LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 5/1 pp. 27-31
  • L-Isports tal-Qedem u l-Importanza tar-Rebħa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Isports tal-Qedem u l-Importanza tar-Rebħa
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Istituzzjoni tal-​Qedem
  • Il-​Logħob
  • Il-​Premju
  • Il-​Ġinnasji u l-​Atleti Tagħhom
  • Il-​Kristjani u l-​Logħob
  • Minn Olimpja għal Sydney
    Stenbaħ!—2000
  • ‘Iġri’ b’Dan il-Mod
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • X’għandi nkun naf dwar l-isports?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Qegħed Tiġri fit-Tellieqa Għall-Ħajja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 5/1 pp. 27-31

L-​Isports tal-​Qedem u l-​Importanza tar-​Rebħa

“KULL atleta [“jeżerċita r-​rażna f’kollox,” NW]. “L-​atleta ma jiħux il-​premju jekk ma jkunx mexa skond ir-​regoli.”—1 Korintin 9:25; 2 Timotju 2:5.

Il-logħob li l-​appostlu Pawlu kien qed jirreferi għalih kien karatteristika integrali taċ-​ċivilizzazzjoni Griega tal-​qedem. L-​istorja x’tgħidilna dwar dawn il-​kompetizzjonijiet u l-​effett emozzjonali li ħallew fuq is-​soċjetà?

Dan l-​aħħar, esibizzjoni fuq il-​logħob Grieg, Nike—Il gioco e la vittoria (“Nike—Il-​Logħob u l-​Vittorja”), inżammet fil-​Kolossew taʼ Ruma.a L-​oġġetti fil-​wirja taw xi tweġibiet għal din il-​mistoqsija u jġagħluna naħsbu ftit rigward il-​ħarsa Kristjana lejn l-​isports.

Istituzzjoni tal-​Qedem

Il-​Greċja ma kinitx l-​ewwel ċivilizzazzjoni li ħadet sehem fl-​isports. Minkejja dan, għall-​ħabta tat-​tmien seklu Q.E.K., Omeru, il-​poeta Grieg, iddeskriva soċjetà mqanqla minn ideali erojċi u spirtu kompetittiv, li fiha l-​abbiltà militari u l-​atletiżmu kienu stmati ħafna. L-​ewwel festi Griegi, spjegat l-​esibizzjoni, bdew bħala avvenimenti reliġjużi biex jonoraw l-​allat fil-​funerali taʼ persunaġġi erojċi. Per eżempju, l-​Ilijade t’Omeru, l-​eqdem xogħol li għadu jeżisti tal-​letteratura Griega, tiddeskrivi kif gwerriera nobbli, ħbieb t’Akille, neħħew l-​armi tagħhom fir-​riti tal-​funeral għal Patroklu u kkompetew biex juru l-​kuraġġ tagħhom fil-​boxing, il-​lotta, it-​tfigħ tad-​diskus u l-​lanza, u t-​tlielaq bil-​karrijiet.

Festi simili kienu bdew jinżammu madwar il-​Greċja kollha. Il-​browxer taʼ l-​esibizzjoni jgħid: “Il-​festi pprovdew opportunità bażika li fiha l-​Griegi, minħabba r-​rispett lejn l-​allat tagħhom, warrbu t-​tilwim bla tmiem u spiss vjolenti tagħhom, u rnexxielhom idawru l-​ispirtu kompetittiv tagħhom f’xi ħaġa taʼ paċi, imma daqstant qawwija: dik taʼ kompetizzjoni atletika.”

Gruppi taʼ bliet indipendenti u l-​inħawi taʼ madwarhom ħaduha drawwa li jinġabru regolarment f’ċentri tal-​qima komuni biex jonoraw lill-​allat tagħhom permezz taʼ kompetizzjonijiet atletiċi. Maż-​żmien, erbgħa minn dawn il-​festi—l-​Olimpika u n-​Nemajka, it-​tnejn dedikati lil Żews, u l-​Pitika u l-​Istmika, dedikati lil Apollo u lil Posejdon rispettivament—baqgħu jsiru dejjem iktar importanti sakemm laħqu l-​istess livell tal-​festi Panelleniċi. Jiġifieri, kienu miftuħa għall-​kompetituri minn madwar id-​dinja Griega kollha. Il-​festi kien fihom sagrifiċċji u talb u l-​allat kienu jiġu onorati wkoll b’kompetizzjonijiet atletiċi jew artistiċi mill-​aqwa.

L-eqdem u l-​iktar prominenti minn dawn il-​festi, li jingħad li ilha ssir mis-​sena 776 Q.E.K., kienet tinżamm kull erbaʼ snin b’unur għal Żews fl-​Olimpja. It-​tieni l-​iktar importanti kienet il-​festa Pitika. Kienet tinżamm viċin l-​iktar oraklu famuż fid-​dinja tal-​qedem, f’Delfi, u din ukoll inkludiet l-​atletika. Imma b’unur għal Apollo, il-​patrun tal-​poeżija u l-​mużika, l-​enfasi kienet tkun fuq il-​kant u ż-​żfin.

Il-​Logħob

Meta tqabbilhom maʼ l-​atletika taʼ llum, in-​numru taʼ kompetizzjonijiet kien limitat mhux ħażin, u rġiel biss kienu jieħdu sehem. Il-​programm tal-​logħob Olimpiku tal-​qedem ġeneralment ma kienx ikun fih iktar minn għaxar logħbiet. L-​istatwi, l-​iskulturi, il-​mużajċi, u t-​tpinġija fuq il-​vażuni tat-​terrakotta li ntwerew fil-​Kolossew taw stampa limitata taʼ kif kien dan il-​logħob.

Kien hemm tlielaq taʼ tliet distanzi—l-​istadju, taʼ madwar 200 metru; il-​korsa doppja, li tistaʼ titqabbel maʼ l-​400 metru taʼ llum; u t-​tellieqa t-​twila, taʼ xi 4,500 metru. L-​atleti kienu jiġru u jagħmlu l-​eżerċizzji kompletament għarwenin. Dawk li ħadu sehem fil-​pentatlon ħadu sehem f’ħames logħbiet: il-​ġiri, il-​long jump, il-​lotta, u t-​tfigħ tad-​diskus u tal-​lanza. Logħob ieħor inkluda l-​boxing u l-​pankrazju, deskritt bħal “sport brutali li għaqqad il-​boxing mingħajr ingwanti mal-​lotta.” Imbagħad kien hemm it-​tlielaq bil-​karrijiet taʼ 1,600 metru, b’karrijiet ħfief miftuħin minn wara fuq roti żgħar, miġbudin minn tnejn jew erbaʼ żwiemel.

Il-​boxing kien vjolenti ħafna u kultant fatali. Mal-​ponnijiet kienu jdawru strixxi taʼ ġilda iebsa mimlijin biċċiet tal-​metall li jċarrat. Tistaʼ timmaġina għala ċertu kompetitur jismu Stratofonte ma setax jagħraf lilu nnifsu fil-​mera wara erbaʼ sigħat boxing. Statwi tal-​qedem u mużajċi juru li boxers spiċċaw sfigurati waħda u sew.

Fil-lotta, ir-​regoli kienu li dawk li jkunu qed jiġġieldu setgħu biss jattakkaw mill-​qadd ’il fuq, u r-​rebbieħ kien ikun l-​ewwel wieħed li jimmobilizza l-​opponent tiegħu maʼ l-​art tliet darbiet. B’kuntrast, fil-​pankrazju ma kien hemm ebda regoli dwar kif jattakkaw lil xulxin. Il-​kompetituri setgħu jagħtu bis-​sieq, bl-​idejn, u jilwu l-​ġogi. Biss ma setgħux jaqilgħu l-​għajnejn, jigirfu, u jigdmu. Il-​mira kienet li jimmobilizzaw lill-​opponent maʼ l-​art u jisforzawh biex iċedi. Xi wħud qisuh bħala “l-​aqwa spettaklu taʼ l-​Olimpja kollha.”

L-iktar pankrazju famuż tal-​qedem jingħad li seħħ fil-​finali taʼ l-​Olimpiku fis-​sena 564 Q.E.K. Arrhachion, li kien qed jiġi fgat, ġietu f’moħħu li jaqlaʼ barra minn postu wieħed mis-​swabaʼ taʼ sieq l-​opponent. Bl-​uġigħ li kellu, l-​opponent tiegħu ċeda f’dak il-​mument eżatt qabel miet Arrhachion. Il-​membri tal-​ġurija ħabbru l-​ġisem mejjet t’Arrhachion bħala r-​rebbieħ!

It-tlielaq tal-​karrijiet kienu l-​iktar logħob importanti u l-​iktar popolari fost l-​aristokratiċi, ladarba r-​rebbieħ ma kienx dak li jkun saq il-​karru imma s-​sid tal-​karru u ż-​żwiemel. Il-​mumenti kritiċi f’din it-​tellieqa kienu jkunu fil-​bidu, meta dawk li kienu se jsuquhom kellhom jibqgħu fil-​korsa tagħhom, u speċjalment f’kull dawra fiż-​żewġ naħat tal-​korsa. L-​iżbalji jew il-​ksur tar-​regoli setgħu jikkaġunaw inċidenti, u dawn kienu jagħmlu din il-​logħba popolari saħansitra iktar spettakolari.

Il-​Premju

L-​appostlu Pawlu qal: “Il-​ġerrejja fl-​istadju kollha jiġru, imma l-​premju wieħed jirbħu.” (1 Korintin 9:24) L-​iktar ħaġa importanti kienet li tirbaħ. Ma kienx hemm midalji tal-​fidda jew tal-​bronż, ebda tieni jew tielet post. “Il-​vittorja, ‘Nike,’ kienet l-​unika mira taʼ l-​atleta,” spjegat l-​esibizzjoni. “Din biss kienet biżżejjed ladarba din biss kienet tirrifletti verament il-​karattru persunali tiegħu, kemm fiżiku u kemm morali, u kienet iġġiegħel lin-​nies taʼ pajjiżu jħossuhom kburin.” Din l-​attitudni hija miġbura f’vers minn Omeru: “Jien tgħallimt biex dejjem inkun l-​ewwel.”

Il-​premju li kien jingħata lir-​rebbieħ fil-​Logħob Panelleniċi kien biss simboliku—kuruna tal-​weraq. Pawlu sejħilha “kuruna midbiela.” (1 Korintin 9:25) Madankollu, il-​premju ngħata sinifikat kbir. Kien jirrappreżenta l-​istess forza tan-​natura li kienet tat il-​qawwa lir-​rebbieħ. Il-​vittorja, li tant kien isus warajha b’determinazzjoni ffokata, kienet tfisser il-​favur taʼ l-​allat. Xi oġġetti f’din l-​esibizzjoni wrew kif skulturi u pitturi tal-​qedem kienu jimmaġinaw lil Nike, l-​alla Griega tal-​vittorja li kellha l-​ġwienaħ, tpoġġi l-​kuruna fuq ras ir-​rebbieħ. Rebħa fl-​Olimpja kienet il-​quċċata tal-​karriera t’atleta.

Il-Kuruni Olimpiċi kienu magħmulin minn weraq salvaġġ—l-​Istmiċi taʼ l-​arżnu, il-​Pitiċi tar-​rand, in-​Nemej tal-​karfus salvaġġ. Dawk li organizzaw il-​logħob f’postijiet oħrajn offrew flus jew premjijiet oħra biex jiġbdu l-​aqwa kompetituri. Xi ftit mill-​vażuni li kien hemm fl-​esibizzjoni kienu premjijiet mogħtijin fil-​Logħob Panatenajk, li nżamm f’Ateni b’unur għall-​alla mara Atena. Dawn il-​vażuni oriġinalment kien fihom żejt taż-​żebbuġa prezzjuż minn Attika. It-​tiżjin fuq naħa waħda tal-​vażuni fih stampa t’Atena u hemm il-​frażi “premju għall-​kompetizzjonijiet t’Atena.” Fuq in-​naħa l-​oħra hemm stampa taʼ logħba partikulari, x’aktarx dik li l-​atleta kien rebaħ.

Bliet Griegi kienu jieħdu pjaċir ikollhom sehem mill-​fama taʼ l-​atleti tagħhom, li r-​rebħiet tagħhom ikunu biddluhom f’eroj fil-​komunitajiet fejn kienu joqogħdu. Ir-​ritorn tar-​rebbieħa kien ċelebrat permezz taʼ purċissjonijiet trijonfali. Kienu jagħmlu statwi tagħhom bħala offerti taʼ ringrazzjament lill-​allat—unur li s-​soltu ma kienx jingħata lil dawk mortali—u l-​poeti kantaw dwar il-​qlubija tagħhom. Ir-​rebbieħa mbagħad kienu jingħataw l-​ewwel postijiet f’ċerimonji pubbliċi u kienu jitħallsu minn fuq il-​poplu.

Il-​Ġinnasji u l-​Atleti Tagħhom

Il-​kompetizzjoni atletika kienet kunsidrata bħala fattur essenzjali fl-​iżvilupp tas-​suldat ċittadin. Il-​bliet Griegi kollha kellhom il-​ġinnasji tagħhom, li fihom kien jingħata taħriġ fiżiku lil irġiel żgħażagħ flimkien mat-​tagħlim taʼ dixxiplina intelletwali u spiritwali. Il-​bini taʼ dawn il-​ġinnasji kien isir madwar postijiet kbar fl-​apert tajbin għall-​eżerċizzju, imdawrin b’loġoġ u partijiet oħra msaqqfin li kienu jintużaw bħala libreriji u klassijiet. F’dawn l-​istituzzjonijiet l-​iktar li kienu jmorru kienu l-​irġiel żgħażagħ minn familji għonja li setgħu jaffordjaw li jiddedikaw ħin għall-​edukazzjoni minflok ma jaħdmu. Hawnhekk, l-​atleti ssottomettew ruħhom għal preparazzjoni twila u intensa għal-​logħob bl-​għajnuna taʼ wħud li ħarrġuhom. Minbarra t-​taħriġ, dawn kienu wkoll jagħtuhom dieti u jkunu żguri li l-​atleti ma jitħallewx ikollhom relazzjonijiet sesswali.

L-esibizzjoni tal-​Kolossew tat l-​opportunità lill-​viżitaturi biex jammiraw ir-​rappreżentazzjonijiet sbieħ t’atleti tal-​qedem, l-​iktar il-​kopji taʼ skulturi Griegi li saru matul l-​Imperu Ruman. Ladarba fl-​ideoloġija klassika, il-​perfezzjoni fiżika kienet tikkorrispondi mal-​perfezzjoni morali u l-​aristokratiċi biss setgħu jipposseduha, dawn l-​iġsma li kienu proporzjonati tajjeb taʼ l-​atleti vittorjużi rrappreżentaw ideal filosofiku. Ir-​Rumani apprezzawhom bħala xogħol taʼ l-​arti, u ħafna minnhom żejnu stadji, banjijiet, vilel, u palazzi.

Fost ir-​Rumani, l-​ispettakli vjolenti kienu popolari ħafna, u għalhekk mil-​logħob Grieg kollu li kien isir Ruma, il-​boxing, il-​lotta, u l-​pankrazju kienu l-​iktar popolari. Ir-​Rumani ħarsu lejn dan l-​isports bħala kompetizzjoni bejn uħud indaqs biex jiddeterminaw il-​virtù rispettiv tagħhom, imma bħala sempliċi divertiment. Il-​konċett oriġinali taʼ l-​isports bħala l-​parteċipazzjoni kollettiva taʼ l-​aqwa atleti gwerriera bħala parti mill-​edukazzjoni tagħhom ġie abbandunat. Minflok, ir-​Rumani bdew iqisu l-​logħob Grieg jew bħala eżerċizzju tajjeb għas-​saħħa qabel ma wieħed jieħu banju jew bħala sport li għalih kienu biss spettaturi u li fih ħadu sehem professjonisti taʼ klassi iktar baxxa, bħal-​logħob tal-​gladjaturi.

Il-​Kristjani u l-​Logħob

In-​natura reliġjuża tal-​logħob kienet raġuni waħda għala l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kellhom iwarrbuh, għax “x’rabta hemm bejn it-​tempju taʼ Alla maʼ l-​idoli?” (2 Korintin 6:14, 16) Xi ngħidu għall-​isports illum?

M’għandniex xi ngħidu, sports modern ma jonorax allat pagani. Madankollu, m’huwiex minnu li xi sports jiġi segwit b’passjoni kważi reliġjuża li tixbah lil dik li eżistiet fost in-​nies tal-​qedem? Iktar minn hekk, bħalma wrew rapporti matul l-​aħħar ftit snin, sabiex jirbħu xi atleti kienu lesti li jieħdu d-​drogi biex jgħinuhom jilagħbu aħjar. Dawn id-​drogi jipperikolawlhom saħħithom u saħansitra ħajjithom.

Għall-Kristjani, is-​suċċess f’affarijiet fiżiċi m’huwiex l-​iktar ħaġa importanti. Il-​kwalitajiet spiritwali tal-​persuna “moħbija f’qalbkom” huma li jagħmluna prezzjużi f’għajnejn Alla. (1 Pietru 3:3, 4) Aħna nammettu li mhux dawk kollha li jieħdu sehem fl-​isports illum għandhom spirtu akkanit taʼ kompetizzjoni, imma hemm ħafna li għandhom dan l-​ispirtu. Jekk nassoċjaw magħhom, se niġu aħna megħjunin insegwu t-​twissija Skritturali biex ma ‘nagħmlu xejn b’pika taʼ partit, anqas għall-​ftaħir fieragħ; imma nkunu umlin?’ Jew sħubija bħal din se twassal għal “mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda”?—Filippin 2:3; Galatin 5:19-21.

Ħafna sports modern li jinvolvi kuntatt fiżiku għandu mnejn iwassal għall-​vjolenza. Kulmin jogħġbu dan it-​tip taʼ sports jagħmel tajjeb jekk jiftakar il-​kliem taʼ Salm 11:5: “Jgħarbel il-​Mulej il-​ġust u l-​ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-​dnewwa.”

Fil-post xieraq tiegħu, l-​eżerċizzju jistaʼ jkun taʼ pjaċir, u l-​appostlu Pawlu qal li “t-​taħriġ tal-​ġisem” jiswa għal ftit. (1 Timotju 4:7-10) Madankollu, meta tkellem dwar il-​logħob Grieg Pawlu bix-​xieraq irrefera għalih biss biex juri l-​importanza li l-​Kristjani juru kwalitajiet bħar-​rażna u s-​sabar. Il-​mira li Pawlu kien qed jistinka biex jilħaq, iktar minn kollox, kienet dik li jirċievi l-​“kuruna” tal-​ ħajja taʼ dejjem li jagħti Alla. (1 Korintin 9:24-27; 1 Timotju 6:12) F’dan, hu ħalla eżempju għalina.

[Nota taʼ taħt]

a Nike hija l-​kelma Griega għal “vittorja.”

[Kaxxa/Stampi f’paġna 31]

Il-​Boxer Wara Ġlieda

Din l-​istatwa tal-​bronż tar-​rabaʼ seklu Q.E.K. turi l-​effetti koroh talboxing tal-​qedem, li fih, skond il-​browxer taʼ l-​esibizzjoni f’Ruma, “ir-​reżistenza tal-​boxer . . . li ħa sehem fi ġlied li ħallieh eżawrit, u li matulu ‘ġerħa titpatta b’ġerħa’ kienet imfaħħra bħala eżempju mill-​aqwa.” “Marki tal-​ġlieda li tkun għadha kif intemmet jiżdiedu maʼ dawk tal-​ġlidiet taʼ qabel,” tkompli d-​deskrizzjoni.

[Stampa f’paġna 29]

It-​tlielaq bil-​karrijiet kienu l-​iktar prestiġjużi mil-​logħob tal-​kompetizzjonijiet tal-​qedem

[Stampa f’paġna 30]

Artisti tal-​qedem immaġinaw lil Nike, l-​alla tal-​vittorja li kellha l-​ġwienaħ, tpoġġi l-​kuruna fuq ras ir-​rebbieħ

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja