Hu “Alla li Jkabbar”!
“La min iħawwel u lanqas min isaqqi m’hu xejn, imma Alla li jkabbar.”—1 KOR. 3:7.
1. B’liema mod aħna “ħaddiema sħab m’Alla”?
“ĦADDIEMA sħab m’Alla.” Hekk iddeskrivieh l-appostlu Pawlu l-privileġġ li nistgħu ngawdu lkoll kemm aħna. (Aqra l-1 Korintin 3:5-9.) Ix-xogħol li rrefera għalih Pawlu hu dak taʼ li nagħmlu dixxipli. Hu xebbhu maż-żrigħ u t-tisqija taż-żerriegħa. Jekk irridu nirnexxu f’dan ix-xogħol vitali, għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova. Pawlu jfakkarna li hu “Alla li jkabbar.”
2. Il-fatt li ‘Alla jkabbar’ għala jgħinna biex ikollna ħarsa xierqa lejn il-ministeru tagħna?
2 Dan il-fatt li jżommna umli jgħinna biex ikollna ħarsa xierqa lejn il-ministeru tagħna. Jistaʼ jkun li nħabirku biex nippridkaw u ngħallmu, imma fl-aħħar mill-aħħar it-tifħir kollu jmur lil Ġeħova għal kwalunkwe tkabbir li jkun hemm. Għala? Għaliex nipprovaw kemm nipprovaw, ħadd minna ma jistaʼ jifhem bis-sħiħ il-proċess tat-tkabbir, aħseb u ara kemm jistaʼ jikkontrollah. Is-Sultan Salamun iddeskriva s-sitwazzjoni sew meta kiteb: “Ma tafx l-għemil taʼ Alla li għamel kollox.”—Koħ. 11:5.
3. Liema xebh hemm bejn ix-xogħol taż-żrigħ taż-żerriegħa letterali u dak taʼ li nagħmlu dixxipli?
3 Inħossuna aħna frustrati bix-xogħol tagħna peress li ma nifhmux kif isir il-proċess tat-tkabbir? Le. Minflok, ix-xogħol jagħtina ħafna ferħ u hu interessanti. Is-Sultan Salamun qal: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra, jew jagħtux it-tnejn frott tajjeb xorta waħda.” (Koħ. 11:6) Tabilħaqq, meta niġu biex niżirgħu żerriegħa letterali, ma nkunux nafu fejn se tinbet jew jekk tinbitx. Hemm ħafna affarijiet li m’għandniex kontroll fuqhom. Nistgħu ngħidu xi ħaġa simili dwar ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. Ġesù enfasizza dan il-fatt f’żewġ tixbihat li kienu mniżżlin bil-miktub għalina fir-rabaʼ kapitlu taʼ l-Evanġelju taʼ Marku. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn dawn iż-żewġ tixbihat.
Tipi Differenti taʼ Ħamrija
4, 5. Irrakkonta fil-qosor it-tixbiha taʼ Ġesù dwar iż-żerriegħ li jferrex iż-żerriegħa.
4 Bħalma hu mniżżel f’Marku 4:1-9, Ġesù ddeskriva żerriegħ li jitfaʼ, jew iferrex, iż-żerriegħa li taqaʼ f’postijiet differenti: “Isimgħu. Ara! Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ. U waqt li kien qed jiżraʼ, xi żerriegħa waqgħet fil-ġenb tat-triq, u ġew l-għasafar u kiluha. U xi żerriegħa oħra waqgħet fuq il-blat fejn, naturalment, ma tantx kellha ħamrija, u, peress li l-ħamrija ma kinitx fonda, nibtet mill-ewwel. Imma meta telgħet ix-xemx, inħarqet, u, għax ma kellhiex għeruq, nixfet. U xi żerriegħa oħra waqgħet qalb ix-xewk, u x-xewk kiber u ħonoqha, u ma tatx frott. Imma oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba, u, meta kibru u kotru, bdew jagħtu l-frott, u din bdiet tagħti tletin, dik sittin u dik mija.”
5 Fi żminijiet Bibliċi, iż-żrigħ taż-żerriegħa ġeneralment kien isir billi jferrxuha. Iż-żerriegħ kien iġorr iż-żerriegħa f’parti mil-libsa taʼ fuq tiegħu jew f’kontenitur u jferrixha billi jxejjer idejh ’il barra. Allura f’din it-tixbiha, iż-żerriegħ ma jiżrax iż-żerriegħa minn jeddu fit-tipi differenti taʼ ħamrija. Minflok, iż-żerriegħa mferrxa kienet taqaʼ f’diversi postijiet.
6. Ġesù kif spjegaha t-tixbiha taż-żerriegħ?
6 M’għandniex għalfejn nipprovaw naqtgħu xi tfisser din it-tixbiha. Ġesù ssokta jispjegaha, kif inhu mniżżel f’Marku 4:14-20: “Dak li jiżraʼ, jiżraʼ l-kelma. Dawn, mela, huma dawk li waqgħu fil-ġenb tat-triq fejn tinżeraʼ l-kelma: malli jkunu semgħuha, jiġi Satana u jieħu l-kelma li nżergħet fihom. U bl-istess mod dawn huma dawk li nżergħu fuq il-blat: malli jisimgħu l-kelma, jaċċettawha bil-ferħ. Iżda m’għandhomx għeruq fihom infushom, imma jkomplu għal xi żmien; imbagħad malli tqum xi tribulazzjoni jew persekuzzjoni minħabba l-kelma, jitfixklu. Jerġaʼ hemm oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk; dawn huma dawk li jkunu semgħu l-kelma, imma l-ansjetajiet taʼ din is-sistema, il-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi, u x-xewqa għal affarijiet oħra jidħlu fihom u joħonqu l-kelma, u din issir bla frott. Fl-aħħarnett, dawk li nżergħu f’ħamrija tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma u jilqgħuha u jagħtu l-frott, min tletin u min sittin u min mija.”
7. X’jirrappreżentaw iż-żerriegħa u t-tipi differenti taʼ ħamrija?
7 Innota li Ġesù ma jgħidx li qed jintużaw tipi differenti taʼ żerriegħa. Minflok, hu jitkellem dwar tip wieħed taʼ żerriegħa li taqaʼ fuq tipi differenti taʼ ħamrija, u kull xorta tipproduċi riżultati differenti. L-ewwel xorta taʼ ħamrija hi iebsa, jew imballta; it-tieni m’hijiex fonda; it-tielet mimlija xewk; u r-rabaʼ hija ħamrija tajba li tipproduċi sew. (Lq. 8:8) X’inhi ż-żerriegħa? Hija l-messaġġ tas-Saltna li hemm fil-Kelma t’Alla. (Mt. 13:19) X’jirrappreżentaw it-tipi differenti taʼ ħamrija? Nies li għandhom kundizzjonijiet tal-qalb differenti.—Aqra Luqa 8:12, 15.
8. (a) Iż-żerriegħ lil min jirrappreżenta? (b) In-nies għala jwieġbu b’modi differenti għax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna?
8 Iż-żerriegħ lil min jirrappreżenta? Jirrappreżenta lill-ħaddiema sħab m’Alla, dawk li jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna. Huma jħawlu u jsaqqu bħal Pawlu u Apollo. Imma avolja jaħdmu iebes, ir-riżultati huma differenti. Għala? Minħabba l-kundizzjonijiet tal-qalb differenti taʼ dawk li jisimgħu l-messaġġ. Fit-tixbiha, iż-żerriegħ ma jikkontrollax dawn ir-riżultati. Kemm hu taʼ faraġ dan, speċjalment għal dawk minn ħutna leali li ħadmu iebes għal ħafna snin, f’xi każi għal għaxriet taʼ snin, u forsi mid-dehra ftit kellhom suċċess!a Dan għala?
9. Kemm l-appostlu Pawlu kif ukoll Ġesù liema verità taʼ faraġ enfasizzaw?
9 Il-lealtà taż-żerriegħ ma tiġix imkejla mir-riżultati taʼ xogħlu. Pawlu rrefera għal dan meta qal: “Kull wieħed jirċievi l-premju tiegħu skond il-ħidma tiegħu.” (1 Kor. 3:8) Il-premju jingħata skond il-ħidma, mhux skond ir-riżultati taʼ din il-ħidma. B’mod simili, Ġesù enfasizza dan il-punt meta d-dixxipli tiegħu ġew lura minn vjaġġ taʼ ppridkar. Huma kienu ferħanin se jtiru minħabba li d-demonji ntgħamlu sottomessi lejhom għax użaw isem Ġesù. Kien kemm kien eċċitanti dan, Ġesù qalilhom: “Tifirħux b’dan, li l-ispirti jintgħamlu sottomessi lejkom, imma ifirħu għax isimkom tnaqqax fis-smewwiet.” (Lq. 10:17-20) Anki meta żerriegħ forsi ma jarax ħafna żjieda minħabba xogħlu, ma jfissirx li kien inqas ħabrieki jew leali minn oħrajn. Fil-maġġorparti, ir-riżultati jiddependu mill-kundizzjoni tal-qalb tas-semmiegħ. Imma fl-aħħar mill-aħħar, hu Alla li jkabbar!
Ir-Responsabbiltà taʼ Dawk li Jisimgħu l-Kelma
10. X’jiddetermina jekk individwu li jismaʼ l-kelma jixbahx il-ħamrija tajba jew le?
10 Xi ngħidu għal dawk li jisimgħu l-kelma? Huwa l-mod kif se jwieġbu determinat minn qabel? Le, m’huwiex. Jekk jixbhux il-ħamrija tajba jew le jiddependi minnhom. Tabilħaqq, il-kundizzjoni tal-qalb taʼ l-individwu tistaʼ titbiddel għat-tajjeb jew għall-ħażin. (Rum. 6:17) Fit-tixbiha tiegħu, Ġesù qal li “malli [xi wħud] jisimgħu” l-kelma, Satana jiġi u jiħodhielhom. Imma m’hemmx għalfejn jiġri hekk. F’Ġakbu 4:7, il-Kristjani huma mħeġġin biex ‘jopponu lix-Xitan,’ u mbagħad hu jaħrab minnhom. Ġesù jiddeskrivi lil oħrajn li għall-ewwel jaċċettaw il-kelma bil-ferħ imma mbagħad jitfixklu minħabba li ‘ma jkollhomx għeruq fihom infushom.’ Imma l-qaddejja t’Alla huma mwissijin biex ‘jagħmlu l-għeruq u jkunu stabbiliti fuq il-pedament,’ sabiex ikunu jistgħu jifhmu “l-wisaʼ u t-tul u l-għoli u l-fond, u [ikunu jafu] l-imħabba tal-Kristu li tisboq l-għarfien.”—Efes. 3:17-19; Kol. 2:6, 7.
11. Kif jistaʼ individwu ma jħallix l-ansjetajiet u r-rikkezzi joħonqu l-kelma?
11 Oħrajn li semgħu l-kelma huma deskritti bħala li jħallu “l-ansjetajiet taʼ din is-sistema [u] il-qawwa qarrieqa tar-rikkezzi” jidħlu fihom u joħonqu l-kelma. (1 Tim. 6:9, 10) Kif jistgħu jevitawh dan? L-appostlu Pawlu jwieġeb: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax hu qal: ‘Żgur ma nitilqikx u żgur ma nabbandunakx.’”—Ebr. 13:5.
12. Dawk rappreżentati mill-ħamrija tajba għala jagħmlu ammonti differenti taʼ frott?
12 Finalment, Ġesù jgħid li dawk miżrugħin f’ħamrija tajba “bdew jagħtu l-frott, u din bdiet tagħti tletin, dik sittin u dik mija.” Avolja xi wħud li jwieġbu għall-kelma għandhom kundizzjoni tajba tal-qalb u jagħtu l-frott, dak li jistgħu jagħmlu biex ixandru l-aħbar tajba jvarja skond iċ-ċirkustanzi tagħhom. Per eżempju, l-età avanzata jew il-mard li jdgħajjifhom jistaʼ jillimita s-sehem taʼ xi wħud fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Qabbel Marku 12:43, 44.) Għal darb’oħra, iż-żerriegħ jistaʼ jkollu ftit kontroll fuq dan jew xejn affattu, imma hu jifraħ meta jara li Ġeħova kabbar.—Aqra Salm 126:5, 6.
Iż-Żerriegħ li Jorqod
13, 14. (a) Irrakkonta fil-qosor it-tixbiha taʼ Ġesù dwar ir-raġel li jferrex iż-żerriegħa. (b) Min hu rappreżentat miż-żerriegħ, u x’inhi ż-żerriegħa?
13 F’Marku 4:26-29, insibu tixbiha oħra dwar iż-żerriegħ: “B’dan il-mod is-saltna t’Alla hi bħal meta raġel jixħet iż-żerriegħa fl-art, u jorqod bil-lejl u jqum bi nhar, u ż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art tagħti l-frott minnha nfisha bil-mod il-mod, l-ewwel in-nebbieta, imbagħad is-sbula, fl-aħħarnett il-qamħ mimli fis-sbula. Imma malli jsir il-frott ilesti l-minġel, għax ikun wasal il-ħsad.”
14 Min hu dan iż-żerriegħ? Xi wħud fil-Kristjaneżmu jemmnu li dan jirreferi għal Ġesù nnifsu. Imma kif jistaʼ jingħad li Ġesù jorqod u ma jkunx jaf kif tikber iż-żerriegħa? Żgur li Ġesù jaf kif tikber! Minflok, dan iż-żerriegħ, bħall-wieħed li semmejna qabel, jirrappreżenta lil proklamaturi tas-Saltna individwali, dawk li jiżirgħu ż-żerriegħa tas-Saltna bl-attività taʼ l-ippridkar żeluż tagħhom. Iż-żerriegħa li jitfgħu fl-art hija l-kelma li jippridkaw.b
15, 16. Ġesù liema verità dwar tkabbir letterali u spiritwali semma fit-tixbiha tiegħu dwar iż-żerriegħ?
15 Ġesù jgħid li ż-żerriegħ “jorqod bil-lejl u jqum bi nhar.” Dan ma jfissirx li ż-żerriegħ huwa traskurat. Sempliċement jiddeskrivi r-rutina tal-ħajja normali taʼ ħafna nies. Il-mod kif il-kliem huwa mpoġġi f’dan il-vers jindika proċess kontinwu taʼ ħidma matul il-jum u rqad bil-lejl għal perijodu taʼ żmien. Ġesù enfasizza x’ġara matul dak iż-żmien. “Iż-żerriegħa tinbet u tikber,” jgħid hu. Imbagħad Ġesù jżid: “Bla ma jaf kif.” L-enfasi hi fuq li t-tkabbir isir ‘minnu nnifsu.’c
16 Ġesù x’punt kien qed jagħmel hawnhekk? Innota li l-enfasi hi fuq it-tkabbir u kif iseħħ bil-mod il-mod. “L-art tagħti l-frott minnha nfisha bil-mod il-mod, l-ewwel in-nebbieta, imbagħad is-sbula, fl-aħħarnett il-qamħ mimli fis-sbula.” (Marku 4:28) Dan it-tkabbir iseħħ bil-mod il-mod u pass pass. Ma jistax jiġi sforzat jew mgħaġġel. L-istess jistaʼ jingħad dwar it-tkabbir spiritwali. Dan iseħħ pass pass hekk kif Ġeħova jippermetti li l-verità tikber fil-qalb taʼ individwu li għandu attitudni xierqa.—Atti 13:48; Ebr. 6:1.
17. Min huma dawk li jifirħu flimkien meta ż-żerriegħa tal-verità tagħti l-frott?
17 Iż-żerriegħ kif jieħu sehem fil-ħsad “malli jsir il-frott”? Meta Ġeħova jkabbar il-verità tas-Saltna fil-qlub tad-dixxipli ġodda, dawn eventwalment jaslu sal-punt meta jiġu mqanqlin mill-imħabba tagħhom għal Alla biex jiddedikaw ħajjithom lilu. Huma jissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom bil-magħmudija taʼ l-ilma. L-aħwa rġiel li jkomplu jimmaturaw ikunu jistgħu, bil-mod il-mod, jieħdu iktar responsabbiltà fil-kongregazzjoni. Iż-żerriegħ oriġinali kif ukoll proklamaturi oħrajn tas-Saltna li forsi ma kinux involuti personalment fiż-żrigħ jaħsdu l-frott tas-Saltna miż-żerriegħa li pproduċiet dan id-dixxiplu partikulari. (Aqra Ġwanni 4:36-38.) Tabilħaqq, “min jiżraʼ u min jaħsad jifirħu flimkien.”
Lezzjonijiet Għalina Llum
18, 19. (a) Kif inkuraġġietek personalment din ir-reviżjoni dwar it-tixbihat taʼ Ġesù? (b) X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
18 X’tgħallimna mir-reviżjoni tagħna dwar dawn iż-żewġ tixbihat imniżżlin f’Marku kapitlu 4? Nistgħu naraw biċ-ċar li għandna xogħol x’nagħmlu—iż-żrigħ. Qatt m’għandna nħallu l-iskużi u l-problemi u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu jwaqqfuna milli nagħmlu dan ix-xogħol. (Koħ. 11:4) Iżda, fl-istess waqt, aħna nafu li għandna privileġġ meraviljuż li nkunu magħdudin bħala ħaddiema sħab m’Alla. Ġeħova hu l-wieħed li jkabbar spiritwalment, u jbierek l-isforzi tagħna u taʼ dawk li jilqgħu l-messaġġ. Aħna nirrealizzaw li ma nistgħu nisforzaw lil ħadd biex isir dixxiplu. Bl-istess mod, m’għandniex għalfejn inħossuna skuraġġiti jew naqtgħu qalbna jekk it-tkabbir isir bil-mod jew jekk ma jkunx hemm tkabbir. Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li s-suċċess tagħna jitkejjel mil-lealtà lejn Ġeħova u mill-privileġġ li tana biex nippridkaw “l-aħbar tajba tas-saltna . . . bħala xiehda lill-ġnus kollha”!—Mt. 24:14.
19 X’għallimna iktar Ġesù dwar it-tkabbir taʼ dixxipli ġodda u x-xogħol tas-Saltna? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab f’tixbihat oħrajn imniżżlin fir-rakkonti taʼ l-Evanġelju. Se nanalizzaw ftit minn dawn it-tixbihat fl-artiklu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
a Ikkunsidra l-eżempju tal-ministeru taʼ Ħuna Georg Fjölnir Lindal fl-Islanda, kif imniżżel fit-2005 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 210-211, u l-esperjenzi taʼ qaddejja leali li pperseveraw għal ħafna snin fl-Irlanda mingħajr riżultati immedjati, bħalma nsibuhom fin-1988 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 82-99.
b F’din ir-rivista fil-passat ġie spjegat li ż-żerriegħa tirrappreżenta l-kwalitajiet tal-personalità li jridu jimmaturaw, billi matul il-proċess jiġu effettwati minn fatturi ambjentali. Madankollu, għandu jiġi notat li fit-tixbiha taʼ Ġesù, iż-żerriegħa ma ssirx żerriegħa ħażina jew frotta mħassra. Sempliċement timmatura.—Ara It-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Awissu, 1980, paġni 10-13.
c L-unika darba oħra li tintuża din l-espressjoni hi f’Atti 12:10, fejn jingħad li rixtellu tal-ħadid infetħilhom “waħdu,” jew awtomatikament.
X’Tiftakar?
• Liema xebh hemm bejn iż-żrigħ taʼ żerriegħa letterali u l-ippridkar tal-messaġġ tas-Saltna?
• Ġeħova kif ikejjel il-lealtà taʼ predikatur tas-Saltna?
• Ġesù liema xebh enfasizza bejn it-tkabbir letterali u dak spiritwali?
• “Min jiżraʼ u min jaħsad” kif “jifirħu flimkien”?
[Stampi f’paġna 13]
Ġesù għala qabbel predikatur tas-Saltna t’Alla maʼ żerriegħ?
[Stampi f’paġna 15]
Dawk rappreżentati minn ħamrija tajba jieħdu sehem b’qalbhom kollha fl-ippridkar tas-Saltna skond iċ-ċirkustanzi tagħhom
[Stampi f’paġna 16]
Hu Alla li jkompli jkabbar