LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bt kap. 14 pp. 108-115
  • “Ilkoll Kemm Aħna Qbilna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ilkoll Kemm Aħna Qbilna”
  • Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Jaqbel maʼ Dak Li Kitbu L-Profeti” (Atti 15:13-21)
  • “Nibagħtulkom Żewġt Irġiel” (Atti 15:22-29)
  • “Ġew Inkuraġġiti u Ferħu” (Atti 15:30-35)
  • Kif Taħdem il-Ġemgħa li Tiggverna Llum?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • “Ma Qablux maʼ Dan”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
Ara Iżjed
Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
bt kap. 14 pp. 108-115

KAPITLU 14

“Ilkoll Kemm Aħna Qbilna”

Kif il-ġemgħa li tiggverna waslet għal deċiżjoni u kif din għaqqdet lill-kongregazzjonijiet

Ibbażat fuq Atti 15:13-35

1, 2. (a) Il-ġemgħa li tiggverna tal-kongregazzjoni Kristjana tal-ewwel seklu, tiffaċċja liema mistoqsijiet serji? (b) Dawn l-aħwa rġiel x’għajnuna jirċievu sabiex jaslu għall-konklużjoni x-xierqa?

KULĦADD jinsab fuq ix-xwiek. L-appostli u l-anzjani li qegħdin f’din il-kamra f’Ġerusalemm iħarsu lejn xulxin, għax iħossu li waslu għal mument kruċjali. Il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni qajmet mistoqsijiet serji. Huma l-Kristjani taħt il-Liġi Mosajka? Għandu jkun hemm xi distinzjoni bejn Kristjani Lhud u dawk Ġentili?

2 L-irġiel li qed jieħdu t-tmexxija kkunsidraw ħafna evidenza. Għandhom f’moħħhom il-Kelma profetika t’Alla kif ukoll it-testimonjanza persunali konvinċenti li rrivelat il-barka taʼ Ġeħova. Huma esprimew ruħhom bis-sħiħ. Tant hemm evidenza rigward il-kwistjoni li huwa ċar li l-ispirtu taʼ Ġeħova qed jiggwidahom. Dawn l-irġiel se jsegwu din id-direzzjoni?

3. Kif nistgħu nibbenefikaw hekk kif neżaminaw ir-rakkont f’​Atti kapitlu 15?

3 Se jkollhom bżonn il-fidi u l-kuraġġ veru biex jaċċettaw il-gwida tal-ispirtu f’dan il-każ. Huma jirriskjaw li jkomplu jżidu l-mibegħda tal-mexxejja reliġjużi Lhud. U jiffaċċjaw ir-reżistenza minn irġiel fil-kongregazzjoni li huma determinati li jerġgħu jwasslu lill-poplu t’Alla biex jistrieħ fuq il-Liġi Mosajka. X’se tagħmel il-ġemgħa li tiggverna? Ejja naraw. Hekk kif nistudjaw dan ir-rakkont se naraw kif dawn l-irġiel ħallew mudell li llum jiġi segwit mill-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Huwa mudell li aħna wkoll irridu nsegwu hekk kif niffaċċjaw deċiżjonijiet u sfidi fil-ħajja tagħna bħala Kristjani.

“Jaqbel maʼ Dak Li Kitbu L-Profeti” (Atti 15:13-21)

4, 5. Ġakbu liema dehen mill-Kelma profetika t’Alla introduċa fid-diskussjoni?

4 Tkellem id-dixxiplu Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm.a Jidher li f’din l-okkażjoni kien qed jaqdi bħala ċ-chairman tal-laqgħa. Evidentement, kliemu ġabar fil-qosor il-qbil li l-grupp wasal għalih. Ġakbu qal lill-irġiel miġburin: “Simgħon qalilna fid-dettall kif Alla ftakar fin-nies tal-popli l-oħra u li minn fosthom beda jagħżel nies biex jonoraw lil ismu. U dan jaqbel maʼ dak li kitbu l-profeti.”—Atti 15:14, 15.

5 Id-diskors minn Simgħon, jew Xmun Pietru, u l-evidenza li taw Barnaba u Pawlu x’aktarx li lil Ġakbu fakkruh fi skritturi rilevanti li tefgħu dawl fuq is-suġġett li kien qed jiġi diskuss. (Ġw. 14:26) Wara li Ġakbu qal li “jaqbel maʼ dak li kitbu l-profeti,” hu kkwota l-kliem t’​Għamos 9:11, 12. Dan il-ktieb kien parti mill-Iskrittura Ebrajka li spiss tissejjaħ “il-kitbiet tal-profeti.” (Mt. 22:40; Atti 15:16-18) Int se tinnota li l-kliem kwotat minn Ġakbu hu differenti mhux ħażin mill-kliem li nsibu fil-ktieb t’​Għamos illum. X’aktarx li Ġakbu kkwota mis-Settanta, traduzzjoni Griega tal-Iskrittura Ebrajka.

6. L-Iskrittura kif tefgħet dawl fuq id-diskussjoni?

6 Permezz tal-profeta Għamos, Ġeħova bassar li kien se jiġi ż-żmien meta Hu kien se jqajjem “l-għarix taʼ David,” jiġifieri, il-linja rjali li twassal għas-Saltna Messjanika. (Eżek. 21:26, 27) Kien Ġeħova se jerġaʼ jittratta esklużivament mal-Lhud naturali bħala ġens? Le. Il-profezija żżid tgħid li “nies tal-popli kollha” kienu se jinġabru flimkien bħala nies li “jissejħu b’isem [Alla]”. Ftakar, Pietru kien għadu kif xehed li Alla “qies lilna [Kristjani Lhud] u lilhom [Ġentili li emmnu] l-istess, u ħafrilhom id-dnubiet minħabba l-fidi tagħhom biex ikollhom qalb nadifa.” (Atti 15:9) Fi kliem ieħor, hija r-rieda t’Alla li kemm Lhud kif ukoll Ġentili jiddaħħlu fis-Saltna bħala werrieta. (Rum. 8:17; Efes. 2:17-19) Il-profeziji mnebbħin qatt ma indikaw li l-kredenti Ġentili għandhom l-ewwel jiġu ċirkonċiżi fil-laħam jew isiru proseliti.

7, 8. (a) Ġakbu xi ssuġġerixxa? (b) Kif għandna nifhmu l-kliem taʼ Ġakbu?

7 Imqanqal minn din l-evidenza Skritturali u t-testimonjanza qawwija li kien semaʼ, Ġakbu ta dan is-suġġeriment: “Għalhekk, id-deċiżjoni tiegħi hi li ma nagħmluhiex diffiċli għal dawk mill-popli li jridu jaqdu lil Alla, imma niktbulhom biex jirrifjutaw l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-idoli, l-immoralità sesswali, l-annimali fgati, u d-demm. Għax minn żmien twil ilu, Mosè kellu nies li jippritkaw dak li qal f’kull belt. Dan għamluh billi f’kull Sabat kienu jaqraw b’leħen għoli l-kotba tiegħu lin-nies fis-sinagogi.”—Atti 15:19-21.

8 Meta Ġakbu qal “għalhekk, id-deċiżjoni tiegħi hi,” kien hu—forsi bħala ċ-chairman tal-laqgħa—qed jimponi l-awtorità tiegħu fuq l-aħwa rġiel l-oħrajn u minn rajh jiddeċiedi x’kellu jsir? Lanqas xejn! L-espressjoni Griega tradotta “d-deċiżjoni tiegħi hi” tistaʼ tfisser ukoll “jien niġġudika” jew “jien tal-opinjoni.” Ġakbu ma kienx qed jieħu deċiżjoni għan-nom tal-grupp kollu kemm hu, imma sempliċement kien qed jipproponi li jikkunsidraw azzjoni bbażata fuq l-evidenza li kienu semgħu u fuq dak li tgħid l-Iskrittura dwar il-kwistjoni.

9. Is-suġġeriment taʼ Ġakbu offra liema benefiċċji?

9 Kien tajjeb is-suġġeriment taʼ Ġakbu? Jidher ċar li kien, għax iktar tard l-appostli u l-anzjani adottawh. X’benefiċċji kellu? Min-naħa waħda, l-aġir rikkmandat ma kienx se ‘jdejjaq,’ jew ‘iħabbat,’ lill-Kristjani Ġentili billi jimponi fuqhom il-ħtiġijiet tal-Liġi Mosajka. (Atti 15:19; Karm Żammit) Min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni kienet se turi rispett għall-kuxjenza tal-Kristjani Lhud, li matul is-snin semgħu l-kotba taʼ Mosè jinqraw b’leħen għoli fis-sinagogi kull Sabat.b (Atti 15:21) L-aġir rikkmandat ċertament li kien se jsaħħaħ ir-rabta bejn il-Kristjani Lhud u dawk Ġentili. Fuq kollox, dan kien se jogħġob lil Alla Ġeħova, ladarba d-deċiżjoni kienet fi qbil mal-iskop tiegħu. X’mod mill-aqwa kif titranġa problema li heddet l-unità u l-benesseri tal-kongregazzjoni kollha kemm hi tal-poplu t’Alla! U x’eżempju eċċellenti hu dan għall-kongregazzjoni Kristjana llum!

Albert Schroeder jitkellem f’konvenzjoni internazzjonali fl-1998

10. Il-Ġemgħa li Tiggverna llum kif issegwi l-mudell li ħalliet il-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu?

10 Bħalma ssemma fil-kapitlu taʼ qabel, bħall-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu, il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova llum iddur lejn Ġeħova, ir-Re tal-Univers, u lejn Ġesù Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, għad-direzzjoni f’kull kwistjoni.c (1 Kor. 11:3) Dan kif isir? Albert D. Schroeder, li qeda fil-Ġemgħa li Tiggverna mill-1974 sakemm intemmet il-ħajja tiegħu fuq l-art f’Marzu tal-2006, spjega: “Il-Ġemgħa li Tiggverna tiltaqaʼ nhar t’Erbgħa, tiftaħ il-laqgħa b’talba u titlob għad-direzzjoni tal-ispirtu taʼ Ġeħova. Isir sforz kbir biex kull kwistjoni li tiġi diskussa u kull deċiżjoni li tittieħed ikunu fi qbil mal-Kelma t’Alla l-Bibbja.” B’mod simili, Milton G. Henschel, li kien ilu żmien twil jaqdi bħala membru tal-Ġemgħa li Tiggverna u li l-ħajja tiegħu fuq l-art intemmet f’Marzu tal-2003, għamel mistoqsija fundamentali lill-istudenti li kienu qed jiggradwaw mill-101 klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead). Hu staqsa, “Hemm xi organizzazzjoni oħra fuq l-art li l-Ġemgħa li Tiggverna tagħha tikkonsulta l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, qabel ma tieħu deċiżjonijiet importanti?” It-tweġiba hi ovvja.

“Nibagħtulkom Żewġt Irġiel” (Atti 15:22-29)

11. Id-deċiżjoni tal-ġemgħa li tiggverna kif ngħatat lill-kongregazzjonijiet?

11 Il-ġemgħa li tiggverna f’Ġerusalemm kienet waslet għal deċiżjoni unanima fuq il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni. Madankollu, biex l-aħwa fil-kongregazzjonijiet jaġixxu f’unità, din id-deċiżjoni kellha tingħatalhom b’mod ċar, pożittiv, u inkuraġġanti. Dan kif setaʼ jsir bl-aħjar mod? Ir-rakkont jispjega: “L-appostli, l-anzjani, u l-kongregazzjoni kollha ddeċidew li jibagħtu rġiel magħżulin minn fosthom lejn Antjokja, flimkien maʼ Pawlu u Barnaba. Huma bagħtu lil Ġuda li kienu jgħidulu wkoll Barsabba u lil Sila. Dawn kienu jieħdu t-tmexxija fost il-kongregazzjoni.” Barra minn hekk, ġiet imħejjija ittra u ntbagħtet flimkien maʼ dawn l-irġiel sabiex tkun tistaʼ tinqara fil-kongregazzjonijiet kollha f’Antjokja, fis-Sirja, u fiċ-Ċiliċja.—Atti 15:22-26.

12, 13. Liema ġid ħareġ mill-fatt li bagħtu (a) lil Ġuda u lil Sila? (b) ittra mingħand il-ġemgħa li tiggverna?

12 Bħala rġiel li “kienu jieħdu t-tmexxija fost il-kongregazzjoni,” Ġuda u Sila kienu kwalifikati bis-sħiħ biex jaqdu bħala rappreżentanti tal-ġemgħa li tiggverna. Id-delegazzjoni t’erbat irġiel kienet se tagħmilha ċara li l-messaġġ li kienu qed iwasslu involva iktar minn sempliċi tweġiba għall-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni. Dan kien direzzjoni ġdida mill-ġemgħa li tiggverna. Il-preżenza taʼ dawn l-“irġiel magħżulin” kienet se tistabbilixxi rabta mill-qrib bejn il-Kristjani Lhud f’Ġerusalemm u l-Kristjani Ġentili fil-kongregazzjonijiet. X’arranġament għaqli u kollu mħabba! Ċertament li dan qanqal il-paċi u l-armonija fost in-nies t’Alla.   

KIF IL-ĠEMGĦA LI TIGGVERNA HI ORGANIZZATA LLUM

Bħall-Kristjani tal-ewwel seklu, ix-Xhieda taʼ Ġeħova llum huma gwidati minn Ġemgħa li Tiggverna taʼ rġiel dedikati u midlukin bl-ispirtu li jirrappreżentaw lill-“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Il-Ġemgħa li Tiggverna tiltaqaʼ kull ġimgħa bħala grupp. Il-membri tagħha huma organizzati wkoll fis-sitt kumitati li ġejjin, u kull kumitat għandu r-responsabbiltajiet tiegħu stess.

  • Il-Kumitat tal-Ippubblikar hu responsabbli għall-istampar, l-ippubblikar, u għal li jibgħat letteratura Biblika. Jieħu ħsieb l-istamperiji u l-bini li huma proprjetà tal-korporazzjonijiet li jużaw ix-Xhieda taʼ Ġeħova u li jitmexxew minnhom. Jieħu ħsieb ukoll il-kostruzzjoni taʼ faċilitajiet tal-fergħa, kif ukoll taʼ Swali tas-Saltna u Swali tal-Assembleat. Dan il-kumitat jara kif juża l-fondi li jingħataw bħala donazzjoni.

  • Il-Kumitat tal-Kitba hu responsabbli biex jipprovdi l-ikel spiritwali għall-kongregazzjonijiet u għall-pubbliku inġenerali. Iwieġeb ukoll mistoqsijiet dwar il-Bibbja, jieħu ħsieb ix-xogħol tat-traduzzjoni li jsir mad-dinja kollha, u japprova materjal bħalma huma l-iskript tad-drammi u l-outlines tat-taħditiet.

  • Il-Kumitat tal-Koordinaturi jieħu ħsieb kwistjonijiet legali u meta jkun neċessarju l-użu tal-mezzi tax-xandir biex iwassal fehma eżatta tat-twemmin tagħna. Jieħu ħsieb ukoll meta jinqalgħu d-diżastri, il-persekuzzjonijiet, u emerġenzi oħrajn li jeffettwaw lix-Xhieda taʼ Ġeħova kull fejn jinsabu fid-dinja.

  • Il-Kumitat tal-Personell hu responsabbli għall-benesseri spiritwali u persunali tal-Beteliti li jaqdu fl-uffiċċji tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja. Barra minn hekk, dan il-kumitat jieħu ħsieb li jistieden lil membri ġodda biex jaqdu f’uffiċċji tal-fergħa.

  • Il-Kumitat tas-Servizz hu responsabbli għax-xogħol tal-ippritkar flimkien maʼ kwistjonijiet li jeffettwaw lill-anzjani tal-kongregazzjoni, lill-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet, u lill-evanġelizzaturi full-time. Ukoll, dan il-kumitat jistieden lill-istudenti għall-Iskola taʼ Gilegħad, li l-iskop tagħha hu biex issaħħaħ ix-xogħol taʼ madwar id-dinja.

  • Il-Kumitat tat-Tagħlim jieħu ħsieb l-istruzzjoni li tiġi provduta fl-assembleat, fil-konvenzjonijiet, u fil-laqgħat tal-kongregazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp taʼ programmi tal-awdjo u tal-vidjow. Jipprepara kurrikuli għall-Iskola taʼ Gilegħad, għall-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier, u għal skejjel oħrajn u jħejji programmi spiritwali għall-volontieri fl-uffiċċji tal-fergħa.

Il-Ġemgħa li Tiggverna tistrieħ fuq l-ispirtu qaddis t’Alla għad-direzzjoni. Il-membri tagħha ma jqisux lilhom infushom bħala l-mexxejja tal-poplu taʼ Ġeħova. Minflok, bħall-Kristjani midlukin kollha fuq l-art, huma “jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf [Ġesù Kristu] kulfejn imur.”—Riv. 14:4.

13 L-ittra pprovdiet direzzjoni ċara għall-Kristjani Ġentili mhux biss dwar il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, imma wkoll dwar x’għandhom jagħmlu sabiex jiksbu l-approvazzjoni u l-barka taʼ Ġeħova. Il-parti fundamentali tal-ittra qalet: “L-ispirtu qaddis għenna naslu għall-konklużjoni li m’għandna nżidulkom ebda piż ieħor, ħlief dawn l-affarijiet li hemm bżonn: li tibqgħu tirrifjutaw l-affarijiet issagrifikati lill-idoli, id-demm, l-annimali fgati, u l-immoralità sesswali. Jekk tibqgħu tagħmlu hekk, se tirnexxu fil-ħajja. Insellu għalikom!”—Atti 15:28, 29.

14. Kif inhu possibbli għan-nies taʼ Ġeħova li jaħdmu f’unità fid-dinja tal-lum li toħloq il-firda?

14 Illum, il-qbil fit-twemmin u l-unità fl-azzjoni jispikkaw fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova, li jgħoddu ħafna iktar minn 8,000,000 ruħ f’iktar minn 100,000 kongregazzjoni madwar id-dinja. Unità bħal din kif inhi possibbli, speċjalment meta wieħed iqis il-konfużjoni u l-mod taʼ ħsieb li joħloq il-firda li huma komuni fid-dinja tal-lum? Prinċipalment, l-unità tiġi mid-direzzjoni ċara u deċiżiva li jipprovdi Ġesù Kristu, il-Kap tal-kongregazzjoni, permezz tal-“ilsir leali u għaqli,” rappreżentat mill-Ġemgħa li Tiggverna tiegħu. (Mt. 24:45-47) L-unità tiġi wkoll mill-mod kif il-fratellanza taʼ madwar id-dinja tikkoopera minn jeddha mad-direzzjoni tal-Ġemgħa li Tiggverna.

“Ġew Inkuraġġiti u Ferħu” (Atti 15:30-35)

15, 16. X’kien ir-riżultat tal-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, u x’kienu r-raġunijiet għal dan ir-riżultat?

15 Ir-rakkont fl-​Atti jkompli biex jgħidilna li meta d-delegazzjoni tal-aħwa rġiel waslet Antjokja minn Ġerusalemm, huma “ġabru lid-dixxipli kollha, u tawhom l-ittra.” L-aħwa t’hemmhekk kif irreaġixxew għad-direzzjoni mill-ġemgħa li tiggverna? “Meta qrawha [l-ittra], huma ġew inkuraġġiti u ferħu.” (Atti 15:30, 31) Barra minn dan, Ġuda u Sila “inkuraġġew u saħħew lill-aħwa b’ħafna taħditiet.” F’dan is-sens, iż-żewġt irġiel kienu “profeti,” bl-istess mod li Barnaba, Pawlu, u oħrajn kienu msejħin profeti—terminu li jirreferi għal dawk li ddikjaraw jew għarrfu r-rieda t’Alla.—Atti 13:1; 15:32; Eżo. 7:1, 2.

16 Jidher ċar li l-barka taʼ Ġeħova kienet fuq kulma sar biex tinstab soluzzjoni tajba għall-kwistjoni. X’kienet iċ-ċavetta għar-riżultat pożittiv? Bla dubju, kienet id-direzzjoni ċara u f’waqtha tal-ġemgħa li tiggverna, ibbażata fuq il-Kelma t’Alla u fuq il-gwida tal-ispirtu qaddis. Flimkien maʼ dan kien hemm il-mod kollu mħabba u persunali li bih id-deċiżjonijiet ngħataw lill-kongregazzjonijiet.

17. Illum, l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet kif qed jimitaw ix-xogħol li sar fl-ewwel seklu?

17 Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova llum issegwi dan il-mudell billi tipprovdi direzzjoni f’waqtha lill-fratellanza madwar id-dinja. Meta jittieħdu deċiżjonijiet, dawn jingħataw lill-kongregazzjonijiet b’manjiera ċara u diretta. Mod wieħed hu biż-żjajjar tal-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet. Dawn l-aħwa li jagħmlu sagrifiċċji persunali jivvjaġġaw minn kongregazzjoni għal oħra, u jagħtu direzzjoni ċara u inkuraġġiment mill-qalb. Bħal Pawlu u Barnaba, huma jqattgħu ħafna ħin fil-ministeru, ‘jgħallmu u jxandru l-aħbar tajba dwar il-kelma taʼ Ġeħova.’ (Atti 15:35) Bħal Ġuda u Sila, huma ‘jinkuraġġixxu u jsaħħu lill-aħwa b’ħafna taħditiet.’

18. In-nies t’Alla kif jistgħu jkunu ċerti li jkomplu jirċievu l-barka taʼ Ġeħova?

18 Xi ngħidu għall-kongregazzjonijiet? X’se jgħin lill-kongregazzjonijiet madwar l-art kollha jkomplu jgawdu l-paċi u l-armonija fid-dinja tal-lum li toħloq il-firda? Ftakar li kien id-dixxiplu Ġakbu li iktar tard kiteb: “L-għerf li ġej minn fuq hu l-ewwelnett safi, imbagħad iġib il-paċi, hu raġunevoli, lest li jobdi . . . Barra minn hekk, il-frott tal-ġustizzja jinżeraʼ f’kundizzjonijiet paċifiċi għal dawk li qegħdin iġibu l-paċi.” (Ġak. 3:17, 18) Ma nistgħux ngħidu jekk Ġakbu kellux f’moħħu l-laqgħa f’Ġerusalemm jew le. Imma mill-konsiderazzjoni tagħna tal-ġrajjiet dokumentati f’​Atti kapitlu 15, hija ħaġa ċerta li jistaʼ jkun hemm il-barka taʼ Ġeħova biss meta jkun hemm l-unità u l-kooperazzjoni.

19, 20. (a) Kif kien jidher ċar li kien hemm il-paċi u l-unità fil-kongregazzjoni t’Antjokja? (b) Pawlu u Barnaba issa x’setgħu jagħmlu?

19 Kien jidher ċar li issa kien hemm il-paċi u l-unità fil-kongregazzjoni t’Antjokja. Minflok ma qagħdu jħaqquha mal-aħwa minn Ġerusalemm, l-aħwa f’Antjokja għożżew iż-żjara taʼ Ġuda u Sila. Ir-rakkont jgħid: “Wara li kienu qattgħu xi żmien hemm, l-aħwa xtaqulhom il-vjaġġ it-tajjeb lejn Ġerusalemm.”d (Atti 15:33) Nistgħu nkunu ċerti li l-aħwa f’Ġerusalemm ukoll ħadu pjaċir meta semgħu dak li rrakkontaw iż-żewġt irġiel dwar il-vjaġġ tagħhom. Grazzi għall-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Ġeħova, il-missjoni tagħhom twettqet bil-ferħ!

20 Pawlu u Barnaba, li baqgħu f’Antjokja, issa setgħu jiffokaw fuq li jkunu t’eżempju tajjeb f’li jieħdu t-tmexxija fix-xogħol tal-evanġelizzar, bħalma jagħmlu llum l-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet meta jżuru lill-kongregazzjonijiet fil-ħarsien tagħhom. (Atti 13:2, 3) X’barka għan-nies taʼ Ġeħova! Però, Ġeħova kif kompla juża u jbierek lil dawn iż-żewġ evanġelizzaturi żelużi? Dan se narawh fil-kapitlu li jmiss.

Omm u t-tifla tagħha jħarsu lejn il-ktieb “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu​—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom” waqt konvenzjoni.

Il-Kristjani taʼ żmienna jibbenefikaw mill-provvedimenti spiritwali li jsiru disponibbli permezz tal-Ġemgħa li Tiggverna u r-rappreżentanti tagħha

ĠAKBU—“ĦU L-MULEJ”

Ġakbu, bin Ġużeppi u Marija, hu msemmi l-ewwel fost ħut Ġesù mill-omm li kienu iżgħar minnu. (Mt. 13:54, 55) Għalhekk, għandu mnejn kien it-tieni wild taʼ Marija. Ġakbu trabba ma” Ġesù, osserva l-ministeru tiegħu, u minn tal-inqas kien jaf dwar “il-mirakli” taʼ Ġesù, kemm jekk attwalment rahom u kemm jekk le. Madankollu, matul il-ministeru taʼ Ġesù, Ġakbu u ħutu, “fil-fatt, ħutu ma kinux qed juru fidi” f’ħuhom il-kbir. (Ġw. 7:5) Ġakbu għandu mnejn saħansitra kien jaħsibha bħal xi wħud mill-qraba l-oħrajn taʼ Ġesù, li qalu dwar Ġesù: “Telaq minn moħħu.”—Mk. 3:21.

Ġakbu jaqra minn skroll.

Dan kollu nbidel bil-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù. Għalkemm fl-Iskrittura Griega jissemmew tlieta oħrajn jisimhom Ġakbu, jidher li kien lil ħuh min-naħa tal-omm li Ġesù deher personalment matul l-40 jum wara li hu ġie mqajjem mill-imwiet. (1 Kor. 15:7) Din l-esperjenza forsi wasslet lil Ġakbu għall-konklużjoni x-xierqa dwar l-identità vera taʼ ħuh il-kbir. Kien x’kien il-każ, inqas minn għaxart ijiem wara li Ġesù telaʼ fis-sema, Ġakbu, ommu, u ħutu kienu miġburin mal-appostli f’kamra taʼ fuq biex jitolbu.—Atti 1:13, 14.

Ġakbu eventwalment sar membru rispettat ħafna tal-kongregazzjoni f’Ġerusalemm, u milli jidher kien meqjus bħala appostlu, jew “wieħed mibgħut,” taʼ din il-kongregazzjoni. (Gal. 1:18, 19) Il-prominenza taʼ Ġakbu kienet evidenti meta l-appostlu Pietru, wara li nħeles mill-ħabs b’mod mirakoluż, qal lid-dixxipli: “Morru għidu dan lil Ġakbu u lill-aħwa.” (Atti 12:12, 17) Meta l-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni ttieħdet quddiem “l-appostli u l-anzjani” f’Ġerusalemm, milli jidher Ġakbu qeda bħala ċ-chairman tad-diskussjoni. (Atti 15:6-21) U l-appostlu Pawlu nnota li Ġakbu flimkien ma’ Kefa (Pietru) u l-appostlu Ġwanni “kienu jidhru li huma kolonni” tal-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm. (Gal. 2:9) Anki snin wara, meta Pawlu rritorna Ġerusalemm mit-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, hu rrapporta lura “għand Ġakbu, fejn kien hemm l-anzjani kollha.”—Atti 21:17-19.

Dan Ġakbu, li Pawlu sejjaħlu “ħu l-Mulej,” milli jidher kiteb l-ittra, jew il-ktieb Bibliku, li ġġib ismu. (Gal. 1:19) F’din l-ittra, Ġakbu b’umiltà la jidentifika lilu nnifsu bħala appostlu u lanqas bħala ħu Ġesù, imma bħala “lsir t’Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu.” (Ġak. 1:1) L-ittra taʼ Ġakbu turi li bħal Ġesù, Ġakbu kien iħobb josserva d-dinja naturali u n-natura umana. Biex jispjega veritajiet spiritwali, Ġakbu rrefera għal fenomeni naturali li kienu familjari, inkluż l-ibħra mmexxijin mir-riħ, is-smewwiet mimlijin kwiekeb, ix-xemx tisreġ, il-fjuri delikati, in-nirien kefrin, u l-annimali mansi. (Ġak. 1:6, 11, 17; 3:5, 7) Alla għenu jifhem l-attitudnijiet u l-azzjonijiet tan-nies, u b’hekk ipprovda pariri eċċellenti dwar kif inżommu relazzjonijiet f’saħħithom.—Ġak. 1:19, 20; 3:2, 8-18.

Il-kliem taʼ Pawlu mniżżel fl-​1 Korintin 9:5 jagħti x’jifhem li Ġakbu kien miżżewweġ. Il-Bibbja ma tgħid xejn dwar iż-żmien jew iċ-ċirkustanzi tal-mewt taʼ Ġakbu. Madankollu, l-istorjografu Lhudi Ġużeppi Flavju kiteb li ftit wara l-mewt tal-gvernatur Ruman Porċju Festu, madwar is-sena 62 WK, u qabel ma s-suċċessur tiegħu, Albinu, ħa l-kariga, Ananu (Ananija) il-qassis il-kbir “laqqaʼ l-imħallfin tas-Sinedriju u ġab quddiemhom raġel jismu Ġakbu, ħu Ġesù li kien imsejjaħ il-Kristu, u xi oħrajn.” Skont Ġużeppi Flavju, Ananu “akkużahom li kienu kisru l-liġi u bagħathom biex jiġu mħaġġrin.”

a Ara l-kaxxa “Ġakbu—‘Ħu l-Mulej.’”

b Ġakbu b’mod għaqli rrefera għall-kitbiet taʼ Mosè, li ma inkludewx biss il-kodiċi tal-Liġi imma wkoll rekord tal-aġir t’Alla u l-indikazzjonijiet tar-rieda Tiegħu li ġew qabel il-Liġi. Pereżempju, il-ħarsa t’Alla lejn id-demm, l-adulterju, u l-idolatrija tistaʼ tidher b’mod ċar fil-ktieb tal-​Ġenesi. (Ġen. 9:3, 4; 20:2-9; 35:2, 4) B’hekk, Ġeħova rrivela prinċipji li huma obbligatorji għall-umanità kollha, kemm jekk Lhud u kemm jekk Ġentili.

c Ara l-kaxxa “Kif il-Ġemgħa li Tiggverna Hi Organizzata Llum”

d F’vers 34, xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jdaħħlu kliem biex jagħtu l-idea li Sila għażel li jibqaʼ f’Antjokja. (Karm Żammit) Madankollu, kliem bħal dan jidher li ġie miżjud iktar tard.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja