LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 6/15 pp. 4-7
  • Il-Problemi tal-Bniedem—Dalwaqt Se Jispiċċaw!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Problemi tal-Bniedem—Dalwaqt Se Jispiċċaw!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kollox Jerġaʼ Jinġabar taħt Kristu
  • Jippermetti l-​Ħażen għal Xi Żmien
  • “Minn Qabel il-​Ħolqien tad-​Dinja”
  • Min Se Jġib Serħan?
  • Ħelsien b’Fidwa
  • “Is-​Sigriet Sagru” t’Alla
  • L-Iskop taʼ Jehovah Jirnexxi b’Mod Glorjuż
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Għamilt Int l-Għeruq u Stabbilit Int fuq il-Pedament?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Amministrazzjoni biex Jitwettaq l-Iskop t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 6/15 pp. 4-7

Il-​Problemi tal-​Bniedem—Dalwaqt Se Jispiċċaw!

“L-​GĦAJNUNA umanitarja jkollha valur limitat jekk ma tkunx parti minn pjan strateġiku u politiku iktar mifrux li hu mmirat biex jittratta l-​għeruq tal-​konflitti. L-​esperjenza wriet kemm-il darba li l-​għajnuna umanitarja biss ma tistax issolvi l-​problemi li primarjament huma taʼ natura politika.”​—The State of the World’s Refugees 2000.

Minkejja l-​għajnuna umanitarja enormi, il-​problemi tal-​bniedem qed jikbru b’mod inevitabbli. X’ċans hemm li tinstab soluzzjoni politika dejjiema? Ngħiduha kif inhi, ftit li xejn. Imma fejn nistgħu nfittxu iktar? F’silta sinifikanti fil-​bidu taʼ l-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Efesu, l-​appostlu Pawlu jispjega kif Alla se jtemm il-​problemi kollha tal-​bniedem. Hu saħansitra jindika liema aġenzija se juża Alla biex jagħmel dan—aġenzija li se tittratta l-​għeruq tal-​problemi kollha li jnikktuna llum. Għala ma tikkunsidrax dak li Pawlu għandu xi jgħid? Din is-​silta tinsab f’Efesin 1:​3-10.

Kollox Jerġaʼ Jinġabar taħt Kristu

L-​iskop t’Alla, jgħid l-​appostlu, hu dik li hu jsejħilha “[“amministrazzjoni,” “NW,” jew immaniġġar taʼ l-​affarijiet] meta tasal il-​milja taż-​żminijiet.” Dan xi jfisser? Ifisser li Alla stabbilixxa żmien meta hu se jaġixxi b’tali mod ‘li kollox [jerġaʼ] jinġabar taħt Kristu, kull ma hu fis-​sema u kull ma hu fl-​art.’ (Efesin 1:10) Iva, Alla ta bidu għal arranġament biex iġib lura kull ma hu fis-​sema u fuq l-​art fi qbil taħt il-​kontroll dirett tiegħu. Huwa interessanti li dwar it-​terminu li ġie tradott hawn bħala ‘jerġaʼ jinġabar,’ J. H. Thayer, studjuż Bibliku, jinnota: “Jerġaʼ jiġbor għalih innifsu . . . l-​affarijiet u l-​esseri kollha (li s’issa kienu mifrudin minħabba d-​dnub) fi stat magħqud wieħed taʼ sħubija fi Kristu.”

Dan jindika kemm Alla kellu bżonn jagħmel dan minħabba l-​mod kif inħoloq nuqqas t’għaqda fil-​bidu. Kmieni fl-​istorja tal-​bniedem, il-​ġenituri oriġinali tagħna, Adam u Eva, segwew lil Satana x-​Xitan u rribellaw kontra Alla. Riedu l-​indipendenza ħalli jkollhom id-​dritt jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ġenesi 3:​1-5) Fi qbil mal-​ġustizzja divina, huma tkeċċew mill-​familja t’Alla u tilfu s-​sħubija tagħhom miegħu. Tefgħu lill-​umanità fl-​imperfezzjoni bil-​konsegwenzi terribbli kollha li qed inġarrbu llum.—Rumani 5:12.

Jippermetti l-​Ħażen għal Xi Żmien

‘Alla għala ħalliehom jagħmlu dan?’ xi wħud għandhom mnejn jistaqsu. ‘Għala m’użax sempliċement il-​qawwa suprema tiegħu biex jara li ssir ir-​rieda tiegħu, u b’hekk jiffrankalna l-​uġigħ u t-​tbatija kollha li qed inġarrbu issa?’ Tistaʼ tiġina t-​tentazzjoni li naħsbu b’dan il-​mod. Imma x’kien se juri billi juża l-​qawwa kbira tiegħu? Tammira int jew tapprova lil xi ħadd li maʼ l-​ewwel sinjal taʼ nuqqas taʼ qbil jaqbad u jeħles minn min ikun opponieh għaliex għandu l-​poter li jagħmel hekk? Żgur li le!

Dawk ir-​ribelli ma sfidawx propjament il-​qawwa kbira taʼ Jehovah. Partikolarment, huma iżjed sfidaw id-​dritt tiegħu li jaħkem u l-​mod rett taʼ kif jaħkem. Biex jaqtaʼ darba għal dejjem il-​kwistjonijiet fundamentali li qamu, Jehovah ħalla lill-​ħlejjaq tiegħu jmexxu l-​affarijiet tagħhom stess mingħajr il-​kontroll dirett tiegħu għal żmien limitat. (Koħèlet 3:1; Luqa 21:24) Meta jiskadi dak iż-​żmien, hu se jindaħal biex jerġaʼ jeżerċita kontroll sħiħ fuq l-​art. Sa dakinhar, se jkun ċar daqs il-​kristall li l-​mod tiegħu kif jaħkem hu l-​uniku mod li jiggarantixxi paċi, hena, u prosperità dejjiema għall-​abitanti taʼ l-​art. Imbagħad, dawk kollha fid-​dinja li jħobbu jaħqru lin-​nies se jitneħħew min-​nofs għal dejjem.—Salm 72:​12-14; Danjel 2:44.

“Minn Qabel il-​Ħolqien tad-​Dinja”

Jehovah kellu l-​iskop li jagħmel dan kollu ħafna żmien ilu. Pawlu jsemmi “minn qabel il-​ħolqien tad-​dinja.” (Efesin 1:4) Dan ma kienx qabel il-​ħolqien taʼ l-​art jew taʼ Adam u Eva. Dik id-​dinja kienet ‘tajba ħafna,’ u kienet għadha ma saritx ir-​ribelljoni. (Ġenesi 1:31) Allura, għal liema “dinja” kien qed jirreferi l-​appostlu Pawlu? Għad-​dinja taʼ wlied Adam u Eva—dinja taʼ bnedmin midinbin u imperfetti bil-​prospett li jiġu mifdijin. Qabel ma tweldulhom it-​tfal, Jehovah kien diġà jaf kif kien se jittratta s-​sitwazzjoni biex jipprovdi serħan għad-​dixxendenti taʼ Adam li setgħu jinfdew.—Rumani 8:​20, 21a (8:​20, NW).

M’għandniex xi ngħidu, dan ma jissuġġerix li s-​Sovran taʼ l-​univers għandu jittratta l-​affarijiet kif jittrattawhom il-​bnedmin. Il-​bnedmin jirrikonoxxu li tistaʼ tinqalaʼ xi emerġenza, u jippjanaw diversi strateġiji dettaljati biex jittrattaw is-​sitwazzjoni. Imma mhux Alla li jistaʼ kollox. Hu sempliċement jgħid x’inhu l-​iskop tiegħu u jwettqu. Minkejja dan, Pawlu fil-​fatt jispjega kif Jehovah iddeċieda li jsolvi l-​kwistjoni sabiex iġib serħan għal dejjem lill-​umanità. X’miżuri ħa?

Min Se Jġib Serħan?

Pawlu jispjega li d-​dixxipli taʼ Kristu midlukin bl-​ispirtu għandhom l-​irwol speċjali li jsewwu l-​ħsara kollha li ġiet kaġunata mid-​dnub taʼ Adam. Jehovah “għażilna fih [fi Kristu],” jgħid Pawlu, biex naħkmu maʼ Ġesù fis-​Saltna tiegħu fis-​sema. Waqt li jkompli jispjega dan, Pawlu jgħid li Jehovah “[“ordnana,” “NW”] minn qabel li nkunu għalih ulied adottivi permezz taʼ Ġesù Kristu.” (Efesin 1:​4, 5) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah m’għażilhomx, jew ordnahom minn qabel, bħala individwi. Iżda, fil-​fatt Hu ordna minn qabel klassi taʼ nies leali u devoti li kien se jkollhom sehem maʼ Kristu f’li jsewwu l-​ħsara li Satana x-​Xitan, flimkien maʼ Adam u Eva, ġabu fuq il-​familja umana.—Luqa 12:32; Lhud 2:​14-18.

X’ħaġa taʼ l-​għaġeb din! Fl-​isfida li oriġinalment għamel kontra s-​sovranità t’Alla, Satana implika li l-​ħolqien uman li ħalaq Alla kien difettuż—li meta ssirilhom ħafna pressjoni jew jiġu ttantati, huma kollha kienu se jirribellaw kontra l-​ħakma t’Alla. (Ġob 1:​7-12; 2:​2-5) F’turija drammatika “tal-​glorja tal-​[“qalb tajba mhix mistħoqqa,” “NW”] tiegħu,” Alla Jehovah maż-​żmien wera l-​fiduċja tiegħu fil-​ħolqien tiegħu fuq l-​art billi adotta lil xi wħud mill-​familja midinba taʼ Adam biex isiru wliedu spiritwali. Dawk li jagħmlu parti minn dan il-​grupp żgħir se jittieħdu biex jaqdu fis-​sema. Għal liema skop?—Efesin 1:​3-6; Ġwann 14:​2, 3; 1 Tessalonikin 4:​15-17; 1 Pietru 1:​3, 4.

Dawn l-​ulied adottivi t’Alla, jgħid l-​appostlu Pawlu, isiru “werrieta maʼ Kristu” fis-​Saltna tiegħu fis-​sema. (Rumani 8:​14-17) Bħala slaten u qassisin, huma se jieħdu sehem biex jeħilsu l-​familja umana mill-​uġigħ u t-​tbatija li din qiegħda ġġarrab issa. (Apokalissi 5:10) Veru, “il-​ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ tal-​ħlas.” Imma dalwaqt, dawn l-​ulied magħżulin b’mod speċjali minn Alla se jsegwu lil Ġesù Kristu meta jidħol fl-​azzjoni, u l-​bnedmin ubbidjenti kollha “għad ikunu meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir u jiksbu l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla” mill-​ġdid.—Rumani 8:​18-22.

Ħelsien b’Fidwa

Dan kollu sar possibbli permezz taʼ l-​iktar espressjoni drammatika u sublimi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa li Alla wera lejn din id-​dinja taʼ bnedmin li setgħu jinfdew—is-​sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-​fidwa. Pawlu jikteb: “Fih [f’Ġesù Kristu] aħna għandna l-​[“ħelsien b’fidwa,” “NW”] bid-​demm tiegħu, il-​maħfra tad-​dnubiet, skond l-​għana [“tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa,” “NW”] tiegħu.”—Efesin 1:7.

Ġesù Kristu hu l-​figura ewlenija fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla. (Lhud 2:10) Il-​prezz li tħallas għall-​fidwa, permezz tas-​sagrifiċċju tiegħu, jipprovdi l-​bażi legali biex Jehovah ikun jistaʼ jadotta fil-​familja tiegħu fis-​sema lil xi wħud mid-​dixxendenti taʼ Adam u jeħles lill-​umanità mill-​konsegwenzi tad-​dnub taʼ Adam, bla ma jġiegħel li titnaqqas il-​fiduċja fil-​liġijiet u l-​prinċipji Tiegħu. (Mattew 20:28; 1 Timotju 2:6) Jehovah għamel l-​affarijiet b’mod u manjiera li jżomm il-​livelli tiegħu taʼ dak li hu ġust u sewwa u jissodisfa dak li titlob il-​ġustizzja perfetta.—Rumani 3:​22-26.

“Is-​Sigriet Sagru” t’Alla

Għal eluf taʼ snin, Alla ma rrivelax eżattament kif kien se jwettaq l-​iskop tiegħu għall-​art. Fl-​ewwel seklu E.K., lilna l-​Kristjani “hu għarrafna [“is-​sigriet sagru,” “NW”] tar-​rieda tiegħu.” (Efesin 1:9) Pawlu u sħabu l-​Kristjani li kienu midlukin fehmu ċar l-​irwol meraviljuż li ngħata lil Ġesù Kristu fit-​twettiq taʼ l-​iskop t’Alla. Huma bdew japprezzaw ukoll l-​irwol speċjali li kellhom huma bħala werrieta mseħbin maʼ Kristu fis-​Saltna tiegħu fis-​sema. (Efesin 3:​5, 6, 8-11) Iva, il-​gvern tas-​Saltna f’idejn Ġesù Kristu u l-​ħakkiema sħabu huwa l-​aġenzija li Alla se juża biex iġib paċi dejjiema mhux biss fis-​sema imma wkoll fuq l-​art. (Mattew 6:​9, 10) Permezz taʼ dan il-​gvern, Jehovah se jerġaʼ jġib l-​art fil-​kundizzjoni li hu oriġinalment kellu l-​iskop li tkun.—Isaija 45:18; 65:​21-23; Atti 3:21.

Iż-​żmien maħtur tiegħu biex jieħu azzjoni diretta ħalli jeħles lill-​art mill-​moħqrija u l-​inġustizzji kollha jinsab fil-​futur qarib. Imma Jehovah fil-​fatt beda l-​proċess taʼ tiġdid f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Kif? Billi dakinhar beda jiġbor “kull ma hu fis-​sema,” dawk li se jsaltnu maʼ Kristu fis-​smewwiet. Dawn kienu jinkludu lill-​Kristjani taʼ Efesu. (Efesin 2:​4-7) Iktar reċenti, fi żmienna, Jehovah qed jiġbor “kull ma hu fl-​art.” (Efesin 1:10) Permezz taʼ kampanja taʼ ppridkar madwar il-​globu kollu, hu qed jgħarraf lill-​ġnus kollha l-​aħbar tajba dwar il-​gvern tas-​Saltna tiegħu f’idejn Ġesù Kristu. Dawk li jaċċettaw qed jiġu miġburin saħansitra issa f’post taʼ protezzjoni u fejqan spiritwali. (Ġwann 10:16) F’qasir żmien, fuq art imnaddfa u magħmula ġenna, huma se jesperjenzaw ħelsien totali minn kull inġustizzja u tbatija.—2 Pietru 3:13; Apokalissi 11:18.

Saru “bosta passi impressjonanti ’l quddiem” fl-​isforzi umanitarji biex tingħata għajnuna lill-​bnedmin maħqurin. (The State of the World’s Children 2000) Madankollu, l-​iktar pass impressjonanti se jkun l-​intervent imminenti taʼ Kristu Ġesù u l-​ħakkiema sħabu fil-​gvern tas-​Saltna fis-​sema. Huma se jsolvu għalkollox l-​għeruq kollha li minnhom jiġi l-​ġlied u l-​ħażen kollu li jiġi fuqna. Huma se jtemmu l-​problemi kollha taʼ l-​umanità.—Apokalissi 21:​1-4.

[Stampi f’paġna 4]

L-​għajnuna umanitarja ma solvietx il-​problemi tal-​bniedem

[Stampa f’paġna 6]

Is-​sagrifiċċju li Kristu ħallas bħala prezz tal-​fidwa għall-​bnedmin ipprovda ħelsien mid-​dnub taʼ Adam

[Stampa f’paġna 7]

Nistgħu nsibu protezzjoni u fejqan spiritwali llum

[Stampi f’paġna 7]

Permezz tas-​Saltna Messjanika, dalwaqt se niksbu serħan komplet mill-​problemi

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja