Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
5-11 taʼ Novembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠWANNI 20-21
“Tħobbni int iktar minn dawn?”
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 21:15, 17
Ġesù qal lil Xmun Pietru: Din il-konversazzjoni bejn Ġesù u Pietru saret ftit wara li Pietru kien ċaħad lil Ġesù tliet darbiet. Ġesù staqsa tliet mistoqsijiet biex jara kif kien iħossu Pietru dwaru. Lil Pietru staqsieh sal-punt li “tnikket.” (Ġw 21:17) Ir-rakkont taʼ Ġwanni li nsibu fi Ġw 21:15-17 juża żewġ verbi Griegi differenti: agapejo, li tiġi tradotta mħabba, u filjo, li tiġi tradotta affezzjoni. Ġesù darbtejn staqsa lil Pietru: “Tħobbni int?” Pietru, id-darbtejn b’mod sinċier ikkonferma li kellu “affezzjoni” lejn Ġesù. Fl-aħħar, Ġesù staqsieh: “Għandek int affezzjoni lejja?” Pietru reġaʼ sostna li kellu. Kull darba li Pietru kkonferma mħabbtu, Ġesù enfasizza li din l-imħabba u l-affezzjoni kellhom jimmotivaw lil Pietru biex jitmaʼ u ‘jirgħa’ b’mod spiritwali d-dixxipli taʼ Ġesù, li hawnhekk irrefera għalihom bħala l-ħrief, jew “in-nagħaġ ċkejknin” tiegħu. (Ġw 21:16, 17; 1Pt 5:1-3) Ġesù ħalla lil Pietru jikkonferma mħabbtu tliet darbiet, u mbagħad fdah bir-responsabbiltà taʼ li jieħu ħsieb in-nagħaġ tiegħu. B’dan il-mod, Ġesù ġieb fix-xejn kull dubju dwar jekk kienx ħafer lil Pietru talli kien ċaħdu tliet darbiet.
tħobbni int iktar minn dawn?: Grammatikament, il-frażi “iktar minn dawn” tistaʼ tinftiehem b’iktar minn mod wieħed. Xi studjużi jippreferu t-tifsira “tħobbni int iktar milli tħobb lil dawn id-dixxipli?” jew “tħobbni int iktar milli jħobbuni dawn id-dixxipli?” Imma aktarx li t-tifsira hi “tħobbni int iktar minn dawn l-affarijiet?” jiġifieri l-ħut li qabdu jew l-affarijiet li kellhom x’jaqsmu man-negozju tas-sajd. Allura l-idea taʼ dan il-vers tidher li hi: ‘Tħobbni int iktar mill-affarijiet materjali jew mill-karriera? Jekk iva, itmaʼ l-ħrief tiegħi.’ Din il-mistoqsija kienet xierqa meta nqisu l-passat taʼ Pietru. Għalkemm Pietru kien wieħed mill-ewwel dixxipli taʼ Ġesù (Ġw 1:35-42), hu ma segwiex lil Ġesù full-time mill-ewwel. Minflok, hu mar lura għas-sajd. Xi xhur wara, Ġesù staqsa lil Pietru biex minflok ma jkompli b’dak in-negozju tajjeb, isir ‘sajjied tal-bnedmin.’ (Mt 4:18-20; Lq 5:1-11) Għal darba oħra, ftit wara li Ġesù miet, Pietru qal li kien sejjer jistad, u appostli oħra marru jistadu miegħu. (Ġw 21:2, 3) Allura x’aktarx li Ġesù kien qed jenfasizza lil Pietru li hu kellu bżonn jiddeċiedi x’kien se jagħmel: Kien se jpoġġi l-karriera tan-negozju tas-sajd l-ewwel post f’ħajtu, li kienet irrappreżentata mill-qabda ħut li kien hemm quddiemhom, jew kien se jagħti prijorità lix-xogħol spiritwali taʼ li jitmaʼ l-ħrief, jew is-segwaċi taʼ Ġesù?—Ġw 21:4-8.
għat-tielet darba: Pietru kien ċaħad lill-Mulej tiegħu tliet darbiet; issa Ġesù kien qed jagħtih l-opportunità biex jikkonferma kif kien iħossu tliet darbiet. Waqt li Pietru għamel dan, Ġesù qallu biex juri din l-imħabba u l-affezzjoni billi jpoġġi s-servizz sagru qabel l-affarijiet l-oħrajn kollha. Flimkien maʼ aħwa rġiel responsabbli oħra, Pietru kien se jitmaʼ, isaħħaħ, u jirgħa l-merħla taʼ segwaċi leali taʼ Kristu. Dawn kienu midlukin imma xorta kellhom bżonn jiġu mitmugħin spiritwalment.—Lq 22:32.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Ġw 20:17
Tibqax imqabbda miegħi: Il-verb Grieg ħeptomej jistaʼ jfisser “tmiss” jew “taqbad maʼ; iżżomm maʼ.” Xi traduzzjonijiet ittraduċew il-kliem taʼ Ġesù: “La tmissnix.” Imma Ġesù ma kienx qed joġġezzjona għas-sempliċi fatt li kienet qed tmissu Marija l-Maddalena, ladarba m’oġġezzjonax meta nisa oħra li rawh wara li ġie rxoxtat żammewlu saqajh. (Mt 28:9) Jidher li Marija l-Maddalena beżgħat li Ġesù dalwaqt kien ħa jitlaʼ s-sema. Peress li kellha xewqa qawwija li tkun mal-Mulej, hi qabdet sew maʼ Ġesù, u ma ħallitux jitlaq. Biex jassiguraha li kien baqagħlu ftit biex jitlaq, Ġesù qal lil Marija biex ma tibqax imqabbda miegħu u, minflok, tmur għand id-dixxipli tiegħu u tgħidilhom bl-aħbar li ġie rxoxtat.
Alla tiegħi u Alla tagħkom: Din il-konversazzjoni bejn Ġesù u Marija l-Maddalena li saret fis-16 taʼ Nisan tas-sena 33 turi li Ġesù rxoxtat kien iqis il-Missier bħala l-Alla tiegħu, bħalma l-Missier kien Alla għal Marija l-Maddalena. Jumejn qabel, meta kien fuq iz-zokk tat-tortura, Ġesù kien għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi,” u b’hekk wettaq il-profezija taʼ Sa 22:1 u rrikonoxxa lil Missieru bħala Alla tiegħu. (Mt 27:46; Mk 15:34; Lq 23:46) Anki fil-ktieb tar-Rivelazzjoni, Ġesù tkellem dwar Missieru bħala li hu Alla tiegħu. (Ri 3:2, 12) Dawn is-siltiet jikkonfermaw li Ġesù Kristu rxoxtat u gglorifikat iqim lil Missier tas-sema bħala Alla tiegħu, bħalma jagħmlu d-dixxipli taʼ Ġesù.
nwtsty nota taʼ studju dwar Ġw 20:28
Mulej tiegħi u Alla tiegħi!: Litteralment, “Il-Mulej tiegħi u l-Alla [ħo teos] tiegħi!” Xi studjużi jqisu din l-espressjoni bħala espressjoni taʼ stagħġib li ntqalet lil Ġesù imma li fil-fatt kienet indirizzata lil Alla, Missieru. Oħrajn isostnu li dan il-kliem bil-Grieg oriġinali qed jiġi indirizzat lil Ġesù. Anke jekk dan hu minnu, l-iskop tal-espressjoni “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” jinftiehem l-aħjar fil-kuntest tal-bqija tal-Iskrittura ispirata. Peress li hemm miktub li ftit qabel Ġesù kien bagħat lid-dixxipli tiegħu dan il-messaġġ: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom,” m’hemmx raġuni għala għandna nemmnu li Tumas ħaseb li Ġesù kien Alla li jistaʼ kollox. (Ara nota taʼ studju dwar Ġw 20:17.) Tumas kien semaʼ lil Ġesù jitlob lil ‘Missieru,’ u jsejjaħlu “l-uniku Alla veru.” (Ġw 17:1-3) Allura Tumas jistaʼ jkun li indirizza lil Ġesù bħala “Alla tiegħi” għal dawn ir-raġunijiet: Hu qies lil Ġesù bħala li hu “alla” imma mhux Alla li jistaʼ kollox. (Ara nota taʼ studju dwar Ġw 1:1.) Jew jistaʼ jkun li indirizza lil Ġesù b’mod simili għal kif il-qaddejja t’Alla kienu jindirizzaw lil xi anġli taʼ Ġeħova, bħalma hu miktub fl-Iskrittura Ebrajka. Tumas aktarx li kien familjari maʼ rakkonti fejn individwi, jew xi kultant il-kittieb stess tar-rakkont tal-Bibbja, kienu jkellmu lil jew jitkellmu dwar messaġġier anġeliku bħallikieku kien Alla Ġeħova nnifsu. (Qabbel Ġen 16:7-11, 13; 18:1-5, 22-33; 32:24-30; Mħ 6:11-15; 13:20-22.) Għalhekk, Tumas jistaʼ jkun li indirizza lil Ġesù bħala “Alla tiegħi” fis-sens li għaraf lil Ġesù bħala li hu r-rappreżentant u l-kelliemi tal-Alla l-veru.
Xi wħud jargumentaw li bil-Grieg l-użu tal-artiklu qabel il-kliem “mulej” u “alla” jindika li dan il-kliem jirreferi għall-Alla li jistaʼ kollox. Madankollu, f’dan il-kuntest l-użu tal-artiklu jistaʼ jkun sempliċiment minħabba l-grammatika Griega. Eżempji simili fil-Grieg fejn in-nom bl-artiklu jintuża biex jindirizza lil xi ħadd tistaʼ tarahom billi tikkunsidra t-traduzzjoni litterali taʼ skritturi bħal Lq 12:32 (litteralment, il-“merħla żgħira”) u Kol 3:18-25; 4:1 (litteralment, in-“nisa miżżewġin”; l-“irġiel miżżewġin”; it-“tfal”; il-“missirijiet”; l-“ilsiera”; is-“sidien”). B’mod simili, traduzzjoni litterali tal-1Pt 3:7 tinqara: “L-irġiel miżżewġin.” Allura l-użu tal-artiklu hawnhekk jistaʼ ma jkunx importanti f’li naraw x’kellu f’moħħu Tumas meta għamel din l-istqarrija.
12-18 taʼ Novembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 1-3
“L-ispirtu qaddis jiġi mferraʼ fuq il-kongregazzjoni Kristjana”
w86 12/1 29 ¶4-5, 7
Kontribuzzjonijiet li jferrħu l-qalb
Fl-ewwel ġurnata tal-kongregazzjoni Kristjana fis-sena 33, it-3,000 li kienu għadhom kif ikkonvertew u tgħammdu qasmu kollox bejniethom, qasmu l-ikel, u talbu flimkien. Għal liema raġuni? Biex ikunu jistgħu jsaħħu l-fidi ġdida tagħhom billi ‘jibqgħu jingħataw għat-tagħlim taʼ l-appostli.’—Atti 2:41, 42.
Il-Lhud u l-proseliti kienu marru Ġerusalemm bil-pjan li joqogħdu biss għall-Festa taʼ Pentekoste. Imma dawk li saru Kristjani xtaqu jdumu iktar u jitgħallmu iktar biex isaħħu l-fidi ġdida tagħhom. Din f’daqqa waħda ħolqot problema biex ikollhom x’jieklu u fejn joqogħdu. Xi wħud milli kienu vvjaġġaw ma kellhomx biżżejjed flus fuqhom, filwaqt li oħrajn kellhom iżżejjed. Għalhekk, f’dak il-perjodu nġabru xi affarijiet materjali u ġew imqassmin lil dawk fil-bżonn.—Atti 2:43-47.
Li jbigħu l-propjetà u li jaqsmu l-affarijiet kollha tagħhom kienet xi ħaġa li għamluha minn jeddhom għalkollox. Ħadd ma kien obbligat li jbigħ jew jagħti donazzjoni; lanqas ma kienet xi ħaġa li tippromwovi l-faqar. L-idea ma kinitx biex dawk li kellhom iktar flus ibigħu l-propjetà kollha u b’hekk isiru fqar. Minflok, peress li ħassew għal dawk li kienu jemmnu bħalhom, fiċ-ċirkustanzi taʼ dak iż-żmien, huma biegħu l-propjetà u l-qligħ kollu kkontribwewh biex jipprovdu dak li kien hemm bżonn biex javanzaw l-interessi tas-Saltna.—Qabbel it-2 Korintin 8:12-15.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 61 ¶1
Ġesù Kristu
“Aġent Ewlieni tal-ħajja.” Bħala espressjoni tal-qalb tajba taʼ Missieru, Ġesù Kristu ta l-ħajja umana perfetta tiegħu bħala sagrifiċċju. Dan għamilha possibbli għas-segwaċi magħżulin taʼ Kristu biex imexxu miegħu fis-sema u għall-bnedmin biex jgħixu fuq l-art taħt it-tmexxija tas-Saltna tiegħu. (Mt 6:10; Ġw 3:16; Ef 1:7; Eb 2:5) Għalhekk, hu sar “l-Aġent Ewlieni [“Prinċep,” KŻ] tal-ħajja” għall-bnedmin kollha. (At 3:15) It-terminu Grieg li jintuża hawnhekk bażikament ifisser “mexxej ewlieni.” Kelma relatata ġiet applikata għal Mosè (At 7:27, 35) bħala “mexxej” f’Iżrael.
IRSISTI FIL-MINISTERU
it-1 129 ¶2-3
Min ħa post Ġuda l-Iskarjota bħala t-tnax-il appostlu?
Minħabba r-ribelljoni taʼ Ġuda l-Iskarjota, li miet żleali, kien baqaʼ biss 11-il appostlu. U matul l-40 ġurnata minn meta ġie rxoxtat Ġesù sa meta telaʼ s-sema, hu m’għamel l-ebda arranġament biex xi ħadd jieħu post Ġuda l-Iskarjota. F’ċertu punt matul l-għaxart ijiem taʼ bejn it-tlugħ taʼ Ġesù fis-sema u l-ġurnata taʼ Pentekoste, kien jidher neċessarju li jintgħażel ieħor minflok Ġuda. Dan ma kienx sempliċiment għax miet, imma minflok għax irribella, bħalma juru l-iskritturi li kkwota minnhom Pietru. (At 1:15-22; Sa 69:25; 109:8; qabbel Ri 3:11.) Għalhekk, b’kuntrast, meta l-appostlu leali Ġakbu nqatel, m’hemmx miktub li ppruvaw jagħmlu lil xi ħadd appostlu minfloku.—At 12:2.
Minn dak li qal Pietru hu evidenti li kwalunkwe wieħed li kkunsidraw li kellu jimla l-pożizzjoni bħala appostlu taʼ Ġesù Kristu kellu jkollu ċerti kwalifiki. Dawn kienu: kellu jkun jafu b’mod persunali, u kellu jkun xhud tal-għemejjel tiegħu, il-mirakli tiegħu, u b’mod partikulari l-irxoxt tiegħu. Meta nqisu dan il-fatt, nistgħu naraw li iktar ma għadda żmien iktar kien ħa jsir impossibbli li xi ħadd jieħu post appostlu minn dawn it-tnax, sakemm ma jkunx hemm xi azzjoni divina biex tipprovdi dawn il-ħtiġijiet f’kull każ individwali. Iżda f’dak iż-żmien partikulari qabel Pentekoste, kien hemm irġiel li kienu jilħqu dawn il-ħtiġijiet, u tnejn minnhom kienu kkunsidrati bħala li kienu kkwalifikati biex jieħdu post iż-żleali Ġuda. Bla dubju kellhom f’moħħhom Proverbji 16:33 meta tefgħu x-xorti, u ntgħażel Mattija. Minn wara dan, Mattija kien “meqjus mal-ħdax-il appostlu.” (At 1:23-26) Għalhekk, hu kien inkluż fost it-“tnax” li solvew il-problema tad-dixxipli li kienu jitkellmu bil-Grieg (At 6:1, 2). Ukoll milli jidher, fl-1 Korintin 15:4-8, Pawlu inkludih lil Mattija meta rrefera għat-“tnax” waqt li kien qed jitkellem dwar meta deher Ġesù rxoxtat. Għalhekk, meta waslet il-Festa taʼ Pentekoste, kien hemm 12-il pedament t’appostli fuq xiex kien se jserraħ Iżrael spiritwali.
19-25 taʼ Novembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 4-5
“Baqgħu jitkellmu dwar il-Kelma t’Alla bi qlubija”
it-1 128 ¶3
Appostlu
Attività fil-kongregazzjoni Kristjana. It-tferrigħ tal-ispirtu t’Alla fuq l-appostli f’Pentekoste saħħaħhom ħafna. L-ewwel ħames kapitli tal-Atti tal-Appostli jagħtu prova taʼ kemm l-appostli ma beżgħux u wrew il-kuraġġ f’li jiddikjaraw l-aħbar tajba u l-irxoxt taʼ Ġesù. Huma għamlu dan minkejja li l-mexxejja tagħhom kienu qed jitfgħuhom il-ħabs, isawtuhom, u jheddu li joqtluhom. Waqt l-ewwel jiem taʼ wara Pentekoste, it-tmexxija tal-appostli mimlija entużjażmu, taħt il-qawwa tal-ispirtu qaddis, irriżultat fit-tkabbir tal-għaġeb tal-kongregazzjoni Kristjana. (At 2:41; 4:4) Il-ministeru tagħhom għall-bidu kien f’Ġerusalemm, imma mbagħad tferrex sas-Samarija, u maż-żmien, mad-dinja kollha.—At 5:42; 6:7; 8:5-17, 25; 1:8.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 514 ¶4
Il-ġebla tax-xewka
Salm 118:22 jgħid li l-ġebla li warrbu l-bennejja kienet se ssir “il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett” (bl-Ebrajk, rox pinnà). Ġesù kkwota u applika din il-profezija għalih innifsu bħala “l-ġebla tax-xewka ewlenija” (bil-Grieg, kefali gonjas, il-ġebla tax-xewka taʼ fuq nett). (Mt 21:42; Mk 12:10, 11; Lq 20:17) Bħalma l-ġebla taʼ fuq nett tispikka, hekk ukoll Ġesù Kristu jispikka fil-kongregazzjoni Kristjana tal-uħud midlukin, li hi mxebbha maʼ tempju spiritwali. Pietru applika wkoll Salm 118:22 għal Kristu, billi wera li Kristu kien “il-ġebla” li warrbu n-nies imma li għażel Alla biex issir “il-ġebla tax-xewka taʼ fuqnett.”—At 4:8-12; ara wkoll l-1Pt 2:4-7.