Kapitlu Wieħed U Għoxrin
L-Iskop taʼ Jehovah Jirnexxi b’Mod Glorjuż
1, 2. (a) X’inhu l-iskop taʼ Jehovah rigward il-ħlejjaq intelliġenti tiegħu? (b) Min kien inkluż fil-familja magħquda t’aduraturi t’Alla?
L-ISKOP kollu mħabba taʼ Jehovah hu li l-ħlejjaq intelliġenti kollha jkunu magħqudin flimkien fil-qima taʼ l-uniku Alla veru, u li lkoll kemm huma jgawdu libertà glorjuża bħala wliedu. Dawk li jħobbu s-sewwa wkoll huma ħerqanin biex jaraw dan jitwettaq.
2 Jehovah beda jwettaq dan l-iskop grandjuż meta beda x-xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien. L-ewwel ħolqien tiegħu kien Iben li minn mindu ġie rxoxtat hu “d-dija tal-glorja taʼ Alla u x-xbieha taʼ l-essenza tiegħu.” (Lhud 1:1-3) Dan l-Iben kien uniku għax ġie maħluq minn Alla personalment. Wara dan, kien permezz taʼ dan l-Iben li l-oħrajn kollha saru jeżistu: l-ewwel l-anġli fis-sema, imbagħad il-bnedmin fuq l-art. (Ġob 38:7; Luqa 3:38) Dawn kollha kienu jifformaw familja universali waħda. Jehovah kien għalihom ilkoll Alla, is-Sovran Universali, u Missierhom kollu mħabba.
3. (a) Ilkoll kemm aħna xi writna mingħand l-ewwel ġenituri tagħna? (b) Liema mezz taʼ mħabba pprovda Jehovah għan-nisel taʼ Adam?
3 Meta l-ewwel ġenituri umani tagħna ġew kundannati għall-mewt talli dinbu apposta, huma tkeċċew mill-Għeden u ġew imwarrbin minn Alla. Huma ma baqgħux jagħmlu parti mill-familja universali tiegħu. (Ġenesi 3:22-24; Dewteronomju 32:4, 5) Aħna lkoll dixxendenti tagħhom, u għalhekk twelidna b’tendenzi midinbin. Imma Jehovah kien jaf li xi wħud minn fost id-dixxendenti taʼ Adam u Eva kienu se jħobbu s-sewwa. Għalhekk, b’imħabba, Hu pprovda mezz li bih dawn setgħu jiksbu “l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:20, 21.
Iżrael Jitlef il-Pożizzjoni Favorita
4. Jehovah liema privileġġ ta lil Iżrael tal-qedem?
4 Xi 2,500 sena wara li nħoloq Adam, Jehovah ta l-privileġġ lil ċerti bnedmin li jkollhom relazzjoni speċjali Miegħu. Hu għażel lil Iżrael tal-qedem biex ikun il-poplu tiegħu u tah il-Liġi tiegħu. (Ġenesi 12:1, 2) Hu fformah f’ġens u użah fi qbil maʼ l-iskop tiegħu. (Dewteronomju14:1, 2; Isaija 43:1) Madankollu, kienu għadhom taħt il-jasar tad-dnub u l-mewt, u għalhekk ma gawdewx il-libertà glorjuża li kellhom oriġinalment Adam u Eva.
5. L-Iżraelin kif tilfu r-relazzjoni speċjali li kellhom m’Alla?
5 Minkejja dan, l-Iżraelin kellhom l-approvazzjoni u l-favur t’Alla. Huma kellhom ukoll ir-responsabbiltà li jirrispettaw lil Jehovah bħala Missierhom u li jaħdmu fi qbil maʼ l-iskop tiegħu. Ġesù enfasizza l-importanza li huma jwettqu dan l-obbligu. (Mattew 5:43-48) Madankollu, il-ġens taʼ Iżrael naqas li jagħmel dan. Filwaqt li dawk il-Lhud kienu jgħidu “Missier wieħed għandna, lil Alla,” Ġesù ddikjara li l-azzjonijiet tagħhom u l-ispirtu li kienu juru ma kienu jaqblu xejn maʼ dak li kienu jgħidu. (Ġwann 8:41, 44, 47) Fis-sena 33 E.K., Alla temm il-Liġi, u r-relazzjoni speċjali li Iżrael kellu miegħu spiċċat. Imma kien ifisser dan li n-nies qatt ma setgħu jgawdu relazzjoni favorita m’Alla?
Jiġbor “Kull ma Hu fis-Sema”
6. X’inhu l-iskop taʼ l-‘amministrar’ li Pawlu semma f’Efesin 1:9, 10?
6 L-appostlu Pawlu wera li xi wħud minn fost il-bnedmin setgħu jgawdu relazzjoni speċjali m’Alla. Per eżempju, rigward l-arranġament taʼ Jehovah li bih dawk li jeżerċitaw fidi jistgħu jsiru membri tad-dar Tiegħu, Pawlu kiteb: “[Alla] għarrafna l-misteru tar-rieda tiegħu; il-pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, u li kellu jseħħ [‘amministrar,’ NW] meta tasal il-milja taż-żminijiet; jiġifieri, li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-sema u kull ma hu fl-art.” (Efesin 1:9, 10) Dan l-‘amministrar’ jiċċentra fuq Ġesù Kristu. Permezz tiegħu, il-bnedmin jinġabu f’kundizzjoni approvata quddiem Alla. Għadd limitat minnhom għandu l-prospett li jkun fis-sema. Għadd ferm akbar se jgħix fuq l-art għal dejjem.
7. “Kull ma hu fis-sema” lil min jinkludi?
7 L-ewwelnett, b’seħħ minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., ngħatat l-attenzjoni lil “kull ma hu fis-sema,” jiġifieri, lil dawk li se jkunu werrieta sħab maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema. Fuq il-bażi tal-fidi tagħhom fil-valur tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma ġew dikjarati ġusti minn Alla. (Rumani 5:1, 2) Maż-żmien, kienu inklużi Lhud u Ġentili, u l-għadd taʼ “kull ma hu fis-sema” kellu jitlaʼ għal 144,000. (Galatin 3:26-29; Apokalissi 14:1) Fdal biss minnhom għadu fuq l-art.
Jiġbor “Kull ma Hu fl-Art”
8. “Kull ma hu fl-art,” lil min jinkludi u x’inhi r-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah?
8 L-istess amministrazzjoni qed tiġbor ukoll lil “kull ma hu fl-art.” Miljuni taʼ nies issa qed jinġabru bil-prospett li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Magħqudin mal-fdal tal-werrieta tas-Saltna, huma qed ifaħħru bil-kbir l-isem taʼ Jehovah u jeżaltaw il-qima tiegħu. (Isaija 2:2, 3; Sofonija 3:9) Huma jindirizzaw ukoll lil Jehovah bħala “Missier” għax jirrikonoxxu li huwa s-sors tal-ħajja. U jgawdu l-approvazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-fidi tagħhom fid-demm imxerred taʼ Ġesù. (Apokalissi 7:9, 14) Imma ladarba għadhom imperfetti, għadhom ma ġewx rikonoxxuti bis-sħiħ bħala wlied Alla; dan se jseħħ fil-futur.
9. Liema wegħda tippreżenta l-iskrittura taʼ Rumani 8:21 għall-umanità?
9 Dawn li t-tama tagħhom hi li jgħixu fuq l-art issa jinsabu ħerqanin waqt li qed jistennew iż-żmien meta l-ħolqien uman se ‘jkun meħlus mill-jasar tat-taħsir.’ (Rumani 8:21) Dan il-ħelsien se jibda wara li Kristu u l-armati tiegħu fis-sema jtemmu t-tribulazzjoni l-kbira, li tilħaq il-quċċata tagħha f’Armageddon. Dan se jkun ifisser il-qerda tas-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ Satana kollha kemm hi, u wara se jiġu l-barkiet tar-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu fil-qawwa tas-Saltna.—Apokalissi 19:17-21; 20:6.
10. Il-qaddejja taʼ Jehovah se jgħannu liema għanja taʼ tifħir?
10 X’hena se jkun hawn meta l-qaddejja taʼ Jehovah fuq l-art se jingħaqdu biex jidwu s-sentimenti tal-qaddejja tiegħu fis-sema, li b’ferħ kbir jipproklamaw: “Kbar u taʼ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-triqat tiegħek, Sultan tal-ġnus. Min, Mulej, ma jibżax minnek u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis; il-ġnus kollha jiġu u jinxteħtu quddiemek, għax il-ġudizzji tiegħek intwerew.” (Apokalissi 15:3, 4) Iva, il-qaddejja kollha taʼ Jehovah se jingħaqdu flimkien fil-qima taʼ l-uniku Alla veru. Saħansitra l-mejtin se jiġu rxoxtati u jingħataw l-opportunità li jingħaqdu biex jgħollu leħinhom ħalli jfaħħru lil Jehovah.—Atti 24:15.
Libertà Meraviljuża Quddiemna
11. Liema libertà meraviljuża se jgawdu dawk li se jsalvaw mit-tribulazzjoni l-kbira?
11 Wara li t-tribulazzjoni l-kbira, li tilħaq il-quċċata tagħha f’Armageddon, tkun naddfet l-art mill-ħażen, Satana x-Xitan mhux se jkun iktar “l-alla taʼ din id-dinja.” L-aduraturi taʼ Jehovah mhux se jkollhom għalfejn jissieltu iktar kontra l-influwenza mill-agħar taʼ Satana. (2 Korintin 4:4; Apokalissi 20:1, 2) Ir-reliġjon falza mhix se tirrappreżenta ħażin lil Jehovah iktar u mhix se sservi iktar bħala influwenza li tifred lis-soċjetà umana. Il-qaddejja t’Alla veru mhux se jesperjenzaw iktar l-inġustizzja u ma jiġux sfruttati iktar minn awtoritajiet umani. X’libertà meraviljuża se titgawda!
12. Kif se jinħeles kulħadd mid-dnub u mill-effetti tiegħu?
12 Bħala “l-Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja,” Ġesù se japplika l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu biex iħassar id-dnubiet tal-bnedmin. (Ġwann 1:29) Meta Ġesù kien fuq l-art u ħafer id-dnubiet taʼ xi individwu, hu ta prova taʼ dan billi kien ifejqu. (Mattew 9:1-7; 15:30, 31) Bl-istess mod, Kristu Ġesù, bħala s-Sultan tas-sema tas-Saltna t’Alla, se jfejjaq mirakolożament lill-għomja, lill-imbikkmin, lit-torox, lil dawk immankati fiżikament, lil dawk morda mentalment, u lil dawk b’xi mard ieħor. (Apokalissi 21:3, 4) Dawk kollha li huma ubbidjenti se jinħelsu mil-“liġi tad-dnub” sabiex il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħhom isiru jogħġbu, kemm lilhom infushom u kemm lil Alla. (Rumani 7:21-23) Sa tmiem il-Millennju, se jkunu twasslu għall-perfezzjoni umana, fuq “is-sura u x-xbieha” taʼ l-uniku Alla veru.—Ġenesi 1:26.
13. Fit-tmiem tal-Ħakma Millennjali, liema azzjoni jieħu Kristu, u b’liema riżultat?
13 Meta Kristu jkun wassal lill-umanità għall-perfezzjoni, hu mbagħad se jagħti lura lil Missieru l-awtorità li ngħatatlu għal dan ix-xogħol: “Jerħi s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan ‘sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.’” (1 Korintin 15:24, 25) Il-Ħakma Millennjali tas-Saltna se twettaq bis-sħiħ l-iskop tagħha, u għalhekk mhux se jkun hemm iktar bżonn li dan il-gvern sekondarju jibqaʼ bejn Jehovah u l-bnedmin. U ladarba d-dnub u l-mewt se jitneħħew kompletament u l-umanità tkun mifdija, jintemm il-bżonn li Ġesù jkun Feddej. Il-Bibbja tispjega: “Imbagħad l-Iben stess jitqiegħed taħt Alla li jkun qegħedlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.”—1 Korintin 15:28.
14. Minn xiex se jgħaddu l-bnedmin perfetti kollha, u għala?
14 Wara dan, il-bnedmin perfetti se jingħataw l-opportunità biex juru li għażlu li jaqdu lill-uniku Alla veru għal dejjem. Għaldaqstant, qabel ma jadottahom kompletament bħala wliedu, Jehovah se jgħaddi lill-bnedmin perfetti kollha minn prova finali. Satana u d-demonji tiegħu se jinħallu mill-abbiss. Dan mhux se jġib ħsara dejjiema għal dawk li tassew iħobbu lil Jehovah. Imma kulmin iħalli lilu nnifsu jiżvija u b’nuqqas taʼ lealtà ma jobdix lil Jehovah, se jinqered għal dejjem, flimkien mar-ribell oriġinali u d-demonji tiegħu.—Apokalissi 20:7-10.
15. Liema sitwazzjoni se terġaʼ teżisti fost il-ħlejjaq intelliġenti kollha taʼ Jehovah?
15 Imbagħad, Jehovah se jadotta lill-bnedmin perfetti kollha bħala wliedu talli jkunu appoġġaw is-sovranità tiegħu matul il-prova finali. Minn dakinhar ’il quddiem, huma se jgawdu bis-sħiħ il-libertà glorjuża tat-tfal t’Alla bħala parti mill-familja universali tiegħu. Il-ħlejjaq intelliġenti kollha fis-sema u fuq l-art se jerġgħu jingħaqdu flimkien biex iqimuh bħala l-uniku Alla veru. L-iskop taʼ Jehovah se jkun irnexxa b’mod glorjuż! Tixtieq tkun parti minn dik il-familja ferħana, dejjiema, u universali? Jekk iva, ninkuraġġuk tagħti kas dak li tgħid il-Bibbja fl-1 Ġwann 2:17: “Id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Qabel ma seħħet ir-ribelljoni fl-Għeden, liema relazzjoni kellhom l-aduraturi kollha taʼ Jehovah miegħu?
• Liema responsabbiltà għandhom dawk li huma qaddejja t’Alla?
• Min huma dawk li għad iridu jsiru wlied Alla, u dan kif għandu x’jaqsam maʼ l-iskop taʼ Jehovah rigward il-qima f’unità?
[Stampa f’paġna 190]
Il-bnedmin ubbidjenti se jgawdu ħajja f’ġenna taʼ l-art globali