Sabiex Tirbaħ il-Premju, Eżerċita r-Rażna!
“Kull raġel li jieħu sehem f’kompetizzjoni jeżerċita r-rażna f’kollox.”—1 KORINTIN 9:25, NW.
1. Fi qbil maʼ Efesin 4:22-24, miljuni taʼ nies kif qalu iva lil Jehovah?
JEKK int tgħammidt bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, int għamilt magħruf pubblikament li lest li tieħu sehem f’kompetizzjoni li bħala premju għandha l-ħajja eterna. Int għedt iva u qbilt li tagħmel ir-rieda taʼ Jehovah. Qabel m’għamilna dedikazzjoni lil Jehovah, ħafna minna kellna nagħmlu bidliet sinifikanti sabiex id-dedikazzjoni tagħna tkun ġenwina, aċċettata minn Alla. Aħna segwejna l-parir li Pawlu ta lill-Kristjani: ‘Warrbu l-ħajja tagħkom taʼ qabel u inżgħu l-bniedem il-qadim, mħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa . . . Ilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skond Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.’ (Efesin 4:22-24) Fi kliem ieħor, qabel ma ħadna l-pass tad-dedikazzjoni lil Alla, kellna ngħidu le għall-ħajja mhux aċċettabbli li konna ngħixu qabel.
2, 3. L-ewwel Korintin 6:9-12 kif jindika li hemm bżonn taʼ żewġ tipi taʼ bidliet sabiex nakkwistaw l-approvazzjoni t’Alla?
2 Ċerti karatteristiċi tal-personalità l-qadima li għandhom ineħħu dawk li jixtiequ jkunu Xhieda taʼ Jehovah huma kundannati direttament mill-Kelma t’Alla. Pawlu semma xi wħud minnhom fl-ittra tiegħu lill-Korintin, billi qal: “La żienja, la idolatri, la adulteri, la effemminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna taʼ Alla!” Imbagħad wera li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu għamlu bidliet neċessarji fil-personalità, billi żied: “U minn dawn kienu xi wħud minnkom.” Innota, li kienu, u mhux huma.—1 Korintin 6:9-11.
3 Pawlu ssuġġerixxa li setaʼ jkun hemm bżonn taʼ xi bidliet oħra, għax hu kompla: “‘Kollox jiswa għalija,’ iżda mhux kollox jaqbel.” (1 Korintin 6:12) B’hekk, ħafna llum li jixtiequ jkunu Xhieda taʼ Jehovah jaraw il-bżonn li jgħidu le anki għal affarijiet li għalkemm m’humiex kontra l-liġi m’għandhom l-ebda benefiċċju jew m’huma taʼ ebda valur dejjiemi. Dawn jistgħu jiħdulhom ħafna ħin u jistgħu jiżvijawhom milli jfittxu affarijiet taʼ iktar importanza.
4. Kristjani dedikati dwar liema ħaġa jaqblu maʼ Pawlu?
4 Id-dedikazzjoni lil Alla nagħmluha minn jeddna, mhux kontra qalbna, bħallikieku tirrikjedi xi sagrifiċċju enormi. Kristjani dedikati jaqblu maʼ Pawlu, li wara li sar wieħed mis-segwaċi taʼ Kristu qal: “Minħabba [Ġesù] ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis, biex nirbaħ lil Kristu.” (Filippin 3:8) Pawlu kien ferħan li jgħid le għall-affarijiet taʼ ftit valur sabiex setaʼ jibqaʼ jgħid iva lil Alla.
5. Pawlu f’liema tellieqa ħa sehem b’suċċess, u aħna kif nistgħu nagħmlu l-istess?
5 Pawlu eżerċita r-rażna waqt li kien qed jiġri t-tellieqa spiritwali tiegħu u fl-aħħar setaʼ jgħid: “Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.” (2 Timotju 4:7, 8) Se nkunu nistgħu aħna xi darba ngħidu l-istess ħaġa? Iva, se jirnexxilna jekk bil-fidi neżerċitaw ir-rażna waqt li niġru t-tellieqa Kristjana tagħna mingħajr waqfien u sa l-aħħar.
Neħtieġu r-Rażna biex Nagħmlu t-Tajjeb
6. Ir-rażna x’inhi, u b’liema żewġ modi għandna neżerċitawha?
6 Il-kliem bl-Ebrajk u bil-Grieg tradott “rażna” fil-Bibbja letteralment ifisser li individwu għandu s-setgħa jew il-kontroll fuqu nnifsu. Spiss jagħti l-ħsieb taʼ li wieħed iżomm lilu nnifsu milli jagħmel il-ħażen. Imma huwa ovvju li hemm bżonn ċertu ammont taʼ rażna jekk irridu li nużaw ġisimna biex nagħmlu xogħlijiet tajbin. It-tendenza naturali taʼ bnedmin imperfetti hi li jagħmlu l-ħażen, u għalhekk għandna ġlieda doppja. (Koħèlet 7:39 [7:29, NW]; 8:11) Waqt li nżommu lura milli nagħmlu l-ħażen, għandna wkoll nġagħlu lilna nfusna nagħmlu t-tajjeb. Fil-fatt, li nikkontrollaw ġisimna sabiex nagħmlu t-tajjeb huwa wieħed mill-aqwa modi biex nevitaw li nagħmlu l-ħażin.
7. (a) Bħal David, aħna għalxiex għandna nitolbu? (b) Liema affarijiet li jekk nimmeditaw fuqhom se jgħinuna neżerċitaw iktar rażna?
7 B’mod ċar, ir-rażna hija vitali jekk aħna rridu li nwettqu d-dedikazzjoni tagħna lil Alla. Għandna bżonn nitolbu bħalma talab David: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.” (Salm 51:12 [51:10, NW]) Nistgħu nimmeditaw fuq il-benefiċċji li jiġu meta nevitaw affarijiet li huma ħżiena moralment jew li jdgħajfuk fiżikament. Aħseb dwar x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi jekk ma tevitax dawn l-affarijiet ħżiena: problemi serji taʼ saħħa, relazzjonijiet kollha inkwiet, u saħansitra mewt qabel il-waqt. Mill-banda l-oħra, aħseb dwar il-ħafna benefiċċji li jkollok jekk iżżomm mal-mod taʼ ħajja li jrid Jehovah. Madankollu, irridu nkunu realistiċi u ma ninsewx li qalbna hija kollha qerq. (Ġeremija 17:9) Għandna nkunu determinati li nirreżistu l-attentati li qalbna tagħmel biex tnaqqas is-serjetà taʼ li nżommu l-livelli taʼ Jehovah.
8. L-esperjenza liema realtà tgħallimna? Agħti eżempju.
8 Il-maġġuranza minna nafu mill-esperjenza li l-ġisem li ma jkunx lest li jagħmel xi ħaġa spiss jipprova jnaqqas il-ħeġġa taʼ l-ispirtu li tant ikun jixtieq jagħmilha. Per eżempju, ejja nieħdu l-ippridkar tas-Saltna. Jehovah jitgħaxxaq meta l-bnedmin minn qalbhom jipparteċipaw f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. (Salm 110:3, Saydon; Mattew 24:14) Għall-maġġuranza minna, ma kienx faċli li nitgħallmu nippridkaw pubblikament. Kien jirrikjedi—u forsi għadu jirrikjedi—li nikkontrollaw ġisimna, ‘ngħakksuh’ u ‘njassruh,’ minflok ma nħalluh iġagħalna nagħżlu l-eħfef soluzzjoni.—1 Korintin 9:16, 27; 1 Tessalonikin 2:2.
“F’Kollox”?
9, 10. X’hemm involut f’li neżerċitaw “ir-rażna f’kollox”?
9 Il-parir tal-Bibbja li neżerċitaw “ir-rażna f’kollox” jindika li hemm iktar involut milli sempliċement nikkontrollaw it-tempra tagħna u nevitaw kondotta immorali. Aħna forsi nħossu li rnexxielna niksbu r-rażna f’dawn l-aspetti, u jekk iva, żgur li għandna għalfejn inkunu grati. Madankollu, xi ngħidu għal aspetti oħra tal-ħajja meta l-bżonn li nuru r-rażna ma jkunx daqshekk ovvju? Biex nagħtu eżempju, immaġinak tgħix f’pajjiż li huwa relattivament sinjur b’livell għoli taʼ ħajja. Ma jkunx għaqli li titgħallem tgħid le għal xiri bla bżonn? Il-ġenituri jagħmlu tajjeb li jgħallmu lil uliedhom biex ma jixtrux dak kollu li jaraw minħabba li hu disponibbli, jolqot l-għajn, jew għax għandhom biex jixtruh. M’għandniex xi ngħidu, biex din l-istruzzjoni tkun effettiva, il-ġenituri għandhom jagħtu l-eżempju xieraq.—Luqa 10:38-42.
10 Jekk nitgħallmu ngħaddu mingħajr ċerti affarijiet inkunu nistgħu nsaħħu d-determinazzjoni tagħna. Inkunu nistgħu wkoll inkabbru l-apprezzament tagħna għall-affarijiet materjali li nippossiedu, u b’hekk inkunu nistgħu nifhmu iktar lil dawk li jkollhom bilfors jgħaddu mingħajr xi affarijiet, mhux għax iridu, imma għax huma fil-bżonn. Veru, ħajja modesta tmur kontra l-attitudnijiet popolari bħal “kun qalbek tajba miegħek innifsek” jew “jistħoqqlok l-aħjar.” Id-dinja tar-reklamar tħeġġeġ lin-nies biex jissodisfaw ix-xewqat naturali tagħhom immedjatament, u dan tagħmlu għall-qligħ tagħha stess. Din is-sitwazzjoni tistaʼ tfixkel l-isforzi tagħna li nuru r-rażna. Rivista minn pajjiż Ewropew sinjur reċentement stqarret: “Jekk dawk li qed jgħixu f’dawn iċ-ċirkustanzi koroh taʼ faqar estrem għandhom ġlieda magħhom infushom biex jikkontrollaw tendenzi mhux mixtiqin, kemm iktar iridu jagħmlu hekk dawk li jgħixu fl-art li tnixxi ħalib u għasel fis-soċjetà prosperuża taʼ llum!”
11. Għala huwa taʼ benefiċċju li nitgħallmu ngħaddu mingħajr ċerti affarijiet, imma dan għala hu diffiċli?
11 Jekk għandna diffikultà biex niddistingwu bejn dak li rridu u dak li neħtieġu verament, forsi jkun t’għajnuna li nieħdu passi biex nagħmlu żgur li ma naġixxux b’mod irresponsabbli. Per eżempju, jekk nixtiequ naqtgħu l-vizzju li nonfqu bla kontroll, forsi jkollna niddeċiedu li ma nixtrux affarijiet bin-nifs, jew meta mmorru nixtru, nieħdu magħna biss ammont limitat taʼ flus. Ftakar li Pawlu qal li “d-devozzjoni lejn Alla flimkien maʼ l-abbiltà li tipprovdi għall-bżonnijiet tiegħek” hija “mezz taʼ qligħ kbir.” Hu rraġuna: “Aħna ma ġibna xejn fid-dinja, u lanqas ma nistgħu nġorru xi ħaġa ’l barra. Mela, billi għandna susteniment u għata, se nkunu kuntenti b’dawn l-affarijiet.” (1 Timotju 6:6-8, NW) Aħna kuntenti? Jeħtieġ li jkollna d-determinazzjoni u r-rażna biex nitgħallmu ngħixu ħajja sempliċi, ħielsa minn kwalunkwe ħaġa mhix bżonnjuża—hi x’inhi —li ġġagħalna nittraskuraw l-affarijiet iktar importanti. Madankollu, din hija lezzjoni li tiswielna taʼ ġid.
12, 13. (a) Il-laqgħat Kristjani b’liema modi jinvolvu r-rażna? (b) Liema huma xi oqsma oħra fejn għandna bżonn nikkultivaw ir-rażna?
12 Anki biex nattendu l-laqgħat Kristjani, l-assembleat, u l-konvenzjonijiet jeħtieġ li nuru r-rażna b’mod partikulari. Per eżempju, din il-kwalità hija neċessarja biex ma nħallux lil moħħna jaħseb fuq xi ħaġa oħra waqt il-programm. (Proverbji 1:5) Forsi jkun hemm bżonn ir-rażna biex ma ntellfux lil oħrajn billi noqogħdu nfesfsu f’widnejn min ikun ħdejna minflok ma nagħtu l-attenzjoni kollha tagħna lill-kelliemi. Għandu mnejn ikollna bżonn ir-rażna biex nirranġaw l-iskeda tagħna ħalli naslu fil-ħin. Iżjed minn hekk, jistaʼ jkollna bżonn ir-rażna biex inwarrbu l-ħin sabiex nippreparaw għal-laqgħat u biex imbagħad nipparteċipaw fihom.
13 Ir-rażna f’affarijiet żgħar issaħħaħ l-abbiltà tagħna li nagħmlu l-istess f’affarijiet kbar. (Luqa 16:10) B’hekk, kemm hu tajjeb li niddixxiplinaw lilna nfusna biex naqraw regolarment il-Kelma t’Alla u l-pubblikazzjonijiet Bibliċi, billi nistudjawhom u nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu! Kemm hu għaqli li niddixxiplinaw lilna nfusna f’dak li għandu x’jaqsam maʼ xogħol, ħbiberiji, attitudnijiet, u vizzji persunali mhux addattati jew li niddixxiplinaw lilna nfusna biex ngħidu le għal attivitajiet li jistgħu jisirqulna l-ħin prezzjuż li nistgħu nqattgħu fis-servizz t’Alla! Il-fatt li jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz taʼ Jehovah żgur hu taʼ protezzjoni mill-aħjar kontra affarijiet li jistgħu jbegħduna mill-ġenna spiritwali tal-kongregazzjoni li Jehovah għandu mad-dinja kollha.
Siru Maturi Permezz tar-Rażna
14. (a) It-tfal kif għandhom jitgħallmu jeżerċitaw ir-rażna? (b) Liema benefiċċji jistgħu jiġu meta t-tfal jitgħallmu dawn il-lezzjonijiet kmieni fil-ħajja?
14 Tarbija li għadha titwieled mhux se tkun magħrufa għar-rażna. Fuljett minn esperti fl-imġiba tat-tfal jispjega: “Ir-rażna ma tiġix awtomatikament jew f’daqqa. It-trabi u t-tfal żgħar għandhom bżonn il-gwida u l-appoġġ tal-ġenituri sabiex jibdew il-proċess taʼ li jitgħallmu r-rażna. . . . Bil-ġenituri jiggwidaw dan il-proċess, ir-rażna tiżdied matul is-snin li jkunu l-iskola.” Studju li sar fuq tfal t’erbaʼ snin wera li dawk li kienu tgħallmu jeżerċitaw xi ftit tar-rażna “ġeneralment kibru u addattaw ruħhom aħjar, saru iktar popolari, avventurużi, kunfidenti u żgħażagħ taʼ min jafdahom.” Dawk li kienu għadhom ma bdewx jitgħallmu din il-lezzjoni “x’aktarx kienu jħossuhom iktar waħedhom, isiru frustrati malajr u jkollhom rashom iebsa. Ma felħux għall-istress u evitaw l-isfidi.” Ovvjament, sabiex tifel isir adult b’moħħu f’loku, hu għandu jitgħallem jeżerċita r-rażna.
15. In-nuqqas taʼ rażna x’jindika, u dan hu f’kuntrast maʼ liema mira li nsibu fil-Bibbja?
15 Bl-istess mod, jekk irridu li nsiru Kristjani maturi, għandna nitgħallmu nuru r-rażna. In-nuqqas taʼ rażna jindika li aħna għadna trabi spiritwalment. Il-Bibbja tħeġġiġna biex insiru ‘rġiel magħmula fi ħsibijietna.’ (1 Korintin 14:20) Il-mira tagħna hi li “naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien taʼ l-Iben taʼ Alla; nsiru raġel magħmul, fl-aħjar taʼ żmienu. U hekk isseħħ il-milja taʼ Kristu.” Għala? Biex “ma nkunux aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ taʼ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.” (Efesin 4:13, 14) B’mod ċar, li nitgħallmu neżerċitaw ir-rażna huwa vitali għall-ispiritwalità tagħna.
Nikkultivaw ir-Rażna
16. Jehovah kif jipprovdi l-għajnuna?
16 Biex nikkultivaw ir-rażna għandna bżonn l-għajnuna t’Alla, u din hija disponibbli. Il-Kelma t’Alla, bħal mera perfetta, turina fejn għandna bżonn nagħmlu bidliet persunali u tipprovdi parir fuq kif nagħmlu dan. (Ġakbu 1:22-25) Hemm ukoll il-fratellanza kollha mħabba li tinsab dejjem lesta biex toffri l-għajnuna. L-anzjani Kristjani juru konsiderazzjoni meta joffru għajnuna persunali. Jehovah innifsu jagħti b’mod abbundanti l-ispirtu qaddis tiegħu jekk nitolbu għalih. (Luqa 11:13; Rumani 8:26) Għalhekk, ejja bil-ferħ nużaw dawn il-provvedimenti. Is-suġġerimenti f’paġna 21 jistgħu jkunu t’għajnuna.
17. Liema inkuraġġiment jagħtina Proverbji 24:16?
17 Kemm hu taʼ faraġ li nkunu nafu li Jehovah jgħożż l-isforzi li nagħmlu meta nipprovaw nogħġbuh! Dan għandu jqanqalna biex inkomplu nistinkaw għal iktar rażna. Minkejja kemm-il darba nistgħu naqgħu, qatt m’għandna naqtgħu qalbna fl-isforzi tagħna. “Mqar jekk il-ġust jaqaʼ sebaʼ darbiet, dejjem jerġaʼ jqum.” (Proverbji 24:16) Kull darba li jirnexxilna nirbħu, aħna għandna għalfejn inkunu ferħanin bina nfusna. Nistgħu wkoll inkunu żguri li se nogħġbu lil Jehovah. Wieħed Xhud jgħid li qabel ma ddedika ħajtu lil Jehovah, kull darba li rnexxielu jżomm lura milli jpejjep għal ġimgħa, kien jippremja lilu nnifsu billi jixtri xi ħaġa utli bil-flus li kien ifaddal minħabba r-rażna.
18. (a) X’hemm involut fil-battalja tagħna biex ikollna r-rażna? (b) Liema assiguranza jipprovdi Jehovah?
18 Fuq kollox, għandna niftakru li r-rażna tinvolvi l-moħħ u l-emozzjonijiet. Dan nistgħu narawh mill-kliem taʼ Ġesù: “Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.” (Mattew 5:28; Ġakbu 1:14, 15) Dak li tgħallem jikkontrolla moħħu u s-sentimenti tiegħu se jsibha iktar faċli biex jikkontrolla ġismu kollu. Għalhekk, ejja nsaħħu d-determinazzjoni tagħna biex nevitaw mhux biss li nagħmlu l-ħażen imma anki li naħsbu fuqu. Jekk jiġuk ħsibijiet ħżiena neħħihom mill-ewwel. Nistgħu naħarbu t-tentazzjoni billi bit-talb inżommu għajnejna ffokati fuq Ġesù. (1 Timotju 6:11; 2 Timotju 2:22; Lhud 4:15, 16) Waqt li nagħmlu l-aħjar tagħna, aħna nkunu qed insegwu l-parir taʼ Salmi 55:23 [55:22, NW]: “Ħalli [“t-tagħbija tiegħek,” NW] f’idejn il-Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-ġust jitfixkel.”
Tiftakar Int?
• B’liema żewġ modi għandna neżerċitaw ir-rażna?
• Xi jfisser li teżerċita “r-rażna f’kollox”?
• Liema suġġerimenti prattiċi biex nikkultivaw ir-rażna ħadt nota speċjali tagħhom waqt l-istudju tagħna?
• Ir-rażna fejn tibda?
[Kaxxa/Stampi f’paġna 21]
Kif Issaħħaħ ir-Rażna
• Ikkultivaha anki f’affarijiet żgħar
• Immedita fuq il-benefiċċji preżenti u tal-futur
• Neħħi dak li Alla ma jridx u minflok agħmel affarijiet li hu jinkuraġġixxi
• Iċħad ideat mhux xierqa mill-ewwel
• Imla’ moħħok bi ħsibijiet li jibnu spiritwalment
• Aċċetta l-għajnuna li sħabek Kristjani maturi jistgħu jagħtuk
• Evita sitwazzjonijiet taʼ tentazzjoni
• Itlob għall-għajnuna t’Alla meta jkollok xi tentazzjoni
[Stampi f’paġna18 , 19]
Ir-rażna tqanqalna biex nagħmlu t-tajjeb