Kif Iħares il-Kristjan Lejn l-Awtoritajiet Superjuri
“Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri, għax ma hemm l-ebda awtorità ħlief permezz t’Alla; l-awtoritajiet eżistenti qegħdin fil-pożizzjoni relattiva tagħhom permezz t’Alla.”—RUMANI 13:1.
1, 2. (a) Pawlu għala kien priġunier f’Ruma? (b) X’mistoqsijiet iqumu bl-appell taʼ Pawlu lil Ċesri?
L-APPOSTLU Pawlu kiteb il-kliem taʼ hawn fuq lir-Rumani madwar is-sena 56 E.K. Ftit snin wara, hu sab ruħu f’Ruma bħala priġunier. Għala? Hu kien ġie attakkat minn marmalja f’Ġerusalemm u salvat minn suldati Rumani. Meħud f’Ċesarija, hu ffaċċja akkużi foloz, imma hu b’ħila ddefenda lilu nnifsu quddiem Feliċ, il-gvernatur Ruman. Feliċ, billi kien qed jittama li jiġi mxaħħam, żammu l-ħabs għal sentejn. Fl-aħħar, Pawlu staqsa lill-gvernatur taʼ warajh, Festus, biex il-każ tiegħu jinstemaʼ minn Ċesri.—Atti 21:27-32; 24:1-25:12.
2 Dan kien id-dritt tiegħu bħala ċittadin Ruman. Imma kien konsistenti għal Pawlu li jappella għal dik l-awtorità imperjali meta Ġesù kien irrefera għal Satana bħala l-veru “ħakkiem tad-dinja” u Pawlu nnifsu kien sejjaħ lil Satana “l-alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet”? (Ġwann 14:30; 2 Korintin 4:4) Jew kienet l-awtorità Rumana tokkupa xi ‘pożizzjoni relattiva’ li għamilha xierqa għal Pawlu li jħares lejn dik l-awtorità għal protezzjoni tad-drittijiet tiegħu? Tabilħaqq, jippermettu l-kliem taʼ qabel tal-appostli, “irridu nobdu ’l Alla bħala ħakem iktar milli lill-bnedmin,” ubbidjenza Kristjana lejn ħakkiema umani kull meta diżubbidjenza lejn Alla mhix involuta?—Atti 5:29.
3. Liema ħarsa matura jirrivela Pawlu, u kif inhi involuta l-kuxjenza?
3 Pawlu jgħinna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet fl-ittra tiegħu lir-Rumani, fejn hu jirrivela ħarsa matura lejn ħakma umana. F’Rumani 13:1-7 Pawlu jagħmel ċar il-parti li trid tilgħab kuxjenza Kristjana f’li tibbilanċja ubbidjenza sħiħa lejn l-Awtorità Suprema, Alla Jehovah, maʼ ubbidjenza relattiva lejn “l-awtoritajiet superjuri.”
Nidentifikaw l-Awtoritajiet Superjuri
4. Liema aġġustament fil-fehma sar fl-1962, billi jqajjem liema mistoqsijiet?
4 Għal xi snin, sal-1962, ix-Xhieda taʼ Jehovah sostnew li l-awtoritajiet superjuri kienu Alla Jehovah u Kristu Ġesù. Madankollu, fi qbil maʼ Proverbji 4:18, id-dawl żdied, u din il-fehma ġiet irranġata, li tistaʼ tqajjem xi mistoqsijiet fl-imħuħ taʼ xi wħud. Issa korretti aħna f’li ngħidu li dawn l-awtoritajiet huma s-slaten, il-presidenti, il-prim ministri, is-sindki, il-maġistrati, u oħrajn li għandhom qawwa sekulari u politika fid-dinja u li aħna għandna nagħtuhom sottomissjoni b’mod relattiv?
5. Il-kuntest taʼ Rumani 13:1 b’liema mod igħinna nidentifikaw l-awtoritajiet superjuri, u traduzzjonijiet differenti tal-Bibbja kif jappoġġjaw lil din l-identifikazzoni?
5 Irenaeus, kittieb tat-tieni seklu E.K., qal li skond xi wħud fi żmienu, Pawlu kien qed jitkellem f’Rumani 13:1 “rigward qawwiet anġeliċi [jew] dwar ħakkiema inviżibbli.” Irenaeus innifsu, iżda, ħares lejn l-awtoritajiet superjuri bħala “awtoritajiet umani attwali.” Il-kuntest tal-kliem taʼ Pawlu juri li Irenaeus kien korrett. Fil-versi tal-egħluq taʼ Rumani kapitlu 12, Pawlu jispjega kif Kristjani għandhom iġibu ruħhom quddiem “il-bnedmin kollha,” billi jistmaw saħansitra lil ‘egħdewwa’ b’imħabba u konsiderazzjoni. (Rumani 12:17-21) B’mod ċar, l-espressjoni “l-bnedmin kollha” tapplika għal nies barra l-kongregazzjoni Kristjana. Mela “l-awtoritajiet superjuri,” li dwarhom Pawlu jissokta jiddiskuti, ukoll iridu jkunu barra l-kongregazzjoni Kristjana. Fi qbil maʼ dan, innota kif traduzzjonijiet differenti jittraduċu l-ewwel parti taʼ Rumani 13:1: “Kulħadd irid jobdi awtoritajiet tal-istat” (Today’s English Version); “kulħadd għandu jissottometti lilu nnifsu lejn l-awtoritajiet li jiggvernaw” (New International Version); “kulħadd għandu jobdi lill-awtoritajiet ċivili.”−New Testament in Modern English taʼ Phillips.
6. Il-kliem taʼ Pawlu dwar il-ħlas taʼ taxxi u ħaraġ kif juri li l-awtoritajiet superjuri jridu jkunu l-awtoritajiet sekulari?
6 Pawlu jissokta jgħid li dawn l-awtoritajiet jitolbu t-taxxi u l-ħaraġ. (Rumani 13:6, 7) Il-kongregazzjoni Kristjana ma titlobx taxxi jew ħaraġ; lanqas ma jagħmlu dan Jehovah jew Ġesù jew xi “mexxejja inviżibbli” oħra. (2 Korintin 9:7) It-taxxi jitħallsu biss lil awtoritajiet sekulari. Fi qbil maʼ dan, il-kelmiet Griegi għal “taxxa” u “ħaraġ” użati minn Pawlu f’Rumani 13:7 jirreferu speċifikament għal flus imħallsa lill-Istat.a
7, 8. (a) Diversi skritturi kif jaqblu mal-ideja li l-Kristjani għandhom ikunu suġġetti lejn l-awtoritajiet politiċi taʼ din id-dinja? (b) Meta biss il-Kristjan ma jaċċettax l-ordnijiet tal-“awtorità”?
7 Barra minn dan, l-eżortazzjoni taʼ Pawlu biex inkunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri hi fi qbil mal-kmand taʼ Ġesù biex nagħtu lura “l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri,” fejn “Ċesri” jirrappreżenta awtorità sekulari. (Mattew 22:21) Jaqbel ukoll mal-kliem li Pawlu qal iżjed tard lil Titus: “Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu sottomessi u jkunu ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet bħala ħakkiema, biex ikunu lesti għal kull xogħol tajjeb.” (Titus 3:1) Għaldaqstant, meta l-Kristjani jiġu ordnati mill-gvernijiet biex jieħdu sehem f’xogħlijiet tal-komunità, huma b’mod xieraq jaċċettaw dment li dawk ix-xogħlijiet ma jammontawx għal sostitut b’kompromess għal xi servizz mhux skritturali jew b’xi mod ieħor jikser prinċipji Skritturali bħal dak li nsibu f’Isaija 2:4.
8 Pietru afferma wkoll li għandna nkunu suġġetti lejn l-awtoritajiet sekulari taʼ din id-dinja meta qal: “Minħabba l-Mulej issottomettu lilkom infuskom lil kull ħolqien uman: kemm jekk lil sultan bħala li hu superjuri jew lil gvernaturi bħala li huma mibgħutin minnu biex jagħtu l-kastig lil dawk li jagħmlu l-ħażen u biex ifaħħru lil dawk li jagħmlu t-tajjeb.” (1 Pietru 2:13, 14) Fi qbil maʼ dan, il-Kristjani se jagħtu kas ukoll tat-twissija taʼ Pawlu lil Timotew: “Jien għalhekk inħeġġiġkom, qabel kollox, li tħanniniet, talbiet, interċessjonijiet, offerti taʼ ħajr, isiru rigward kull xorta taʼ nies rigward slaten u dawk li qegħdin f’kariga għolja; sabiex aħna nistgħu nibqgħu ngħaddu ħajja kalma u kwieta.”b—1 Timotew 2:1, 2.
9. Għala ma jnaqqasx mill-glorja taʼJehovah jekk tirreferi għal awtoritajiet umani bħala “superjuri”?
9 F’li nsejħu lill-awtoritajiet sekulari “superjuri,” aħna qegħdin b’xi mod innaqqsu mill-unur dovut lil Jehovah? Le, għaliex Jehovah hu bil-wisq iżjed minn sempliċi superjuri. Huwa “l-Mulej Sovran,” “il-Wieħed Suprem.” (Salm 73:28; Danjel 7:18, 22, 25, 27; Rivelazzjoni 4:11; 6:10) Bl-ebda mod sottomissjoni xierqa lejn awtoritajiet umani ma tnaqqas mill-qima tagħna lill-Awtorità Suprema, il-Mulej Sovran Jehovah. Sa liema punt, mela, huma dawn l-awtoritajiet superjuri? Sempliċement rigward bnedmin oħra u fil-qasam taʼ attività tagħhom stess. Huma responsabbli li jiggvernaw u jipproteġu komunitajiet umani, u għal dan huma jagħmlu regolamenti dwar il-kondotta taʼ affarijiet pubbliċi.
“Qegħdin Hemm fil-Pożizzjonijiet Relattivi Tagħhom Permezz t’Alla”
10. (a) L-istqarrija taʼ Pawlu dwar it-‘tqegħid’ tal-awtoritajiet superjuri taʼ liema ħaġa jagħti prova dwar l-awtorità nfisha taʼ Jehovah? (b) X’ippermetta Jehovah rigward it-‘tqegħid’ taʼ ċerti ħakkiema, u l-qaddejja tiegħu kif jiġu b’hekk ippruvati?
10 Is-supremazija taʼ Alla Jehovah fuq saħansitra l-awtoritajiet sekulari tidher f’li dawn l-awtoritajiet “qegħdin hemm fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom permezz t’Alla.” Madankollu, din l-istqarrija tqajjem mistoqsija. Xi snin wara li Pawlu kiteb dawn il-kelmiet, l-imperatur Ruman Neruni organizza kampanja taʼ persekuzzjoni feroċi kontra l-Kristjani. Kien Alla li personalment poġġa lil Neruni fil-pożizzjoni tiegħu? ’Il bogħod minn dan! Mhux li kull mexxej individwali hu magħżul minn Alla u mqiegħed fil-pożizzjoni ‘bil-grazzja t’Alla.’ Minflok, Satana xi drabi jimmanuvra biex bnedmin bla qalb jieħdu pożizzjoni bħala mexxejja, u Jehovah jippermetti dan, flimkien mal-provi li mexxejja bħal dawn iġibu fuq il-qaddejja tiegħu li jżommu l-integrità.—Qabbel Ġob 2:2-10.
11, 12. X’każi hemm iniżżlin fejn Jehovah personalment immanuvra l-awtoritajiet sekulari f’posthom u barra minn posthom?
11 Madankollu, Jehovah ġieli ndaħal personalment fil-każ taʼ ċerti mexxejja jew gvernijiet sabiex jaqdi l-għan għoli tiegħu. Per eżempju, fi żmien Abraham il-Kangħaniti tħallew jibqgħu fl-art taʼ Kangħan. Iktar tard, iżda, Jehovah qalagħhom minn posthom u ta l-art liż-żerriegħa taʼ Abraham. Matul il-qagħda tal-Iżraeliti fid-deżert, Jehovah ma ħallihomx jegħlbu lil Ammon, Moab, u l-Muntanja Sejir. Imma hu ordnalhom biex jeqirdu s-saltniet taʼ Siħon u Og.—Ġenesi 15:18-21; 24:37; Eżodu 34:11; Dewteronomju 2:4, 5, 9, 19, 24; 3:1, 2.
12 Wara li Iżrael issetilja f’Kangħan, Jehovah baqaʼ jieħu interess dirett fl-awtoritajiet li kienu jeffettwaw lill-poplu tiegħu. Xi drabi, meta Iżrael kien jidneb, Jehovah ħalliehom jaqgħu taħt awtorità pagana. Meta kienu jindmu, hu kien ineħħi dik l-awtorità mill-art. (Imħallfin 2:11-23) Eventwalment, hu ħalla lil Ġuda, flimkien maʼ ħafna ġnus oħra, biex jaqgħu taħt il-kontroll taʼ Babilonja. (Isaija 14:28-19:17; 23:1-12; 39:5-7) Wara li Iżrael waqaʼ fl-eżilju fil-Bablionja, Jehovah bassar it-tlugħ u l-waqgħa taʼ qawwiet dinjin li kienu se jeffettwaw lill-poplu tiegħu miż-żmien taʼ Babilonja sa żmienna stess.—Danjel, kapitli 2, 7, 8 u 11.
13. (a) Skond il-għanja taʼ Mosè, Jehovah għala ddikjara l-fruntieri tal-popli? (b) Alla għala iktar tard irrestawra lil Iżrael f’artu?
13 Mosè kanta dwar Jehovah: “Meta l-Iktar Għoli ta wirt lill-ġnus, meta fired lil ulied Adam minn xulxin, hu ssokta jagħmel il-fruntieri għall-popli rigward il-għadd taʼ wlied Iżrael. Għax sehem Jehovah hu l-poplu tiegħu; Ġakobb huwa s-sehem li hu jiret.” (Dewteronomju 32:8, 9; qabbel Atti 17:26.) Iva, sabiex iwettaq il-għanijiet tiegħu, Alla hemm iddikjara liema awtoritajiet kellhom jibqgħu u liema kellhom jinqerdu. B’dan il-mod, hu ta bħala sehem lil nisel Abraham art biex jirtuha u iktar tard irrestawrahom f’dik l-art, biex b’hekk eventwalment iż-Żerriegħa mwiegħed setaʼ jidher hemm sewwa sew bħalma ġie pprofetizzat.—Danjel 9:25, 26; Mikea 5:2.
14. Fil-biċċa l-kbira, Jehovah f’liema sens ipoġġi l-awtoritajiet umani fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom?
14 Fil-biċċa l-kbira tal-każi, madankollu, Jehovah ipoġġi lill-ħakkiema fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom fis-sens li hu jħalli lill-bnedmin jieħdu pożizzjonijiet taʼ awtorità li huma relattivi għal xulxin imma dejjem inferjuri għalih. B’hekk, meta Ġesù kien quddiem Ponzju Pilatu, hu qal lil dak il-ħakkiem: “Ma kien ikollok assolutament ebda awtorità kontra tiegħi li kieku ma kinetx mogħtija lilek minn fuq.” (Ġwann 19:11) Dan ma kienx ifisser li Pilatu kien personalment imqiegħed f’pożizzjoni minn Alla, imma kien ifisser li l-awtorità tiegħu taʼ ħajja jew mewt fuq Ġesù kienet biss bil-permess t’Alla.
“L-Alla taʼ Din is-Sistema taʼ Affarijiet”
15. Satana b’liema mod jamministra awtorità f’din id-dinja?
15 Xi ngħidu, iżda, dwar l-istqarrija tal-Bibbja li Satana hu l-alla, jew il-ħakkiem, taʼ din id-dinja? (Ġwann 12:31; 2 Korintin 4:4) Xi ngħidu tabilħaqq, dwar il-ftaħira taʼ Satana maʼ Ġesù meta hu wera lil Ġesù s-saltniet kollha tad-dinja u qal: “Din l-awtorità kollha . . . kienet imgħoddija lili, u nagħtiha lil min nixtieq jien.” (Luqa 4:6) Ġesù ma kkontradixxiex il-ftaħira taʼ Satana. U l-kliem taʼ Satana hu fi qbil maʼ dak li Pawlu iktar tard kiteb lill-Efesin: “Għandna sarar, mhux kontra d-demm u l-laħam, imma kontra l-gvernijiet, kontra l-awtoritajiet, kontra l-ħakkiema tad-dinja taʼ dan id-dlam, kontra l-forzi tal-ispirti mill-agħar fl-imkejjen tas-sema.” (Efesin 6:12) Barra minn hekk, il-ktieb taʼ Rivelazzjoni jpengi lil Satana bħala dragun kbir li jagħti lil simbolu annimalesk tas-sistema politika tad-dinja “il-qawwa tiegħu u t-tron tiegħu u awtorità kbira.”—Rivelazzjoni 13:2.
16. (a) Kif jistaʼ jidher li l-awtorità taʼ Satana hija limitata? (b) Jehovah għala jippermetti lil Satana li jkollu awtorità fost il-bnedmin?
16 Innota, iżda, li l-istqarrija taʼ Satana lil Ġesù, “Din l-awtorità kollha . . . kienet imgħoddija lili,” turi li hu wkoll jeżerċita awtorità biss bil-permess. Alla għala jagħti dan il-permess? Il-karriera taʼ Satana bħala ħakkiem tad-dinja bdiet lura f’Għeden meta hu pubblikament akkuża lil Alla li qed jigdeb u li b’mod inġust qed jeżerċita s-sovranità Tiegħu. (Ġenesi 3:1-6) Adam u Eva segwew lil Satana u ma obdewx lil Alla Jehovah. F’dak il-punt Jehovah setaʼ, b’ġustizzja perfetta, jagħti l-mewt lil Satana u liż-żewġ segwaċi ġodda tiegħu. (Ġenesi 2:16, 17) Imma l-kliem taʼ Satana kien verament sfida persunali lil Jehovah. Mela Alla fil-għerf tiegħu ħalla lil Satana jkompli jgħix għal xi żmien, u Adam u Eva tħallew jimmultiplikaw ulied qabel ma mietu. B’dan il-mod, Alla pprovda żmien u opportunità għall-falzità tal-isfida taʼ Satana biex tintwera.—Ġenesi 3:15-19.
17, 18. (a) Għala nistgħu ngħidu li Satana hu l-alla taʼ din id-dinja? (b) B’liema mod “m’hemm l-ebda awtorità” f’din id-dinja “ħlief permezz t’Alla”?
17 Ġrajjiet minn Għeden ’il hawn urew li l-akkużi taʼ Satana kienu gideb sfaċċat. Id-dixxendenti taʼ Adam ma sabux kuntentizza la taħt il-ħakma taʼ Satana u lanqas taħt dik tal-bniedem. (Ekkleżjasti 8:9) Mill-banda l-oħra, il-mod kif Alla tratta mal-poplu tiegħu stess wera s-superjorità taʼ ħakma divina. (Isaija 33:22) Imma ladarba l-biċċa l-kbira min-nisel taʼ Adam ma jaċċettawx is-sovranità taʼ Jehovah, kemm jekk din jafu dwarha jew għax ma jafux, huma jaqdu lil Satana bħala l-alla tagħhom.—Salm 14:1; 1 Ġwann 5:19.
18 Dalwaqt, il-kwistjonijiet imqajmin f’Għeden se jiġu solvuti. Is-Saltna t’Alla se tieħu f’idejha għalkollox l-amministrar tal-affarijiet umani, u Satana se jintefaʼ fl-abbiss. (Isaija 11:1-5; Rivelazzjoni 20:1-6) Sadattant, iżda, xi xorta taʼ arranġament, jew struttura, kien neċessarju fost il-bnedmin sabiex setgħet tkun possibbli ħajja taʼ ordni. Jehovah hu “Alla, mhux tad-diżordni, imma tal-paċi.” (1 Korintin 14:33) Għaldaqstant, hu ppermetta strutturi taʼ awtorità li jibdew jeżistu fil-komunitajiet li żviluppaw barra minn Għeden, u hu ppermetta lil bnedmin li jeżerċitaw awtorità f’dan l-arranġament. B’dan il-mod “ma hemm l-ebda awtorità ħlief permezz t’Alla.”
Awtoritajiet Ġusti
19. Huwa kull ħakkiem uman taħt il-kontroll dirett taʼ Satana?
19 Minn Għeden ’il hawn, Satana gawda libertà sħiħa fost il-bnedmin, u hu uża din il-libertà biex jimmanuvra ġrajjiet fuq l-art, fi qbil mal-ftaħira tiegħu maʼ Ġesù. (Ġob 1:7; Mattew 4:1-10) Dan ma jfissirx, madankollu, li kull ħakkiem f’din id-dinja jissottometti direttament għall-kontroll taʼ Satana. Xi wħud—bħal Neruni fl-ewwel seklu u Adolf Hitler fis-seklu tagħna—urew spirtu verament sataniku. Imma oħrajn le. Serġjus Pawlus, il-prokonslu taʼ Ċipru, kien “raġel intelliġenti” li “fittex li jismaʼ l-kelma t’Alla.” (Atti 13:7) Galljo, il-prokonslu tal-Akaja, irrifjuta li jċedi għall-pressjoni mil-Lhud li akkużaw lil Pawlu. (Atti 18:12-17) Ħafna ħakkiema oħra eżerċitaw b’mod onorabbli l-awtorità tagħhom kuxjenzjożament.—Qabbel Rumani 2:15
20, 21. Liema ġrajjiet fis-seklu 20 juru li ħakkiema umani mhux dejjem jagħmlu r-rieda taʼ Satana?
20 Il-ktieb taʼ Rivelazzjoni bassar li matul “jum il-Mulej,” li beda fl-1914, Jehovah kien saħansitra se jimmanuvra awtoritajiet umani biex imorru kontra l-għanijiet taʼ Satana. Rivelazzjoni jiddeskrivi għargħar taʼ persekuzzjoni, mitfugħ minn Satana kontra l-Kristjani midlukin, li kien se jinbalaʼ mill-“art.” (Rivelazzjoni 1:10; 12:16) Elementi minn ġewwa “l-art,” is-soċjetà umana li issa teżisti fuq l-art, kienu se jipproteġu lin-nies taʼ Jehovah mill-persekuzzjoni taʼ Satana.
21 Ġara dan attwalment? Iva. Fis-snin tletin u fis-snin erbgħin, per eżempju, ix-Xhieda taʼ Jehovah fl-Istati Uniti kienu taħt pressjoni qawwija, billi sofrew attakki minn folol taʼ nies u arresti inġusti spissi. Huma rċevew serħan meta l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti għaddiet għadd taʼ deċiżjonijiet li rrikonoxxew ix-xogħol tagħhom bħala legali. F’postijiet oħra wkoll, l-awtoritajiet taw għajnuna lill-poplu t’Alla. Xi 40 sena ilu fl-Irlanda, folla taʼ Kattoliċi Rumani attakkat lil żewġ Xhieda fil-belt taʼ Cork. Puliżija lokali ġie biex igħin lix-Xhieda u qorti tal-ġustizzja ddixxiplinat lill-attakkanti. Sas-sena l-oħra stess fil-Fiji, laqgħa taʼ kapijiet għoljin semgħet proposta biex tiġi mwaqqfa l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah. Kap minnhom tkellem bil-qlubija favur ix-Xhieda, u l-proposta ġiet megħluba faċilment.
22. X’mistoqsijiet imiss issa li jiġu diskussi?
22 Le, l-awtoritajiet sekulari mhux dejjem jaqdu l-għanijiet taʼ Satana. Il-Kristjani jistgħu jkunu suġġetti lejn l-awtoritajiet superjuri mingħajr ma jkunu suġġetti lejn Satana nnifsu. Tabilħaqq, huma se jkunu suġġetti lejn dawn l-awtoritajiet sakemm Alla jippermetti dawn l-awtoritajiet li jeżistu. Xi tfisser, iżda sottomissjoni bħal din? U x’jistgħu jistennew il-Kristjani bi tpattija mill-awtoritajiet superjuri? Dawn il-mistoqsijiet se jiġu diskussi fl-artikli taʼ studju li ġejjin.
[Noti taʼ taħt]
a Ara, per eżempju, l-użu tal-kelma “taxxa” (pho’-ros) f’Luqa 20:22. Ara wkoll l-użu tal-kelma Griega te’los, hawn tradotta “ħaraġ,” f’Mattew 17:25, fejn hija tradotta “dazji.”
b In-nom Grieg tradott “kariga għolja,” hy·pe·rokhe’, hu marbut mal-verb hy·pe·re’kho. Il-kelma “superjuri” f’“awtoritajiet superjuri” ġejja minn dan l-istess verb Grieg, li jżid mal-evidenza li l-awtoritajiet superjuri huma l-awtoritajiet sekulari. Rumani 13:1 jinqara hekk f’The New English Bible, “kull persuna trid tissuġġetta ruħha lejn l-awtoritajiet supremi,” li dan mhux korrett. Bnedmin “f’kariga għolja” m’humiex supremi, għalkemm huma jistgħu jkunu superjuri għal bnedmin oħra.
Kif Se Twieġeb?
◻ Min huma l-awtoritajiet superjuri?
◻ Kif nistgħu ngħidu li “ma hemm l-ebda awtorità ħlief permezz t’Alla”?
◻ Jehovah għala jħalli d-dinja li tkun taħt l-awtorità taʼ Satana?
◻ Alla b’liema mod ipoġġi lill-awtoritajiet umani “fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom”?