LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 12/15 pp. 20-24
  • Ġeħova Jagħti “l-Ispirtu Qaddis lil Dawk li Jitolbuh”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova Jagħti “l-Ispirtu Qaddis lil Dawk li Jitolbuh”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ippersisti fit-​Talb
  • Iktar Ma Jkun Kbir il-​Bżonn ​—Iktar Trid Titlob
  • Xi Jqanqalna Nitolbu bil-​Fiduċja?
  • Kif l-​Ispirtu Qaddis Hu l-​Ajjutant Tagħna
  • Kif l-ispirtu qaddis jgħinna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • L-Ispirtu taʼ Jehovah Imexxi lill-Poplu Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ibżaʼ Minn Jehovah, Dak li Jismaʼ t-Talb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Talb li Hu Mismugħ minn Alla
    Stenbaħ!—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 12/15 pp. 20-24

Ġeħova Jagħti “l-​Ispirtu Qaddis lil Dawk li Jitolbuh”

“Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”​—LUQA 11:13.

1. Meta b’mod speċjali jkollna bżonn l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis?

‘MA NISTAX niffaċċja din is-​sitwazzjoni waħdi. Bl-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis biss se jirnexxili nissaporti din il-​prova!’ Ġieli esprimejt sentimenti mill-​qalb bħal dawn? Ħafna mill-​Kristjani ġieli esprimew kliem bħal dan. Forsi int għamilt dan wara li sirt taf li għandek xi marda serja. Jew forsi kien fi żmien li, wara li qattajtu ħajjithom flimkien, is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek raqdet fil-​mewt. Jew forsi meta l-​personalità ferriħija tiegħek iċċajpret minħabba d-​dipressjoni. Fi żminijiet taʼ niket f’ħajtek, għandek mnejn ħassejt li kont qed tkampa biss minħabba li l-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova kien qed jagħtik “il-​qawwa iktar min-​normal.”​—2 Korintin 4:​7-9; Salm 40:​2, 3 (40:​1, 2, NW).

2. (a) Liema sfidi jiffaċċjaw il-​Kristjani veri? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Il-​Kristjani veri jkollhom ikampaw maʼ pressjoni u oppożizzjoni li dejjem qed jiżdiedu mid-​dinja taʼ llum li tiċħad lil Alla. (1 Ġwanni 5:​19) Flimkien maʼ dan, is-​segwaċi taʼ Kristu huma attakkati minn Satana x-​Xitan innifsu, li qed jiġġieled gwerra feroċi kontra dawk li “josservaw il-​kmandamenti t’Alla u li għandhom ix-​xogħol li jixhdu dwar Ġesù.” (Rivelazzjoni 12:​12, 17) Għalhekk, mhux taʼ b’xejn li għandna bżonn l-​appoġġ taʼ l-​ispirtu t’Alla issa iktar minn qatt qabel. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li nkomplu nirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla bl-​abbundanza? U għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova minn qalbu jrid jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn fi żminijiet taʼ prova? Insibu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet fi tnejn mit-​tixbihat taʼ Ġesù.

Ippersisti fit-​Talb

3, 4. Liema tixbiha rrakkonta Ġesù, u kif applikaha għat-​talb?

3 Darba minnhom wieħed mid-​dixxipli taʼ Ġesù qal: “Mulej, għallimna nitolbu.” (Luqa 11:1) Bi tweġiba, Ġesù lid-​dixxipli rrakkontalhom żewġ tixbihat konnessi maʼ xulxin. L-​ewwel waħda hija dwar raġel li għandu mistieden id-​dar tiegħu, u t-​tieni hija dwar missier li jismaʼ minn ibnu. Ejja nikkunsidraw dawn iż-​żewġ tixbihat.

4 Ġesù qal: “Min minnkom ikollu ħabib u jmur għandu f’nofsillejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax għadu kif ġie għandi ħabib tiegħi li qed jivvjaġġa u m’għandi xejn xi nqiegħed quddiemu’? U dak minn ġewwa jwieġbu, ‘Tibqax iddejjaqni. Il-​bieb diġà msakkar, u wliedi ż-​żgħar qegħdin fis-​sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ Ngħidilkom, Għalkemm ma jqumx jagħtih għax hu ħabibu, żgur li għax dan jippersisti bla mistħija, iqum u jagħtih dak li għandu bżonn.” Ġesù mbagħad spjega kif din it-​tixbiha tapplika għat-​talb, billi qal: “Għaldaqstant ngħidilkom, Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom. Għax kulmin jitlob jaqlaʼ, u kulmin ifittex isib, u kulmin iħabbat jinfetaħlu.”​—Luqa 11:​5-​10.

5. It-​tixbiha dwar ir-​raġel persistenti x’tgħallimna dwar l-​attitudni tagħna meta nitolbu?

5 Din it-​tixbiha ċara taʼ raġel persistenti turi kif għandha tkun l-​attitudni tagħna meta nitolbu. Innota li Ġesù jgħid li r-​raġel jirnexxilu jikseb dak li jkollu bżonn “għax dan jippersisti bla mistħija.” (Luqa 11:8) L-​espressjoni “jippersisti bla mistħija” tidher darba biss fil-​Bibbja. Spiss il-​fatt li ma tistħix jitqies bħala kwalità ħażina. Madankollu, meta jkun hemm nuqqas taʼ mistħija jew turija taʼ persistenza għal raġuni tajba, din tistaʼ tkun kwalità taʼ min ifaħħarha. Dan hu l-​każ taʼ dak li ried jilqaʼ lil ħabibu għandu f’din it-​tixbiha. Ma jħoss ebda mistħija talli staqsa b’mod persistenti għal dak li kellu bżonn. Ladarba Ġesù jippreżenta lir-​raġel li ried jilqaʼ lil ħabibu għandu bħala eżempju għalina, bl-​istess mod, it-​talb tagħna għandu jkun persistenti. Ġeħova jridna ‘nibqgħu nitolbu, nibqgħu nfittxu, u nibqgħu nħabbtu.’ Bi tweġiba, hu se “jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh.”

6. Fi żmien Ġesù, kif kienu jqisu d-​drawwa li tintwera l-​ospitalità?

6 Ġesù mhux biss jurina kif għandna nitolbu​—b’persistenza bla mistħija​—imma wkoll għala għandna nagħmlu dan. Sabiex nifhmu din il-​lezzjoni b’mod ċar, għandna nikkunsidraw kif dawk li semgħu t-​tixbiha taʼ Ġesù dwar ir-​raġel persistenti qiesu d-​drawwa taʼ li tintwera l-​ospitalità. Diversi siltiet fl-​Iskrittura juru li fi żminijiet Bibliċi, speċjalment il-​qaddejja t’Alla, kienu jiħduh bis-​serjetà l-​fatt li jkollhom il-​mistidnin. (Ġenesi 18:​2-5; Ebrej 13:2) Nuqqas t’ospitalità kienet xi ħaġa t’għajb. (Luqa 7:​36-​38, 44-​46) B’dan f’moħħna, ejja nerġgħu nikkunsidraw l-​istorja taʼ Ġesù.

7. Ir-​raġel fit-​tixbiha taʼ Ġesù għala ma staħax iqajjem lill-​ħabib tiegħu?

7 Ir-​raġel fit-​tixbiha jkollu żjara minn xi ħadd f’nofs taʼ lejl. Dan iħoss li għandu jservi l-​ikel għall-​mistieden tiegħu imma ‘m’għandu xejn xi jqiegħed quddiemu.’ Fil-​ħarsa tiegħu, din hija sitwazzjoni taʼ emerġenza! Akkost taʼ kollox, għandu bżonn jikseb ftit ħobż. Għalhekk, imur għand ħabib tiegħu u bla mistħija jqajmu. Ir-​raġel jgħajjat: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet.” Hu jippersisti bit-​talba tiegħu sakemm jikseb dak li għandu bżonn. Huwa biss meta għandu l-​ħobż f’idejh li jistaʼ jilqaʼ lil ħabibu għandu kif suppost.

Iktar Ma Jkun Kbir il-​Bżonn ​—Iktar Trid Titlob

8. X’se jqanqalna biex nitolbu b’mod persistenti għall-​ispirtu qaddis?

8 Din it-​tixbiha x’turi dwar ir-​raġuni għala nitolbu b’mod persistenti? Ir-​raġel baqaʼ jitlob għall-​ħobż għaliex ħass li kien neċessarju għall-​aħħar li jkollu dak il-​ħobż f’idejh biex ikun jistaʼ jwettaq id-​dmir tiegħu. (Isaija 58:​5-7) Mingħajr il-​ħobż, ma kienx jirnexxilu jwettaq id-​dmir tiegħu. Bl-​istess mod, minħabba li nirrealizzaw li l-​fatt li jkollna l-​ispirtu t’Alla huwa neċessarju għall-​aħħar biex inwettqu l-​ministeru tagħna bħala Kristjani veri, aħna nibqgħu nirrikorru lejn Alla, billi nitolbuh għal dan l-​ispirtu. (Żakkarija 4:6) Mingħajru se nfallu. (Mattew 26:41) Taraha l-​konklużjoni importanti li nistgħu nisiltu minn din it-​tixbiha? Jekk inqisu l-​ispirtu t’Alla bħala xi ħaġa li għandna bżonn b’urġenza, x’aktarx li iktar se nitolbu għalih b’persistenza.

9, 10. (a) Agħti tixbiha li turi għala għandna bżonn inkunu persistenti meta nistaqsu lil Alla għall-​ispirtu tiegħu. (b) Liema mistoqsija għandna nistaqsu lilna nfusna, u għala?

9 Sabiex napplikaw din il-​lezzjoni għal żmienna, immaġina li wieħed mill-​membri tal-​familja tiegħek jimrad f’nofs taʼ lejl. Sejjer tqajjem tabib biex tistaqsih għall-​għajnuna? Mhux jekk il-​pazjent għandu xi ħaġa żgħira. Madankollu, jekk ikun qed jagħtih xi attakk tal-​qalb, żgur li mhux se tistħi ċċempel tabib. Għala? Minħabba li tkun qed tiffaċċja emerġenza. Int tirrealizza li hemm bżonn l-​għajnuna mingħand xi ħadd tas-​sengħa. Jekk ma tistaqsix għall-​għajnuna jistaʼ jkun hemm konsegwenzi fatali. B’mod simili, il-​Kristjani veri jiffaċċjaw emerġenza kontinwa, biex ngħidu hekk. Il-​fatt hu li Satana qed idur bħal “iljun jgħajjat,” u qed jipprova jiblagħna. (1 Pietru 5:8) Sabiex nibqgħu ħajjin spiritwalment, l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu t’Alla hija bżonnjuża ħafna. Jekk ma nistaqsux għall-​għajnuna t’Alla, dan jistaʼ jkun fatali. Għalhekk, b’persistenza bla mistħija aħna nitolbu lil Alla għall-​ispirtu qaddis tiegħu. (Efesin 3:​14-​16) Huwa biss billi nagħmlu dan li se nżommu s-​saħħa li għandna bżonn biex ‘nissaportu sat-​tmiem.’​—Mattew 10:22; 24:13.

10 Għalhekk, huwa kruċjali għalina li kultant nieqfu u nistaqsu lilna nfusna, ‘Kemm huwa tassew persistenti t-​talb tiegħi?’ Ftakar li meta nirrealizzaw bis-​sħiħ li għandna bżonn l-​għajnuna t’Alla, it-​talb tagħna għall-​ispirtu qaddis se jkun iktar persistenti.

Xi Jqanqalna Nitolbu bil-​Fiduċja?

11. Ġesù kif applika t-​tixbiha taʼ missier u ibnu għat-​talb?

11 It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar ir-​raġel persistenti tenfasizza l-​attitudni taʼ dak li jitlob​—il-​wieħed li jemmen. It-​tixbiha li jmiss tenfasizza l-​attitudni taʼ dak li jismaʼ t-​talb​—Alla Ġeħova. Ġesù staqsa: “Tabilħaqq, min hu dak il-​missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Jew jekk jitolbu wkoll bajda, jagħtih skorpjun?” Ġesù kompla biex ħareġ l-​applikazzjoni, billi qal: “Għalhekk, jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!”​—Luqa 11:​11-​13.

12. It-​tixbiha tal-​missier li qed jismaʼ t-​talba taʼ ibnu kif tenfasizza l-​fatt li Ġeħova hu lest li jwieġeb it-​talb tagħna?

12 B’dan l-​eżempju taʼ missier li jwieġeb għat-​talba taʼ ibnu, Ġesù juri kif Ġeħova jħossu dwar dawk li jduru lejh bit-​talb. (Luqa 10:22) L-​ewwel, innota l-​kuntrast. Għall-​kuntrarju tar-​raġel fl-​ewwel tixbiha li żamm lura milli jwieġeb is-​sejħa għall-​għajnuna, Ġeħova hu bħal ġenitur uman li juri interess u li huwa ħerqan biex iwieġeb it-​talba taʼ wliedu. (Salm 50:15) Ġesù jikxef iktar dwar l-​attitudni taʼ Ġeħova lejna billi jqabbel missier uman maʼ missierna tas-​sema. Hu jgħid li jekk missier uman, għalkemm ‘ħażin’ minħabba li wiret id-​dnub, jagħti għotja tajba lil ibnu, kemm iktar nistgħu nistennew li Missierna tas-​sema, li hu twajjeb, se jagħti spirtu qaddis lill-​familja t’aduraturi tiegħu!​—Ġakbu 1:​17.

13. Dwar xiex nistgħu nkunu ċerti meta nitolbu lil Ġeħova?

13 X’inhi l-​lezzjoni għalina? Nistgħu nkunu fiduċjużi li meta nistaqsu lil Missierna tas-​sema għall-​ispirtu qaddis, hu minn qalbu jixtieq jaqtgħalna xewqitna. (1 Ġwanni 5:​14) Meta mmorru għandu bit-​talb darba wara l-​oħra, Ġeħova qatt m’hu se jgħid, biex ngħidu hekk: “Tibqax iddejjaqni. Il-​bieb diġà msakkar.” (Luqa 11:7) Għall-​kuntrarju, Ġesù stqarr: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.” (Luqa 11:​9, 10) Iva, Ġeħova ‘qribna meta nsejħulu.’​—Salm 20:10 (20:​9, NW); 145:18.

14. (a) Liema idea żbaljata tinkwieta lil xi wħud li jiffaċċjaw il-​provi? (b) Meta niffaċċjaw il-​provi, għala nistgħu nitolbu lil Ġeħova bil-​fiduċja?

14 It-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​missier li juri interess tenfasizza wkoll li t-​tjieba taʼ Ġeħova hija ħafna akbar mit-​tjieba li jistaʼ juri kwalunkwe ġenitur uman. Għalhekk, ħadd minna m’għandu qatt jaħseb li l-​provi li forsi qed jiffaċċja huma għax Alla qed juri diżapprovazzjoni lejh. Huwa l-​akbar għadu tagħna, Satana, li jridna naħsbu b’dan il-​mod. (Ġob 4:​1, 7, 8; Ġwanni 8:​44) M’hemm l-​ebda bażi Skritturali biex nikkundannaw lilna nfusna. Ġeħova ma jġarrabniex “b’affarijiet ħżiena.” (Ġakbu 1:​13) Bħalma missier kollu mħabba ma jagħtix xi ħaġa lil ibnu li se tweġġgħu, Ġeħova ma jagħtiniex provi jew sfidi li jweġġgħuna. Missierna tas-​sema jagħti “affarijiet tajbin lil dawk li jitolbuh.” (Mattew 7:​11; Luqa 11:13) Tabilħaqq, iktar ma napprezzaw it-​tjieba taʼ Ġeħova u l-​fatt li hu lest biex jgħinna, iktar se niġu mqanqlin biex nitolbu bil-​fiduċja. Hekk kif nagħmlu dan, aħna wkoll se nkunu nistgħu nesprimu sentimenti bħal dawk tas-​salmista li kiteb: “Alla tassew semgħani, ta widen għat-​talba tiegħi.”​—Salm 10:17; 66:19.

Kif l-​Ispirtu Qaddis Hu l-​Ajjutant Tagħna

15. (a) Ġesù liema wegħda għamel rigward l-​ispirtu qaddis? (b) Liema hu mod wieħed kif l-​ispirtu qaddis jgħinna?

15 Ftit qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù rripeta l-​assiguranza li kien ta fit-​tixbihat tiegħu. Rigward l-​ispirtu qaddis, hu qal lill-​appostli tiegħu: “Jien nitlob lill-​Missier u jagħtikom ajjutant ieħor biex ikun magħkom għal dejjem.” (Ġwanni 14:16) B’hekk, Ġesù wiegħed li l-​ajjutant, jew l-​ispirtu qaddis, kien se jkun mas-​segwaċi tiegħu fil-​futur, inkluż fi żmienna. Liema hu mod sinifikanti wieħed kif nesperjenzaw dan l-​appoġġ illum? L-​ispirtu qaddis jgħinna nissaportu diversi provi. Kif? L-​appostlu Pawlu, li hu stess iffaċċja diversi provi, iddeskriva f’ittra li bagħat lill-​Kristjani f’Korintu kif l-​ispirtu t’Alla għenu. Ejja nikkunsidraw fil-​qosor dak li kiteb.

16. Is-​sitwazzjoni tagħna kif tistaʼ tkun simili għal dik taʼ Pawlu?

16 L-​ewwelnett, Pawlu bis-​sinċerità qal lil sħabu fit-​twemmin li hu kellu “xewka fil-​laħam,” xi tip taʼ prova. Imbagħad, hu qal: “Tliet darbiet tlabt bil-​ħrara lill-​Mulej [Ġeħova] biex titbiegħed minni.” (2 Korintin 12:​7, 8) Għalkemm Pawlu talab bil-​ħrara biex Alla jneħħilu l-​problema tiegħu, din ma tneħħietx. Forsi int tiffaċċja sitwazzjoni simili llum. Bħal Pawlu, forsi tlabt b’persistenza u b’fiduċja biex Ġeħova jneħħilek xi prova. Madankollu, minkejja t-​talb kontinwu tiegħek, għadek tiffaċċja l-​problema. Ifisser dan li Ġeħova ma wiġibx it-​talb tiegħek u li l-​ispirtu tiegħu mhux qed jgħinek? Lanqas xejn! (Salm 10:​1, 17) Innota dak li l-​appostlu Pawlu qal wara.

17. Ġeħova kif wieġeb it-​talb taʼ Pawlu?

17 Bi tweġiba għat-​talb taʼ Pawlu, Alla qallu: “Il-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħi hi biżżejjed għalik; għax il-​qawwa tiegħi tintgħamel perfetta fid-​dgħjufija.” Pawlu qal: “Għalhekk, b’ferħ kbir, nippreferi niftaħar bid-​dgħjufijiet tiegħi biex il-​qawwa tal-​Kristu tibqaʼ fuqi bħal tinda.” (2 Korintin 12:9; Salm 147:5) Għalhekk, Pawlu esperjenza li permezz taʼ Kristu, il-​protezzjoni setgħana t’Alla kienet bħal tinda fuqu. Illum, Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna b’mod simili. Hu jipproteġi lill-​qaddejja tiegħu billi jipprovdilhom kenn.

18. Għala nistgħu nissaportu l-​provi?

18 M’għandniex xi ngħidu, tinda ma twaqqafx ix-​xita milli tinżel jew l-​irjieħ milli jonfħu, imma tipprovdi ftit protezzjoni minn dawn l-​elementi. Bl-​istess mod, il-​kenn provdut mill-​“qawwa tal-​Kristu” ma jwaqqafx il-​provi jew it-​tbatijiet li jkollna niffaċċjaw. Madankollu, dan jagħtina protezzjoni spiritwali kontra l-​elementi taʼ ħsara taʼ din id-​dinja u l-​attakki tal-​mexxej tagħha, Satana. (Rivelazzjoni 7:​9, 15, 16) Għalhekk, anki jekk qed tiffaċċja xi prova li ‘ma titbigħedx minnek,’ int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jaf bit-​tbatija tiegħek u li hu wieġeb għall-​“għajta tiegħek.” (Isaija 30:19; 2 Korintin 1:​3, 4) Pawlu kiteb: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-​tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-​triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.”​—1 Korintin 10:13; Filippin 4:​6, 7.

19. X’int determinat li tagħmel, u għala?

19 Tabilħaqq, “l-​aħħar jiem” li issa ninsabu fihom taʼ din id-​dinja li ċaħdet lil Alla huma karatterizzati minn “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Minkejja dan, għall-​qaddejja t’Alla, dawn iż-​żminijiet m’humiex impossibbli li nsibu tarfhom. Għala le? Minħabba l-​appoġġ u l-​protezzjoni taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, li Ġeħova jagħti minn qalbu u b’abbundanza lil dawk kollha li jitolbuh għalih b’persistenza u b’fiduċja. Għalhekk, jalla nkunu determinati li nibqgħu nitolbu għall-​ispirtu qaddis kuljum.​—Salm 34:7 (34:​6, NW); 1 Ġwanni 5:​14, 15.

Int Kif Twieġeb?

• X’għandna nagħmlu biex nirċievu l-​ispirtu qaddis t’Alla?

• Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova se jwieġeb it-​talb tagħna għall-​ispirtu qaddis?

• L-​ispirtu qaddis kif jgħinna nissaportu l-​provi?

[Stampa f’paġna 21]

X’nistgħu nitgħallmu mit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar ir-​raġel persistenti?

[Stampa f’paġna 22]

Titlob int b’mod persistenti għall-​ispirtu qaddis t’Alla?

[Stampa f’paġna 23]

X’nitgħallmu dwar Ġeħova mit-​tixbiha dwar il-​missier li juri interess?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja