LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 11/1 pp. 27-31
  • Ngħarblu “l-Affarijiet Profondi t’Alla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ngħarblu “l-Affarijiet Profondi t’Alla”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeħova Jgħin lill-​Ġwejdin biex Jifhmu
  • Dak li Jinkludu “l-​Affarijiet Profondi t’Alla”
  • Eżempji t’Affarijiet Profondi
  • L-​Istudju Persunali Jistaʼ Jkun Pjaċevoli
  • Għin lit-​Tfal Jieħdu Gost Jistudjaw il-​Bibbja
  • “L-Ispirtu Jgħarbel . . . l-Affarijiet Profondi t’Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • “Ilsir” li hu Kemm Leali u Kemm Diskret
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • L-Istudju—Premjanti u taʼ Gost
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Skopri X’Hemm Iżjed fil-Bibbja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 11/1 pp. 27-31

Ngħarblu “l-​Affarijiet Profondi t’Alla”

“L-​ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 KORINTIN 2:10.

1. Liema huma xi ftit mill-​veritajiet tal-​Bibbja li jġiegħlu lill-​istudenti ġodda tal-​Bibbja jifirħu?

ĦAFNA minna fil-​kongregazzjoni Kristjana għadna niftakru l-​ferħ li ħassejna meta sirna nafu bil-​verità għall-​ewwel darba. Skoprejna għala isem Ġeħova huwa importanti, għala jippermetti t-​tbatija, għala xi nies imorru s-​sema, u x’hemm lest fil-​futur għall-​umanità leali b’mod ġenerali. Jistaʼ jkun li konna eżaminajna l-​Bibbja qabel dan, imma dawn l-​affarijiet kienu moħbijin minna, bħalma huma mill-​maġġuranza taʼ l-​umanità. Aħna konna bħal raġel li kien qed jittawwal mill-​wiċċ taʼ l-​ilma lejn sikka tal-​qroll. Mingħajr għajnuna, hu ftit li xejn jara mill-​affarijiet meraviljużi li jinsabu taħt wiċċ l-​ilma. Imma bl-​għajnuna taʼ maskra tal-​baħar jew permezz taʼ dgħajsa b’qiegħ tal-​ħġieġ, hu jibqaʼ skantat meta jara għall-​ewwel darba l-​kuluri mill-​isbaħ tal-​qroll, il-​ħut, il-​kaħwieli tal-​baħar u ħlejjaq affaxxinanti oħrajn. B’mod simili, meta xi ħadd beda jgħinna nifhmu l-​Iskrittura, aħna tajna l-​ewwel daqqa t’għajn lejn “l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 Korintin 2:​8-10.

2. Il-​ferħ li niksbu meta nitgħallmu mill-​Kelma t’Alla għala jistaʼ jkun dejjiemi?

2 Għandna aħna nkunu kuntenti b’sempliċi daqqa t’għajn lejn il-​verità tal-​Bibbja? L-​espressjoni “l-​affarijiet profondi t’Alla” tinkludi l-​fehma taʼ l-​għerf t’Alla li hija rivelata lill-​Kristjani permezz taʼ l-​ispirtu qaddis imma din hija moħbija minn oħrajn. (1 Korintin 2:7) X’qasam t’esplorazzjoni bla limitu jipprovdi l-​għerf t’Alla għat-​tgawdija tagħna! Qatt ma se nkunu nafu kollox dwar l-​għerf tal-​mogħdijiet t’Alla. Il-​ferħ li esperjenzajna meta tgħallimna l-​veritajiet bażiċi tal-​Bibbja jistaʼ jibqaʼ magħna għal dejjem jekk inkomplu nfittxu bla heda fl-​“affarijiet profondi t’Alla.”

3. Għala għandna bżonn fehma sħiħa tar-​raġunijiet għat-​twemmin tagħna?

3 Għala għandna bżonn nifhmu dawn “l-​affarijiet profondi”? Il-​fatt li mhux biss nifhmu dak li nemmnu imma għala nemmnuh—ir-​raġunijiet li fuqhom huwa bbażat it-​twemmin tagħna—isaħħaħ il-​fidi u l-​fiduċja tagħna. L-​Iskrittura tgħidilna biex nużaw il-​“qawwa tar-​raġuni” tagħna biex “[nagħtu] prova [lilna nfusna] dwar x’inhi r-​rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rumani 12:​1, 2) Jekk nifhmu għala Ġeħova jitlobna ngħixu b’ċertu mod se nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex nobduh. Għalhekk, l-​għarfien taʼ l-​“affarijiet profondi” jistaʼ jagħtina s-​saħħa biex nirreżistu t-​tentazzjoni li nieħdu sehem f’għemejjel ħżiena u jqanqalna biex inkunu ‘żelużi għal għemejjel tajbin.’—Titu 2:14.

4. X’jinvolvi l-​istudju tal-​Bibbja?

4 Irridu nistudjaw biex nifhmu l-​affarijiet profondi. Madankollu, l-​istudju m’huwiex l-​istess bħal li naqraw xi ħaġa taʼ fuq fuq. Dan jinvolvi li neżaminaw l-​informazzjoni bir-​reqqa ħalli naraw kif taqbel maʼ dak li diġà nafu. (2 Timotju 1:13) Jinvolvi wkoll li nagħrfu r-​raġunijiet għal dak li jintqal. L-​istudju tal-​Bibbja għandu jinkludi l-​meditazzjoni dwar kif aħna nistgħu nużaw dak li nitgħallmu biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u biex ngħinu lil oħrajn. Ukoll, ladarba “l-​Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa,” l-​istudju tagħna għandu jinkludi “kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (2 Timotju 3:​16, 17; Mattew 4:4) L-​istudju tal-​Bibbja jistaʼ jirrikjedi sforz kbir! Imma jistaʼ jkun pjaċevoli, u li nifhmu “l-​affarijiet profondi t’Alla” m’huwiex diffiċli wisq.

Ġeħova Jgħin lill-​Ġwejdin biex Jifhmu

5. Min jistaʼ jifhem “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

5 Anki jekk m’intix daqshekk tajjeb fl-​iskola jew m’intix imdorri tistudja, m’għandekx timmaġina li ma tistax tifhem “l-​affarijiet profondi t’Alla.” Matul il-​ministeru taʼ Ġesù fuq l-​art, Ġeħova rrivela l-​fehma taʼ l-​iskop Tiegħu mhux lill-​għorrief u lill-​intellettwali, imma lil irġiel komuni u taʼ ftit skola li kienu umli biżżejjed biex jiġu mgħallmin minn qaddej t’Alla. Huma kienu qishom trabi meta mqabblin maʼ dawk li ħadu edukazzjoni fl-​iskejjel. (Mattew 11:25; Atti 4:13) Rigward “dak li Alla ħejja għal dawk li jħobbuh,” l-​appostlu Pawlu kiteb lil sħabu fit-​twemmin: “Alla rrivelah lilna permezz taʼ l-​ispirtu tiegħu, għax l-​ispirtu jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla.”—1 Korintin 2:​9, 10.

6. Xi jfisser l-​1 Korintin 2:10?

6 L-​ispirtu t’Alla kif “jgħarbel kollox, saħansitra l-​affarijiet profondi t’Alla”? Minflok ma jagħti rivelazzjoni separata lil kull Kristjan, Ġeħova juża l-​ispirtu tiegħu biex jidderieġi l-​organizzazzjoni tiegħu, li tipprovdi fehma tal-​Bibbja għall-​poplu t’Alla li jinsab f’unità. (Atti 20:28; Efesin 4:​3-6) Madwar id-​dinja, il-​kongregazzjonijiet kollha jgawdu programm simili taʼ studju tal-​Bibbja. Matul perijodu taʼ snin, huma jkopru t-​tagħlim Bibliku kollu. L-​ispirtu qaddis jaġixxi permezz tal-​kongregazzjoni biex jgħin lin-​nies jadottaw l-​attitudni meħtieġa ħalli jifhmu “l-​affarijiet profondi t’Alla.”—Atti 5:32.

Dak li Jinkludu “l-​Affarijiet Profondi t’Alla”

7. Ħafna nies għala ma jifhmux “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

7 M’għandniex naħsbu li “l-​affarijiet profondi” bilfors li huma affarijiet diffiċli. L-​għarfien taʼ “l-​affarijiet profondi t’Alla” m’huwiex ċar għal ħafna nies, mhux minħabba li l-​għerf t’Alla huwa diffiċli wisq biex jinkiseb, imma minħabba li Satana jqarraq bin-​nies ħalli jiċħdu l-​għajnuna li Ġeħova jipprovdi permezz taʼ l-​organizzazzjoni Tiegħu.—2 Korintin 4:​3, 4.

8. Għal liema affarijiet profondi rrefera Pawlu fit-​tielet kapitlu taʼ l-​ittra tiegħu lill-​Efesin?

8 It-​tielet kapitlu taʼ l-​ittra taʼ Pawlu lill-​Efesin juri li “l-​affarijiet profondi t’Alla” jinkludu ħafna veritajiet li l-​maġġuranza min-​nies taʼ Ġeħova jifhmuhom sew, bħall-​identità tan-​Nisel imwiegħed, l-​għażla taʼ individwi minn fost l-​umanità b’tama għas-​sema, u s-​Saltna Messjanika. Pawlu kiteb: “F’ġenerazzjonijiet oħrajn dan is-​sigriet ma ġiex mgħarraf lil ulied il-​bnedmin bħalma issa ġie rivelat lill-​appostli mqaddsa u lill-​profeti tiegħu bl-​ispirtu, jiġifieri, li n-​nies tal-​ġnus għandhom ikunu werrieta bi sħab u membri mseħbin tal-​ġisem u jieħdu sehem magħna fil-​wegħda f’unjoni maʼ Kristu Ġesù.” Pawlu qal li hu kien ġie inkarigat biex ‘iġiegħel lill-​bnedmin jaraw kif inhu amministrat is-​sigriet sagru li mill-​passat indefinit kien moħbi f’Alla.’—Efesin 3:​5-9.

9. Għala huwa privileġġ li nifhmu “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

9 Pawlu kompla jispjega li hija wkoll ir-​rieda t’Alla li “fil-​postijiet tas-​sema jkunu jafu, permezz tal-​kongregazzjoni, l-​għerf t’Alla li jintwera b’ħafna modi differenti.” (Efesin 3:10) L-​anġli jibbenefikaw minħabba li josservaw u jifhmu l-​mod għaqli kif jaġixxi Ġeħova mal-​kongregazzjoni Kristjana. Xi privileġġ għandna li nifhmu affarijiet li jinteressaw saħansitra lill-​anġli! (1 Pietru 1:​10-12) Imbagħad, Pawlu jgħid li għandna nistinkaw biex ‘nifhmu bis-​sħiħ mal-​qaddisin kollha l-​wisaʼ u t-​tul u l-​għoli u l-​fond,’ tal-​fidi Kristjana. (Efesin 3:​11, 18) Issa ejja nikkunsidraw xi eżempji taʼ l-​affarijiet profondi li jistgħu jkabbru l-​fehma tagħna.

Eżempji t’Affarijiet Profondi

10, 11. Skond l-​Iskrittura, Ġesù meta sar il-​parti primarja tan-​‘nisel’ tal-​“mara” tas-​sema t’Alla?

10 Aħna nafu li Ġesù huwa l-​parti primarja tan-​‘nisel’ tal-​“mara” tas-​sema t’Alla li jirreferi għaliha Ġenesi 3:15. Biex inkabbru l-​fehma tagħna, għandna mnejn nistaqsu: ‘Ġesù meta sar in-​Nisel imwiegħed? Kien f’xi żmien matul l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, meta twieled bħala bniedem, meta tgħammed, jew meta ġie rxoxtat?’

11 Alla kien wiegħed li l-​parti taʼ l-​organizzazzjoni tiegħu li qiegħda fis-​sema, li l-​profezija tirreferi għaliha bħala l-​“mara” tiegħu, kellha tipproduċi nisel li kien se jbenġel lis-​serp f’rasu. Imma għaddew eluf taʼ snin, u l-​mara t’Alla ma pproduċiet ebda nisel li kien kapaċi jeqred lil Satana u l-​għemejjel tiegħu. Għalhekk, il-​profezija taʼ Isaija ssejħilha “mara bla tfal” u “mdejjqa f’qalbha.” (Isaija 54:​1, 5, 6) Maż-​żmien, twieled Ġesù f’Betlehem. Imma kien biss wara l-​magħmudija tiegħu, meta ġie mnissel mill-​ispirtu biex isir iben spirtu t’Alla, li Ġeħova ħabbar: “Dan hu Ibni.” (Mattew 3:17; Ġwanni 3:3) Ġesù, il-​parti primarja tan-​‘nisel’ tal-​mara, finalment ippreżenta ruħu. Iktar tard, is-​segwaċi taʼ Ġesù wkoll ġew midlukin u mnisslin bl-​ispirtu qaddis. Il-​“mara” taʼ Ġeħova li għal tant żmien ħassitha bħal ‘mara li ma wilditx,’ setgħet fl-​aħħar ‘tifraħ.’—Isaija 54:1; Galatin 3:29.

12, 13. Liema skritturi juru li l-​Kristjani midlukin kollha fuq l-​art jifformaw “l-​ilsir leali u għaqli”?

12 It-​tieni eżempju taʼ l-​affarijiet profondi li ġew rivelati lilna huwa rigward l-​iskop li għalih Alla għażel 144,000 minn fost l-​umanità. (Rivelazzjoni 14:​1, 4) Aħna naċċettaw it-​tagħlim li l-​midlukin kollha li qed jgħixu fuq l-​art fi kwalunkwe żmien jifformaw “l-​ilsir leali u għaqli” li Ġesù qal li kien se jipprovdi “ikel” f’waqtu għan-​nies taʼ daru. (Mattew 24:45) Liema versi Bibliċi jagħtu prova li din il-​fehma hija korretta? Setaʼ Ġesù jirreferi b’mod ġenerali għal kwalunkwe Kristjan li jibni lil ħutu b’ikel spiritwali?

13 Alla qal lill-​ġens taʼ Iżrael: “Intom ix-​xhieda tiegħi . . . il-​qaddej tiegħi li jiena ħtart.” (Isaija 43:10) Imma fil-​11 taʼ Nisan tas-​sena 33 E.K., Ġesù qal lill-​mexxejja taʼ Iżrael li Alla kien ċaħad lill-​ġens milli jkun il-​qaddej Tiegħu. Hu qal: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” Ġesù qal lill-​folol: “Ara! Darkom mitluqa f’idejkom.” (Mattew 21:43; 23:38) Bħala l-​ilsir taʼ Ġeħova, id-​dar taʼ Iżrael la kienet leali u lanqas ma kienet għaqlija. (Isaija 29:​13, 14) Iktar tard dakinhar, meta Ġesù staqsa: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli?” kien fil-​fatt qed jistaqsi, ‘Liema ġens għaqli se jieħu post Iżrael biex ikun l-​ilsir leali t’Alla?’ L-​appostlu Pietru ta t-​tweġiba meta qal lill-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin: “Intom . . . ‘ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali.’” (1 Pietru 1:4; 2:9) Dan il-​ġens spiritwali, “l-​Iżrael t’Alla,” sar l-​ilsir ġdid taʼ Ġeħova. (Galatin 6:16) Sewwasew bħalma l-​membri kollha taʼ Iżrael tal-​qedem ifformaw “qaddej” wieħed, hekk ukoll il-​Kristjani midlukin kollha li jinsabu fuq l-​art fi kwalunkwe żmien jifformaw “ilsir leali u għaqli” wieħed. Xi privileġġ għandna li nirċievu “ikel” permezz taʼ l-​ilsir t’Alla!

L-​Istudju Persunali Jistaʼ Jkun Pjaċevoli

14. L-​istudju tal-​Bibbja, iktar milli sempliċi qari, għala jġib il-​ferħ?

14 Meta ningħataw fehma ġdida taʼ l-​Iskrittura, ma nħossuniex aħna ferħanin minħabba l-​mod kif din issaħħaħ il-​fidi tagħna? Dan hu għala l-​istudju tal-​Bibbja, iktar milli sempliċi qari, jistaʼ jġibilna daqstant ferħ. Għalhekk, meta taqra l-​pubblikazzjonijiet Kristjani, staqsi lilek innifsek: ‘Din l-​ispjegazzjoni kif taqbel maʼ dak li kont nifhem qabel dwar is-​suġġett? Dwar liema versi jew argumenti Skritturali oħrajn nistaʼ naħseb li jistgħu jappoġġaw iktar il-​konklużjonijiet preżentati f’dan l-​artiklu?’ Jekk hemm bżonn taʼ iktar riċerka, ħu nota tal-​mistoqsija li tixtieq twieġeb, u użaha bħala s-​suġġett taʼ proġett taʼ studju fil-​futur.

15. Liema proġetti taʼ studju jistgħu jkunu pjaċevoli, u kif jistaʼ jkollhom benefiċċji dejjiema?

15 Liema proġetti taʼ studju jistgħu jġibulek il-​ferħ taʼ dehen ġdid? Per eżempju, nistgħu nżidu l-​fehma tagħna billi nistudjaw fil-​fond dwar diversi pattijiet li Alla uża għall-​benefiċċju taʼ l-​umanità. Tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tiegħek billi tistudja l-​profeziji li jippontaw lejn Ġesù Kristu jew tikkunsidra vers b’vers wieħed mill-​kotba profetiċi tal-​Bibbja. Tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi wkoll billi teżamina l-​istorja moderna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, billi tuża l-​ktieb Jehovah’s Witnesses​—Proclaimers of God’s Kingdom, jekk għandek din il-​pubblikazzjoni disponibbli b’lingwa li tistaʼ tifhimha.a U reviżjoni tal-​“Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” li ħarġu fil-​passat fit-​Torri taʼ l-​Għassa żgur li se tgħinek tifhem aħjar ċerti versi. Ħu nota speċjali taʼ ċertu raġunament Skritturali li jintuża biex jintlaħqu l-​konklużjonijiet preżentati. Dan se jgħinek biex tħarreġ “is-​sensi” u titgħallem tiżviluppa d-​dixxerniment. (Ebrej 5:14) Hekk kif tistudja, ħu nota fil-​kopja persunali tal-​Bibbja tiegħek jew fuq karta sabiex l-​istudju tiegħek ikollu benefiċċju dejjiemi għalik u għal dawk li se jirnexxilek tgħin.

Għin lit-​Tfal Jieħdu Gost Jistudjaw il-​Bibbja

16. Kif tistaʼ tgħin lit-​tfal jieħdu gost jistudjaw il-​Bibbja?

16 Hemm ħafna x’jistgħu jagħmlu l-​ġenituri biex iqanqlu l-​aptit taʼ wliedhom għal affarijiet spiritwali. Taħsibx li l-​affarijiet profondi se jkunu diffiċli wisq għat-​tfal biex jifhmuhom. Jekk tinkariga lit-​tfal b’suġġett biex jagħmlu riċerka bħala preparazzjoni għall-​istudju tal-​Bibbja tal-​familja, tistaʼ tistaqsihom dwar dak li jkunu tgħallmu. L-​istudju tal-​familja jistaʼ jinkludi wkoll sessjonijiet taʼ prattika biex tgħin lit-​tfal jitgħallmu kif jiddefendu l-​fidi tagħhom u jagħtu prova li dak li ġew mgħallmin huwa minnu. Barra minn hekk, tistaʼ tuża l-​browxer “See the Good Land ” b biex tgħallem il-​ġeografija tal-​Bibbja u biex tispjega ċar dak li tkunu qed taqraw fil-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa.

17. Għala għandna bżonn inkunu bilanċjati fil-​proġetti persunali taʼ l-​istudju tal-​Bibbja?

17 Proġetti taʼ studju persunali tal-​Bibbja jistgħu jkunu affaxxinanti u jsaħħu l-​fidi, imma oqgħod attent li ma tħallihomx jiħdulek il-​ħin mill-​preparazzjoni għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Il-​laqgħat huma mod ieħor kif Ġeħova jgħallimna permezz taʼ “l-​ilsir leali u għaqli.” Madankollu, iktar riċerka tistaʼ tgħinek tagħmel kummenti siewja fil-​laqgħat—per eżempju, fl-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni jew matul il-​punti prinċipali mill-​qari tal-​Bibbja taʼ kull ġimgħa fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku.

18. Għala l-​isforz meħtieġ biex tistudja “l-​affarijiet profondi t’Alla” huwa taʼ min jagħmlu?

18 Studju persunali profond tal-​Kelma t’Alla jistaʼ jgħinek tersaq eqreb lejn Ġeħova. Biex turina kemm hu taʼ valur studju bħal dan, il-​Bibbja tgħid: “Fih kenn l-​għerf u fihom kenn il-​flus; imma aħjar l-​għerf għax iħarreġ għall-​ħajja lil min għandu lilu.” (Koħèlet 7:12) Għalhekk, l-​isforz meħtieġ biex iżżid il-​fehma tiegħek dwar l-​affarijiet spiritwali huwa taʼ min jagħmlu. Il-​Bibbja twiegħed lil dawk li jibqgħu jfittxu: “Issib it-​tagħrif taʼ Alla.”—Proverbji 2:​4, 5.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Tistaʼ Tispjega?

• X’inhuma “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

• Għala qatt m’għandna nieqfu nistudjaw l-​affarijiet profondi?

•Għala l-​Kristjani kollha jistgħu jesperjenzaw il-​ferħ li jiġi milli jifhmu “l-​affarijiet profondi t’Alla”?

•Kif tistaʼ tibbenefika iktar bis-​sħiħ mill-​“affarijiet profondi t’Alla”?

[Stampa f’paġna 28]

Ġesù meta sar in-​Nisel imwiegħed?

[Stampa f’paġna 31]

Il-​ġenituri jistgħu jinkarigaw lil uliedhom biex jagħmlu riċerka dwar xi suġġett bħala preparazzjoni għall-​istudju tal-​familja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja