Kapitlu 12
Għidu Dak li “Hu Tajjeb Biex Jibni”
“Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni.” —EFESIN 4:29.
1-3. (a) X’inhi għotja waħda li tana Ġeħova, u kif tistaʼ tintuża b’mod ħażin? (b) Sabiex nibqgħu fl-imħabba t’Alla, kif għandna nużaw l-għotja tal-kliem?
KIEKU kellek tagħti rigal lil xi ħadd li tħobb, kif kont tħossok jekk jużah ħażin apposta? Ejja ngħidu li tajtu karozza, u iktar tard sirt taf li saqha bl-addoċċ, u b’hekk weġġaʼ lil oħrajn. Ma kontx tħossok diżappuntat?
2 L-abbiltà li llissnu kliem li jinftiehem hija għotja mingħand Ġeħova, id-Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġakbu 1:17) Din l-għotja, li tagħmel il-familja umana differenti mill-ħolqien taʼ l-annimali, tgħinna naqsmu l-ħsibijiet tagħna kif ukoll is-sentimenti tagħna m’oħrajn. Madankollu, bħal vettura, l-għotja tal-kliem tistaʼ tintuża b’mod ħażin. Min jaf kemm Ġeħova jħossu diżappuntat meta nużaw il-kliem bl-addoċċ li jirriżulta fi wġigħ taʼ qalb u tbatija għal oħrajn!
3 Sabiex nibqgħu fl-imħabba t’Alla, irridu nużaw l-għotja tal-kliem kif ried id-Donatur. Ġeħova ma jħalli ebda dubju dwar it-tip taʼ diskors li jogħġbu. Il-Kelma tiegħu tgħid: “Ħa ma toħroġ minn fommkom ebda kelma mħassra, imma għidu dak li hu tajjeb biex jibni fejn ikun hemm bżonn, sabiex jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.” (Efesin 4:29) Ejja niddiskutu għala hemm bżonn li nibqgħu għassa fejn jidħol id-diskors, x’diskors għandna nevitaw, u kif nistgħu llissnu diskors li “hu tajjeb biex jibni.”
GĦALA GĦANDNA BŻONN NGĦASSU KLIEMNA
4, 5. Xi proverbji fil-Bibbja kif jiddeskrivu l-qawwa tal-kliem?
4 Raġuni waħda importanti biex ngħassu kliemna hi li l-kliem għandu l-qawwa. Proverbji 15:4 jgħid: “Il-kalma taʼ l-ilsien hi siġra tal-ħajja, imma t-tagħwiġ tiegħu jfisser spirtu mkisser.”a Bħalma l-ilma jerġaʼ jagħti l-ħajja lil siġra bil-għatx, hekk ukoll il-kliem kalm taʼ lsien li jdewwi jistaʼ jġedded l-ispirtu taʼ dawk li jisimgħuh. B’kuntrast, il-kliem mgħawweġ taʼ lsien qarrieq jistaʼ jfarrak l-ispirtu t’oħrajn. Tabilħaqq, il-kliem li ngħidu għandu l-qawwa li jfieri jew li jdewwi.—Proverbji 18:21.
5 Proverbju ieħor jiddeskrivi b’mod ċar il-qawwa tal-kliem, billi jgħid: “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf.” (Proverbji 12:18) Kliem li jingħad bl-għaġla u bla ħsieb jistaʼ jikkaġuna feriti fondi emozzjonali u jkisser ir-relazzjonijiet. Qalbek qatt ġiet minfuda bi kliem bħal b’daqqiet taʼ sejf? Mil-lat pożittiv, l-istess proverbju jgħid: “Ilsien l-għorrief hu fejqan.” Kliem li jingħad bil-ħsieb minn xi ħadd li juri l-għerf divin jistaʼ jdewwi qalb muġugħa u jirranġa r-relazzjonijiet. Tistaʼ tiftakar f’xi darba meta esperjenzajt il-qawwa li tfejjaq taʼ kliem pjaċevoli? (Proverbji 16:24) Ladarba nirrikonoxxu li l-kliem għandu l-qawwa, żgur li rridu nużaw kliemna biex indewwu lil oħrajn, mhux biex inweġġgħuhom.
6. Għala huwa verament taʼ sfida li nikkontrollaw ilsienna?
6 Minkejja li nagħmlu ħilitna kollha biex nipprovaw, ma nistgħux nikkontrollaw ilsienna għalkollox. Għalhekk, din hija t-tieni raġuni għala għandna bżonn nibqgħu għassa għal kliemna: Id-dnub u l-imperfezzjoni jħajruna biex nużaw ilsienna b’mod ħażin. Il-kliem joħroġ minn qalbna, u “l-inklinazzjoni taʼ qalb il-bniedem hi ħażina.” (Ġenesi 8:21; Luqa 6:45) Għalhekk, huwa verament taʼ sfida li lliġġmu lsienna. (Ġakbu 3:2-4) Għalkemm ma nistgħux niksbu kontroll perfett taʼ lsienna, nistgħu nkomplu naħdmu billi ntejbu l-mod kif nużawh. Bħalma għawwiem li qed jipprova jgħum kontra l-kurrent irid jibqaʼ jissielet, hekk ukoll aħna rridu nibqgħu nissieltu kontra t-tendenza midinba li nużaw ilsienna ħażin.
7, 8. Ġeħova sa liema punt iżommna responsabbli għal kliemna?
7 It-tielet raġuni biex ngħassu diskorsna hi li Ġeħova jżommna responsabbli għal kliemna. Il-mod kif nużaw ilsienna ma jeffettwax biss ir-relazzjoni tagħna maʼ sħabna l-bnedmin, imma wkoll il-waqfa tagħna maʼ Ġeħova. Ġakbu 1:26 jgħid: “Jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-qima taʼ dan il-bniedem hi fiergħa.”b Bħalma rajna fil-kapitlu taʼ qabel, kliemna huwa relatat mill-qrib mal-qima tagħna. Jekk ilsienna ma jkunx imrażżan—billi jivvomta kliem velenuż u li jweġġaʼ—l-għemejjel Kristjani tagħna kollha kemm huma jistgħu jkunu bla siwi f’għajnejn Alla. M’huwiex dan ħsieb li għandna nagħtu kasu bis-serjetà?—Ġakbu 3:8-10.
8 Huwa ċar li għandna raġunijiet qawwijin biex ngħassu kontra li nużaw l-għotja tal-kliem b’mod ħażin. Qabel ma nikkunsidraw xi forom taʼ diskors li jsaħħu u li jibnu, ejja niddiskutu diskors li żgur m’għandu ebda post fil-ħajja taʼ Kristjan veru.
KLIEM LI JKISSER
9, 10. (a) Liema tip taʼ diskors sar parti mill-kliem taʼ kuljum fid-dinja taʼ llum? (b) Għala għandna niċħdu kliem oxxen? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
9 Kliem oxxen. Id-dagħa, il-profanità, u forom oxxeni oħrajn taʼ diskors huma parti mill-kliem taʼ kuljum fid-dinja taʼ llum. Ħafna jaqgħu għad-dagħa biex jenfasizzaw kliemhom jew biex jgħidu xi ħaġa għax ma jkunux jafu l-kelma li suppost jgħidu. Kummidjanti spiss jużaw kliem vulgari u li għandu x’jaqsam mas-sess biex idaħħqu lin-nies. Madankollu, kliem oxxen m’huwiex tad-daħq. Xi 2,000 sena ilu, l-appostlu Pawlu b’ispirazzjoni ta parir lill-kongregazzjoni taʼ Kolossi biex iwarrbu “kliem oxxen.” (Kolossin 3:8) Pawlu qal lill-kongregazzjoni t’Efesu li ċ-“ċajt oxxen” huwa fost l-affarijiet li “lanqas biss għandhom jissemmew” fost il-Kristjani veri.—Efesin 5:3, 4.
10 Kliem oxxen huwa offensiv għal Ġeħova. Huwa wkoll offensiv għal dawk li jħobbuh. Tabilħaqq, l-imħabba tagħna għal Ġeħova tqanqalna biex niċħdu kliem oxxen. Meta rrefera għall-“għemejjel tal-laħam,” Pawlu semma “n-nuqqas taʼ ndafa,” li jistaʼ jinkludi kliem maħmuġ. (Galatin 5:19-21) Din hija kwistjoni serja. Individwu jistaʼ jiġi maqtugħ mis-sħubija tal-kongregazzjoni jekk minkejja diversi pariri hu ma jindimx u bi drawwa juża kliem li jippromwovi jew jirreferi għal dak li hu immorali, degradanti, u taʼ taħsir b’mod sfaċċat.c
11, 12. (a) X’inhu s-seksik, u kif jistaʼ jkun taʼ ħsara? (b) L-aduraturi taʼ Ġeħova għala għandhom jevitaw diskors taʼ malafama?
11 Seksik li jagħmel il-ħsara, malafama. Is-seksik huwa kliem bla skop dwar in-nies u l-ħajja tagħhom. Huwa s-seksik kollu ħażin? Mhux jekk għandna l-intenzjoni taʼ konversazzjoni innoċenti li fiha nistgħu naqsmu aħbar pożittiva jew t’għajnuna, bħal min għadu kif tgħammed jew min għandu bżonn kelma taʼ inkuraġġiment. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kellhom interess sinċier fil-benesseri taʼ xulxin u kienu jaqsmu informazzjoni xierqa dwar sħabhom fit-twemmin. (Efesin 6:21, 22; Kolossin 4:8, 9) Madankollu, is-seksik jistaʼ jkun taʼ ħsara jekk jgħawweġ il-fatti jew joħroġ fil-beraħ kwistjonijiet privati. Saħansitra iktar serju minn dan, jistaʼ jwassal għall-malafama, li dejjem hi taʼ ħsara. Il-malafama hija “akkużi foloz . . . li jinfamaw u jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni taʼ ħaddieħor.” Per eżempju, il-Fariżej waqgħu għal malafama malizzjuża biex jipprovaw iħammġu r-reputazzjoni taʼ Ġesù. (Mattew 9:32-34; 12:22-24) Il-malafama spiss tqanqal il-ġlied.—Proverbji 26:20.
12 Ġeħova ma jagħlaqx għajnejh għal dawk li jużaw l-għotja tal-kliem biex jinfamaw lil oħrajn jew biex iqanqlu l-frid. Hu jobgħod lil dawk li ‘jaqilgħu l-ġlied fost l-aħwa.’ (Proverbji 6:16-19) Il-kelma Griega tradotta “kalunnjatur” hija dijabolos, li tintuża wkoll bħala titlu għal Satana. Hu x-“Xitan,” il-kalunnjatur mill-agħar t’Alla. (Rivelazzjoni 12:9, 10) Żgur li rridu nevitaw kliem li jistaʼ, f’ċertu sens, jagħmilna xitan. M’hemmx post fil-kongregazzjoni għal kliem taʼ malafama li jqanqal għemejjel tal-laħam bħall-“ġlied” u l-“firda.” (Galatin 5:19-21) Għalhekk, qabel ma tirripeti xi aħbar dwar xi ħadd, staqsi lilek innifsek: ‘Hija minnha? Inkun qed nuri qalb tajba jekk nirripeti dak li smajt? Hemm bżonn jew hu taʼ min jaqsam din l-informazzjoni?’—1 Tessalonikin 4:11.
13, 14. (a) Kliem abbużiv liema effett jistaʼ jkollu fuq min jisimgħu? (b) X’inhu ż-żebliħ, u żeblieħi għala jpoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni perikoluża?
13 Kliem abbużiv. Bħalma ġie notat qabel, il-kliem għandu l-qawwa li jweġġaʼ. M’għandniex xi ngħidu, kultant minħabba l-imperfezzjoni tal-bniedem, ilkoll ngħidu affarijiet li wara jiddispjaċina. Madankollu, il-Bibbja twissi dwar diskors li m’għandu assolutament ebda post f’dar Kristjana jew fil-kongregazzjoni. Pawlu wissa lill-Kristjani: “Ħa jitwarrab minnkom kull imrar malizzjuż u rabja u korla u twerżiq u tgħajjir.” (Efesin 4:31) Traduzzjonijiet oħrajn jittraduċu l-kelma “tgħajjir” bħala “kliem kattiv,” “kliem li jagħmel il-ħsara,” u “kliem li jinsulta.” Kliem abbużiv—inkluż tgħajjir degradanti u kritika ħarxa u kontinwa—jistaʼ jisraq lil oħrajn mid-dinjità tagħhom u jħallihom iħossuhom li ma jiswew għal xejn. Qlub it-tfal, kollhom tenerezza u fiduċja, huma speċjalment vulnerabbli għall-effetti diżastrużi taʼ kliem abbużiv.—Kolossin 3:21.
14 Bi kliem qawwi ħafna, il-Bibbja tikkundanna ż-żebliħ—il-prattika li wieħed jumilja lil oħrajn bi kliem li jinsulta, iċekken, jew li hu abbużiv. Individwu li spiss juża kliem bħal dan qed ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni perikoluża, għax wieħed li jżeblaħ jistaʼ jitneħħa mill-kongregazzjoni jekk jonqos milli jaċċetta l-isforzi kontinwi biex jgħinuh jinbidel. Sakemm ma jbiddilx il-kondotta tiegħu, jistaʼ wkoll jitlef il-barkiet tas-Saltna. (1 Korintin 5:11-13; 6:9, 10) Għalhekk, huwa ċar li ma nistgħux nibqgħu fl-imħabba t’Alla jekk niħduha drawwa li nużaw kliem li m’huwiex bnin, li m’huwiex minnu, jew bla mħabba. Kliem bħal dan ikisser.
KLIEM LI HU “TAJJEB BIEX JIBNI”
15. Liema tip taʼ diskors “hu tajjeb biex jibni”?
15 Kif nistgħu nużaw l-għotja tal-kliem kif ried id-Donatur? Ftakar li l-Kelma t’Alla tħeġġiġna ngħidu “dak li hu tajjeb biex jibni.” (Efesin 4:29) Ġeħova jieħu pjaċir meta ngħidu kliem li jibni, li jinkuraġġixxi, u li jsaħħaħ lil oħrajn. Jirrikjedi l-ħsieb biex ngħidu kliem bħal dan. Il-Bibbja ma tagħtix formula xi nsegwu; lanqas ma fiha xi lista approvata taʼ “kliem mimli saħħa.” (Titu 2:8) Sabiex illissnu kliem li huwa “tajjeb biex jibni,” nagħmlu tajjeb jekk inżommu f’moħħna tliet aspetti sempliċi però importanti li jispjegaw kliem li jibni: Huwa mimli saħħa, veru, u ħelu. B’dawn l-aspetti f’moħħna, ejja nikkunsidraw xi eżempji speċifiċi taʼ kliem li jibni.—Ara l-kaxxa “Kliemi Jibni?” f’paġna 140.
16, 17. (a) Għala għandna nfaħħru lil oħrajn? (b) Liema opportunitajiet hemm biex tfaħħar lil oħrajn fil-kongregazzjoni? fil-familja?
16 Tifħir sinċier. Kemm Ġeħova kif ukoll Ġesù jagħrfu l-bżonn li ngħidu kliem taʼ tifħir u t’approvazzjoni. (Mattew 3:17; 25:19-23; Ġwanni 1:47) Bħala Kristjani, aħna wkoll nagħmlu tajjeb jekk noffru tifħir ġenwin lil oħrajn. Għala? Proverbji 15:23 jgħid: “Kemm hi tajba kelma f’waqtha!” Staqsi lilek innifsek: ‘Kif inħossni meta niġi mfaħħar b’mod sinċier? Ma jferraħlix qalbi u jinkuraġġini?’ Tabilħaqq, kelma sinċiera taʼ tifħir iġġiegħlek tħossok li xi ħadd ikun qed jinnotak, li xi ħadd jinteressah minnek, u li dak li għamilt kien jistħoqqlu l-isforz involut. Rassiguranza bħal din tibni l-fiduċja tiegħek u timmotivak biex taħdem saħansitra iktar iebes fil-futur. Ladarba tapprezza meta tingħata t-tifħir, m’għandekx mill-banda l-oħra tagħmel l-almu tiegħek biex tagħti tifħir lil oħrajn?—Mattew 7:12.
17 Ħarreġ lilek innifsek biex tfittex it-tajjeb f’oħrajn, u mbagħad esprimi t-tifħir tiegħek. Fil-kongregazzjoni, forsi tismaʼ taħdita tajba fil-laqgħa, tinnota lil xi żagħżugħ li qed jistinka biex jilħaq miri spiritwali, jew tosserva lil xi ħadd imdaħħal fiż-żmien li lealment qed jattendi l-laqgħat minkejja l-limitazzjonijiet t’età avanzata. Kelma sinċiera taʼ tifħir tistaʼ tmiss qalb dawn l-uħud u ssaħħaħhom spiritwalment. Fil-familja, l-irġiel u n-nisa miżżewġin għandhom bżonn jisimgħu kliem taʼ tifħir sinċier u apprezzament mingħand xulxin. (Proverbji 31:10, 28) It-tfal speċjalment jiffjorixxu meta jħossu li qed jiġu notati u apprezzati. Bħalma d-dawl tax-xemx u l-ilma jirrifreskaw u jsostnu pjanta, l-istess jagħmlu t-tifħir u l-appoġġ li nistgħu nagħtu lit-tfal. Ġenituri, fittxu opportunitajiet biex tfaħħru lil uliedkom għall-kwalitajiet u l-isforzi mill-aħjar li jagħmlu. Tifħir bħal dan jistaʼ jżid il-kuraġġ u l-fiduċja fi wliedkom u jimmotivahom biex jipprovaw saħansitra iktar biex jagħmlu dak li hu tajjeb.
18, 19. Għala għandna nagħmlu l-almu tagħna biex infarrġu u nikkonslaw lil sħabna fit-twemmin, u kif nistgħu nagħmlu dan?
18 Faraġ u konsolazzjoni. Ġeħova jinteressah profondament mill-“umli” u “l-imfarrkin.” (Isaija 57:15) Il-Kelma tiegħu tħeġġiġna biex ‘nibqgħu nfarrġu lil xulxin’ u biex ‘nikkonslaw lid-dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:11, 14) Nistgħu nkunu ċerti li Alla jinnota u japprezza l-isforzi tagħna biex infarrġu u nikkonslaw lil sħabna fit-twemmin li qalbhom tinsab imtaqqla bin-niket.
19 Però, x’tistaʼ tgħid biex tibni lil xi sieħeb Kristjan li hu skuraġġit jew dipress? Tħossokx li għandek tirranġa l-problema. F’ħafna każi, kliem sempliċi spiss ikun t’għajnuna kbira. Assigura lil dawk taʼ qalbhom sewda li jinteressak minnhom. Offri li titlob maʼ min hu skuraġġit; tistaʼ titlob lil Ġeħova biex jgħin lil dak il-wieħed ikun jaf kemm hu maħbub minn oħrajn u minn Alla. (Ġakbu 5:14, 15) Assigurah li hu membru bżonnjuż u apprezzat fil-kongregazzjoni. (1 Korintin 12:12-26) Aqra vers Bibliku inkuraġġanti biex tassigurah li Ġeħova verament jinteressah minnu bħala individwu. (Salm 34:18; Mattew 10:29-31) Il-fatt li tieħu biżżejjed ħin biex taqsam ‘kelma tajba’ maʼ min ikun qalbu maqtugħa u li titkellem minn qalbek żgur se jgħinu jħossu maħbub u apprezzat.—Proverbji 12:25.
20, 21. Liema fatturi jagħmlu l-pariri effettivi?
20 Pariri effettivi. Bħala ħlejjaq imperfetti, ilkoll għandna bżonn il-pariri minn żmien għal żmien. Il-Bibbja tinkuraġġina: “Ismaʼ mill-pariri u aċċetta d-dixxiplina, sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-futur tiegħek.” (Proverbji 19:20) Mhux biss l-anzjani jagħtu l-pariri lil oħrajn. Il-ġenituri jagħtu pariri lit-tfal. (Efesin 6:4) Aħwa nisa maturi għandhom mnejn ikollhom jagħtu pariri lil nisa iżgħar fl-età. (Titu 2:3-5) L-imħabba għal oħrajn tqanqalna biex inkunu rridu nagħtu pariri li dak li se jaċċettahom jistaʼ jagħmel dan mingħajr ma jħossu magħkus. X’jistaʼ jgħinna nagħtu pariri bħal dawn? Ikkunsidra tliet fatturi li jagħmlu l-pariri iktar effettivi: l-attitudni u l-motiv taʼ min ikun qed jagħtihom, il-bażi għall-pariri, u l-mod li bih jingħataw.
21 Pariri effettivi jibdew b’min jagħtihom. Staqsi lilek innifsek, ‘Meta jkun faċli għalija li naċċetta l-parir?’ Ikun iktar faċli biex taċċetta l-parir jekk tkun taf li min qed jagħtik il-parir jinteressah minnek, li m’huwiex qed jitkellem minħabba li hu frustrat, u li m’għandux motivi oħrajn. Għalhekk, meta tagħti parir lil oħrajn, m’għandhomx ikunu l-istess l-attitudni u l-motiv tiegħek? Parir li jilħaq l-għan tiegħu huwa wkoll ibbażat fuq il-Kelma t’Alla. (2 Timotju 3:16) Kemm jekk inkunu qed nikkwotaw direttament mill-Bibbja u kemm jekk le, għandu jkollna bażi Skritturali għal kwalunkwe parir li nagħtu. B’hekk, l-anzjani joqogħdu attenti li ma jimponux il-ħarsa tagħhom stess fuq oħrajn; lanqas ma jdawru jew jgħawġu l-Iskrittura, billi jagħmluha tidher li l-Bibbja tappoġġa xi opinjoni persunali. Il-parir ikun iktar effettiv ukoll jekk jingħata bil-mod xieraq. Parir imħawwar b’qalb tajba hu iktar faċli li naċċettawh u jgħin biex tinżamm id-dinjità taʼ min ikun qed jirċivih.—Kolossin 4:6.
22. X’inhi d-determinazzjoni tiegħek rigward l-użu taʼ l-għotja tal-kliem?
22 M’għandniex xi ngħidu, id-diskors huwa għotja prezzjuża mingħand Alla. L-imħabba tagħna għal Ġeħova għandha tqanqalna biex nużaw din l-għotja b’mod tajjeb u mhux b’mod ħażin. Ejja niftakru li l-kliem li ngħidu lil oħrajn għandu l-qawwa—il-qawwa biex jibni jew biex ikisser. Għalhekk, ejja nistinkaw biex nużaw din l-għotja bħalma ried id-Donatur—“biex jibni.” B’hekk, kliemna jkun barka għal dawk taʼ madwarna u se jgħinna nibqgħu fl-imħabba t’Alla.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma Ebrajka tradotta “tagħwiġ” fi Proverbji 15:4 tistaʼ tfisser ukoll “qerq, taħsir.”
b Il-kelma Griega tradotta “fiergħa” hija tradotta wkoll bħala “ma tiswa xejn.”—1 Korintin 15:17.
c Skond kif jintuża fl-Iskrittura, “in-nuqqas taʼ ndafa” huwa terminu li jkopri varjetà kbira taʼ dnubiet. Għalkemm mhux kull tip taʼ nuqqas taʼ ndafa jirrikjedi azzjoni ġudizzjarja, individwu jistaʼ jitkeċċa mill-kongregazzjoni jekk jipprattika nuqqas taʼ ndafa vulgari mingħajr ma jindem.—2 Korintin 12:21; Efesin 4:19; ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 2006.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 140]
KLIEMI JIBNI?
Prinċipju: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa.”—Kolossin 4:6.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ Meta kien l-aħħar darba li faħħart lil xi ħadd b’mod speċifiku?—1 Korintin 11:2; Rivelazzjoni 2:1-3.
▪ Nesprimi r-rispett tiegħi lejn oħrajn billi ngħid jekk jogħġbok u grazzi?—Ġenesi 13:14; Ġwanni 11:41.
▪ F’konversazzjoni nitkellem ħafna dwari nnifsi, jew ninteressa ruħi wkoll fil-ħsibijiet u s-sentimenti t’oħrajn?—Filippin 2:3, 4; Ġakbu 1:19.
▪ Nuża dak li naf dwar oħrajn biex nibnihom jew biex inkissirhom?—Proverbji 15:1, 2.
▪ Kif inħossni dwar id-dagħa, u l-ħarsa tiegħi x’tikxef dwar dak li hemm f’qalbi?—Luqa 6:45; Ġakbu 3:10, 11.
[Stampa f’paġna 134]
Kliem li jingħad bil-kalma hu rifreskanti
[Stampa f’paġna 142]
Ġeħova jieħu pjaċir meta ngħidu kliem li jibni lil oħrajn