LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 11/1 pp. 24-28
  • “Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-Ferħ”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-Ferħ”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġabra għal Dawk fil-​Bżonn
  • Appelli għall-​Ġenerożità
  • Donaturi Ferriħin tal-​Lum
  • Ġenerożità bl-Abbundanza Ġġib il-Ferħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ikkultiva Spirtu Ġeneruż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Għoti bil-Ferħ mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Issib Int Ferħ fil-‘Privileġġ li Tagħti b’Qalb Tajba’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 11/1 pp. 24-28

“Alla Jħobb lil Min Jagħti bil-​Ferħ”

JEHOVAH hu l-​personifikazzjoni tal-​ġenerożità. Tabilħaqq, il-​Bibbja tgħid li hu d-​Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Per eżempju, ikkunsidra l-​affarijiet li ħalaq Alla. Hu għamel ikel li jinżillek għasel, mhux bla togħma; fjuri kkuluriti, mhux monotoni; inżul ix-​xemx li jsaħħrek, mhux ċass. Iva, kull aspett tal-​ħolqien taʼ Jehovah jagħti evidenza taʼ l-​imħabba u l-​ġenerożità tiegħu. (Salm 19:2, 3 [Salm 19:1, 2, NW]; Salm 139:14) Iktar minn hekk, Jehovah hu Donatur ferrieħi. Hu jitgħaxxaq f’li jagħmel affarijiet tajbin għan-​nom tal-​qaddejja tiegħu.—Salm 84:12 [Salm 84:11, NW]; Salm 149:4.

L-​Iżraeliti kienu kkmandati jirriflettu l-​ġenerożità t’Alla meta jittrattaw maʼ xulxin. “La twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-​bżonn,” qalilhom Mosè. “Int għandek tagħtih, u la ssewwidx qalbek meta tagħtih.” (Dewteronomju 15:7, 10) Peress li l-​għoti kellu jiġi mill-​qalb, l-​Iżraeliti kellhom isibu għaxqa f’li jagħmlu atti taʼ ġenerożità.

Il-​Kristjani ngħataw twissija simili. Tabilħaqq, Ġesù qal li “min jagħti hu . . . hieni.” (Atti 20:35) Id-​dixxipli taʼ Ġesù kienu eżemplari f’li jagħtu bil-​ferħ. Per eżempju, il-​Bibbja tirrapporta li f’Ġerusalemm dawk li saru jemmnu bdew “ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-​dħul bejn kulħadd, skond il-​ħtieġa taʼ kull wieħed.”—Atti 2:44, 45.

Imma iktar tard dawn il-​Ġudeani ġenerużi waqgħu fil-​faqar. Il-​Bibbja ma tispeċifikax bl-​eżatt x’kien li ġabhom f’din il-​kundizzjoni. Xi studjużi jgħidu li l-​kaġun setaʼ kien il-​ġuħ li jirreferi għalih Atti 11:28, 29. Kien x’kien il-​każ, il-​Kristjani Ġudeani kienu f’sitwazzjoni ddisprata, u Pawlu ried ikun żgur li l-​bżonnijiet tagħhom ikunu pprovduti. Kif kien se jagħmlu dan?

Ġabra għal Dawk fil-​Bżonn

Pawlu inkariga lill-​kongregazzjonijiet, saħansitra ’l bogħod sal-​Maċedonja, biex jagħtu għajnuna, u hu rranġa biex issir ġabra għan-​nom taʼ dawk il-​Kristjani fil-​Ġudea li kienu ntlaqtu mill-​faqar. Lill-​Korintin, Pawlu kitbilhom: “Agħmlu intom ukoll bħalma ordnajt lill-​knejjes tal-​Galazja. Kull wieħed minnkom, kull l-​ewwel tal-​ġimgħa, iwarrab xi ħaġa u jfaddalha skond ma jistaʼ.”a—1 Korintin 16:1, 2.

Pawlu kellu l-​ħsieb li dawn il-​fondi kellhom jingħataw malajr lill-​aħwa f’Ġerusalemm, imma l-​Korintin ħaduha bil-​lajma biex iwieġbu għall-​istruzzjonijiet taʼ Pawlu. Għala? Kienu huma insensittivi għall-​karba taʼ ħuthom il-​Ġudeani? Le, għax Pawlu kien jaf li l-​Korintin kienu “għonja f’kollox, fil-​fidi u fil-​kelma, fl-​għerf u fi[ż]-​[ż]elu kollu.” (2 Korintin 8:7) X’aktarx li kienu mħabbtin wisq f’li jieħdu ħsieb il-​kwistjonijiet vitali l-​oħrajn li Pawlu kien tkellem dwarhom fl-​ewwel ittra li bagħtilhom. Imma issa s-​sitwazzjoni f’Ġerusalemm kienet urġenti. Għalhekk, Pawlu tkellem dwar il-​kwistjoni fit-​tieni ittra tiegħu lill-​Korintin.

Appelli għall-​Ġenerożità

L-​ewwelnett, lill-​Korintin Pawlu qalilhom dwar il-​Maċedonin, li kienu eżemplari fil-​mod kif wieġbu għall-​isforz biex tingħata l-​għajnuna. “Fil-​prova l-​kbira tas-​sofferenza,” kiteb Pawlu, “il-​ferħ tagħhom kien kbir u l-​faqar bla tarf tagħhom safaʼ taʼ għana kbir biex taw minn qalbhom.” Il-​Maċedonin ma kellhomx bżonn min joqgħod itambrilhom. Għall-​kuntrarju, Pawlu qal li dawn “talbuna b’ħeġġa kbira din il-​grazzja.” Il-​ġenerożità ferriħija tal-​Maċedonin hija iktar u iktar taʼ min jinnotaha meta nqisu li huma nfushom kienu f’“faqar bla tarf.”—2 Korintin 8:2-​4.

Billi faħħar lill-​Maċedonin, kien Pawlu qed jipprova jqajjem spirtu kompetittiv fost il-​Korintin? Lanqas xejn, għax hu kien jaf li dan ma kienx mod xieraq kif iqanqalhom. (Galatin 6:4) Barra minn hekk, kien jaf li l-​Korintin ma kellhomx għalfejn li xi ħadd iġagħalhom jistħu biex jagħmlu t-​tajjeb. Minflok, kien fiduċjuż li l-​Korintin tassew kienu jħobbu lil ħuthom il-​Ġudeani u xtaqu jikkontribwixxu lejn dan l-​isforz biex tingħata l-​għajnuna. Hu qalilhom: “[I]s-​sena l-​oħra kontu l-​ewwel nies, mhux biss li ndħaltu għal dan ix-​xogħol, imma li ridtuh ukoll.” (2 Korintin 8:10) Tabilħaqq, f’xi aspetti li kellhom x’jaqsmu maʼ l-​isforz biex tingħata l-​għajnuna, il-​Korintin infushom kienu eżemplari. “Naf ir-​rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem in-​nies tal-​Maċedonja,” qalilhom Pawlu, u żied: “U l-​ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom.” (Korsiv tagħna.) (2 Korintin 9:2) Iżda issa l-​Korintin kellhom bżonn isarrfu ż-​żelu u r-​rieda tajba tagħhom f’azzjoni.

Għaldaqstant, Pawlu qalilhom: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-​qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) Allura, il-​mira taʼ Pawlu ma kinitx li jagħmel pressjoni fuq il-​Korintin, għax individwu ma tantx jistaʼ jagħti bil-​ferħ jekk jiġi mġiegħel. Evidentement, Pawlu assuma li huma diġà kellhom il-​motiv xieraq, li kull wieħed kien diġà deherlu li jagħti. Iżjed minn hekk, Pawlu qalilhom: “Jekk il-​qalb tkun hemm, dak li jkun jingħoġob skond ma għandu, u mhux skond li ma għandux.” (2 Korintin 8:12) Iva, meta l-​qalb tkun hemm​—meta individwu jkun imqanqal mill-​imħabba—​dak li joffri se jkun aċċettabbli għal Alla, jidher kemm jidher żgħir l-​ammont.—Qabbel Luqa 21:1-​4.

Donaturi Ferriħin tal-​Lum

L-​isforz biex tingħata l-​għajnuna għan-​nom tal-​Kristjani Ġudeani jipprovdi eżempju klassiku għal żmienna. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah bdew kampanja taʼ ppridkar mad-​dinja kollha, billi sostnew lil miljuni taʼ nies bil-​ġuħ spiritwalment. (Isaija 65:13, 14) Dan jagħmluh biex jobdu l-​kmand taʼ Ġesù: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom, . . . u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.”—Mattew 28:19, 20.

M’hijiex biċċa xogħol ħafifa li jitwettaq dan l-​inkarigu. Jinvolvi li d-​djar missjunarji u iktar minn mitt faċilità tal-​fergħa madwar id-​dinja jinżammu fi stat tajjeb. Jinvolvi wkoll il-​bini taʼ Swali tas-​Saltna u taʼ l-​Assemblea sabiex adoraturi taʼ Jehovah jkollhom postijiet addattati biex jiltaqgħu flimkien u jinkuraġġixxu lil xulxin. (Lhud 10:24, 25) Xi drabi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovdu wkoll għajnuna fi nħawi li jkunu tħarbtu b’xi diżastru naturali.

Aħseb, ukoll, dwar l-​ispiża enormi taʼ l-​istampar. Kull ġimgħa, bħala medja, jiġu stampati ’l fuq minn 22,000,000 kopja taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa jew xi 20,000,000 kopja taʼ Stenbaħ! Flimkien maʼ din il-​provvista regulari taʼ ikel spiritwali hemm il-​miljuni taʼ kotba, browxers, tejps, u vidjos li joħorġu kull sena.

Dan ix-​xogħol kollu kif inhu appoġġat? Minn donazzjonijiet volontarji. Dawn isiru, mhux għall-​pubbliċità jew għal motivi egoistiċi, imma biex tiġi avanzata l-​qima vera. Għaldaqstant, għoti bħal dan iġib ferħ lid-​donatur, flimkien mal-​barka t’Alla. (Malakija 3:10; Mattew 6:1-​4) Saħansitra t-​tfal fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah juru li huma donaturi ġenerużi u ferriħin. Per eżempju, wara li semgħet bid-​diżastru kkaġunat minn uragan f’parti waħda taʼ l-​Istati Uniti, Allison, li għandha erbaʼ snin, kkontribwiet $2 [80ċ]. “Daqshekk għandi fil-​karus,” kitbet hi. “Naf li t-​tfal tilfu l-​ġugarelli, il-​kotba u l-​pupi kollha tagħhom. Forsi tkunu tistgħu tużaw dawn il-​flus biex tixtru ktieb lil tifla żgħira daqsi.” Maclean, li għandu tmien snin, kiteb li kien ferħan li ħadd mill-​aħwa ma miet fil-​maltempata. Hu żied: “Qlajt $17 [Lm7] billi qgħadt inbigħ il-​hubcaps maʼ missieri. Kont se nixtri xi ħaġa bi flusi, imma mbagħad ħsibt fl-​aħwa.”—Ara wkoll il-​kaxxa t’hawn fuq.

Verament, qalb Jehovah tifraħ meta jara kemm liż-​żgħar u kemm lill-​kbar ipoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel billi ‘jweġġħuh b’ġidhom.’ (Proverbji 3:9, 10) M’għandniex xi ngħidu, fil-​fatt ħadd ma jistaʼ jżidlu l-​għana lil Jehovah, għax kollox tiegħu. (1 Kronaki 29:14-​17) Imma għal adoratur, li jappoġġa dan ix-​xogħol huwa privileġġ li jipprovdilu opportunità biex juri mħabbtu lejn Jehovah. Aħna grati lejn kulmin qalbu qanqlitu b’dan il-​mod.

[Noti taʼ taħt]

a Għalkemm Pawlu ‘ordna,’ dan ma jfissirx li għamel xi regoli taʼ bilfors u għax kien jaqbillu. Minflok, Pawlu sempliċement kien qiegħed jieħu ħsieb il-​ġabra, li kienet tinvolvi lil diversi kongregazzjonijiet. Pawlu żied jgħid li “kull wieħed” kellu jagħti “skond ma jistaʼ.” Fi kliem ieħor, kull kontribuzzjoni kellha ssir fil-​privat u b’mod volontarju. Ħadd ma ġie mġiegħel.

[Kaxxa f’paġni 26, 27]

Modi kif xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol mad-​Dinja Kollha

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi tal-​kontribuzzjoni msejħin: “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol tas-​Soċjetà mad-​Dinja Kollha—Mattew 24:14.” Kull xahar il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti jew lill-​kwartieri ġenerali dinjin fi Brooklyn, New York, jew lill-​uffiċċju tal-​fergħa lokali.

Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu wkoll jintbagħtu direttament lill-​Uffiċċju tat-​Teżorier, Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-​2483, jew lill-​uffiċċju tas-​Soċjetà li jieħu ħsieb pajjiżek. Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

Arranġament taʼ Donazzjoni Kundizzjonali

Jistgħu jingħataw flus lis-​Soċjetà (Watch Tower) b’arranġament speċjali li fih id-​donazzjoni tingħata lura lid-​donatur, f’każ li jiġi bżonnha personalment. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-​Uffiċċju tat-​Teżorier fl-​indirizz imniżżel hawn fuq.

Għoti Ppjanat

Minbarra l-​għotjiet għalkollox taʼ flus u donazzjonijiet kundizzjonali taʼ flus, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Is-​Soċjetà tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja tal-​polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew fi pjan taʼ rtirar mix-​xogħol u pensjoni.

Kontijiet fil-​Bank: Kontijiet fil-​bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jitpoġġew b’fedekommess għas-​Soċjetà jew jintgħamlu pagabbli mal-​mewt lilha, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli bħala donazzjoni lis-​Soċjetà jew bħala għotja għalkollox jew taħt arranġament fejn id-​dħul ikompli jitħallas lid-​donatur.

Propjetà Immobbli: Propjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ, tistaʼ tingħata bħala donazzjoni lis-​Soċjetà jew billi ssir għotja għalkollox jew billi l-​propjetà tinżamm tul il-​ħajja tad-​donatur, li jkun jistaʼ jkompli jgħix fiha matul ħajtu. Dak li jkun għandu jikkuntattja lis-​Soċjetà qabel ma jagħmel xi kuntratt biex jagħti l-​propjetà immobbli lis-​Soċjetà.

Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew b’testment xi propjetà jew flus lis-​Soċjetà permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew is-​Soċjetà tistaʼ tissejjaħ bħala l-​benefiċjarja taʼ dan il-​ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “għoti ppjanat,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu tipikament xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. Is-​Soċjetà ħejjiet browxer bl-​Ingliż intitolat Planned Giving to Benefit Kingdom Service Worldwide biex tgħin lil individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma t’għoti ppjanat għall-​benefiċċju tas-​Soċjetà. Il-​browxer inkiteb sabiex iwieġeb il-​ħafna mistoqsijiet li rċeviet is-​Soċjetà rigward għotjiet, testmenti, u fedekommessi. Fih ukoll iktar informazzjoni utli dwar ippjanar taʼ propjetà, finanzi, u taxxi. U huwa ddisinjat biex jgħin lil individwi fl-​Istati Uniti, li qed jippjanaw li jagħmlu għotja speċjali lis-​Soċjetà issa jew li jħallu b’testment mal-​mewt, biex jintgħażel l-​iktar metodu vantaġġuż u effiċjenti fid-​dawl taċ-​ċirkustanzi tal-​familja u dawk persunali.

Wara li qraw il-​browxer u kkonsultaw mal-​Planned Giving Desk, ħafna setgħu jassistu lis-​Soċjetà u fl-​istess ħin, jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi jekk jagħmlu dan. Il-​Planned Giving Desk għandu jiġi informat bi u jirċievi kopja taʼ kwalunkwe dokument li jkollu x’jaqsam maʼ xi arranġament minn dawn. Dawk li huma interessati f’li jkollhom browxer jew f’xi wieħed minn dawn l-​arranġamenti t’għoti ppjanat għandhom jikkuntattjaw il-​Planned Giving Desk, jew b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt jew taʼ l-​uffiċċju tas-​Soċjetà li jieħu ħsieb pajjiżek.

Planned Giving Desk

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive, Patterson, New York 12563-​9204

Telefon: (914) 878-​7000

[Kaxxa f’paġna 28]

IT-​TFAL UKOLL JAGĦTU BIL-​FERĦ!

Nixtieq nagħtikom dawn biex tagħmlulna iktar kotba. Faddalt dawn il-​flus billi għent lill-​papà. Grazzi ħafna għax-​xogħol iebes kollu li tagħmlu.—Pamela, seba’ snin.

Qed nibgħatilkom dawn is-​$6.85 [Lm2.78] biex jgħinukom tibnu iktar Swali tas-​Saltna. Dawn qlajthom das-​sajf meta qgħadt inbigħ il-​luminata fit-​triq.—Selena, sitt snin.

Kont qed inrabbi tiġieġa u minnha kelli serduq u tiġieġa oħra. L-​aħħar waħda ddedikajtha lil Jehovah. Fl-​aħħar welldet tliet tiġiġiet oħra, u jien begħthom. Qed nibgħat dan l-​ammont għax-​xogħol ta’ Jehovah.—Thierry, tmien snin.

Dawn huma l-​flus kollha li għandi! Jekk jogħġobkom użawhom bil-​għaqal. Sibtha iebsa biex infaddalhom. Hawnhekk hawn $21 [Lm8].—Sarah, għaxar snin.

Irbaħt l-​ewwel premju f’inkarigu li kelli fl-​iskola, u allura kelli nitla’ għall-​kompetizzjoni tal-​kontea. Ġejt l-​ewwel hemmhekk ukoll u mbagħad fil-​finali tad-​distrett ġejt it-​tieni. Għal dawn kollha rbaħt il-​flus.

Xtaqt naqsam ftit minn dawn il-​flus mas-​Soċjetà. Inħoss li kont kapaċi nirbaħ dawn il-​premjijiet minħabba t-​taħriġ li rċevejt fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku. Ħassejtni komda nagħti r-​rapport tiegħi quddiem l-​imħallfin.—Amber, Form 2.

Nixtieq nagħtikom dawn għal Jehovah. Staqsu lilu x’tagħmlu bihom. Hu jaf kollox.—Karen, sitt snin.

[Stampi f’paġna 25]

L-​attivitajiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah huma appoġġati minn donazzjonijiet volontarji

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja