LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • uw kap. 5 pp. 38-45
  • Libertà Gawduta Minn Adoraturi taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Libertà Gawduta Minn Adoraturi taʼ Jehovah
  • Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • FEJN TISTAʼ TINSTAB IL-​LIBERTÀ
  • XENQA GĦAL TIP IEĦOR TAʼ LIBERTÀ
  • FEJN JIBDEW IL-​PROBLEMI
  • Il-Libertà li Jgawdu l-Aduraturi taʼ Jehovah
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • It-triq għal-libertà vera
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Poplu Liberu Imma Responsabbli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Titlifx il-Għan tal-Libertà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
Ara Iżjed
Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
uw kap. 5 pp. 38-45

Kapitlu 5

Libertà Gawduta Minn Adoraturi taʼ Jehovah

1, 2. (a) Alla x’tip taʼ libertà ta lill-​ewwel koppja umana? (b) Semmi xi wħud mil-​liġijiet li ggvernaw l-​attivitajiet tagħhom.

META Jehovah ħalaq lill-​ewwel koppja umana, huma gawdew libertà li tisboq ferm lil kwalunkwe waħda li għandhom il-​bnedmin illum. Darhom kienet Ġenna. Ebda mard ma kien iħassar it-​tgawdija tagħhom tal-​ħajja. Il-​mewt ma kenitx qiegħda tistenniehom. Imma r-​rispett lejn il-​liġijiet t’Alla kien fattur importanti f’li jkomplu jkollhom libertà bħal din.

2 Xi ftit minn dawk il-​liġijiet setgħu ma kinux mistqarrin bil-​kliem, imma Adam u Eva ġew magħmulin b’tali mod li kien naturali għalihom li jobduhom. B’hekk l-​aptit issinjala l-​ħtieġa li jieklu; l-​għatx, il-​ħtieġa li jixorbu. Inżul ix-​xemx inkuraġġiehom jieħdu l-​mistrieħ u l-​irqad meħtiġin. Jehovah ukoll kellimhom u tahom inkarigu taʼ xogħol. Attwalment dak l-​inkarigu kien liġi, għaliex kellu jiggverna l-​korsa t’azzjoni tagħhom. Imma x’liġi ħanina u taʼ benefiċċju kienet! Tathom xogħol li kellu jkun sodisfaċenti għalkollox, billi jagħmilha possibbli għalihom li jużaw il-​fakultajiet tagħhom bis-​sħiħ b’modi li jibnu. Kellhom iwelldu t-​tfal, jeżerċitaw dominanza fuq il-​ħajja taʼ l-​​annimali taʼ l-​art u bil-​mod il-​mod jestendu l-​fruntieri tal-​Ġenna sakemm din tiksi l-​globu. (Ġen. 1:28; 2:15) Alla ma taqqalhomx b’dettalji bla bżonn. Kellhom wisaʼ biżżejjed li ħalliethom jieħdu deċiżjonijiet. X’iktar setaʼ wieħed jitlob?

3. Adam kif setaʼ ġie mgħejjun biex juża bil-​għaqal il-​libertà tiegħu biex jieħu d-​deċiżjonijiet?

3 M’għandniex xi ngħidu, meta Adam ngħatalu l-​privileġġ li jieħu deċiżjonijiet, dak ma kienx ifisser li kull deċiżjoni li kien jieħu, tkun xi tkun, kellha tipproduċi riżultati tajbin. Il-​libertà tiegħu f’li jieħu deċiżjonijiet kienet timplika responsabbiltà. Setaʼ jitgħallem billi jagħti widen lil Missieru tas-​sema u josserva x-​xogħlijiet Tiegħu, u Alla kien ta lil Adam intelliġenza li kellha tagħmlu kapaċi japplika dak li tgħallem. Ladarba Adam ġie maħluq “fi xbiha t’Alla,” l-​inklinazzjoni naturali tiegħu kellha tkun biex hu jirrifletti kwalitajiet divini meta jieħu deċiżjonijiet. Żgur li kien ikun attent biex jagħmel dak jekk verament apprezza dak li Alla għamel għalih u jekk ried jogħġob lil Alla.​—Ġen. 1:​26, 27; qabbel Ġwann 8:29.

4. (a) Il-​kmand restrittiv mogħti lil Adam ċaħħdu mil-​libertà? (b) Għala kienet ħtieġa xierqa?

4 Bħala tfakkira tad-​dipendenza tal-​bniedem fuq il-​Ħallieq tiegħu u Dak li Jagħtih il-​Ħajja, Jehovah poġġa dan il-​kmand fuqu: “Minn kull siġra tal-​ġnien tistaʼ tiekol sa ma tixbaʼ. Imma inkwantu għas-​siġra taʼ l-​għarfien tat-​tajjeb u tal-​ħażin ma tridx tiekol minnha, għax fil-​jum li tiekol minnha int żgur li se tmut.” (Ġen. 2:​16, 17) Ċaħdet lill-​bniedem mil-​libertà dik il-​liġi? Ċertament li le. Adam kien liberu li jobdi jew li ma jobdix. Il-​projbizzjoni ma imponiet ebda tagħbija fuqu. Kellu abbundanza x’jiekol mingħajr ma jmiss dik l-​unika siġra. Madankollu, kien xieraq li jirrikonoxxi li l-​art li fuqha għex tappartjeni lil Alla u li, bħala l-​Ħallieq, Alla bi dritt hu l-​Ħakkiem tal-​ħolqien tiegħu.​—Salm 24:​1, 10.

5. (a) Adam u Eva kif tilfu l-​libertà glorjuża li kellhom? (b) X’ġie minflokha, u aħna kif ġejna effettwati?

5 Imma x’ġara? Immotivat minn ambizzjoni egoistika, anġlu qarraq b’Eva u ppoża taʼ gwida vera billi assiguraha dwar xi ħaġa kuntrarja għar-​rieda t’Alla. Minflok ma obda lil Missieru, Adam ngħaqad m’Eva u naqas bħalha. Billi ħatfu xi ħaġa li ma kenitx tappartjeni lilhom, Adam u Eva tilfu l-​libertà glorjuża li kellhom. Id-​dnub sar is-​sid tagħhom u, bħalma Alla kien wissa, il-​mewt pożittivament kienet qiegħda tistenniehom. Bħala riżultat, liema wirt għadda għal fuq nisilhom? Id-​dnub, muri f’tendenza ġewwinija lejn il-​ħażen, fi dgħjufijiet li jagħmlu lil dak li jkun suxxettibbli għall-​mard u li eventwalment jiddeterjora bix-​xjuħija. Ukoll il-​mewt. L-​inklinazzjoni lejn il-​ħażen li ntirtet, aggravata mill-​influwenza Satanika, ipproduċiet soċjetà fejn il-​ħajja saret prekarja għal kulħadd. X’kuntrast mal-​libertà li Alla kien ta lill-​umanità fil-​bidu!​—Rum. 5:12; Ġob 14:1; Riv. 12:9.

FEJN TISTAʼ TINSTAB IL-​LIBERTÀ

6. (a) Fejn tistaʼ tinstab il-​vera libertà? (b) Dwar liema tip taʼ libertà kien qiegħed jitkellem Ġesù fi Ġwann 8:​31, 32?

6 Meta naraw il-​kundizzjonijiet illum, m’huwiex sorprendenti li n-​nies huma mlebilbin għal libertà akbar milli għandhom. Imma fejn tistaʼ tinstab libertà vera? Ġesù Kristu qal: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, intom tassew dixxipli tiegħi, u se tkunu tafu l-​verità, u l-​verità se tagħmilkom liberi.” (Ġwn. 8:​31, 32) Din il-​libertà m’hijiex ix-​xorta limitata li n-​nies jittamaw għaliha meta jwarrbu xi ħakkiem politiku jew forma taʼ gvern favur ieħor. Minflok, din tinfed sal-​qalba tal-​problemi umani. Dak li Ġesù kien qiegħed jiddiskuti kien libertà mid-​dnub, mill-​jasar tad-​dnub. (Ara Ġwann 8:24; 34-36.) B’hekk jekk persuna ssir dixxiplu veru taʼ Ġesù Kristu, dan jirriżulta f’bidla notevoli f’ħajjitha, liberazzjoni.

7. (a) F’liema sens, allura, nistgħu issa nkunu liberi mid-​dnub? (b) Biex ikollna dik il-​libertà, x’irridu nagħmlu?

7 Dak ma jfissirx li fil-​preżent Kristjani veri m’għadhomx iħossu l-​effetti taʼ l-​inklinazzjoni ġewwinija lejn kondotta midinba. Għall-​kuntrarju, għandhom sarâr minħabba dan. (Rum. 7:​21-25) Imma jekk wieħed tassew jgħix f’armonija mat-​tagħlim taʼ Ġesù, mhux se jkun iktar irsir miżerabbli tad-​dnub. Id-​dnub mhux se jkun iktar għalih bħal re li jagħti l-​ordnijiet li hu jobdi. Mhux se jkun iktar maqbud f’mod taʼ ħajja li hija nieqsa mill-​iskop u li tħallih b’kuxjenza disturbata. Hu se jgawdi kuxjenza nadifa quddiem Alla għaliex id-​dnubiet tal-​passat ġew maħfurin fuq il-​bażi tal-​fidi tiegħu fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu. Inklinazzjonijiet midinbin jistgħu jipprovaw jiġġustifikaw lilhom infushom, imma meta jirrifjuta li jaġixxi fuqhom għaliex iġib quddiem għajnejh it-​tagħlim nadif taʼ Kristu, hu se juri li d-​dnub m’huwiex is-​sid tiegħu.​—Rum. 6:​12-17.

8. (a) X’libertà iżjed tagħtina l-​vera Kristjanità? (b) Dan kif għandu jeffettwa l-​attitudni tagħna lejn il-​ħakkiema sekulari?

8 Bħala Kristjani aħna ngawdu libertà kbira. Ġejna lliberati mill-​effetti taʼ tagħlim falz, mill-​jasar għas-​superstizzjoni u minn servitù lejn id-​dnub. Il-​veritajiet grandjużi dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin u l-​irxoxt illiberawna mill-​biżaʼ bla raġuni taʼ mewt vjolenti li ġġiegħel lin-​nies jgħakksu l-​kuxjenza tagħhom. L-​għarfien li l-​gvernijiet imperfetti umani se jiġu mibdulin mis-​Saltna taʼ tjieba t’Alla jilliberana milli nkunu bla tama. Imma libertà bħal din ma tiġġustifikax li wieħed ma jagħtix kas il-​liġi jew juri nuqqas taʼ rispett lejn uffiċjali governattivi bl-​iskuża li dalwaqt is-​sistema l-​qadima se tkun telqet.​—1 Piet. 2:​16, 17; Titus 3:​1, 2.

9. (a) Jehovah kif jgħinna bl-​imħabba biex ingawdu l-​ogħla livell taʼ libertà possibbli għal bnedmin? (b) F’li nieħdu d-​deċiżjonijiet, kif nistgħu nuru li nifhmu b’mod ċar x’irriżulta mill-​fatt li Adam abbuża mil-​libertà tiegħu?

9 Jehovah ma jħalliniex niffiguraw b’metodi differenti liema huwa l-​aħjar mod kif ngħixu. Jaf kif aħna magħmulin, x’se jġibilna kuntentizza ġenwina u sens taʼ dinjità persunali, u x’se jkun l-​iktar taʼ benefiċċju dejjiemi għalina. Hu jaf ukoll l-​iskeda tiegħu stess sabiex iwettaq l-​iskop tiegħu u, għalhekk, l-​attivitajiet li huma taʼ l-​iktar valur li nieħdu sehem fihom. B’mod simili hu konxju tal-​ħsibijiet u l-​kondotta li jistgħu jiddegradaw persuna jew li jħassru r-​relazzjonijiet tagħha m’oħrajn, saħansitra li jċaħħduha mill-​barkiet tas-​Saltna t’Alla. B’imħabba hu jinformana dwar dawn l-​affarijiet permezz tal-​Bibbja u permezz taʼ l-​organizzazzjoni viżibbli tiegħu. (Gal. 5:​19-23; Mark 13:10; qabbel 1 Timotju 1:​12, 13.) Imbagħad ikun f’idejna, billi nużaw ir-​rieda ħielsa mogħtija minn Alla, li niddeċiedu kif se nwieġbu. Jekk niżżilna f’qalbna dak li tgħidilna l-​Bibbja rigward kif Adam tilef il-​libertà li kien mogħti lill-​bniedem fil-​bidu, aħna se nieħdu dawk id-​deċiżjonijiet bil-​għaqal. Se nuru li r-​relazzjoni tajba maʼ Jehovah hija l-​ħsieb ewlieni tagħna fil-​ħajja.

XENQA GĦAL TIP IEĦOR TAʼ LIBERTÀ

10. Għal liema tip taʼ libertà stinkaw xi wħud li stqarrew li kienu Kristjani?

10 Xi drabi xi żgħażagħ imrobbijin bħala Xhieda taʼ Jehovah, kif ukoll oħrajn li m’humiex daqstant żgħażagħ, jaslu biex iħossu li jridu tip ieħor taʼ libertà. Id-​dinja tistaʼ tidher glamoruża, u iktar ma jaħsbu dwar dan iktar issir qawwija x-​xewqa tagħhom li jagħmlu affarijiet li n-​nies tad-​dinja jagħmlu. Forsi ma jippjanawx li jitilfu moħħhom bid-​drogi, jixorbu żżejjed jew li jikkommettu l-​fornikazzjoni. Imma jibdew iqattgħu ħin wara l-​iskola jew wara x-​xogħol maʼ sħabhom tad-​dinja. M’għandniex xi ngħidu, huma jridu jkunu aċċettati minn sħabhom il-​ġodda, u għalhekk jibdew jimitaw kliemhom u l-​kondotta tagħhom.​—3 Ġwn. 11.

11. Xi drabi minfejn tiġi l-​ħajra li nagħmlu dan?

11 Xi drabi l-​ħajra li tagħti ruħek għal kondotta dinjija tiġi minn persuna oħra li tistqarr li qiegħda taqdi lil Jehovah. Dak kien li ġara f’Għeden meta Satana sseduċa lil Eva, u mbagħad meta Eva ħeġġet lil Adam biex jingħaqad magħha. Kien ukoll veru fost il-​Kristjani bikrin, u l-​istess ħaġa tiġri llum. Persuni bħal dawn taʼ spiss iħobbu l-​eċċitament u jixxennqu għal affarijiet li jġibu pjaċir intens. Iħeġġu lil oħrajn biex “jieħdu ftit pjaċir.” ‘Iwiegħdu l-​libertà, waqt li huma nfushom huma rsiera tal-​korruzzjoni.’​—2 Piet. 2:​18, 19.

12. (a) X’inhuma r-​riżultati taʼ swied il-​qalb taʼ kondotta dinjija? (b) Ladarba dawk involuti jafu l-​konsegwenzi, għala jinsistu li jagħmlu affarijiet bħal dawn?

12 Ir-​riżultat m’huwiex pjaċevoli. Sess illeċitu jirriżulta f’taqlib emozzjonali. Dan jistaʼ wkoll iwassal għal mard, tqala mhix mixtieqa u possibilment it-​tkissir taʼ żwieġ. (Prov. 6:​32-35; 1 Kor. 6:18; 1 Tess. 4:​3-8) L-​abbuż tad-​drogi jistaʼ jipproduċi irritazzjoni, kliem imħawwad, vista mċajpra, sturdament, qtugħ taʼ nifs, alluċinazzjonijiet u mewt. (Qabbel Proverbji 23:​29-35.) Dan jistaʼ jirriżulta f’ivvizzjar, li jistaʼ jwassal għal kriminalità sabiex wieħed imantni dan il-​vizzju. Dawk li jiġu involuti f’kondotta bħal din ġeneralment jafu x’jistaʼ jkun ir-​riżultat minn dan. Imma x-​xenqa tagħhom għal eċċitament u pjaċir senswali ġġegħilhom jagħlqu moħħhom għall-​konsegwenzi. Jgħidu lilhom infushom li din hija libertà, imma mbagħad isiru jafu, tard wisq, li huma rsiera tad-​dnub, u x’sid kattiv huwa d-​dnub! Li nirraġunaw fuq din il-​kwistjoni issa jistaʼ jgħin biex niġu ssalvagwardjati kontra esperjenza bħal din.​—Gal. 6:​7, 8.

FEJN JIBDEW IL-​PROBLEMI

13. (a) Taʼ spiss kif jiġu mqanqlin ix-​xewqat li jwasslu għal dawn il-​problemi? (b) Biex nifhmu x’inhuma “sħubijiet ħżiena,” l-​opinjoni taʼ min għandna bżonn? (ċ) Waqt li twieġeb il-​mistoqsijiet fl-​aħħar tal-​paragrafu, enfasizza l-​opinjoni taʼ Jehovah. Ikkummenta fuq biss mistoqsija waħda wara l-​oħra.

13 Ieqaf u aħseb dwar minfejn taʼ spiss jibdew dawk il-​problemi. Il-​Bibbja tispjega: “Kull wieħed hu pprovat billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess. Imbagħad ix-​xewqa, meta tkun saret fertili, twelled id-​dnub; imbagħad, id-​dnub, meta jkun ġie mwettaq, iġib il-​mewt.” (Ġak. 1:​14, 15) Imma dawk ix-​xewqat kif jiġu mqanqlin? B’dak li jidħol fil-​​moħħ, u taʼ spiss dan huwa r-​riżultat taʼ sħubija maʼ nies li ma japplikawx il-​prinċipji tal-​Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, ilkoll nafu li għandna nevitaw “sħubijiet ħżiena.” Imma l-​mistoqsija hija, liema sħubijiet huma ħżiena? Jehovah kif iħares lejn il-​kwistjoni? Li nirraġunaw fuq il-​mistoqsijiet u l-​iskritturi li ġejjin għandu jgħinna naslu għal konklużjonijiet xierqa.

Ifisser il-​fatt li ċerti nies jidhru li huma onorabbli li se jkunu nies tajbin biex wieħed jassoċja magħhom? (Qabbel Ġenesi 34:​1, 2, 18, 19.)

Tistaʼ l-​konversazzjoni tagħhom, forsi ċ-​ċajt tagħhom, tindika jekk jixirqilniex li nżommu kumpanija fil-​qrib magħhom? (Ef. 5:​3, 4)

Hemm xi raġuni għala għandna nkunu kkonċernati jekk huma ma jinzertawx li jemmnu l-​istess affarijiet bħalna rigward l-​iskop t’Alla? (Qabbel 1 Korintin 15:​12, 32, 33.)

Kif se jħossu Jehovah jekk nagħżlu sħubija maʼ nies li ma jħobbuhx? (Qabbel 2 Kronaki 19:​1, 2.)

Għalkemm nistgħu naħdmu maʼ nies m’humiex kredenti jew immorru l-​iskola magħhom, kif nistgħu nuru li ma nagħżluhomx bħala nies li nissieħbu magħhom? (1 Piet. 4:​3, 4)

Li naraw it-​televixin u naqraw kotba, rivisti u gazzetti huma wkoll modi taʼ sħubija m’oħrajn. Kontra liema tip taʼ materjal minn dawn is-​sorsi hemm bżonn speċjali li noqogħdu għassa f’dawn iż-​żminijiet? (Prov. 3:31; Isa. 8:19; Ef. 4:​17-19)

L-​għażla tagħna taʼ dawk li nassoċjaw magħhom x’tgħidlu lil Jehovah dwar it-​tip taʼ persuni li aħna? (Salm 26:​1, 4, 5; 97:10)

14. Liema libertà glorjuża tistenna lil dawk li issa b’fedeltà japplikaw il-​pariri tal-​Kelma t’Alla?

14 Immedjatament quddiemna hemm l-​Ordni l-​Ġdid t’Alla. Permezz tas-​Saltna Tiegħu l-​umanità se tiġi lliberata mill-​influwenza li tjassar taʼ Satana u mis-​sistema t’affarijiet mill-​agħar kollha kemm hi. Bil-​mod il-​mod l-​effetti kollha tad-​dnub se jitneħħew mill-​umanità. Il-​ħajja eterna fil-​Ġenna se tkun quddiemhom. Il-​libertà li hija f’armonija sħiħa maʼ “l-​ispirtu taʼ Jehovah” eventwalment se titgawda mill-​ħolqien kollu. (2 Kor. 3:17) Jagħmel sens li tipperikola li titlef dak kollu għaliex issa ma tiħux bis-​serjetà l-​parir tal-​Kelma t’Alla? Bil-​mod li neżerċitaw il-​libertà Kristjana tagħna llum jalla nuru b’mod ċar li dak li tassew nixtiequ huwa “l-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.”​—Rum. 8:21.

Diskussjoni Bħala Reviżjoni

● Liema tip taʼ libertà kienu jgawdu l-​ewwel koppja umana? Dan kif jitqabbel maʼ dak li l-​umanità qiegħda tesperjenza issa?

● F’kuntrast mad-​dinja, liema libertà għandhom il-​veri Kristjani? Dan kif inhu possibbli?

● Liema prezz jitħallas minn dawk li jfittxu t-​tip taʼ libertà li għandha d-​dinja?

● Għala huwa tant importanti li nevitaw “sħubijiet ħżiena”? Kuntrarju għal Adam, id-​deċiżjonijiet taʼ min inkwantu għal x’inhu ħażin naċċettaw aħna?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja