-
Naqsmu maʼ Ħaddieħor il-Faraġ li Jehovah JipprovdiIt-Torri tal-Għassa—1996 | Novembru 1
-
-
“Alla taʼ Kull Faraġ”
5. Pawlu, x’esperjenza wkoll mal-ħafna provi li għadda minnhom?
5 Wieħed li apprezza profondament il-faraġ li Alla jipprovdi kien l-appostlu Pawlu. Wara ż-żmien li kien partikolarment taʼ prova fl-Asja u l-Maċedonja, hu esperjenza serħan kbir malli samaʼ li l-kongregazzjoni taʼ Korintu kienet wieġbet tajjeb għall-ittra tiegħu taʼ twiddib. Dan qanqlu biex jiktbilhom it-tieni ittra, li fiha l-espressjoni taʼ tifħir li ġejja: “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena [“ħniniet teneri,” NW] u Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.
6. X’nitgħallmu mill-kliem taʼ Pawlu li jinsab fit-2 Korintin 1:3, 4?
6 Dan il-kliem imnebbaħ jagħtina ħafna x’nifhmu. Ejjew nanalizzawh. Meta Pawlu jesprimi tifħir jew ringrazzjament lil Alla jew jitolbu xi ħaġa fl-ittri tiegħu, aħna ġeneralment insibu li hu kien jinkludi wkoll apprezzament profond għal Ġesù, il-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana. (Rumani 1:8; 7:25; Efesin 1:3; Lhud 13:20, 21) Għalhekk, Pawlu jindirizza din l-espressjoni taʼ tifħir lil “Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu.” (Korsiv tagħna.) Imbagħad, għall-ewwel darba fil-kitbiet tiegħu, juża nom Grieg tradott “ħniniet teneri.” Dan in-nom ġej minn kelma wżata biex tesprimi niket minħabba s-sofferenza taʼ xi ħaddieħor. B’hekk Pawlu jiddeskrivi s-sentimenti teneri t’Alla għal kwalunkwe wieħed mill-qaddejja leali Tiegħu li jkun għaddej minn tribulazzjoni—sentimenti teneri li jqanqlu lil Alla biex jaġixxi b’mod ħanin għan-nom tagħhom. Fl-aħħarnett, Pawlu straħ fuq Jehovah bħala s-sors taʼ din il-kwalità mixtieqa billi jsejjaħlu “Missier il-ħniena [“ħniniet teneri,” NW].” (Korsiv tagħna.)
7. Għala jistaʼ jingħad li Jehovah hu dak “Alla taʼ kull faraġ”?
7 Il-“ħniniet teneri” t’Alla jirriżultaw f’serħan għal dak li jkun għaddej minn tribulazzjoni. Għalhekk Pawlu jkompli jiddeskrivi lil Jehovah bħala dak “Alla taʼ kull faraġ.” B’hekk, kwalunkwe faraġ li nistgħu nesperjenzaw mill-qalb tajba taʼ sħabna l-kredenti, nistgħu nserrħu rasna li Jehovah hu s-sors tiegħu. M’hemm ebda faraġ reali u dejjiemi li ma joriġinax minn Alla. Barra minn hekk, huwa hu li ħalaq lill-bniedem fix-xbiha tiegħu, biex b’hekk jagħmilna kapaċi li nkunu farrâġa. U huwa l-ispirtu qaddis t’Alla li jqanqal lill-qaddejja tiegħu biex juru ħniena tenera lejn dawk li jeħtieġu l-faraġ.
-
-
Naqsmu maʼ Ħaddieħor il-Faraġ li Jehovah JipprovdiIt-Torri tal-Għassa—1996 | Novembru 1
-
-
8. Għalkemm Alla m’huwiex is-sors tal-provi tagħna, li nistabru fit-tribulazzjoni tagħna liema effett taʼ benefiċċju jistaʼ jkollu fuqna?
8 Waqt li Alla Jehovah jippermetti li jiġu diversi provi fuq il-qaddejja leali tiegħu, qatt ma jkun hu s-sors taʼ provi bħal dawn. (Ġakbu 1:13) Madankollu, il-faraġ li jipprovdi meta nissaportu t-tribulazzjoni jistaʼ jħarriġna biex inkunu iktar sensittivi għall-bżonnijiet t’oħrajn. B’liema riżultat? “Biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta taʼ hemm [“tribulazzjoni,” NW].” (2 Korintin 1:4) B’hekk Jehovah iħarriġna biex inkunu wħud li b’mod effettiv naqsmu l-faraġ tiegħu maʼ kredenti sħabna u maʼ dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħna hekk kif nimitaw lil Kristu u ‘nfarrġu lill-imnikktin kollha.’—Isaija 61:3 [Isaija 61:2, NW]; Mattew 5:4.
-