LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 6/1 pp. 8-11
  • Kun Ittrasformat fil-Moħħ u Mdawwal fil-Qalb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Ittrasformat fil-Moħħ u Mdawwal fil-Qalb
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘Il-​Mod Kif Jimxu l-​Ġnus’
  • Imħuħ bla Siwi u Mdallmin
  • Qlub Injoranti u Insensittivi
  • “Tilfu Kull Sens Morali”
  • “Ibqgħu Imxu Bħala Tfal tad-Dawl”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Ibqgħu fid-Dawl
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Ibqaʼ Miexi fit-Triq taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Dawl Mingħand Alla Jġib id-Dlam fix-Xejn!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 6/1 pp. 8-11

Kun Ittrasformat fil-Moħħ u Mdawwal fil-Qalb

“Dan, għalhekk, ingħid u nagħti xiehda dwaru fil-​Mulej, li intom ma tibqgħux timxu iktar kif il-​ġnus ukoll jimxu.”—EFESIN 4:17.

1. L-​imħuħ u l-​qlub tagħna x’jagħmlu għalina?

IL-​MOĦĦ u l-​qalb huma tnejn mill-​iktar fakultajiet tal-​għaġeb li jippossjedi l-​bniedem. Għalkemm il-​funzjonijiet tagħhom huma bla għadd, huma nfushom uniċi għal kull individwu. Il-​personalità, il-​kliem, il-​kondotta, l-​emozzjonijiet, u l-​valuri tagħna huma kollha effettwati b’mod profond bil-​mod li bih joperaw l-​imħuħ u l-​qlub tagħna.

2, 3. (a) Il-​Bibbja kif tuża t-​termini “qalb” u “moħħ”? (b) Għala għandna nkunu kkonċernati dwar il-​qalb kif ukoll il-​moħħ?

2 Fil-​Bibbja, il-​“qalb” ġeneralment tirreferi għall-​motivazzjoni, l-​emozzjonijiet, u s-​sentimenti ġewwinin, u l-​“moħħ” għall-​fakultajiet intellettwali u mentali. Madankollu, ma jeskludux wieħed lill-​ieħor. Per eżempju, Mosè ħeġġeġ lill-​Iżraeliti: “Int trid issejjaħ lura f’qalbek [nota taʼ taħt, “trid tiftakar f’moħħok”] li Jehovah hu dak Alla veru.” (Dewteronomju 4:39) Lill-​iskribi li kienu qegħdin jikkonfoffaw kontra tiegħu, Ġesù qal: “Għala qegħdin taħsbu affarijiet mill-​agħar fi qlubkom?”—Mattew 9:4; Mark 2:​6, 7.

3 Dan jindika li l-​moħħ u l-​qalb huma marbutin mill-​qrib. Huma jaħdmu bejniethom, xi drabi billi jirrinforzaw lil xulxin biex jaħdmu bħala ħaġa waħda, imma taʼ spiss jiġġieldu kontra xulxin f’battalja għad-​dominanza. (Mattew 22:37; qabbel Rumani 7:23.) Minħabba dan, biex niksbu l-​favur taʼ Jehovah, aħna mhux biss irridu nkunu ċerti dwar il-​kundizzjoni taʼ mħuħna u taʼ qlubna imma rridu nħarrġuhom ukoll biex jaħdmu flimkien f’armonija, biex jiġbdu fl-​istess direzzjoni. Irridu niġu ttrasformati fil-​moħħ u mdawlin fil-​qalb.—Salm 119:34; Proverbji 3:1.

‘Il-​Mod Kif Jimxu l-​Ġnus’

4. Satana kif influwenza l-​imħuħ u l-​qlub tan-​nies, u b’liema riżultat?

4 Satana huwa mgħallem tal-​qerq u tal-​immanipular. Hu jaf li biex jikseb kontroll fuq in-​nies, irid jimmira lejn l-​imħuħ u l-​qlub tagħhom. Sa mill-​bidunett tal-​istorja umana, ilu juża pjanijiet qarrieqa taʼ kull xorta biex jasal għal dak il-​għan. Bħala riżultat, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​wieħed mill-​agħar.” (1 Ġwann 5:19) Fil-​fatt, Satana tant influwenza b’suċċess il-​qlub u l-​imħuħ tan-​nies tad-​dinja li l-​Bibbja tiddeskrivihom bħala “ġenerazzjoni mgħawġa u milwija.” (Filippin 2:15) L-​appostlu Pawlu jiddeskrivi b’mod ħaj il-​kundizzjoni tal-​qalb u tal-​moħħ taʼ dik il-​ġenerazzjoni mgħawġa u milwija, u kliemu jservi taʼ twissija għalina lkoll illum. Per eżempju, jekk jogħġbok aqra Efesin 4:​17-19, u qabbel dan maʼ kliem Pawlu f’​Rumani 1:21-24.

5. Pawlu għala kiteb pariri qawwijin lill-​Efesin?

5 Nistgħu napprezzaw għala Pawlu kiteb kliem qawwi bħal dan lill-​Kristjani f’Efesu meta niftakru li l-​belt kienet magħrufa għal-​livell baxx tagħha tal-​morali u l-​qima taʼ idoli pagani. Għalkemm il-​Griegi kellhom in-​nies għorrief u l-​filosfi tagħhom, milli jidher l-​edukazzjoni Griega tat lil ħafna min-​nies wisgħa akbar għall-​ħażen, u l-​kultura tagħhom għamlithom biss iżjed raffinati fil-​vizzjijiet tagħhom. Pawlu kien ikkonċernat profondament dwar il-​Kristjani sħabu li kienu jgħixu f’dak l-​ambjent. Kien jaf li ħafna minnhom kienu qabel nies tal-​ġnus u kienu ‘mxew skond is-​sistema taʼ affarijiet taʼ din id-​dinja.’ Imma issa kienu aċċettaw il-​verità. L-​imħuħ tagħhom kienu ġew ittrasformati, u qlubhom kienu ġew imdawlin. Fuq kull ħaġa oħra, Pawlu riedhom ‘jimxu kif jixraq lis-​sejħa.’—Efesin 2:2; 4:1.

6. Għala għandna nkunu interessati fil-​kliem taʼ Pawlu?

6 Is-​sitwazzjoni hija simili llum. Aħna wkoll ingħixu f’dinja taʼ valuri mgħawġin, morali falluti, u prattiċi reliġjużi foloz. Ħafna fostna darba kienu jgħixu skond is-​sistema taʼ affarijiet taʼ did-dinja. Oħrajn fostna jkollhom iħabbtu wiċċhom maʼ nies tad-​dinja ġurnata wara l-​oħra. Uħud igħixu fi djar fejn jiddomina l-​ispirtu tad-​dinja. Huwa, għalhekk, imperattiv li nifhmu t-​tifsir tal-​kliem taʼ Pawlu u nibbenefikaw mill-​pariri tiegħu.

Imħuħ bla Siwi u Mdallmin

7. Pawlu x’ried ifisser bl-​espressjoni “n-​nuqqas taʼ siwi taʼ mħuħhom”?

7 Biex jagħti appoġġ qawwi lill-​eżortazzjoni tiegħu li l-​Kristjani ‘ma jibqgħux jimxu iktar kif il-​ġnus ukoll jimxu,’ Pawlu l-​ewwel semmaʼ “n-​nuqqas taʼ siwi taʼ mħuħhom.” (Efesin 4:17) Dak xi jfisser? Il-​kelma tradotta “nuqqas taʼ siwi,” skond The Anchor Bible, “timplika vojt, għażż, frugħa, bluha, stat taʼ mingħajr skop, u frustrazzjoni.” B’hekk, Pawlu kien qed jindika li l-​fama u l-​glorja tad-​dinja Griega u Rumana setgħu dehru impressjonanti imma l-​ġiri warajhom kien verament fil-​vojt, taʼ bluha, u mingħajr skop. Dawk li tefgħu qlubhom fuq il-​fama u l-​glorja kienu se jispiċċaw b’xejn għajr frustrazzjoni u diżappunt. L-​istess prinċipju japplika wkoll għad-​dinja tal-​lum.

8. L-​isforzi tad-​dinja b’liema modi huma bla siwi?

8 Id-​dinja għandha n-​nies intellettwali u l-​kbarat tagħha li lejhom in-​nies iħarsu għat-​tweġibiet taʼ mistoqsijiet profondi bħalma huma dwar l-​oriġini u l-​iskop tal-​ħajja u d-​destin tal-​umanità. Imma x’dehen u gwida għandhom x’joffru? L-​ateiżmu, l-​agnostiċiżmu, l-​evoluzzjoni, u għadd kbir taʼ ideat u teoriji konfliġġenti oħrajn li jħawdu l-​imħuħ u li ma jdawlu xejn iktar mir-​ritwali u s-​superstizzjonijiet tal-​passat. Ħafna interessi dinjin ukoll jidhru li joffru xi ammont taʼ sodisfazzjon u twettieq. In-​nies jitkellmu dwar suċċess u kisbiet fix-​xjenza, fl-​arti, fil-​mużika, fl-​isport, fil-​politika, u nibqgħu sejrin. Huma jixxalaw fil-​mumenti taʼ glorja qasira tagħhom. Iżda xorta waħda, l-​annali tal-​istorja u l-​kitbiet tal-​lum huma mimlijin b’eroj minsijin. Dan kollu m’hu xejn ħlief vojt, għażż, frugħa, bluha, stat taʼ mingħajr skop, u frustrazzjoni.

9. Lejn liema ġiri bla siwi jduru ħafna nies?

9 Billi jirrikonoxxu n-​nuqqas taʼ siwi taʼ sforzi bħal dawn, ħafna jduru lejn il-​ġiri wara l-​materjaliżmu​—billi jgeddsu l-​flus u jiksbu l-​affarijiet li jistgħu jinxtraw bil-​flus—​u jagħmlu dan il-​ġiri l-​mira fil-​ħajja tagħhom. Huma konvinti li l-​kuntentizza tiġi mill-​għana, mill-​affarijiet li jippossjedu, u mill-​ġiri wara l-​pjaċiri. Mhux biss jitfgħu moħħhom fuq dan imma jkunu lesti li jissagrifikaw kollox​—is-​saħħa, il-​familja, saħansitra l-​kuxjenza. X’inhu r-​riżultat? Minflok ma jħossuhom sodisfatti, huma “nifdu lilhom infushom minn fuq s’isfel b’ħafna weġgħat.” (1 Timotew 6:10) Mhux taʼ b’xejn li Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu biex ma jibqgħux jimxu bħalma jimxu l-​ġnus minħabba n-​nuqqas taʼ siwi taʼ dik il-​linja taʼ ħsieb.

10. In-​nies tad-​dinja kif inhuma “fid-​dlam mentalment”?

10 Biex juri li d-​dinja m’għandha xejn denju biex tixtiequ jew timitah, Pawlu mbagħad qal li “huma fid-​dlam mentalment.” (Efesin 4:18) M’għandniex xi ngħidu, id-​dinja tassew li għandha nies intelliġenti u mimlijin għarfien fi kważi kull qasam taʼ ħila. Madankollu, Pawlu qal li huma fid-​dlam mentalment. Għala? Ir-​rimarki tiegħu m’humiex dwar il-​kapaċità u l-​abbiltà mentali tagħhom. It-​terminu “moħħ” jistaʼ jirreferi wkoll għaċ-​ċentru taʼ dehen uman, il-​post tal-​fehma, il-​bniedem ġewwieni. Huma qegħdin fid-​dlam għaliex m’għandhom ebda dawl taʼ gwida jew sens taʼ direzzjoni fl-​isforzi tagħhom. Dan jistaʼ jidher fis-​sens imċajpar tagħhom tat-​tajjeb u l-​ħażin. In-​nies jistgħu jaħsbu li l-​mentalità tal-​lum taʼ li ma tiġġudika lil ħadd, li xejn m’hu xejn, hija mdawla, imma hija verament mentalità mdallma, skond Pawlu. Spiritwalment, qegħdin iteftfu ’l hawn u ’l hemm fi dlam totali.—Ġob 12:25; 17:12; Isaija 5:20; 59:6-10; 60:2; qabbel Efesin 1:17, 18.

11. X’inhi l-​kawża tad-​dlam mentali fid-​dinja?

11 Għala hu li n-​nies jistgħu jkunu intelliġenti, saħansitra brillanti, f’tant affarijiet u madankollu jkunu fi dlam spiritwali? Fit-​2 Korintin 4:​4, Pawlu tana t-​tweġiba: “L-​alla taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet għama l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex id-​dawl tal-​aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu, li hu x-​xbiha t’Alla, jistaʼ ma jiddix.” X’barka prezzjuża hi li dawk li jħaddnu l-​aħbar tajba glorjuża saru ttrasformati fil-​moħħ u mdawlin fil-​qalb!

Qlub Injoranti u Insensittivi

12. Id-​dinja b’liema mod hi ‘maqtugħa mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla’?

12 Biex igħinna naraw iżjed għala għandna nkunu ttrasformati fil-​moħħ u mdawlin fil-​qalb, Pawlu dderieġa l-​attenzjoni tagħna lejn il-​fatt li l-​mogħdija tad-​dinja hi “maqtugħa mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla.” (Efesin 4:18) Mhux għax in-​nies m’għadhomx jemmnu f’Alla jew għax saru kompletament mingħajr Alla. Kittieb f’gazzetta poġġieha b’dan il-​mod: “Minflok ‘godless’ [alla nieqes], ejjew nivvintaw frażi ġdida: ‘less-God’ [inqas Alla]. Nies taʼ inqas Alla jridu l-​prosit talli jemmnu f’Alla fil-​waqt li fl-​istess ħin iżommuH f’kaxxa, u joħorġuH biss il-​Ħadd fil-​għodu u qatt ma jħalluH jinfluwenza l-​ħarsa tagħhom tad-​dinja politika jew il-​ħajjiet persunali tagħhom minn Ħadd sa Ħadd. [Huma] xi ftit jew wisq jemmnu f’Alla imma ma jaħsbux li Hu għandu wisq xi jgħid dwar is-​soċjetà moderna.” Pawlu poġġieha b’dan il-​mod fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani: “Għalkemm kienu jafu lil Alla, ma gglorifikawhx bħala Alla u lanqas ma rringrazzjawh.” (Rumani 1:21) Kuljum naraw nies li jgħixu ħajjithom mingħajr ma jaħsbu qatt f’Alla. Ċertament, huma ma jagħtu l-​ebda unur jew ringrazzjament lilu.

13. X’inhi “l-​ħajja li tappartjeni lil Alla”?

13 L-​espressjoni “l-​ħajja li tappartjeni lil Alla” hija waħda sinjifikanti. Turi wkoll kif id-​dlam mentali u spiritwali jħawwad is-​sens taʼ valuri tan-​nies. Il-​kelma Griega tradotta “ħajja” hawn m’hijiex biʹos (li minnha jiġu l-​kelmiet “bijoloġija,” “bijografija”), li tfisser mod taʼ ħajja, jew stil taʼ ħajja. Minflok, hija zo·eʹ (li minnha jiġu kelmiet bħal “zoo,” “żololoġija”). Tfisser “ħajja bħala prinċipju, ħajja fis-​sens assolut, ħajja kif għandu Alla. . . . Minn din il-​ħajja l-​bniedem sar maqtugħ minħabba il-​Waqgħa,” skond il-​Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words. B’hekk, Pawlu kien qed igħidilna li d-​dlam mentali u spiritwali mhux biss wassal lin-​nies tad-​dinja għal korruzzjoni fil-​laħam imma wkoll firidhom mit-​tama taʼ ħajja taʼ dejjem li Alla jestendi. (Galatin 6:8) Dan għala? Pawlu ssokta jgħidilna r-​raġunijiet.

14. X’inhi raġuni waħda għala d-​dinja hija maqtugħa mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla?

14 L-​ewwelnett, hu qal li hu “minħabba l-​injoranza li tinsab fihom.” (Efesin 4:18) Il-​frażi “li tinsab fihom” tenfasizza li l-​injoranza mhix minħabba n-​nuqqas taʼ opportunità imma minħabba ċaħda apposta taʼ għarfien t’Alla. Traduzzjonijiet oħrajn taʼ din il-​frażi huma: “ir-​rifjut inerenti tagħhom li jkunu jafu lil Alla” (The Anchor Bible); “mingħajr għarfien għaliex għalqu lil qlubhom għalih” (Jerusalem Bible). Minħabba li huma jirrifjutaw, jew iwarrbu apposta, il-​għarfien eżatt dwar Alla, m’għandhom ebda bażi biex jiksbu x-​xorta taʼ ħajja li Jehovah jestendi lil dawk li jeżerċitaw fidi f’Ibnu, li qal: “Dan ifisser il-​ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.”—Ġwann 17:3; 1 Timotew 6:19.

15. X’jikkontribwixxi lejn li did-dinja tkun maqtugħa mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla?

15 Raġuni oħra għala d-​dinja inġenerali hija maqtugħa mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla, skond Pawlu, hi “minħabba li qlubhom ma jħossux.” (Efesin 4:18) “Ma jħossux” hawn bażikament tfisser imwebbsin, qishom mimlijin bil-​kallijiet. Aħna lkoll nafu kif jiżżviluppaw il-​kallijiet. Il-​ġilda tistaʼ għall-​ewwel tkun ratba u sensittiva, imma jekk tiġi b’mod ripetut esposta għal ċerta pressjoni jew tħakkik, hija tibbies u teħxien, billi tifforma kallu. Ma tibqax tħoss l-​irritazzjoni. Bl-​istess mod, in-​nies ma jitwildux b’qalb iebsa jew bil-​kallu biex awtomatikament ikunu indifferenti lejn Alla. Imma għaliex ingħixu fid-​dinja u esposti għall-​ispirtu tagħha, ma jdumx wisq biex il-​qalb trabbi kallu jew tibbies jekk ma tiġix imħarsa. Kien għalhekk li Pawlu wissa: “Attenti . . . minħabba l-​biżaʼ li xi wieħed minnkom jitwebbes mill-​qawwa qarrieqa tad-​dnub.” (Ebrej 3:7-13; Salm 95:8-10) Kemm hu urġenti, għalhekk, li nibqgħu ttrasformati fil-​moħħ u mdawlin fil-​qalb!

“Tilfu Kull Sens Morali”

16. X’inhi l-​konsegwenza tad-​dlam mentali u l-​qtugħ taʼ did-dinja mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla?

16 Il-​konsegwenza taʼ dan id-​dlam u dan il-​qtugħ hi miġbura fil-​qosor fil-​kliem li ssokta jgħid Pawlu: “Billi tilfu kull sens morali, taw lilhom infushom għal kondotta laxka biex jagħmlu ħmieġ taʼ kull xorta b’regħba.” (Efesin 4:19) L-​espressjoni “billi tilfu kull sens morali” litteralment tfisser “ma baqgħux iħossu wġigħ,” uġigħ morali. Dan hu l-​mod kif issir qalb bil-​kallu. Ladarba ma tibqax tħoss tingiż taʼ kuxjenza u sens taʼ responsabbiltà quddiem Alla, ma jibqaʼ iżjed l-​ebda rażan. B’hekk, Pawlu qal li huma “taw lilhom infushom” għal kondotta laxka u ħmieġ. Huwa pass volontarju u apposta. “Kondotta laxka,” kif użata fil-​Bibbja, tindika attitudni sfaċċata u bla mistħija, li tisfida l-​liġi u l-​awtorità. Bl-​istess mod, “ħmieġ taʼ kull xorta” jinkludi mhux biss perverżjonijiet sesswali imma wkoll l-​affarijiet baxxi li jsiru f’isem ir-​reliġjon, bħalma huma r-​riti u ritwali tal-​fertilità li kienu jsiru fit-​tempju taʼ Artemis f’Efesu, li dwarhom il-​qarrejja taʼ Pawlu kienu jafu tajjeb.—Atti 19:27, 35.

17. Pawlu għala qal li n-​nies li tilfu kull sens morali jidinbu “b’regħba”?

17 Għax bħal li kieku li ntefgħu bla rażan f’kondotta laxka u ħmieġ taʼ kull xorta ma kienx ħażin biżżejjed, Pawlu jżid li persuni bħal dawn jaġixxu “b’regħba.” Meta nies li għad għandhom miżura taʼ sens morali jikkommettu xi dnub, jistgħu għall-​anqas iħossu rimors u jipprovaw iebes biex ma jirrepetuhx. Imma dawk li “tilfu kull sens morali” jidinbu “b’regħba” (“u xorta jkunu jridu iżjed,” The Anchor Bible). Kummentatur tar-​radju darba poġġieha b’dan il-​mod: “Jekk tiżbogħ il-​belt ħamra l-​lejla, għandek bżonn barmil akbar u pinzell akbar għal għada fil-​għaxija.” Huma bil-​ħeġġa jidħlu f’barma ’l isfel vizzjuża sakemm jegħrqu sal-​iktar profonditajiet tal-​ħażen​—u qisu ma ġara xejn. Xi stampa eżatta tar-​“rieda tal-​ġnus”!—1 Pietru 4:3, 4.

18. Fil-​qosor, Pawlu liema xorta taʼ stampa ppreżenta tal-​istat mentali u spiritwali tad-​dinja?

18 F’biss tliet versi, Efesin 4:17-19, Pawlu b’hekk jikxef l-​istat morali u spiritwali veru tad-​dinja. Hu jindika li l-​ideat u t-​teoriji avvanzati min-​nies għorrief tad-​dinja u l-​ġiri sfrenat wara l-​għana u l-​pjaċiri huma kompletament bla siwi. Hu jagħmel ċar li minħabba d-​dlam mentali u spiritwali, id-​dinja tinsab f’tajn morali, fil-​waqt li togħdos dejjem ’l isfel. Fl-​aħħarnett, minħabba l-​injoranza u l-​insensibilità li ġabet fuqha nfisha, id-​dinja saret maqtugħa b’mod bla tama mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla. Ċertament, aħna għandna raġunijiet tajbin biex ma nibqgħux nimxu bħalma jagħmlu l-​ġnus!

19. Liema mistoqsijiet essenzjali għadhom iridu jiġu kkunsidrati?

19 Ladarba huwa d-​dlam fil-​moħħ u fil-​qalb li jikkaġuna lid-​dinja biex issir maqtugħa minn Alla Jehovah, kif nistgħu neliminaw id-​dlam kollu mill-​imħuħ u mill-​qlub tagħna? Iva, x’għandna nagħmlu biex inkomplu nimxu bħala wlied tad-​dawl u nibqgħu ngawdu l-​favur t’Alla? Dan se jiġi kkunsidrat fl-​artiklu li jmiss.

[Tistaʼ Tispjega]

◻ X’kien li qanqal il-​parir qawwi taʼ Pawlu f’​Efesin 4:17-19

◻ Il-​mogħdijiet tad-​dinja għala huma bla siwi u fid-​dlam

◻ Xi tfisser l-​espressjoni “maqtugħin mill-​ħajja li tappartjeni lil Alla”?

◻ X’Inhuma l-​konsegwenzi taʼ moħħ imdallam u qalb insensittiva?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja