Pawlu Jorganizza Ġabra taʼ Flus Bħala Għajnuna għall-Qaddisin
L-INTERESSI spiritwali jiġu l-ewwel għal dawk li huma Kristjani veri. Madankollu, it-tħassib dwar il-bżonnijiet fiżiċi t’oħrajn huwa importanti wkoll għalihom. Huma spiss ipprovdew għal dawk li jkunu għaddejjin minn xi tbatija. L-imħabba taʼ l-aħwa tqanqal lill-Kristjani biex jgħinu lil dawk li jemmnu bħalhom meta dawn ikunu fil-bżonn.—Ġwann 13:34, 35.
L-imħabba għal ħutu spiritwali rġiel u nisa qanqlet lil Pawlu biex jorganizza ġabra fost il-kongregazzjonijiet f’Akaja, fil-Galazja, fil-Maċedonja, u fid-distrett taʼ l-Asja. X’ġara biex kien hemm dan il-bżonn? Il-programm taʼ għoti t’għajnuna kif ġie organizzat? L-aħwa kif wieġbu? U lilna għala għandu jinteressana x’ġara?
Is-Sitwazzjoni fil-Kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm
Wara Pentekoste tas-sena 33 E.K., xi Lhud u proseliti minn pajjiżi oħra li kienu saru dixxipli f’Pentekoste baqgħu Ġerusalemm għal xi żmien biex jitgħallmu iktar dwar ir-reliġjon vera. Fejn kien meħtieġ, oħrajn li jemmnu bħalhom għenuhom mill-qalb biex ikunu jistgħu jifilħu għall-piż taʼ l-ispiża taż-żjara tagħhom, li damet iktar milli kienu ppjanaw. (Atti 2:6-11, 41-44; 4:32-37) Xi taqlib ċivili setaʼ wkoll wassal għal bżonnijiet oħra hekk kif xi Lhud nazzjonalistiċi bdew iqajmu rewwixti u vjolenza fost il-poplu. Madankollu, sabiex ħadd mis-segwaċi taʼ Kristu ma jibqaʼ bil-ġuħ, kien isir tqassim taʼ kuljum għar-romol fil-bżonn. (Atti 6:1-6) Erodi beda jippersegwitaha bl-ikrah lill-kongregazzjoni, u f’nofs is-snin 40 taʼ l-ewwel seklu E.K. ġuħ kbir ħakem il-Lhudija. Rigward is-segwaċi taʼ Ġesù, dan kollu setaʼ wassal biex huma jġarrbu, kif qal Pawlu, “taqbida ħarxa,” “provi,” u ‘s-serq taʼ ġidhom.’—Lhud 10:32-34; Atti 11:27–12:1.
Għall-ħabta tas-sena 49 E.K., il-qagħda kienet għadha mwegħra. B’hekk, wara li qablu li Pawlu kellu jikkonċentra fuq il-Ġentili fl-ippridkar tiegħu, Pietru, Ġakbu, u Ġwanni ħeġġewh biex ‘jibqaʼ jiftakar fil-foqra.’ U hekk ipprova jagħmel Pawlu.—Galatin 2:7-10.
Kif Ġie Organizzat il-Ġbir
Pawlu ħa ħsieb li jsir ġbir għall-Kristjani foqra fil-Lhudija. Għall-ħabta tas-sena 55 E.K., hu qal lill-Korintin: “Dwar il-ġabra għall-qaddisin, agħmlu intom ukoll bħalma ordnajt lill-knejjes tal-Galazja. Kull wieħed minnkom, kull l-ewwel tal-ġimgħa, iwarrab xi ħaġa u jfaddalha skond ma jistaʼ . . . Meta niġi, mbagħad, jien nibgħat nies li tkunu għażiltu, b’ittri taʼ rakkomandazzjoni, biex jieħdu Ġerusalemm l-offerti tal-ħniena tagħkom.” (1 Korintin 16:1-3) Sena wara Pawlu qal li l-Maċedonja u l-Akaja kienu qed jieħdu sehem fl-għoti taʼ kontribuzzjonijiet. U meta l-flus li nġabru ntbagħtu Ġerusalemm, il-preżenza taʼ delegati mid-distrett taʼ l-Asja milli jidher tindika li kien hemm kongregazzjonijiet minn dawk in-naħat ukoll li kienu kkontribwew.—Atti 20:4; 2 Korintin 8:1-4; 9:1, 2.
Ħadd ma ġie ssikkat biex jagħti iktar milli kien jiflaħ. Minflok, kienet kwistjoni taʼ bilanċjar b’mod li żżejjed taʼ xi wħud għamel tajjeb għan-nuqqas t’oħrajn minn fost il-qaddisin f’Ġerusalemm u fil-Lhudija. (2 Korintin 8:13-15) “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Korintin 9:7.
Lill-Korintin l-appostlu Pawlu tahom raġuni tajba għalxiex ikunu ġenerużi. Ġesù kien ‘ftaqar minħabba fihom, sabiex huma jistagħnew’ spiritwalment. (2 Korintin 8:9) Żgur li huma xtaqu jimitaw l-ispirtu ġeneruż tiegħu. Iktar minn hekk, ladarba Alla kien għamilhom għonja biex juru “kull xorta taʼ ġenerożità,” kien xieraq li huma jgħinu biex jissupplixxu l-ħtiġijiet tal-qaddisin.—2 Korintin 9:10-12.
L-Attitudni taʼ Dawk li Ħadu Sehem
Hemm ħafna x’nitgħallmu dwar għoti volontarju jekk naħsbu ftit dwar l-attitudni taʼ dawk li ssieħbu fil-programm t’għajnuna għall-qaddisin fl-ewwel seklu. Il-ġbir ma weriex biss it-tħassib tagħhom għal dawk li kienu jqimu lil Jehovah bħalhom u li kienu foqra. Dan il-ġbir ta wieħed x’jifhem li kien hemm rabta taʼ fratellanza bejn il-Kristjani Lhud u l-Kristjani Ġentili. Il-fatt li ġew offruti kontribuzzjonijiet u li dawn ġew aċċettati wera l-għaqda u l-ħbiberija li kien hemm bejn dawn il-Ġentili u l-Lhud. Huma qasmu bejniethom kemm affarijiet materjali kif ukoll affarijiet spiritwali.—Rumani 15:26, 27.
Għall-ewwel, Pawlu forsi ma kienx stidinhom lill-Kristjani tal-Maċedonja biex jagħtu kontribuzzjonijiet. Wara kollox huma nfushom kienu foqra ferm. Madankollu, dawn ‘talbu b’ħeġġa kbira’ li jkollhom il-privileġġ “li jissieħbu f’dan il-ministeru taʼ għajnuna lill-qaddisin.” U mhux talli hekk. Għalkemm kienu qed iġarrbu ‘prova kbira taʼ sofferenza,’ huma taw bil-ferħ “aktar milli setgħu”! (2 Korintin 8:1-4) Il-prova l-kbira tagħhom milli jidher kienet tinkludi akkużi li huma kienu qed jipprattikaw reliġjon li kienet illegali għar-Rumani. Allura wieħed jistaʼ jifhem għala kienu jafu kif kienu qed iħossuhom ħuthom fil-Lhudija, li kienu qed isofru minn għawġ simili.—Atti 16:20, 21; 17:5-9; 1 Tessalonikin 2:14.
Għalkemm Pawlu kien uża ż-żelu li kellhom fil-bidu l-Korintin għall-ġbir biex jinkuraġġixxi lil dawk tal-Maċedonja, l-entużjażmu f’Korintu kien batta. Issa l-appostlu semma l-ġenerożità taʼ dawk tal-Maċedonja sabiex iqanqal lill-Korintin. Ħass li kellu bżonn ifakkarhom li kien wasal il-waqt li jtemmu dak li kienu bdew xi sena qabel. X’kien ġara?—2 Korintin 8:10, 11; 9:1-5.
Kien Titu li beda l-ġbir f’Korintu, imma nqalgħu ċerti problemi li x’aktarx xekklu l-isforzi tiegħu. Wara li tkellem maʼ Pawlu fil-Maċedonja, Titu reġaʼ lura maʼ tnejn oħra biex isaħħaħ il-kongregazzjoni taʼ Korintu u jtemm il-ġabra. Xi wħud forsi pprovaw jgħidu li Pawlu kien ipprova jieħu vantaġġ mill-Korintin. Din kienet x’aktarx ir-raġuni għala bagħat tlett irġiel biex itemmu l-ġabra u ta rakkomandazzjonijiet għal kull wieħed minnhom. “Qegħdin attenti li ħadd ma jkollu xi jgħid fina minħabba l-mod li bih sa nħaddmu din il-ġabra kbira,” qal Pawlu. “Aħna nfittxu s-sewwa mhux biss quddiem Alla iżda wkoll quddiem il-bnedmin.”—2 Korintin 8:6, 18-23; 12:18.
Il-Kontribuzzjoni Titwassal
Sar-rebbiegħa tas-sena 56 E.K., il-flus li nġabru kienu lesti biex jittieħdu Ġerusalemm. Pawlu kien se jmur mad-delegazzjoni magħżula minn dawk li kienu kkontribwew. Atti 20:4 jgħid: “Marru miegħu Sopatru bin Pirru, minn Berija, Aristarku u Sekundu, it-tnejn minn Tessalonika, Gaju minn Derbi u Timotju, u Tikiku u Trofimu, it-tnejn mill-Asja.” Milli jidher, fosthom kien hemm ukoll Luqa, li x’aktarx irrappreżenta lill-Kristjani ġewwa Filippi. B’hekk, minn taʼ l-inqas kien hemm disat irġiel li marru fuq din il-missjoni.
“Is-somma totali miġbura bilfors li kienet kbira mhux ħażin,” jgħid l-istudjuż Dieter Georgi, “għaliex inkella l-isforzi aħħarija, li kienu jinvolvu lil Pawlu u tant delegati, ma kinux ikunu vallapena meta tqis kemm kellhom spejjeż u inkwiet.” Il-grupp serva mhux biss għas-sigurtà imma wkoll biex jipproteġi lil Pawlu minn xi akkuża taʼ diżonestà. Dawk li ntbagħtu rrappreżentaw lill-kongregazzjonijiet Ġentili quddiem il-qaddisin f’Ġerusalemm.
Kieku baħħret minn Korintu għas-Sirja, id-delegazzjoni kienet tasal Ġerusalemm sa żmien il-Qbiż. Madankollu, meta semgħu li kien hemm komplott biex jinqatel Pawlu, kellhom ibiddlu l-pjanijiet. (Atti 20:3) L-għedewwa tiegħu forsi kellhom f’moħħhom li jeħilsu minnu waqt li jkun fuq il-baħar.
Pawlu kellu affarijiet oħra fuqiex iħabbel rasu. Qabel telaq, hu kiteb lill-Kristjani f’Ruma biex jitolbu ħalli Alla ‘jeħilsu minn dawk fil-Lhudija li ma jemmnux, u biex is-servizz tiegħu jkun milqugħ tajjeb mill-qaddisin f’Ġerusalemm.’ (Rumani 15:30, 31) Għalkemm il-qaddisin żgur li kienu se jilqgħu l-kontribuzzjonijiet bi gratitudni kbira, Pawlu forsi kien imħasseb dwar l-inkwiet li l-wasla tiegħu setgħet iġġib fost il-Lhud in ġenerali.
L-appostlu tabilħaqq li baqaʼ jiftakar fil-foqra. Għalkemm l-Iskrittura ma tgħidx sewwa sew meta twasslet il-kontribuzzjoni, il-wasla tagħha kompliet iżżid l-unità u għamlitha possibbli għall-Kristjani Ġentili li juru gratitudni lejn dawk li kienu jemmnu bħalhom ġewwa l-Lhudija għall-għana spiritwali li kienu rċivew mingħandhom. Id-dehra taʼ Pawlu fit-tempju ftit wara li wasal Ġerusalemm ħolqot rewwixta sħiħa li wasslet għall-arrest tiegħu. Imma dan fl-aħħar mill-aħħar ħoloqlu opportunitajiet biex jixhed quddiem gvernaturi u slaten.—Atti 9:15; 21:17-36; 23:11; 24:1–26:32.
Il-Kontribuzzjonijiet Tagħna Llum
Mill-ewwel seklu ’l hawn inbidlu ħafna affarijiet. Imma l-prinċipji bażiċi ma nbidlux. Huwa sewwa li l-Kristjani jkunu informati dwar bżonnijiet finanzjarji. Kull kontribuzzjoni li ssir għal min hu fil-bżonn għandha tkun waħda volontarja, imqanqla mill-imħabba lejn Alla u lejn il-bnedmin sħabna.—Mark 12:28-31.
Il-miżuri li ttieħdu għall-għoti t’għajnuna lill-qaddisin fl-ewwel seklu juru li l-amministrar taʼ kontribuzzjonijiet bħal dawn għandu jkun organizzat tajjeb u jsir għalkollox bl-onestà. M’għandniex xi ngħidu, Alla Jehovah jaf xi bżonnijiet ikun hemm, u jipprovdi għall-qaddejja tiegħu sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna m’oħrajn minkejja t-tbatija li jkunu għaddejjin minnha. (Mattew 6:25-34) Imma lkoll kemm aħna nistgħu nagħtu sehemna, hi x’inhi l-qagħda ekonomika tagħna. B’dan il-mod, ‘min għandu ħafna ma jsibx iż-żejjed, u min għandu ftit ma jibqax bin-nieqes.’—2 Korintin 8:15.