-
Eħilsu minn kull idea li tmur kontra t-tagħlim t’Alla!It-Torri tal-Għassa (Studju)—2019 | Ġunju
-
-
‘IĠĠEDDU FIL-FORZA LI QED TQANQAL LIL MOĦĦKOM’
7. Kif nistgħu nibdlu dak li aħna minn ġewwa?
7 Huwa possibbli li nibdlu x-xewqat bażiċi tagħna jew min tassew aħna minn ġewwa? Il-Kelma t’Alla twieġeb: ‘Iġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom, u ilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’ (Efes. 4:23, 24) Iva, possibbli nibdlu dak li aħna minn ġewwa, imma mhux faċli nagħmlu dan. Għandna bżonn nagħmlu iktar milli rrażżnu xewqat u azzjonijiet ħżiena. Jeħtieġ li nibdlu ‘l-forza li qed tqanqal lil moħħna.’ Dan jinvolvi li nibdlu x-xewqat, l-imġiba, u r-raġunijiet tagħna għala nagħmlu l-affarijiet. Dan jeħtieġ azzjoni kontinwa.
8-9. L-esperjenza taʼ wieħed ħu kif tenfasizza l-bżonn li ninbidlu minn ġewwa?
8 Ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ ħu li kien persuna vjolenti fil-passat. Wara li waqaf jixrob u jiġġieled, hu kkwalifika għall-magħmudija u ta xhieda mill-aħjar fil-komunità żgħira fejn kien jgħix. Iżda lejla waħda, ftit wara li tgħammed, hu ġie ttestjat b’mod li ma stenniex. Sakranazz ġie għandu u sfidah għal ġlieda. Għall-ewwel ħuna rreżista l-ħeġġa li ġietu biex jiġġieled. Imma meta r-raġel fl-aħħar dagħa bl-isem taʼ Ġeħova, ħuna ma felaħx iżomm. Hu ħareġ u ta xebgħa kif kien imiss lir-raġel. X’kienet il-problema? Għalkemm l-istudju tal-Bibbja tiegħu kien għenu jrażżan it-tendenzi vjolenti tiegħu, kien għadu mhux kapaċi jbiddel il-forza li tqanqal lil moħħu. Fi kliem ieħor, ma biddilx dak li verament kien minn ġewwa.
9 Madankollu, il-ħu ma qatax qalbu. (Prov. 24:16) Bl-għajnuna tal-anzjani, kompla miexi ’l quddiem. Fl-aħħar ikkwalifika għal anzjan. Imbagħad lejla waħda, eżatt ħdejn is-Sala tas-Saltna, ġie wiċċ imb wiċċ maʼ sfida simili għal dik li ffaċċja snin qabel. Sakranazz kien se jagħti xebgħa tajba lil wieħed mill-anzjani l-oħra. X’għamel ħuna? B’mod kalm u umli, hu rraġuna mar-raġel fis-sakra, mewwet it-tensjoni, u anke għenu jasal id-dar. X’kien ġara? Ħuna kien biddel il-forza li tqanqal lill-moħħ. Fil-fond taʼ qalbu, hu kien inbidel f’persuna paċifika u umli—kollox għat-tifħir taʼ Ġeħova!
10. X’inhu involut f’li nagħmlu dawn il-bidliet?
10 Bidliet bħal dawn ma jseħħux mil-lum għal għada; lanqas ma jsiru malajr u mingħajr sforzi. Forsi jkollna bżonn nagħmlu “sforz ħerqan” għal tul taʼ snin. (2 Pt. 1:5) Ma jfissirx li għax ilna s-snin “fil-verità” allura għamilna l-bidliet kollha. Aħna jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inbiddlu dak li aħna minn ġewwa. Xi passi bażiċi se jgħinuna nagħmlu din il-bidla. Ejja naraw uħud minnhom.
KIF INBIDDLU L-FORZA LI TQANQAL LIL MOĦĦNA
11. It-talb kif jgħinna nbiddlu l-forza li tqanqal lil moħħna?
11 It-talb hu l-ewwel pass importanti. Għandna bżonn nitolbu bħalm’għamel is-salmista: “Oħloq fija qalb pura, O Alla, u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” (Salm 51:10) Għandna nammettu li neħtieġu nbiddlu l-forza li tqanqal lil moħħna u nitolbu l-għajnuna taʼ Ġeħova. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nagħmlu l-bidla? Nistgħu niġu inkuraġġiti bil-wegħda taʼ Ġeħova lill-Iżraelin stinati fi żmien Eżekjel: “Nagħtihom qalb waħda, u ndaħħal fihom spirtu ġdid . . . u nagħtihom qalb tal-laħam,” jiġifieri, waħda lesta li ssegwi l-gwida t’Alla. (Eżek. 11:19) Ġeħova kien lest li jgħin lil dawk l-Iżraelin biex jinbidlu, u hu lest li jgħin lilna wkoll.
12-13. (a) Skont Salm 119:59, fuq xiex għandna bżonn nimmeditaw? (b) X’mistoqsijiet għandek tistaqsi lilek innifsek?
12 Il-meditazzjoni hi t-tieni pass vitali. Aħna u naqraw bir-reqqa l-Kelma t’Alla kuljum, jeħtieġ li nieħdu l-ħin biex nimmeditaw, jew naħsbu fil-fond, dwar liema ħsibijiet u sentimenti għandna bżonn inbiddlu. (Aqra Salm 119:59; Ebr. 4:12; Ġak. 1:25) Aħna għandna nidentifikaw kwalunkwe tendenza li jistaʼ jkollna biex ninġibdu lejn l-ideat tad-dinja. Għandna nammettu onestament x’inhuma d-dgħufijiet tagħna u mbagħad naħdmu iebes biex neħilsu minnhom.
13 Pereżempju, staqsi lilek innifsek: ‘Hemm xi traċċa taʼ għira f’qalbi?’ (1 Pt. 2:1) ‘Inħossni kburi, anke jekk ftit, minħabba t-trobbija, l-edukazzjoni, jew l-istat finanzjarju tiegħi?’ (Prov. 16:5) ‘Inħossni aħjar minn dawk li m’għandhomx l-affarijiet li għandi jien jew li huma taʼ razza differenti?’ (Ġak. 2:2-4) ‘Inħossni miġbud lejn dak li għandha x’toffri d-dinja taʼ Satana?’ (1 Ġw. 2:15-17) ‘Nieħu pjaċir b’divertiment immorali u vjolenti?’ (Salm 97:10; 101:3; Għam. 5:15) It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet personali jistgħu jġegħluk tirrealizza fuq xiex għandek bżonn taħdem. Billi negħlbu dak li jistaʼ jidher bħala raġunar ‘stabbilit fis-sod’ f’qalbna, aħna se nogħġbu lil Missierna tas-sema.—Salm 19:14.
14. Għala hu tant importanti li nagħżlu ħbieb tajbin?
14 Li nagħżlu ħbieb tajbin hu t-tielet pass meħtieġ. Nirrealizzawx jew le, aħna influwenzati bil-kbir minn dawk li nkunu magħhom. (Prov. 13:20) Fuq ix-xogħol jew l-iskola, x’aktarx li nkunu mdawrin b’dawk li ma jgħinuniex niżviluppaw ħsibijiet li jogħġbu lil Alla. Madankollu, nistgħu nsibu l-aħjar nies li nistgħu nkunu ħbieb magħhom fil-laqgħat Kristjani tagħna. Proprju hemm nistgħu niġu mmotivati, jew imqanqlin, għall-“imħabba u l-għemejjel tajbin.”—Ebr. 10:24, 25.
-