Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
3-9 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | GALATIN 4-6
“‘Dramm simboliku’ b’tifsir għalina”
it-1 1018 ¶2
Ħagar
Skont l-appostlu Pawlu, Ħagar kienet fi dramm simboliku u kienet tirrappreżenta n-nazzjon taʼ Iżrael li kien marbut maʼ Ġeħova bil-patt tal-Liġi. Dan ġie inawgurat fuq il-Muntanja Sinaj u ġab “it-tfal għall-jasar.” Minħabba l-kundizzjoni midinba tan-nies, in-nazzjon ma rnexxilux iżomm mal-liġijiet taʼ dan il-patt. Taħtu, l-Iżraelin ma sarux poplu ħieles imma ġew ikkundannati bħala midinbin li jistħoqqilhom il-mewt; għalhekk, kienu lsiera. (Ġw 8:34; Rum 8:1-3) Ġerusalemm, bħala l-belt kapitali fi żmien Pawlu, kienet tirrappreżenta l-organizzazzjoni taʼ Iżrael naturali. Allura, Ġerusalemm kienet ekwivalenti għal Ħagar, li spiċċat bħala lsira mat-tfal tagħha. Madankollu, il-Kristjani midlukin huma t-tfal taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” il-mara simbolika t’Alla. Din, bħal Sara l-ħielsa, qatt ma kienet lsira. Imma bħalma Iżakk ġie ppersegwitat minn Ismagħel, hekk ukoll it-tfal taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” li nħelsu permezz tal-Iben, ġew ippersegwitati mit-tfal taʼ Ġerusalemm l-ilsira. Madankollu, Ħagar u binha tkeċċew, u dan jirrappreżenta lil Ġeħova meta warrab lil Iżrael naturali bħala nazzjon.—Ga 4:21-31; ara wkoll Ġw 8:31-40.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
Kont taf?
L-appostlu Pawlu għal xiex kien qed jirreferi meta qal li ġarr fuq ġismu ‘l-marki li ttimbrawh bħala lsir taʼ Ġesù’?—Galatin 6:17.
▪ Il-kliem taʼ Pawlu setaʼ kien ifisser diversi affarijiet għal dawk fl-udjenza tal-ewwel seklu. Pereżempju, fil-qedem kienet tintuża ħadida tikwi biex tidentifika priġunieri tal-gwerra, ħallelin tat-tempji, u lsiera li kienu jaħarbu. Meta kienet tintuża fuq in-nies b’dan il-mod, din il-marka kienet tiġi kkunsidrata bħala diżunur.
Imma marki bħal dawn mhux dejjem kienu jiġu meqjusin b’mod negattiv. Ħafna nies fl-antik kienu jużawhom biex juru li kienu membri taʼ tribù speċifiku jew taʼ reliġjon partikulari. Pereżempju, skont it-Theological Dictionary of the New Testament, “is-Sirjani kienu jiddedikaw lilhom infushom lill-allat Ħadad u Atargatis billi kienu jagħmlu sinjali fuq il-polz jew f’għonqhom . . . Dawk li kienu jkunu devoti lejn Djonisju kien ikollhom marka taʼ werqa tal-liedna.”
Ħafna kummentaturi taʼ żmienna jassumu li Pawlu kien qed jirreferi għal marki li kellu minħabba abbuż fiżiku matul l-attività missjunarja tiegħu bħala Kristjan. (2 Korintin 11:23-27) Imma jistaʼ jkun li Pawlu kien qed jirreferi għall-mod kif kien jgħix li identifikah bħala Kristjan, u mhux għal marki letterali.
10-16 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | EFESIN 1-3
“L-amministrazzjoni taʼ Ġeħova u x-xogħol tagħha”
it-2 837 ¶4
Sigriet sagru
Is-Saltna Messjanika. Fil-kitbiet tiegħu, Pawlu jagħti stampa ċara tar-rivelazzjoni tas-sigriet sagru taʼ Kristu. F’Efesin 1:9-11, hu jispjega li Alla rrivela x’inhu “s-sigriet sagru” tar-rieda tiegħu, u jgħid: “Dan hu skond l-iskop li għoġbu jfassal fih innifsu għal amministrazzjoni fil-milja taż-żminijiet stabbiliti, jiġifieri, li jerġaʼ jiġbor kollox flimkien fil-Kristu, kulma hemm fis-smewwiet u kulma hemm fuq l-art. Iva, fih, u f’unjoni miegħu konna maħturin ukoll bħala werrieta, billi ġejna determinati minn qabel skond l-iskop taʼ dak li jmexxi kollox kif tiddeċiedi r-rieda tiegħu.” Dan “is-sigriet sagru” jinvolvi gvern, is-Saltna Messjanika t’Alla. “Kulma hemm fis-smewwiet,” li Pawlu jagħmel referenza għalihom, huma dawk li jistgħu jkunu werrieta taʼ dik is-Saltna tas-sema maʼ Kristu. “Kulma hemm fuq l-art,” jirreferi għas-sudditi li se jkollu fuq l-art. Meta Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lilkom ngħata s-sigriet sagru tas-saltna t’Alla,” hu kien qed jurihom li s-sigriet sagru kellu x’jaqsam mas-Saltna.—Mk 4:11.
17-23 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | EFESIN 4-6
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-1 1128 ¶3
Il-qdusija
L-ispirtu qaddis. Il-forza attiva, jew l-ispirtu, taʼ Ġeħova hi taħt il-kontroll tiegħu u dejjem twettaq l-iskop tiegħu. Hi nadifa, pura, sagra, u tinżamm biex Alla jużaha b’mod tajjeb. Għalhekk tissejjaħ “l-ispirtu qaddis” u “l-ispirtu tal-qdusija.” (Sa 51:11; Lq 11:13; Rum 1:4; Ef 1:13) Meta l-ispirtu qaddis jaħdem fuq persuna jkun forza li jgħinha tkun qaddisa u nadifa. Kwalunkwe prattika li mhix nadifa jew li hi ħażina titqies bħala li qed tirreżisti jew ‘tnikket’ lil dak l-ispirtu. (Ef 4:30) Għalkemm l-ispirtu qaddis mhux persuna, dan juri l-personalità qaddisa t’Alla u b’hekk jistaʼ ‘jitnikket.’ Kull prattika ħażina għandha t-tendenza li “titfi n-nar taʼ l-ispirtu.” (1Te 5:19) Jekk prattika bħal din tkompli għaddejja, l-ispirtu qaddis t’Alla bħallikieku ‘jweġġaʼ,’ u dan jistaʼ jwassal biex Alla jinbidel f’għadu tal-wieħed ribelluż. (Is 63:10) Persuna li tnikket l-ispirtu qaddis tistaʼ tasal sal-punt li tidgħi kontrih. Ġesù Kristu qal li dan id-dnub la se jinħafer f’din is-sistema u lanqas f’dik li ġejja.—Mt 12:31, 32; Mk 3:28-30.
it-1 1006 ¶2
Ir-regħba
Tidher fl-azzjonijiet. Ir-regħba se toħroġ fil-beraħ meta tidher ix-xewqa ħażina u esaġerata tal-persuna. Il-kittieb tal-Bibbja Ġakbu jgħidilna li xewqa ħażina, meta ssir fertili, tiled id-dnub. (Ġk 1:14, 15) Il-persuna rgħiba għalhekk tistaʼ tintgħaraf mill-azzjonijiet tagħha. L-appostlu Pawlu jgħid li meta persuna tkun rgħiba, din tkun idolatra. (Ef 5:5) Il-persuna rgħiba tagħmel l-alla tagħha dik il-ħaġa li tixtieq, billi tpoġġiha qabel is-servizz u l-qima tagħha lejn il-Ħallieq.—Rum 1:24, 25.
24-30 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | FILIPPIN 1-4
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
it-2 528 ¶5
Offerti
Offerti tax-xorb. L-offerti tax-xorb kienu jiġu offruti flimkien mal-biċċa l-kbira tal-offerti l-oħra, speċjalment wara li l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda. (Nu 15:2, 5, 8-10) Dan kien jikkonsisti fi nbid (“xorb li jsakkar”) u kien jitferraʼ fuq l-artal. (Nu 28:7, 14; qabbel Eżo 30:9; Nu 15:10.) L-appostlu Pawlu kiteb lill-Kristjani ġo Filippi: “Jekk qed niġi mferraʼ bħal offerta tax-xorb fuq is-sagrifiċċju u s-servizz pubbliku li l-fidi wasslitkom għalihom, jien kuntent.” Hawnhekk hu uża l-eżempju t’offerta tax-xorb biex jesprimi kemm kien lest li jagħti minnu nnifsu biex jgħin lill-Kristjani sħabu. (Flp 2:17) Ftit qabel ma miet, hu kiteb lil Timotju: “Qed niġi mferraʼ bħal offerta tax-xorb, u l-waqt biex ninħeles qorob ħafna.”—2Ti 4:6.