Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
4-10 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | RUMANI 12-14
“Xi jfisser li turi mħabba Kristjana”
it-1 55
Affezzjoni
L-imħabba bejn l-aħwa (bil-Grieg, filadelfja, litteralment, “affezzjoni bejn aħwa”) għandha tintwera bejn il-membri kollha tal-kongregazzjoni Kristjana. (Rum 12:10; Eb 13:1; ara wkoll 1Pt 3:8.) Għalhekk, il-membri tal-kongregazzjoni għandu jkollhom relazzjoni mill-qrib, b’saħħitha, u kollha mħabba maʼ xulxin bħal ġo familja naturali. Għalkemm il-membri tal-kongregazzjoni diġà juru mħabba maʼ xulxin, huma inkuraġġiti juruha iktar bis-sħiħ.—1Te 4:9, 10.
Il-kelma Griega filostorgos, li tfisser “wieħed ikollu affezzjoni tenera,” tintuża għal persuna li hi qrib ħafna taʼ persuna oħra u li jkollha mħabba kbira lejha. Għerq wieħed taʼ parti minn din il-kelma, stergo, jintuża spiss biex jindika affezzjoni naturali, bħal bejn membri taʼ familja. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa l-Kristjani biex jikkultivaw din il-kwalità. (Rum 12:10) Pawlu indika wkoll li l-aħħar jiem kienu se jintgħarfu minn nies li “m’għandhomx imħabba naturali” (bil-Grieg, astorgoj) u li persuni bħal dawn ikun ħaqqhom il-mewt.—2Ti 3:3; Rum 1:31, 32.
11-17 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | RUMANI 15-16
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
w89 12/1 24 ¶3
“Biex nara kemm hi ġenwina l-imħabba tagħkom”
Ħuthom il-Ġentili żgur li kellhom jiġu mmotivati biex jgħinuhom fis-sitwazzjoni diffiċli li kienu fiha. Wara kollox, huma kellhom “dejn” speċjali mal-Kristjani f’Ġerusalemm. L-aħbar tajba mhux minn Ġerusalemm kienet infirxet mal-Ġentili? Pawlu qiesha b’dan il-mod: “La l-Kristjani Lhud qasmu t-teżori spiritwali tagħhom mal-Ġentili, il-Ġentili huma fid-dmir li jikkontribwixxu għall-affarijiet materjali tagħhom.”—Rumani 15:27, The New English Bible.
it-1 858 ¶5
Għarfien minn qabel
Il-Messija, jew il-Kristu, kellu jkun in-Nisel imwiegħed li permezz tiegħu n-nies ġusti tal-familji kollha mad-dinja kellhom jiġu mberkin. (Ga 3:8, 14) L-ewwel darba li ssemma dan in-‘nisel’ kien wara r-ribelljoni fl-Għeden, imma qabel ma twieled Abel. (Ġen 3:15) Dan kien xi 4,000 sena qabel ġie rrivelat “is-sigriet sagru” billi ġie identifikat b’mod ċar li dak hu n-“nisel” Messjaniku. Għalhekk, tassew kien “inżamm fis-skiet għal żmien twil.”—Rum 16:25-27; Ef 1:8-10; 3:4-11.
18-24 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 KORINTIN 1-3
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 1193 ¶1
L-għerf
Id-dinja bl-għerf kollu tagħha qieset bluha l-provvediment t’Alla permezz taʼ Kristu u rrifjutatu; il-mexxejja tagħha, għalkemm jistaʼ jkun li kienu amministraturi għorrief u kapaċi, saħansitra ‘sammru maʼ zokk lill-Mulej glorjuż.’ (1Ko 1:18; 2:7, 8) Imma Alla issa kien qed jagħti prova li l-għerf tad-dinja hu bluha, u b’hekk ġiegħel lill-irġiel għorrief jistħu billi uża dak li huma kkunsidrawh “bluha t’Alla,” kif ukoll persuni li huma qisuhom ‘boloh, dgħajfin, u bla ġieħ,’ biex iwettaq l-iskop Tiegħu li kien se jseħħ żgur. (1Ko 1:19-28) Pawlu fakkar lill-Kristjani taʼ Korintu li ‘l-għerf taʼ din is-sistema u dak tal-ħakkiema tagħha’ kien se jiġi fix-xejn, allura għerf bħal dan ma kienx parti mill-messaġġ spiritwali tal-appostlu. (1Ko 2:6, 13) Hu wissa lill-Kristjani taʼ Kolossi biex ma jaqgħux fin-nassa taʼ “filosofija [filosofijas, litteralment, imħabba għall-għerf] u qerq fieragħ skond it-tradizzjoni tal-bnedmin.”—Kol 2:8; qabbel versi 20-23.
25-31 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | 1 KORINTIN 4-6
“Ftit ħmira tħemmer l-għaġna kollha”
it-2 230
Ħmira
L-appostlu Pawlu uża l-istess eżempju meta kkmanda lill-kongregazzjoni Kristjana f’Korintu biex tkeċċi lir-raġel immorali mill-kongregazzjoni, billi qal: “Ma tafux li ftit ħmira tħemmer l-għaġna kollha? Neħħu l-ħmira l-qadima biex tkunu għaġna ġdida, ħelsin minn kulma jiffermenta. Għax Kristu, il-Qbiż tagħna, ġie sagrifikat.” Imbagħad wera b’mod ċar x’ried ifisser bi “ħmira”: “Għaldaqstant ħa nosservaw il-festa, mhux bi ħmira qadima, lanqas bi ħmira taʼ ħażen u aġir mill-agħar, imma b’ħobż bla ħmira taʼ sinċerità u verità.” (1Ko 5:6-8) Pawlu hawnhekk kien qed juża bħala eżempju diversi aspetti mill-festa Lhudija tal-ħobż bla ħmira, li kienet tiġi eżatt wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Bħalma ftit għaġina bil-ħmira malajr tħemmer l-għaġna kollha, il-kongregazzjoni bħala grupp ma kinitx se tkun nadifa f’għajnejn Ġeħova jekk ma tneħħix din l-influwenza ħażina taʼ dan ir-raġel immorali. Huma kellhom jaġixxu u jneħħu l-“ħmira” minn ġo nofshom, bħalma l-Iżraelin kellhom ineħħu l-ħmira mid-djar tagħhom waqt il-festa.
it-2 869-870
Satana
Xi jfisser li ‘tagħtu lil bniedem f’idejn Satana għall-qerda tal-laħam’?
Meta l-appostlu Pawlu qal lill-kongregazzjoni f’Korintu liema azzjoni kellhom jieħdu lejn membru tal-kongregazzjoni li kien qed jikkommetti ħażen billi kien qed jagħmel inċest mal-mara taʼ missieru, hu qal: ‘Agħtu lil dan il-bniedem f’idejn Satana għall-qerda tal-laħam.’ (1Ko 5:5) Dan kien kmand biex ikeċċu lir-raġel mill-kongregazzjoni, u b’hekk jaqtgħu kwalunkwe sħubija miegħu. (1Ko 5:13) Li jagħtuh f’idejn Satana kien ifisser li jneħħuh mill-kongregazzjoni, u b’hekk jispiċċa fid-dinja fejn Satana hu l-alla u l-ħakkiem tagħha. Bħal “ftit ħmira” fl-“għaġna kollha,” dan ir-raġel kien “il-laħam,” jiġifieri kien qed jeffettwa ħażin il-kongregazzjoni; u billi jneħħu lil dan ir-raġel li kien qed jagħmel inċest, l-aħwa spiritwali tal-kongregazzjoni kienu se jeqirdu “l-laħam” minn ġo nofshom. (1Ko 5:6, 7) B’mod simili, Pawlu ta lil Imeni u Alessandru lil Satana, għax huma kienu warrbu l-fidi u l-kuxjenza tajba u ġarrbu nawfraġju fil-fidi tagħhom.—1Ti 1:20.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 211
Liġi
Liġi lill-anġli. L-anġli, li huma superjuri għall-bnedmin, huma taħt il-liġi u l-kmandamenti t’Alla. (Eb 1:7, 14; Sa 104:4) Ġeħova kkmanda u għamel limiti anke fuq l-avversarju tiegħu, Satana. (Ġob 1:12; 2:6) Mikiel l-arkanġlu rrikonoxxa u rrispetta l-pożizzjoni taʼ Ġeħova bħala l-Imħallef Suprem meta f’argument max-Xitan qal: “Ħa jċanfrek Ġeħova.” (Ġd 9; qabbel Ża 3:2.) Ġesù Kristu glorifikat għandu l-anġli kollha taħt l-awtorità tiegħu li ngħatatlu minn Alla Ġeħova. (Eb 1:6; 1Pt 3:22; Mt 13:41; 25:31; Flp 2:9-11) Għalhekk, permezz tal-kmand taʼ Ġesù, intbagħat messaġġier anġeliku lil Ġwanni. (Ri 1:1) Madankollu, fl-1 Korintin 6:3 l-appostlu Pawlu jitkellem dwar l-aħwa spiritwali taʼ Kristu bħala li huma magħżulin biex jiġġudikaw lill-anġli, milli jidher għax huma b’xi mod se jkollhom sehem f’li jagħmlu ġudizzju fuq l-ispirti mill-agħar.