi ħaġa faċli, minkejja kemm wieħed ikun ilu snin bħala Xhud. Allura xi jġiegħel lil dawn il-​Kristjani jibqgħu jagħmlu dan? Id-​dedikazzjoni Kristjana tagħhom u sens taʼ responsabbiltà. Pawlu kiteb: “Jekk, issa, qiegħed niddikjara l-​aħbar tajba, m’hija ebda raġuni għalija biex niftaħar, għax in-​neċessità hi mqiegħda fuqi. Tassew, gwaj għalija jekk ma niddikjarax l-​aħbar tajba!” Il-​Kristjani veri għandhom messaġġ li jfisser ħajja, u għalhekk kif jistgħu jżommuh għalihom biss? L-​istess prinċipju taʼ ħtija taʼ demm għal nuqqas li tagħti twissija fi żmien taʼ periklu huwa raġuni qawwija biex tippriedka l-​aħbar tajba.—1 Korintin 9:16; Eżekjel 3:17-21.

20 Kif, allura, qiegħda tiġi ppridkata l-​aħbar tajba? X’inhu l-​qofol għas-​suċċess tax-​Xhieda? Liema fatturi tal-​ministeru u l-​organizzazzjoni tagħhom jgħinu biex jidentifikawhom bħala l-​vera reliġjon? L-​artiklu tagħna li jsegwi se jwieġeb dawk il-​mistoqsijiet. (w94 8/15)

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar spjegazzjoni taʼ l-​għerf t’Alla u s-​“sigriet sagru,” ara Insight on the Scriptures, it-​II Volum, paġna 1190, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Tiftakar Int?

◻ Liema ħaġa tiddistingwi lix-​Xhieda taʼ Jehovah mill-​kleru?

◻ L-​ippridkar kif jirrifletti l-​imħabba, il-​qawwa, u l-​għerf t’Alla?

◻ L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba kif jirrifletti l-​ġustizzja t’Alla?

◻ X’iġiegħel lix-​Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu sejrin bil-​ministeru tagħhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja