LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 11/1 pp. 12-16
  • Kif Qegħed Tiġri fit-Tellieqa Għall-Ħajja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Qegħed Tiġri fit-Tellieqa Għall-Ħajja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tiġrija għall-​Ħajja
  • Eżerċita Kontroll Fuqek Innifsek fl-​Affarijiet Kollha
  • Iġri b’Mod “Mhux Inċert”
  • Int Tistaʼ Tissaporti sat-Tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • ‘Iġri’ b’Dan il-Mod
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • ‘Iġri t-Tiġrija sal-Aħħar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Niġru t-Tiġrija bis-Sabar
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 11/1 pp. 12-16

Kif Qegħed Tiġri fit-​Tellieqa Għall-​Ħajja?

“Ma tafux intom li l-​ġerrejja f’tellieqa jiġru kollha, imma wieħed biss jirċievi l-​premju? Iġru b’tali mod li tistgħu takkwistawh.”−1 KORINTIN 9:24.

1. Il-​Bibbja maʼ liema ħaġa xxebbah il-​korsa Kristjana tagħna?

IL-​BIBBJA xxebbah it-​tfittxija tagħna għall-​ħajja taʼ dejjem maʼ tiġrija. Lejn it-​tmiem taʼ ħajtu, l-​appostlu Pawlu qal dwaru nnifsu: “Jien iġġilidt il-​ġlieda mill-​aħjar, jien ġrejt il-​korsa sat-​tmiem, jien osservajt il-​fidi.” Hu ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex jagħmlu l-​istess meta qal: “Ejjew aħna wkoll inneħħu kull piż u d-​dnub li faċilment iħarbatna, u ejjew niġru bis-​sabar it-​tiġrija li hi mqiegħda quddiemna.”−2 Timotew 4:7; Ebrej 12:1.

2. Liema bidu inkuraġġanti naraw fit-​tiġrija għall-​ħajja?

2 Il-​paragun hu wieħed xieraq għaliex tiġrija tikkonsisti f’bidu, f’korsa stabbilita, u fi tmiem, jew mira. L-​istess hu l-​proċess tal-​progress spiritwali tagħna lejn il-​ħajja. Kif rajna, kull sena mijiet taʼ eluf taʼ nies qegħdin jiksbu bidu tajjeb fit-​tiġrija għall-​ħajja. F’dawn l-​aħħar ħames snin, per eżempju, 1,336,429 persuna bdew formalment fit-​tiġrija bid-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tal-​ilma. Bidu vigoruż bħal dan hu bil-​wisq inkuraġġanti. Il-​ħaġa importanti, madankollu, hi li tibqaʼ fit-​tiġrija sakemm tilħaq it-​tmiem tagħha. Qiegħed int tagħmel hekk?

It-​Tiġrija għall-​Ħajja

3, 4. (a) Pawlu kif indika l-​importanza taʼ li nibqgħu niġru fit-​tiġrija? (b) Xi wħud kif naqsu li jagħtu kas il-​parir taʼ Pawlu?

3 Biex jenfasizza l-​importanza taʼ li nibqgħu fit-​tiġrija, Pawlu wissiena: “Ma tafux intom li l-​ġerrejja f’tellieqa jiġru kollha, imma wieħed biss jirċievi l-​premju? Iġru b’tali mod li tistgħu takkwistawh.”—1 Korintin 9:24.

4 Veru, fil-​logħob tal-​qedem, wieħed biss setaʼ jirċievi premju. Madankollu, fit-​tiġrjia għall-​ħajja, kulħadd huwa eliġibbli għall-​premju. Huwa neċessarju biss li tibqaʼ fil-​korsa sat-​tmiem! B’ferħ, ħafna ġrew il-​korsa bil-​fedeltà sat-​tmiem taʼ ħajjithom, bħalma għamel l-​appostlu Pawlu. U miljuni għadhom qegħdin jiġru. Xi ftit, iżda, naqsu li jagħfsu ’l quddiem jew li jagħmlu avvanz lejn it-​tmiem tat-​tiġrija. Minflok, huma ħallew affarijiet oħrajn ifixkluhom u b’hekk jew waqfu mit-​tiġrija jew saru ma jikkwalifikawx b’xi mod. (Galatin 5:7) Dan għandu jagħti raġuni lilna lkoll biex neżaminaw kif qegħdin niġru fit-​tiġrija għall-​ħajja.

5. Kien Pawlu qiegħed iqabbel it-​tiġrija għall-​ħajja maʼ logħba kompettitiva? Spjega.

5 Tistaʼ tqum il-​mistoqsija: Pawlu x’kellu f’moħħu meta qal li “wieħed biss jirċievi l-​premju”? Kif ġie nnotat qabel, hu ma riedx ifisser li fost dawk kollha li bdew fit-​tiġrija għall-​ħajja, wieħed biss se jirċievi l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem. Ovvjament dak ma setax kien il-​każ, għax darba wara l-​oħra, hu għamilha ċara li hija r-​rieda t’Alla li nies taʼ kull xorta jsalvaw. (Rumani 5:18; 1 Timotew 2:3, 4; 4:10; Titus 2:11) Le, ma kienx qiegħed igħid li t-​tiġrija għall-​ħajja hija kompetizzjoni li fiha kull parteċipant jipprova jegħleb lill-​oħrajn kollha. Il-​Korintin kienu jafu tajjeb li dak ix-​xorta taʼ spirtu kompettitiv kien jeżisti fost il-​kontestanti fil-​Logħob taʼ Isthmus, li kienu jsiru f’pajjiżhom u li jintqal li kienu saħansitra iżjed prestiġjużi f’dak iż-​żmien mil-​Logħob Olimpiku. Pawlu, allura, x’kellu f’moħħu?

6. Il-​kuntest x’jirrivela dwar id-​diskussjoni taʼ Pawlu dwar il-​ġerrej u t-​tiġrija?

6 Meta semma t-​tixbieha tal-​ġerrej, Pawlu kien qed jiddiskuti primarjament il-​prospetti tiegħu stess għas-​salvazzjoni. Fil-​versi taʼ qabel, hu ddeskriva kemm kien ħadem iebes u stinka f’modi diversi. (1 Korintin 9:19-22) Imbagħad, f’vers 23, qal: “Imma jien nagħmel l-​affarijiet kollha minħabba l-​aħbar tajba, biex jistaʼ jkolli sehem minnha maʼ oħrajn.” Hu rrealizza li s-​salvazzjoni tiegħu ma kinitx iggarantita sempliċement għaliex kien magħżul biex ikun appostlu jew għaliex kien qattaʼ ħafna snin jippriedka lill-​oħrajn. Sabiex jieħu sehem mill-​barkiet tal-​aħbar tajba, hu ried ikompli jagħmel kulma setaʼ minħabba l-​aħbar tajba. Hu ried jiġri b’intenzjoni sħiħa li jirbaħ, billi jistinka b’mod iebes daqs li kieku kien qed jiġri fit-​tellieqa fil-​Logħob taʼ Isthmus, fejn “wieħed biss jirċievi l-​premju.”−1 Korintin 9:24a.

7. X’inhu meħtieġ biex ‘tiġri b’tali mod li tistaʼ takkwistah’?

7 Hemm ħafna li nistgħu nitgħallmu minn dan. Għalkemm kulmin jidħol f’tiġrija jrid jirbaħ, dawk biss li huma determinati għalkollox li jirbħu għandhom xi prospett li jagħmlu hekk. Għaldaqstant, m’għandniex inħossuna sodisfatti sempliċement għaliex dħalna fit-​tiġrija. M’għandniex inħossuna li kollox se jkun ħarir għaliex qegħdin ‘fil-​verità.’ Ahna nistgħu nġorru l-​isem taʼ Kristjan, imma għandna aħna s-​sustanza li turi li aħna Kristjani? Per eżempju, nagħmlu aħna l-​affarijiet li nafu li Kristjan għandu jagħmel—nattendu l-​laqgħat Kristjani, nieħdu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa, eċċ. Jekk iva, dan hu taʼ min ifaħħru, u għandna nistinkaw biex nipperseveraw fi drawwiet eċċellenti bħal dawn. Huwa possibbli, iżda, li nistgħu nibbenefikaw iżjed minn dak li nagħmlu? Per eżempju, aħna dejjem ippreparati biex nikkontribwixxu xi ħaġa fil-​laqgħat? Nipprovaw aħna napplikaw dak li nitgħallmu fil-​ħajja persunali tagħna? Nagħtu attenzjoni biex intejbu l-​kapaċitajiet tagħna sabiex inkunu nistgħu nagħtu xiehda bir-​reqqa minkejja l-​ostakoli li niltaqgħu magħhom fil-​għalqa? Lesti aħna li naċċettaw l-​isfida li mmorru lura għand nies li wrew interess u li nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar? “Igru b’tali mod li tistgħu takkwistawh,” ħeġġeġ Pawlu.—1 Korintin 9:24b.

Eżerċita Kontroll Fuqek Innifsek fl-​Affarijiet Kollha

8. X’setaʼ wassal lil Pawlu biex iħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex ‘jeżerċitaw kontroll fuqhom infushom f’kollox’?

8 Matul ħajtu, Pawlu ra lil ħafna li kienu majnaw, inġarru mal-​kurrent, jew ċedew fit-​tiġrija għall-​ħajja. (1 Timotew 1:19, 20; Ebrej 2:1) Kien għalhekk li hu b’mod ripetut fakkar lill-​Kristjani sħabu li huma kienu f’taqtieġħa strapazzanti u kontinwa. (Efesin 6:12; 1 Timotew 6:12) Hu ħa t-​tixbieha tal-​ġerrej pass ieħor ’il quddiem u qal: “Barra minn hekk, kull raġel li jieħu sehem f’kompetizzjoni jeżerċita kontroll fuqu nnifsu f’kollox.” (1 Korintin 9:25a) Meta qal dan, Pawlu kien qed jalludi għal xi ħaġa li l-​Kristjani Korintin kienu familjari ħafna magħha, jiġifieri, it-​taħriġ rigoruż segwit mill-​parteċipanti fil-​Logħob taʼ Isthmus.

9, 10. (a) Sors wieħed kif jiddeskrivi lill-​parteċipanti fil-​Logħob taʼ Isthmus? (b) X’inhu b’mod partikulari notevoli dwar id-​deskrizzjoni?

9 Hawn hija deskrizzjoni ħajja taʼ parteċipant fit-​taħriġ:

“Kuntent u mingħajr lanqas tgergira waħda hu jissottometti lilu nnifsu lejn ir-​regoli u r-​restrizzjonijiet tal-​għaxar xhur taʼ taħriġ tiegħu, li mingħajru jistaʼ ma jikkompeti xejn.... Hu kburi bit-​tbatijiet żgħar tiegħu, u bit-​taħbit, u biċ-​ċaħdiet, u jqisu bħala punt taʼ unur li skrupolożament jastjeni minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ bl-​inqas mod tnaqqaslu ċ-​ċans taʼ suċċess tiegħu. Hu jara rġiel oħrajn iċedu għall-​aptit, jistrieħu waqt li hu jilheġ bl-​isforz, jiddevertu fil-​banju, igawdu ħajja taʼ pjaċir; imma lanqas ħsieb taʼ għira ma jgħaddilu minn moħħu, għaliex qalbu tinsab fuq il-​premju, u taħriġ aħrax huwa indispensabbli. Hu jaf li ċ-​ċansijiet tiegħu jitilqu jekk f’xi punt jew f’xi okkażjoni hu jirrilassa l-​ħruxija tad-​dixxiplina.”−The Expositor’s Bible, Volum V, paġna 674.

10 Taʼ interess partikulari hi l-​osservazzjoni li dak li qed jitħarreġ “iqisu punt taʼ unur” li jsegwi rutina tant rigoruża taʼ ċaħda tiegħu nnifsu. Fil-​fatt, “lanqas ħsieb taʼ għira ma jgħaddilu minn moħħu” minħabba t-​trankwillità u l-​kumdità li jara lil oħrajn igawdu. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minn dan? Iva, tabilħaqq.

11. Liema ħarsa mhix xierqa rridu ngħassu kontra tagħha waqt li nieħdu sehem fit-​tiġrija għall-​hajja?

11 Ftakar fil-​kliem taʼ Ġesù li “wiesgħa u spazjuża hi t-​triq li tieħu għall-​qerda, u ħafna huma dawk li deħlin fiha; fil-​waqt li dejjaq hu r-​rixtellu u marsusa t-​triq li tieħu għall-​ħajja, u ftit huma dawk li qegħdin isibuha.” (Mattew 7:13, 14) Hekk kif int tipprova tivvjaġġa fit-​‘triq marsusa,’ tgħir int għal-​libertà u t-​trankwillità li dawk fit-​triq l-​oħra jidhru li qegħdin igawdu? Tħossok li qed titlef xi affarijiet li oħrajn qegħdin jagħmlu, li jidhru li m’humiex daqshekk ħżiena fihom infushom? Huwa faċli għalina li nħossuna hekk jekk nonqsu li nżommu f’moħħna r-​raġuni għala qegħdin naqbdu din il-​korsa. “Issa huma, m’għandniex xi ngħidu, jagħmluh biex jistgħu jiksbu kuruna li titbiel, imma aħna waħda li ma titbielx,” qal Pawlu.—1 Korintin 9:26b.

12. Għala jistaʼ jingħad li l-​glorja u l-​fama li n-​nies ġrew warajhom huma bħall-​kuruna li tispiċċa li kienet tingħata fil-​Logħob taʼ Isthmus’?

12 Ir-​rebbieħ fil-​Logħob taʼ Isthmus kien jirċievi kuruna tal-​weraq tas-​siġar tal-​prinjol taʼ Isthmus jew taʼ xi pjanta oħra, li probabbli kienet titbiel wara ftit ġranet jew gimgħat. M’għandniex xi ngħidu, ma kienx għall-​kuruna li titbiel li l-​atleti kienu jissaraw imma għall-​glorja, l-​unur, u l-​fama li kienet iġġib magħha. Sors wieħed taʼ informazzjoni jirrakkonta li meta r-​rebbieħ kien jirritorna d-​dar, hu kien jingħata merħba taʼ eroj rebbieħ. Taʼ spiss kienu jitwaqqgħu ħitan tal-​belt għall-​purċissjoni tiegħu biex tkun tistaʼ tgħaddi, u kienu jitwaqqfu statwi f’unuru. Minkejja dan kollu, madankollu, il-​glorja tiegħu xorta waħda kienet waħda li tispiċċa. Illum, ftit huma dawk li jafu min kienu dawk l-​eroj rebbiħin, u l-​biċċa l-​kbira verament ma jimpurtahomx. Dawk li jissagrifikaw il-​ħin, l-​enerġija, is-​saħħa, u saħansitra l-​hena tal-​familja tagħhom biex jakkwistaw il-​poter, il-​fama, u l-​għana fid-​dinja, imma li m’humiex għonja lejn Alla, se jsibu li l-​“kuruna” materjalistika tagħhom, bħall-​ħajja tagħhom, hija sempliċement ħaġa li tgħaddi.—Mattew 6:19, 20; Luqa 12:16-21.

13. Il-​korsa tal-​ħajja taʼ wieħed li qiegħed fit-​tiġrija għall-​ħajja kif inhi differenti minn dik taʼ atleta?

13 Parteċipanti f’xi logħob atletiku jistgħu jkunu lesti li jaċċettaw il-​ħtiġijiet rigorużi taʼ taħriġ, bħalma huma dawk deskritti qabel, imma biss għal żmien limitat. Ladarba l-​logħob jispiċċa, huma jmorru lejn mod taʼ ħajja normali. Huma forsi xorta waħda jitħarrġu kull tant żmien biex iżommu l-​kapaċitajiet tagħhom, imma ma jibqgħux isegwu l-​istess korsa taʼ ċaħda severa tagħhom infushom, għall-​anqas mhux sakemm tkun qiegħda toqrob il-​kompetizzjoni l-​oħra. M’huwiex hekk għal dawk li qegħdin fit-​tiġrija għall-​ħajja. Għalihom, it-​taħriġ u ċċaħda tagħhom infushom iridu jkunu mod taʼ ħajja.—1 Timotew 6:6-8.

14, 15. Parteċipant fit-​tiġrija għall-​ħajja għala jrid jeżerċita kontroll fuqu nnifsu kontinwament?

14 “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,” qal Ġesù Kristu lil ġemgħa taʼ dixxipli u oħrajn, “ha jiċhad lilu nnifsu (jew, “hu jrid igħid, ‘Le’ lilu nnifsu,” Charles B. Williams) u jerfaʼ z-​zokk tat-​tortura tiegħu u jsegwini kontinwament.” (Mark 8:34) Meta naċċettaw din l-​istedina, aħna rridu nkunu ppreparati li nagħmlu dan “kontinwament,” mhux għaliex hemm xi mertu speċjali fiċ-​ċaħda tagħna nfusna, imma għaliex mument wieħed taʼ nuqqas taʼ attenzjoni, nuqqas wieħed taʼ ġudizzju tajjeb, jistaʼ jħassar dak kollu li nbena, saħansitra jtellfilna l-​futur etern tagħna. Progress spiritwali normalment isir b’rata x’aktarx bil-​mod, imma kemm jistaʼ jitħassar malajr jekk ma noqogħdux attenti kontinwament!

15 Jerġaʼ, Pawlu ħeġġiġna li rridu nezerċitaw kontroll fuqna nfusna “f’kollox,” jiġifieri, irridu nagħmlu hekk b’mod konsistenti fl-​aspetti kollha tal-​ħajja. Dan jagħmel sens għaliex jekk wieħed li jittrennja jiekol u jixrob żejjed jew igħix ħajja laxka, xi jkunu jiswew l-​uġigħ u l-​għeja fiżiċi kollha li jgħaddi minnhom? Bl-​istess mod fit-​tiġrija tagħna għall-​ħajja, irridu neżerċitaw kontroll fuqna nfusna f’kollox. Wieħed jistaʼ jikkontrolla lilu nnifsu f’affarijiet bħalma huma s-​sokor u l-​fornikazzjoni, imma l-​valur taʼ dan jonqos jekk hu kburi u ġellied. Jew xi ngħidu jekk hu għandu sabar fit-​tul u qalbu tajba maʼ oħrajn, imma jistor xi dnub sigriet fil-​ħajja privata tiegħu? Biex il-​kontroll fuqna nfusna jkun taʼ benefiċċju bis-​sħiħ, irid jiġi eżerċitat “f’kollox.”−Qabbel Ġakbu 2:10, 11.

Iġri b’Mod “Mhux Inċert”

16. Xi jfisser li tiġri b’mod “mhux inċert”?

16 Billi ra l-​isforzi strapazzanti meħtieġa biex wieħed jirnexxi fit-​tiġrija għall-​ħajja, Pawlu ssokta jgħid: “Għalhekk, il-​mod li qiegħed niġri mhux inċert; il-​mod kif qiegħed nimmira d-​daqqiet tiegħi hu biex ma nkunx qiegħed nagħti fl-​arja.” (1 Korintin 9:26) Il-​kelma “inċert” litteralment tfisser “li ma jidhirx” (Kingdom Interlinear), “mhux osservat, mhux immarkat” (Lange’s Commentary). Għaldaqstant, li tiġri b’mod “mhux inċert” ifisser li għal kull osservatur irid ikun evidenti ferm fejn sejjer il-​ġerrej. The Anchor Bible tittraduċih “mhux fuq korsa kollha kantunieri.” Li kellek tara sett marki tas-​saqajn li sejrin ’il hemm u ’l hawn fuq xatt il-​baħar, kultant jifformaw ċirku, u saħansitra xi drabi jduru lura, ma kontx taħseb li l-​persuna kienet qiegħda tiġri, u saħansitra li kellha idea taʼ fejn kienet sejra. Imma kieku tara sett marki tas-​saqajn li jifformaw linja twila u dritta, b’kull marka quddiem l-​oħra u kollha mdaqqsin indaqs, int tikkonkludi li l-​marki tas-​saqajn jappartjenu lil xi ħadd li jaf eżatt fejn hu sejjer.

17. (a) Pawlu kif wera li hu kien qed jiġri b’mod “mhux inċert”? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu f’dan ir-​rigward?

17 Il-​ħajja taʼ Pawlu turi b’mod ċar li hu kien qed jiġri b’mod “mhux inċert.” Hu kellu evidenza abbundanti biex jagħti prova li hu kien ministru Kristjan u appostlu. Hu kellu biss oġġettiv wieħed, u sforza b’mod vigoruż ħajtu kollha biex jiksbu. Hu qatt ma ġie żvijat mill-​fama, mill-​poter, mill-​għana, jew mill-​kumdità, avolja forsi setaʼ jikseb kwalunkwe waħda minnhom. (Atti 20:24; 1 Korintin 9:2; 2 Korintin 3:2, 3; Filippin 3:8, 13, 14) Hekk kif tħares lura lejn il-​korsa taʼ ħajtek, liema xorta taʼ marka tas-​saqajn tara? Linja dritta b’direzzjoni ċara jew waħda li sejra ’l hawn u ’l hemm bla skop? Hemm evidenza li int qed tikkompeti fit-​tiġrija għall-​ħajja? Ftakar, aħna qegħdin f’din it-​tiġrija, mhux sempliċement biex taparsi qegħdin niġru, imma biex naslu sat-​tmiem tagħha.

18. (a) X’ikun komparabbli maʼ li aħna ‘nagħtu daqqiet fl-​arja’? (b) Dik għala hija korsa perikoluża li ssegwiha?

18 Billi għamel paragun maʼ avveniment atletiku ieħor, Pawlu qal ukoll: “Il-​mod kif qiegħed nimmira d-​daqqiet tiegħi hu biex ma nkunx qiegħed nagħti fl-​arja.” (1 Korintin 9:26b) Fil-​kompetizzjoni tagħna għall-​ħajja, għandna ħafna għedewwa, inklużi Satana, id-​dinja, u l-​imperfezzjoni tagħna stess. Bħal ġellied tal-​qedem, aħna rridu nkunu kapaċi negħlbuhom u nitfgħuhom mal-​art b’daqqiet immirati tajjeb. B’ferħ, Alla Jehovah iħarriġna u jgħinna fil-​ġlieda. Hu jipprovdi struzzjonijiet fil-​Kelma tiegħu, f’pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, u f’laqgħat Kristjani. Madankollu, jekk aħna naqraw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet u mmorru għal-​laqgħat imma ma nipprattikawx dak li nitgħallmu, m’aħniex qegħdin naħlu l-​isforzi tagħna, ‘nagħtu fl-​arja’? Li nagħmlu hekk ipoġġina f’pożizzjoni perikoluża ħafna. Naħsbu li qegħdin nagħmlu ġlieda u b’hekk niksbu sens falz taʼ sigurtà, imma ma nkunux qegħdin negħlbu lill-​għedewwa tagħna. Kien għalhekk li d-​dixxiplu Ġakbu wissa: “Siru dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux semmiegħa biss, billi tqarrqu bikom infuskom b’raġunar falz.” L-​istess bħalma li ‘nagħtu fl-​arja’ mhux se jferi lill-​għedewwa tagħna, lanqas li nkunu “semmiegħa biss” ma jiżżgura li aħna qegħdin nagħmlu r-​rieda t’Alla.—Ġakbu 1:22; 1 Samwel 15:22; Mattew 7:24, 25.

19. Kif nistgħu nkunu żguri li ma nkunux b’xi mod mhux approvati?

19 Fl-​aħħarnett, Pawlu qalilna s-​sigriet tiegħu għas-​suċċess: “[I]nsawwat lil ġismi u mmexxih bħala rsir, li, wara li nkun ippridkajt lil oħrajn; jien innifsi ma niġix b’xi mod mhux approvat.” (1 Korintin 9:27) Bhal Pawlu, aħna wkoll irridu niksbu s-​supremazija fuq il-​laħam imperfett tagħna minflok ma nħalluh ikun is-​sid tagħna. Ir-​ridu nqaċċtu mill-​għeruq it-​tendenzi, ix-​xenqiet, u x-​xewqat tal-​laħam. (Rumani 8:5-8; Ġakbu 1:14, 15) Li tagħmel hekk jistaʼ jkun taʼ wġigħ, ladarba l-​kelma tradotta “nsawwat” litteralment tfisser ‘tagħti daqqa taħt il-​għajn’ (Kingdom Interlinear). Iżda, ma jkunx aħjar li ssofri tbenġila f’għajnejk, biex ingħidu hekk, u tgħix milli ċċedi għax-​xewqat tal-​laħam imwaqqaʼ u tmut?—Qabbel Mattew 5:28, 29; 18:9; 1 Ġwann 2:15-17.

20. Għala issa huwa b’mod speċjali urġenti li neżaminaw kif qegħdin niġru fit-​tiġrija għall-​ħajja?

20 Illum, qegħdin noqorbu lejn it-​tmiem tat-​tiġrija. Iż-​żmien biex jitqassmu l-​premjijiet huwa qrib. Għal Kristjani midlukin, huwa “l-​premju tas-​sejħa ’l fuq t’Alla permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 3:14) Għal dawk tal-​folla kbira, huwa ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-​art. B’daqstant x’nitilfu, ejjew inkunu determinati, bħalma kien Pawlu, li ‘ma niġux b’xi mod mhux approvati.’ Jalla kull wieħed minna jdaħħal f’qalbu l-​istruzzjoni: “Iġru b’tali mod li tistgħu takkwistawh.”−1 Korintin 9:24, 27.

Tiftakar lnt?

◻ Għala huwa xieraq li tqabbel il-​ħajja taʼ Kristjan maʼ tiġrija?

◻ It-​tiġrija għall-​ħajja kif inhi differenti minn tallieqa?

◻ Aħna għala rridu neżerċitaw kontroli fuqna nfusna kontinwament u “f’kollox”?

◻ Wieħed kif jiġri b’mod “mhux inċert”?

◻ Għala huwa perikoluż li tkun sempliċement qed ‘tagħti daqqiet fl-​arja’?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja