Dan Hu Jum is-Salvazzjoni!
“Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!”—2 KORINTIN 6:2.
1. X’inhu meħtieġ għal waqfa approvata m’Alla u maʼ Kristu?
JEHOVAH stabbilixxa jum taʼ ġudizzju għall-umanità. (Atti 17:31) Jekk irriduh ikun jum taʼ salvazzjoni għalina, neħtieġu waqfa approvata miegħu u maʼ Ġesù Kristu, l-Imħallef maħtur minnu. (Ġwann 5:22) Din il-waqfa tirrikjedi kondotta fi qbil mal-Kelma t’Alla u fidi li tqanqalna ngħinu lil oħrajn ħalli jkunu dixxipli veri taʼ Ġesù.
2. Id-dinja taʼ l-umanità għala hija mbiegħda minn Alla?
2 Minħabba d-dnub li wirtet, id-dinja taʼ bnedmin hija mbiegħda minn Alla. (Rumani 5:12; Efesin 4:17, 18) Għalhekk, dawk li nippridkawlhom jistgħu jiksbu s-salvazzjoni biss jekk jirrikonċiljaw ruħhom miegħu. L-appostlu Pawlu dan għamlu ċar meta kiteb lill-Kristjani f’Korintu. Ejjew neżaminaw it-2 Korintin 5:10–6:10 biex naraw Pawlu x’qal dwar il-ġudizzju, ir-rikonċiljazzjoni m’Alla, u s-salvazzjoni.
Nibqgħu “Nipperswadu lill-Bnedmin”
3. Pawlu kif baqaʼ ‘jipperswadi lill-bnedmin,’ u għala għandna nagħmlu dan illum?
3 Pawlu rabat il-ġudizzju maʼ l-ippridkar meta kiteb: “Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal taʼ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skond it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem. Aħna li nafu x’jiġifieri l-biżaʼ tal-Mulej, nipperswadu lill-bnedmin għal magħna.” (2 Korintin 5:10, 11) L-appostlu baqaʼ ‘jipperswadi lill-bnedmin’ billi ppriedka l-aħbar tajba. Xi ngħidu għalina? Ladarba qed niffaċċjaw it-tmiem taʼ dis-sistema t’affarijiet mill-agħar, għandna nagħmlu l-almu tagħna kollu biex nipperswadu lil oħrajn ħalli jieħdu l-passi meħtiġin biex jiksbu ġudizzju favorevoli mingħand Ġesù u jaqilgħu l-approvazzjoni tas-Sors tas-salvazzjoni, Alla Jehovah.
4, 5. (a) Għala m’għandniex niftaħru dwar dak li nwettqu fis-servizz taʼ Jehovah? (b) Kif kien li Pawlu ftaħar “għal Alla”?
4 Madankollu, jekk Alla bierek il-ministeru tagħna, m’għandniex niftaħru. F’Korintu xi wħud kienu minfuħin bil-kburija bihom infushom jew bi bnedmin oħrajn, u b’hekk ġabu firdiet fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 1:10-13; 3:3, 4) Waqt li alluda għal din is-sitwazzjoni, Pawlu kiteb: “M’aħniex nerġgħu nirrikkmandaw ruħna lilkom, imma qegħdin nagħtukom raġun tiftaħru bina, biex ikollkom xi twieġbu lil dawk kollhom ftaħir fil-wiċċ minn barra, imma mhux mill-qalb. Jekk aħna boloh, aħna boloh għal Alla; jekk aħna f’sensina, aħna f’sensina għalikom.” (2 Korintin 5:12, 13) Il-kburin ma kienx jimpurtahom mill-unità u l-benesseri spiritwali tal-kongregazzjoni. Huma riedu jiftaħru bl-apparenzi taʼ barra minflok ma jgħinu lil sħabhom fit-twemmin jiżviluppaw qlub twajbin quddiem Alla. Għaldaqstant, Pawlu widdeb lill-kongregazzjoni u iktar tard qal: “Min irid jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.”—2 Korintin 10:17.
5 Pawlu nnifsu ma ftaħarx ukoll? Xi wħud setgħu ħasbu hekk minħabba dak li qal dwar l-appostolat tiegħu. Imma hu kellu jiftaħar “għal Alla.” Ftaħar dwar il-kredenzjali tiegħu bħala appostlu, sabiex il-Korintin ma jintilfulux lil Jehovah. Pawlu għamel dan biex iġibhom lura lejn Alla għaliex appostli foloz kienu qegħdin idawruhom lejn id-direzzjoni l-ħażina. (2 Korintin 11:16-21; 12:11, 12, 19-21; 13:10) Iżda Pawlu ma kienx joqgħod jipprova jimpressjona kontinwament lil kulħadd b’dak li jwettaq.—Proverbji 21:4.
Iġġagħlek l-Imħabba taʼ Kristu?
6. Kif għandha teffettwana l-imħabba taʼ Kristu?
6 Bħala appostlu veru, Pawlu għallem lil oħrajn dwar is-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. Dan kellu impatt fuq il-ħajja taʼ Pawlu, għax kiteb: “L-imħabba taʼ Kristu ġġegħelna naħsbu dan; li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.” (2 Korintin 5:14, 15) X’imħabba wera Ġesù meta ta ħajtu għalina! Ċertament din għandha tkun forza f’ħajjitna li tqanqalna. Gratitudni għal Ġesù talli ta ħajtu għalina għandha tqanqalna għal attività żeluża fl-ipproklamar taʼ l-aħbar tajba tas-salvazzjoni pprovduta minn Jehovah permezz taʼ Ibnu l-maħbub. (Ġwann 3:16; qabbel Salm 96:2.) Qiegħda “l-imħabba taʼ Kristu” ġġagħlek tieħu sehem żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u t-trawwim taʼ dixxipli?—Mattew 28:19, 20.
7. X’ifisser li “ma nagħrfu lil ħadd skond il-ġisem”?
7 Billi jużaw il-ħajjiet tagħhom b’mod li juri gratitudni għal dak li Kristu għamel għalihom, il-midlukin ‘ma jgħixux iktar għalihom infushom, imma għalih.’ “Għalhekk,” qal Pawlu, “aħna ma nagħrfu lil ħadd skond il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skond il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk.” (2 Korintin 5:16) Il-Kristjani m’għandhomx iħarsu lejn in-nies b’mod fiżiku, forsi billi jiffavorixxu lil-Lhud iktar mill-Ġentili jew lill-għonja iktar mill-foqra. Il-midlukin ‘ma jagħrfu lil ħadd skond il-ġisem,’ għaliex l-importanti hija r-relazzjoni spiritwali tagħhom maʼ dawk taʼ l-istess twemmin tagħhom. Dawk li ‘għarfu lil Kristu skond il-ġisem’ ma kinux biss dawk in-nies li raw lil Ġesù waqt li kien fuq l-art. Anki jekk xi wħud li kienu jittamaw fil-Messija darba ħarsu lejn Kristu bħala sempliċi bniedem, dawn ma kellhomx jibqgħu jagħmlu dan. Hu ta ġismu bħala rahan u ġie rxoxtat bħala spirtu li jagħti l-ħajja. Oħrajn li jitqajmu għall-ħajja fis-sema kienu se jċedu l-ġisem fiżiku tagħhom mingħajr qatt ma jkunu raw lil Ġesù Kristu bħala bniedem.—1 Korintin 15:45, 50; 2 Korintin 5:1-5.
8. Xi individwi kif ‘ngħaqdu maʼ Kristu’?
8 Waqt li jkompli jindirizza lill-midlukin, Pawlu jżid: “Meta wieħed jingħaqad maʼ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid.” (2 Korintin 5:17) Li “wieħed jingħaqad maʼ Kristu” jfisser li hu jgawdi unità miegħu. (Ġwann 17:21) Din ir-relazzjoni bdiet teżisti għal dan l-individwu meta Jehovah ressqu lejn Ibnu u nisslu bl-ispirtu qaddis. Bħala iben t’Alla mnissel bl-ispirtu, hu kien “ħolqien ġdid” bil-prospett li jieħu sehem maʼ Kristu fis-Saltna tas-sema. (Ġwann 3:3-8; 6:44; Galatin 4:6, 7) Dawn il-Kristjani midlukin ngħataw privileġġ grandjuż taʼ servizz.
“Ħallu lil Alla Jħabbibkom Miegħu”
9. X’għamel Alla biex jagħmel possibbli r-rikonċiljazzjoni miegħu?
9 Jehovah kemm iffavorixxa lill-“ħolqien ġdid”! Pawlu jgħid: “Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz taʼ Kristu u tana l-ministeru taʼ din il-ħbiberija tal-bnedmin maʼ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz taʼ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont taʼ dnubiethom, u fdalna l-ministeru taʼ din il-ħbiberija.” (2 Korintin 5:18, 19) L-umanità ilha mbiegħda minn Alla minn mindu Adam dineb. Imma Jehovah b’imħabba ħa l-inizjattiva biex jiftaħ it-triq tar-rikonċiljazzjoni permezz tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù.—Rumani 5:6-12.
10. Jehovah lil min fada l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, u x’għamlu dawn biex iwettquh?
10 Jehovah fada l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni lill-midlukin, għalhekk, Pawlu setaʼ jgħid: “Aħna ambaxxaturi taʼ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjħilkom permezz tagħna. Nitlobkom f’ġieħ Kristu, ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.” (2 Korintin 5:20) Fl-antik, l-ambaxxaturi kienu jintbagħtu prinċipalment matul perijodi taʼ ostilità biex jaraw jekk setgħux jiġu skansati l-gwerer. (Luqa 14:31, 32) Ladarba d-dinja midinba hija mbiegħda minn Alla, hu bagħat lill-ambaxxaturi midlukin tiegħu biex jinformaw lin-nies dwar it-termini tiegħu għar-rikonċiljazzjoni. Bħala sostituti taʼ Kristu, il-midlukin jitolbu bil-ħniena: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu.” Din it-talba mqanqla hija tħeġġiġ mimli ħniena biex in-nies ifittxu l-paċi m’Alla u jaċċettaw is-salvazzjoni li hu jagħmel possibbli permezz taʼ Kristu.
11. Fl-aħħar mill-aħħar, min jikseb waqfa taʼ tjieba quddiem Alla, permezz tal-fidi fir-rahan?
11 Il-bnedmin kollha li jeżerċitaw fidi fir-rahan jistgħu jirrikonċiljaw ruħhom m’Alla. (Ġwann 3:36) Pawlu jgħid: “Dak [Ġesù] li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna n[si]ru fih ġustizzja taʼ Alla.” (2 Korintin 5:21) Il-bniedem perfett Ġesù kien l-offerta tad-dnub għal dawk kollha minn nisel Adam li huma meħlusin mill-istat midneb li wirtu. Huma jsiru l-“ġustizzja taʼ Alla” permezz taʼ Ġesù. Din it-tjieba, jew waqfa taʼ tjieba quddiem Alla, tiġi l-ewwel għand il-144,000 werriet sħab maʼ Kristu. Matul ir-Renju tiegħu t’Elf Sena, waqfa taʼ tjieba bħala bnedmin perfetti se tiġi għand l-ulied taʼ fuq l-art tal-Missier għal dejjem, Ġesù Kristu. Hu se jelevahom għal waqfa taʼ tjieba fil-perfezzjoni sabiex ikunu jistgħu juru li huma leali lejn Alla u jirċievu l-għotja taʼ ħajja taʼ dejjem.—Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]; Apokalissi 14:1; 20:4-6, 11-15.
‘Iż-Żmien Tajjeb’
12. Liema ministeru importanti qed jitwettaq mill-ambaxxaturi u l-mibgħutin speċjali taʼ Jehovah?
12 Biex insalvaw, irridu naġixxu fi qbil mal-kliem taʼ Pawlu: “Ladarba qegħdin naħdmu flimkien maʼ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid: ‘Fiż-żmien it-tajjeb [“żmien aċċettabbli,” NW] smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek.’ Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!” (2 Korintin 6:1, 2) L-ambaxxaturi midlukin taʼ Jehovah u l-mibgħutin speċjali tiegħu, in-“nagħaġ oħra,” ma jaċċettawx il-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Missierhom tas-sema u jitilfu l-iskop tagħha. (Ġwann 10:16) Bil-kondotta retta u l-ministeru żeluż tagħhom f’dan iż-“żmien aċċettabbli,” huma jfittxu l-favur t’Alla u qed jinformaw lill-abitanti taʼ l-art li dan hu “jum is-salvazzjoni.”
13. X’inhu s-sugu taʼ Isaija 49:8, u dan kif twettaq l-ewwel darba?
13 Pawlu jikkwota Isaija 49:8, li jaqra: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, u f’jum is-salvazzjoni għentek. Ħaristek u għamilt minnek patt mal-poplu, biex nerġaʼ nqajjem l-art, u nqassam il-wirt imħarbat.’” Din il-profezija twettqet l-ewwel darba meta l-poplu taʼ Iżrael inħeles mill-jasar f’Babilonja u iktar tard huma rritornaw lejn art twelidhom li kienet diżabitata.—Isaija 49:3, 9.
14. Isaija 49:8 kif twettaq fil-każ taʼ Ġesù?
14 Bi twettiq ieħor tal-profezija taʼ Isaija, Jehovah ta lill-“qaddej” tiegħu Ġesù bħala “dawl għall-ġnus, biex is-salvazzjoni [t’Alla] sa truf l-art tinfirex.” (Isaija 49:6, 8; qabbel Isaija 42:1-4, 6, 7; Mattew 12:18-21.) Iż-“żmien it-tajjeb,” jew iż-“żmien aċċettabbli,” milli jidher kien japplika għal Ġesù waqt li kien fuq l-art. Hu talab, u Alla ‘semgħu.’ Dan wera li kien “jum is-salvazzjoni” għal Ġesù għax hu żamm l-integrità b’mod perfett, u b’hekk “sar awtur tas-salvazzjoni taʼ dejjem għal kull min jismaʼ minnu.”—Lhud 5:7, 9; Ġwann 12:27, 28.
15. L-Iżraeliti spiritwali minn meta għamlu ħilithom biex juru li kienu denji tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, u b’liema objettiv?
15 Pawlu japplika Isaija 49:8 għall-Kristjani midlukin, billi jitlobhom bil-ħniena biex ‘ma jitilfux l-iskop tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla’ billi jonqsu li jfittxu r-rieda tajba tiegħu matul iż-“żmien aċċettabbli” u “jum is-salvazzjoni” li hu jipprovdi. Pawlu jżid: “Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa hu jum is-salvazzjoni!” (2 Korintin 6:2) Minn Pentekoste tat-33 E.K. ’l hawn, Iżraeliti spiritwali għamlu ħilithom biex juru li huma denji tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla sabiex iż-“żmien aċċettabbli” jkun għalihom “jum is-salvazzjoni.”
‘Nirrikkmandaw Lilna Nfusna Bħala Ministri t’Alla’
16. Pawlu taħt liema ċirkustanzi taʼ prova rrikkmanda lilu nnifsu bħala ministru t’Alla?
16 Xi rġiel imseħbin mal-kongregazzjoni taʼ Korintu ma kinux qed juru li kienu denji tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. Huma kkalunjaw lil Pawlu bl-iskop li jkissru l-awtorità appostolika tiegħu, għalkemm hu qagħad attent li ma jagħmel xejn “li jistaʼ jkun taʼ tfixkil.” Hu ċertament li rrikkmanda lilu nnifsu bħala ministru t’Alla “bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-djieqa, fis-swat, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet bla rqad, fis-sawm.” (2 Korintin 6:3-5) Iktar tard, Pawlu rraġuna li jekk l-avversarji tiegħu kienu ministri, hu kien “ħafna aktar minnhom” minħabba li kien sofra iktar tfigħ fil-ħabs, swat, perikli, u għaks.—2 Korintin 11:23-27.
17. (a) Billi nuru liema kwalitajiet nistgħu aħna nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla? (b) X’inhuma l-“armi tal-ġustizzja”?
17 Bħal Pawlu u sħabu, aħna nistgħu nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla. Kif? “Bis-safa tal-qalb,” jew il-purità, u billi naġixxu fi qbil maʼ l-għarfien eżatt tal-Bibbja. Nistgħu nirrikkmandaw lilna nfusna “bis-sabar,” billi bil-paċenzja nissaportu l-ħażen u l-provokazzjoni, u “bil-ħlewwa” waqt li nagħmlu affarijiet biex ngħinu lil oħrajn. Iktar minn hekk, nistgħu nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla billi naċċettaw gwida mill-ispirtu tiegħu, nuru “mħabba sinċiera,” nitkellmu l-verità, u nistrieħu fuqu għall-qawwa biex inwettqu l-ministeru. Taʼ interess, Pawlu ta prova wkoll tal-pożizzjoni ministerjali tiegħu “bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellu[g].” Fil-gwerer tal-qedem, l-id il-leminija normalment kienet timmaniġġa x-xabla fil-waqt li x-xellugija kienet iżżomm it-tarka. Waqt li tqabad fil-gwerra spiritwali kontra għalliema foloz, Pawlu ma wżax armi tal-laħam midneb—tgħawwiġ, qerq, ingann. (2 Korintin 6:6, 7; 11:12-14; Proverbji 3:32) Kien juża “armi,” jew mezzi taʼ tjieba, biex javanza l-qima vera. Hekk għandna nagħmlu aħna wkoll.
18. Jekk aħna ministri t’Alla kif se nġibu ruħna?
18 Jekk aħna ministri t’Alla, se nġibu ruħna bħalma għamlu Pawlu u l-ħaddiema sħabu. Se naġixxu bħala Kristjani kemm jekk jonorawna u kemm jekk jiddisprezzawna. Rapporti ħżiena dwarna ma jwaqqfuniex milli nippridkaw, u lanqas ma se nitkabbru jekk ifaħħruna. Se nitkellmu l-verità u għandu mnejn jirrikonoxxuna minħabba xogħlijiet taʼ tjieba. Meta nkunu f’periklu mortali taħt l-attakki taʼ l-għedewwa, se nafdaw f’Jehovah. U se naċċettaw id-dixxiplina bi gratitudni.—2 Korintin 6:8, 9.
19. Kif inhu possibbli li ‘tagħmel lil ħafna għonja’ spiritwalment?
19 Biex itemm id-diskussjoni tiegħu dwar il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni, Pawlu tkellem dwaru nnifsu u sħabu “bħala nies imdejjqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna!” (2 Korintin 6:10) Waqt li dawk il-ministri kellhom għalfejn ikunu mdejqin minħabba t-tbatijiet tagħhom, huma kellhom ferħ ġewwieni. Kienu foqra materjalment, imma ‘għamlu lil ħafna għonja’ spiritwalment. Fil-fatt, ‘kollox kien tagħhom’ għaliex il-fidi tagħhom ġabitilhom għana spiritwali—saħansitra l-prospett li jsiru wlied tas-sema t’Alla. U kellhom ħajja hienja u għanja bħala ministri Kristjani. (Atti 20:35) Bħalhom, aħna nistgħu “nagħmlu għonja lil ħafna” billi nieħdu sehem fil-ministeru tar-rikonċiljazzjoni issa stess—f’dan jum is-salvazzjoni!
Afda f’Salvazzjoni Mingħand Jehovah
20. (a) X’kienet ix-xewqa ħerqana taʼ Pawlu, u għala ma kienx hemm żmien x’jintilef? (b) Liema ħaġa timmarka jum is-salvazzjoni li qed ngħixu fih issa?
20 Meta Pawlu kiteb it-tieni ittra tiegħu lill-Korintin madwar is-sena 55 E.K., is-sistema t’affarijiet Lhudija kien fadlilha biss xi 15-il sena. L-appostlu xtaq b’ħeġġa kbira li kemm il-Lhud u kemm il-Ġentili jirrikonċiljaw ruħhom m’Alla permezz taʼ Kristu. Dak kien jum taʼ salvazzjoni u ma kienx hemm żmien x’jintilef. Ara, aħna ilna ngħixu bl-istess mod f’konklużjoni taʼ sistema t’affarijiet mill-1914 ’l hawn. Ix-xogħol globali taʼ ppridkar tas-Saltna li qed isir issa jimmarka dan iż-żmien bħala jum is-salvazzjoni.
21. (a) Liema skrittura tas-sena ntgħażlet għall-1999? (b) X’għandna nkunu qegħdin nagħmlu f’dan jum is-salvazzjoni?
21 Nies mill-ġnus kollha għandhom bżonn jisimgħu dwar il-provvediment t’Alla għas-salvazzjoni permezz taʼ Ġesù Kristu. M’hemmx żmien biex nitnikkru. Pawlu kiteb: “Araw, issa hu jum is-salvazzjoni!” Dan il-kliem tat-2 Korintin 6:2 se jkun l-iskrittura tas-sena tax-Xhieda taʼ Jehovah għall-1999. Kemm hu xieraq, għax aħna niffaċċjaw xi ħaġa ferm agħar mill-qerda taʼ Ġerusalemm u t-tempju tagħha! Fi ftit żmien ieħor se jasal it-tmiem taʼ dis-sistema t’affarijiet kollha kemm hi, u dan se jinvolvi lil kulmin hawn fuq l-art. Issa—mhux għada—hu ż-żmien biex wieħed jaġixxi. Jekk nemmnu li s-salvazzjoni tappartjeni lil Jehovah, jekk inħobbuh, u jekk ngħożżu l-ħajja taʼ dejjem, ma nitilfux l-iskop tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla. B’xewqa mill-qalb biex nonoraw lil Jehovah, se nuru bil-kliem u bil-fatti li dan verament infissruh meta nesklamaw: “Araw, issa hu jum is-salvazzjoni!”
Int Kif Twieġeb?
◻ Ir-rikonċiljazzjoni m’Alla għala hija importanti b’mod vitali?
◻ Min huma l-ambaxxaturi u l-mibgħutin speċjali li qed jieħdu sehem fil-ministeru tar-rikonċiljazzjoni?
◻ Kif nistgħu aħna nirrikkmandaw lilna nfusna bħala ministri t’Alla?
◻ Xi tfisser għalik l-iskrittura tas-sena tax-Xhieda taʼ Jehovah għall-1999?
[Stampi f’paġna 17]
Bħal Pawlu, qiegħed int tippriedka b’mod żeluż u tgħin lil oħrajn jirrikonċiljaw ruħhom m’Alla?
L-Istati Uniti
Franza
Kosta taʼ l-Avorju
[Stampa f’paġna 18]
F’dan jum is-salvazzjoni, tinsab int fost il-qtajjiet li qed jirrikonċiljaw ruħhom m’Alla Jehovah?